Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Frar 2024 – CR vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-131/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: CR (rappreżentant: S. Orlandi, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-avviż li jiffissa d-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv prinċipali u motiv sussidjarju.

Prinċipalment, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikoli 21, 22 u 28 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-portata tal-Artikoli 21, 22 u 28 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1 tal-Anness mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea intiżi li jippreżervaw id-drittijiet kweżiti u l-aspettattivi leġittimi tal-“persunal impjegat” fil-mument tar-riforma, l-Artikolu 28 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi interpretat biss bħala li huwa intiż li jirregola s-sitwazzjoni ta’ perijodi sussegwenti ta’ affiljazzjoni mal-iskema ta’ pensjoni, bħala membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt u sussegwentement bħala uffiċjal, meta kien hemm interruzzjoni f’dawn il-perijodi ta’ affiljazzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma reġgħetx “[kellha] mpieg attiv” meta hija nħatret bħala uffiċjal iżda sempliċement kompliet l-istess attivitajiet filwaqt li baqgħet affiljata mal-istess skema ta’ pensjoni, komuni għall-membri tal-persunal temporanju, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt u għall-uffiċjali.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 28 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________