Language of document : ECLI:EU:C:2024:336

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-post ta’ impjieg għall-post ta’ oriġini – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Regoli ġodda ta’ kalkolu – Uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri jew barra mill-pajjiżi jew territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat FUE jew barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda C‑567/22 P sa C‑570/22 P,

li għandhom bħala suġġett erba’ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil‑25 ta’ Awwissu 20122,

Vasile Dumitrescu, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Berchem-Sainte-Agathe (il-Belġju),

Guido Schwarz, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju) (C‑567/22 P),

YT, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

YU, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea (C‑568/22 P),

YV, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea (C‑569/22 P),

ZA, uffiċjal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑570/22 P),

irrappreżentati minn L. Levi u J.‑N. Louis, avocats,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

YW,

YZ,

rikorrent fl-ewwel istanza (C‑569/22 P),

YY,

rikorrent fl-ewwel istanza (C‑570/22 P),

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. S. Bohr u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza (C‑567/22 P sa C‑569/22 P)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u A. Ysebaert, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza (C‑570/22 P),

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, X. Chamodraka u T. Verdi, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Vasile Dumitrescu u Guido Schwarz (C‑567/22 P), YT u YU (C‑568/22 P), YV (C‑569/22 P) kif ukoll ZA (C‑570/22 P) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) jitolbu l-annulament, rispettivament, tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Ġunju 2022, Dumitrescu u Schwarz vs Il‑Kummissjoni (T‑531/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P”, EU:T:2022:362), tal‑15 ta’ Ġunju 2022, YT u YU vs Il‑Kummissjoni (T‑532/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata fil-Kawża C‑568/22 P”, EU:T:2022:363), tal‑15 ta’ Ġunju 2022, YV et vs Il‑Kummissjoni (T‑533/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata fil-Kawża C‑569/22 P”, EU:T:2022:364), kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2022, YY u ZA vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T‑545/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata fil-Kawża C‑570/22 P”, EU:T:2022:366) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (T‑531/16 sa T‑533/16) u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T‑545/16), li jitnaqqas jew jitneħħa, mill‑1 ta’ Jannar 2014, ir-rimbors annwali tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar intiż biex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jżommu relazzjoni mal-post ta’ oriġini tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti

2        L-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal preċedenti”), intitolat “Ir-remunerazzjoni u r-Rimborsar tal-ispejjeż”, kien jinkludi Taqsima 3, intitolata “Rimbors ta’ l-ispejjeż”, li s-sub-Taqsima Ċ, intitolata “Spejjeż ta’ l-ivvjaġġar”, li kienet tinkludi l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan l-anness. Dan l-Artikolu 7(1) kien jipprevedi li l-uffiċjal kellu dritt għal rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu, għalih innifsu, il-konjuġi tiegħu u l-persuni dipendenti li effettivament jgħixu taħt is-saqaf tiegħu, taħt ċirkustanzi diversi. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 7(3):

“Il-post ta’ l-oriġini ta’ l-uffiċjal għandu jkun stabbilit meta jieħu l-ħatra tiegħu, wara li jkunu kkunsidrati fejn kien reklutat jew iċ-ċentru ta’ l-interessi tiegħu. Il-post ta’ l-oriġini li jkun stabbilit hekk jista’ b’deċiżjoni speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra jitbiddel sakemm l-uffiċjal qiegħed fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madankollu, waqt li huwa qiegħed fis-servizz, it-tali deċiżjoni għandha tittieħed biss bħala eċċezzjoni, u mal-preżentazzjoni mill-uffiċjal ta’ l-evidenza xierqa ta’ appoġġ.

[...]”

3        L-Artikolu 8 tal-imsemmi anness kien jipprevedi:

“1.      L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati li jitħallsu f’kull sena kalendarja s-somma ekwivalenti għall-ispiża tal-vjaġġ mill-post ta’ l-impieg għall-post ta’ l-oriġini, kif definit fl-Artikolu 7 għalihom stess u, jekk huma intitolati għall-benefiċċju tal-familja, għall-mara u d-dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

[...]

2.      Il-pagament bir-rata fissa għandu jkun ibbażat fuq benefiċċju għal kull kilometru ta’ distanza bejn il-post ta’ l-impieg ta’ l-uffiċjal u l-post tar-reklutaġġ jew oriġini [...]

[...]

4.      Id-disposizzjonijiet ta’ qabel għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post ta’ l-impieg tagħhom qiegħed fit-territorji ta’ l-Istati Membri. [...]

[...]”

 Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

4        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1023/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), huma applikabbli, suġġett għal uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom mhux ikkonċernati mill-kawżi magħquda preżenti, mill‑1 ta’ Jannar 2014, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

5        Skont il-premessi 2, 12 u 24 tal-imsemmi regolament:

“(2)      [T]eżisti l-ħtieġa li jiġi garantit qafas biex jiġbed, jirrekluta u jżomm persunal ta’ kwalità għolja u multilingwi, meħud fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri, u b’kunsiderazzjoni dovuta lill-bilanċ tal-ġeneru, li jkun indipendenti u jirrispetta l-ogħla standards professjonali, u li jippermetti li t-tali persunal iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’kemm jista’ jkun effikaċja u effiċjenza. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħelbu d-diffikultajiet attwali li l-istituzzjonijiet qed jgħaddu minnhom fir-reklutaġġ tal-uffiċjali jew tal-persunal minn ċerti Stati Membri.

[...]

(12)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kunsill Ewropew indika li l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi fit-terminu qasir, medju u twil tirrikjedi sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u mill-persunal tagħha biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja u taġġusta ruħha għall-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel. Tali appell fil-fatt tenna l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea] u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, li għamlet sforz biex tiggarantixxi kosteffiċjenza u rrikonoxxiet li l-isfidi li attwalment qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea jeħtieġu sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u minn kull membru tal-persunal tagħha bil-għan ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ aġġustament għall-kuntest ekonomiku u soċjali fl-Ewropa li qiegħed jinbidel. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew appella, bħala parti mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, għal aġġustament tar-rimunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-persunal kollu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tas-sospensjoni għal sentejn tal-metodu u għar-reintroduzzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà ġdida bħala parti mir-riforma tal-metodu tas-salarji.

[...]

(24)      Ir-regoli dwar il-ħin ta’ vjaġġar u l-ħlas annwali tal-ispejjeż tal-ivjaġġar bejn il-post tax-xogħol u l-post tal-oriġini għandhom jiġu mmodernizzati, razzjonalizzati u jintrabtu aktar mal-istatus ta’ espatrijazzjoni, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir waħda aktar sempliċi u trasparenti. B’mod partikolari, il-ħin ta’ vjaġġar annwali għandu jiġi mibdul bil-leave fil-post tal-oriġini u limitat għal massimu ta' jumejn u nofs.”

6        L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kien huwa fformulat kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f'kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu.”

7        L-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Ir-remunerazzjoni u r-Rimborsar ta’ spejjeż”. Dan l-anness fih Taqsima 3, intitolat “Rimbors ta’ l-ispejjeż”, li s-sub‑Taqsima Ċ tagħha, intitolata “Spejjeż ta’ l-ivvjaġġar”, tinkludi l-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi anness. Dan l-Artikolu 7 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-uffiċjal għandu dritt għall-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, għalih innifsu, il-konjuġi tiegħu u l-persuni dipendenti tiegħu li effettivament jgħixu taħt is-saqaf tiegħu, taħt ċirkustanzi diversi. Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 7:

“Il-post tal-oriġini ta’ uffiċjal jiġi ddeterminat mal-ħatra tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ minn fejn ikun ġie rreklutat jew, fuq talba ċara u motivata xierqa, iċ-ċentru tal-interessi tiegħu. Il-post tal-oriġini li jkun ġie stabbilit b’dan il-mod jista’, b’deċiżjoni speċjali tal-awtorità tal-ħatra, jinbidel waqt li l-membru tal-persunal ikun fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madanakollu, meta jkun fis-servizz, deċiżjoni bħal din tittieħed b’mod eċċezzjonali biss u wara li l-uffiċjal jipprovdi evidenza ta’ sostenn xieraq.

[...]”

8        L-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddikjara:

“1.      L-uffiċjali intitolati għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 [ta’ dan l-anness] għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall-konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2 [tal-imsemmi anness].

[...]

2.      Il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-post tal-oriġini.

Fejn il-post tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 7 [tal-istess anness] jkun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u t-territorji mniżżla fl-Anness II tat-Trattat [FUE] u t-territorji tal-Istati Membri tal-[Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA)], il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-belt kapitali tal-Istat Membri li jkun ċittadin tiegħu. [...]

[...]

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun fit-territorju tal-Istati Membri. [...]

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

9        Il-fatti li wasslu għall-kawżi, kif jirriżultaw mis-sentenzi appellati, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10      L-appellanti huma uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri jew il-Kummissjoni (Kawżi C‑567/22 P sa C‑569/22 P), jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Kawża C‑570/22 P). Kollha kemm huma għandhom post ta’ impjieg li jinsab ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru u post ta’ oriġini li jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri jew barra mill-pajjiżi jew territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat FUE jew barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-EFTA.

11      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2012, l-istituzzjoni li timpjega lil kull wieħed minnhom iddeterminat l-ammont dovut lilhom skont il-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-post ta’ impjieg għall-post ta’ oriġini bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan il-ħlas issa jikkorrispondi għal allowance kkalkolata għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post ta’ impjieg tal-uffiċjal u l-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, skont skala evalwata f’kilometri.

12      Il-metodu ta’ kalkolu ta’ din l-allowance li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni implikat għal kull appellanti tnaqqis kunsiderevoli meta mqabbel mal-ammont li għalih kellhom dritt bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, fejn saħansitra ma kienx hemm ħlas b’rata fissa għall-uffiċjali li l-post ta’ impjieg tagħhom kien jinsab inqas minn 201 km mill-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza.

 Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

13      Wara li ressqu lment mingħajr suċċess kontra d-deċiżjonijiet li jiffissaw għall-ewwel darba l-ammont tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li għalih kellhom dritt bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fejn sussegwentement dawn ir-rikorsi ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali.

14      Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑531/16, ir-rikorrenti kkonċernati ppreżentaw ħames kapijiet ta’ talbiet, li permezz tagħhom talbu lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment:

–        tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni applikat għall-ewwel darba fir-rigward tagħhom it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tannulla kull deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni mis-sena 2015;

–        tannulla d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet l-ilmenti tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali lejn il-post ta’ oriġini tagħhom li jkopri l-ispejjeż reali tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, flimkien mal-interessi moratorji, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament ippreżentati fil-Kawżi T‑532/16, T‑533/16 u T‑545/16, ir-rikorrenti kkonċernati ppreżentaw tliet kapijiet ta’ talbiet, li permezz tagħhom talbu lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment:

–        tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni konvenuta f’kull waħda minn dawn il-kawżi, jiġifieri, rispettivament, il-Kummissjoni jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikat għall-ewwel darba fil-konfront tagħhom it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tannulla d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom din l-istituzzjoni ċaħdet l-ilmenti tagħhom, u

–        tikkundanna lill-imsemmija istituzzjoni għall-ispejjeż.

16      F’kull waħda mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ċaħdet il-kapijiet ta’ talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti, wara li kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet ma kellhomx kontenut awtonomu.

17      Barra minn hekk, permezz tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P, hija ċaħdet bħala inammissibbli, minn naħa, it-tieni kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet futuri tal-Kummissjoni, fid-dawl tan-natura ipotetika tagħhom, fir-rigward ta’ atti li jkunu għadhom ma ġewx adottati, u, min-naħa l-oħra, ir-raba’ kap ta’ talbiet, sa fejn dan kien intiż għall-kundanna ta’ din l-istituzzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, minħabba li ma kinitx kompetenza tagħha li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità bbażata fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

18      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, f’kull waħda mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi appellati, il-motivi mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet konvenuti kkonċernati kienu applikaw għall-ewwel darba t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrenti, minħabba, essenzjalment, in-natura illegali ta’ din id-dispożizzjoni.

19      Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 45 TFUE, it-tieni, fil-Kawża T‑531/16, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tielet, fuq il-ksur tal-għan tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien, fil-Kawża T‑531/16, mal-prinċipju ġenerali tad-dritt, għall-uffiċjal, li jżomm relazzjonijiet personali mal-post tal-interessi prinċipali tiegħu u mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll, ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet kweżiti. Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija motivi kollha, hija ċaħdet l-ewwel kap ta’ talbiet.

20      B’mod konsegwenzjali, fis-sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-talba tar-rikorrenti kkonċernati fl-ewwel istanza għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tagħhom lejn il-post ta’ oriġini tagħhom fuq il-bażi tal-ispejjeż reali tagħhom.

21      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-intier tagħhom ir-rikorsi fil-Kawżi T‑531/16 sa T‑533/16 u T‑545/16.

22      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż f’kull waħda minn dawn il-kawżi.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

23      Permezz tal-appelli tagħhom fil-Kawżi C‑567/22 P sa C‑569/22 P, l-appellanti kkonċernati jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenzi appellati;

–        tilqa’ fl-intier tagħhom ir-rikorsi għal annullament li ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli f’dawn il-kawżi u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

25      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, issottomettew risposta konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitolbu wkoll iċ-ċaħda tal-appelli u l-kundanna tal-appellanti kkonċernati għall-ispejjeż.

26      Permezz tal-appell tagħha fil-kawża C‑570/22 P, l-appellant ikkonċernat jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ fl-intier tiegħu r-rikors għal annullament li ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob għaċ-ċaħda tal-appell f’din il-kawża u għall-kundanna tal-appellant ikkonċernat għall-ispejjeż.

28      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu wkoll għaċ-ċaħda tal-appell f’din il-kawża u għall-kundanna tal-appellant ikkonċernat għall-ispejjeż.

29      B’applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl-24 ta’ Mejju 2023, li jgħaqqad il-Kawżi C‑567/22 P sa C‑570/22 P għall-finijiet tal-fażi orali eventwali tal-proċedura u tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

30      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C‑567/22 P iressqu tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 45 TFUE, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ klassifikazzjoni legali kif ukoll fuq żnaturament tal-atti tal-proċess, it-tieni, fuq ksur tal-għan tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ġenerali dwar id-dritt għall-uffiċjal li jżomm relazzjonijiet personali mal-post tal-interessi prinċipali tiegħu, tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kif ukoll fuq żnaturament tal-atti tal-proċess u, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

31      Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti fil-Kawżi C‑568/22 P sa C‑570/22 P jressqu żewġ aggravji, fejn l-ewwel wieħed huwa identiku għall-ewwel aggravju fil-Kawża C‑567/22 P u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-għan tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

32      Jeħtieġ li jiġi osservat, qabel kollox, li, minn naħa, it-tieni u t-tielet kif ukoll, parzjalment, ir-raba’ kapijiet ta’ talbiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑531/16 u, min-naħa l-oħra, it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑532/16, T‑533/16 u T‑545/16 ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil-punti 26 sa 28 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P, fil-punt 22 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑568/22 P, fil-punt 23 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑569/22 P u fil-punt 22 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑570/22 P, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-qosor fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza.

33      Għalkemm l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenzi appellati wkoll sa fejn dawn il-kapijiet ta’ talbiet ġew miċħuda, madankollu għandu jiġi osservat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkritikati bħala tali fil-kuntest tal-appelli u ma huma kkonċernati minn ebda aggravju mressaq insostenn tagħhom.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, appell għandu jinkludi l-aggravji u l-argumenti legali invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija aggravji.

35      Konformement mal-ġurisprudenza, l-argumenti legali li jsostnu t-talba għall-annullament tal-punti kkritikati tas-sentenza appellata għandhom jiġu indikati b’mod preċiż, suġġett għal inammissibbiltà (Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk l-appell fil-Kawża C‑567/22 P għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata f’din il-kawża fir-rigward taċ-ċaħda tat-tieni u t-tielet kapijiet ta’ talbiet tar-rikors fil-Kawża T‑531/16 kif ukoll tar-raba’ kap ta’ talbiet ta’ dan ir-rikors sa fejn kienet qed tintalab il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni fir-rigward tal-elementi li fuqhom jibbaża ruħu dan l-appell f’dan ir-rigward.

37      Għar-raġuni identika, l-appelli fil-Kawżi C‑568/22 P sa C‑570/22 P għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma intiżi għall-annullament tas-sentenzi appellati f’dawn il-kawżi fir-rigward taċ-ċaħda tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikors fil-Kawżi T‑532/16, T‑533/16 u T‑545/16.

38      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu eżaminati, fuq il-mertu, l-appelli sa fejn jitolbu l-annullament tas-sentenzi appellati fir-rigward taċ-ċaħda tal-ewwel kap ta’ talbiet, li permezz tiegħu kull appellant individwali talab, għal dak li kien jikkonċernah, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni li tagħha huwa uffiċjal kienet applikat għall-ewwel darba fil-konfront tiegħu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ewwel aggravju ta’ kull wieħed mill-appelli

39      L-ewwel aggravju ta’ kull wieħed mill-appelli fih, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 45 TFUE, it-tieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, it-tielet, fuq żnaturament tal-atti tal-proċess kif ukoll fuq żball ta’ klassifikazzjoni legali.

40      Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu, b’mod prinċipali, li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv dwar il-ksur tal-Artikolu 45 TFUE, imressaq insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament, biss fir-rigward tal-argumentazzjoni tagħhom li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal joħloq diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, meta kienu sostnew li din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi wkoll ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li l-eżami tal-motiv tagħhom minn din il-perspettiva kien ikun jinvolvi analiżi speċifika. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb il-motiv li kien ġie sottomess lilha u, għaldaqstant, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

41      Permezz ta’ lment imressaq sussidjarjament fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellant jsostnu, essenzjalment, li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi vvalidat il-kriterju ta’ ċittadinanza taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma eżaminat l-ammissibbiltà u l-proporzjonalità ta’ dan il-kriterju fir-rigward tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

42      Permezz tat-tieni parti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet “żball ta’ motivazzjoni” billi rreferiet inkorrettament għall-punt 51 tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni (C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240).

43      Permezz tat-tielet parti, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat att tal-proċess u wettqet żewġ żbalji ta’ klassifikazzjoni legali, l-ewwel billi kklassifikat bħala “sitwazzjonijiet marġinali” dawk tas‑756 uffiċjali jew aġenti li l-post ta’ oriġini tagħhom kien jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri fl‑1 ta’ Jannar 2015 u t-tieni fir-rigward tal-konsegwenzi tal-użu tal-kriterju dwar iċ-ċittadinanza fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi kklassifikat bħala “inkonvenjenti każwali” t-tnaqqis sostanzjali, jew saħansitra kważi totali, tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ vvjaġġar ta’ dawn l-uffiċjali.

 Fuq l-ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

44      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jressqu, b’mod prinċipali, ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, li hemm lok li jiġi eżaminat qabel kollox. Għal dan l-ilment, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar l-argumentazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, billi eżaminat il-motiv tagħhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 TFUE biss mill-perspettiva tal-argumentazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

45      L-istituzzjonijiet konvenuti jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmi lment.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Hemm lok li jitfakkar li l-obbligu li jiġu mmotivati deċiżjonjiet jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmija deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jiġu espressi raġunijiet żbaljati (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Novembru 2022, Thunus et vs BEI, C‑91/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:928, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 TFUE li tressaq f’kull wieħed mir-rikorsi għal annullament li bihom ġiet adita, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, “[s]a fejn ir-rikorrenti jsostnu li [t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi] ostakolu peress li jiddiswadihom milli jużaw il-moviment liberu tagħhom biex jaċċettaw impjieg fis-servizz pubbliku Ewropew, għandu jiġi kkunsidrat li din l-argumentazzjoni torbot ma’ dik dwar in-natura allegatament diskriminatorja ta’ [din id-dispożizzjoni] peress li tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn ħaddiema għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom”.

48      Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali espressament ħadet inkunsiderazzjoni l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar l-eżistenza ta’ ostakolu, iżda minnu wettqet analiżi li wasslitha teżaminah konġuntament ma’ dak li permezz tiegħu r-rikorrenti kienu allegaw ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

49      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

–       L-argumenti tal-partijiet

50      Permezz tal-ilment imressaq sussidjarjament fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li hemm lok li jiġi eżaminat sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi vvalidat il-kriterju dwar iċ-ċittadinanza li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’riferiment għall-għan tar-Regolament Nru 1023/2013, fuq il-bażi ta’ raġunijiet li jirriżultaw minn kunsiderazzjonijiet baġitarji, amministrattivi u ta’ politika tal-persunal, mingħajr ma vverifikat jekk dan il-kriterju kienx ammissibbli u proporzjonat fir-rigward tal-għan ta’ dan l-Artikolu 8, jiġifieri li jingħataw vantaġġi li għandhom jippermettu lill-uffiċjali kkonċernati u lill-persuni dipendenti minnhom imorru mill-inqas darba fis-sens lejn il-post ta’ oriġini tagħhom.

51      Dan l-ilment jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-punti 72 sa 78 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P, il-punti 38 sa 41 u 57 sa 59 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑568/22 P, il-punti 39 sa 42 u 62 sa 64 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑569/22 P kif ukoll il-punti 38 sa 41 u 60 sa 62 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑570/22 P.

52      F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal joħloq diskriminazzjoni diretta minħabba ċ-ċittadinanza u li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi kkunsidrat li r-raġunijiet li hija identifikat bħala li huma dawk li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma leġittimi, mingħajr ma evalwat la l-proporzjonalità tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas l-adegwatezza tal-kriterju bbażat fuq iċ-ċittadinanza li hija tintroduċi meta mqabbel mal-għan imfittex minn dan l-Artikolu 8.

53      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk dan il-kriterju huwiex xieraq jew adegwat fir-rigward tal-possibbiltà, għall-uffiċjali kkonċernati, li jmorru mill-inqas darba fis-sena lejn il-post ta’ oriġini tagħhom sabiex hemmhekk iżommu r-rabtiet familjari, soċjali u kulturali tagħhom, konformement mal-prinċipju ġenerali tas-servizz pubbliku Ewropew f’dan ir-rigward.

54      L-appellanti fil-Kawża C‑568/22 P isostnu li, filwaqt li t-tnejn li huma għandhom l-oriġini tagħhom stabbilit għal Buenos Aires (l-Arġentina), li tinsab iktar minn 11 000km minn Brussell (il-Belġju), li huwa l-post ta’ impjieg tagħhom, huma rċevew ammont differenti bħala ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ikkalkolat b’riferiment għad-distanza li tissepara Brussell minn Ruma (l-Italja) jew minn Madrid (Spanja), li huma l-ibliet kapitali tal-Istati Membri li tagħhom rispettivament għandhom iċ-ċittadinanza, fejn din id-distanza tikkorrispondi għal mill-inqas ħmistax fil-mija ta’ dik li tissepara l-post ta’ impjieg tagħhom mill-post ta’ oriġini tagħhom. L-appellanti fil-Kawża C‑567/22 P jillustraw il-konsegwenzi tal-applikazzojni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal billi jenfasizzaw li appellant ieħor, li l-post ta’ oriġini tiegħu huwa wkoll stabbilit għal Buenos Aires, u li l-post ta’ impjieg tiegħu huwa l-Lussemburgu (il-Lussemburgu), jirċievi r-rimbors li għalih għandu dritt ikkalkolat b’riferiment għad-distanza li tissepara l-Lussemburgu minn Brussell, belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, u ma jirċievi ebda ammont bħala ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, peress li din l-aħħar distanza hija ta’ inqas minn 201 km.

55      Barra minn hekk, l-appellanti jenfasizzaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu numru ta’ possibbiltajiet biex jilħaq l-għan ta’ razzjonalizzazzjoni baġitarja meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma jmur kontra l-għan tal-imsemmi Artikolu 8 u mingħajr ma jintroduċi diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza bejn l-uffiċjali kkonċernati, pereżempju billi jqis bħala punt ta’ riferiment għall-kalkolu tal-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar il-punt tat-traġitt lejn il-post ta’ oriġini li jinsab fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, billi jistabbilixxi limitu jew billi jwettaq tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju.

56      L-istituzzjonijiet appellati jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmi lment.

57      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-kriterju ta’ ċittadinanza tal-uffiċjal kien adegwat, peress li, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni (C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jenfasizzaw li l-fatt li l-post ta’ oriġini ta’ uffiċjal ikun jinsab f’pajjiż terz huwa element oġġettiv li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ regola speċifika f’dan ir-rigward, fejn dan l-element jikkostitwixxi r-raġuni unika għad-differenza fir-rimbors, bl-esklużjoni taċ-ċittadinanza tal-uffiċjali kkonċernati, li tikkostitwixxi biss kriterju sekondarju.

58      Il-Parlament josserva wkoll li l-Qorti Ġenerali korrettament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriterju taċ-ċittadinanza huwa oġġettiv u huwa ta’ natura li jippermetti applikazzjoni sempliċi, trasparenti u nondiskriminatorja tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri.

59      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li ċ-ċittadinanza tikkostitwixxi kriterju ta’ distinzjoni komunement aċċettat fid-dritt tas-servizz pubbliku Ewropew, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni li ċ-ċittadinanza ta’ persuna tikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u stretti bejn din il-persuna u l-pajjiż li tiegħu għandha ċ-ċittadinanza, li jkun jeskludi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi kkunsidrat fis-sens li huwa min-natura tiegħu diskriminatorju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Jeħtieġ li jiġi osservat li, wara li qieset li kien xieraq li jiġi eżaminat l-argument tal-appellanti dwar il-kuntrarjetà mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza fil-kuntest tal-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 TFUE, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-argument tal-appellanti li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi ostakolu kien jorbot mal-argument tagħhom dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq iċ-ċittadinanza. Fir-rigward ta’ dan l-argument, ġie osservat, essenzjalment, li l-appellanti kienu sostnew li uffiċjali li għandhom l-istess post ta’ impjieg li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u l-istess post ta’ oriġini li jinsab barra mill-Unjoni huma mistennija jirċievu ammont identiku bħala ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar anki jekk ikollhom ċittadinanzi differenti.

61      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ammont ta’ dan il-ħlas dovut lill-uffiċjali kkonċernati huwa effettivament stabbilit skont iċ-ċittadinanza tagħhom.

62      Madankollu, minn naħa, hija enfasizzat li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-intitolament tad-dritt għall-imsemmi ħlas, iżda biss il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan l-ammont, u kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

63      Min-naħa l-oħra, hija osservat, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jirrikorri għal kategorizzazzjoni, li jekk ikun il-każ tkun tinkludi l-għażla ta’ kriterju bbażat fuq iċ-ċittadinanza, peress li din il-kategorizzazzjoni ma hijiex min-natura tagħha diskriminatorja fir-rigward tal-għan imfittex minnha. Issa, f’dan il-każ, l-għażla ta’ tali kriterju huwa bbażat fuq għanijiet leġittimi, jiġifieri l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati jew irrazzjonalizzati r-regoli fil-qasam tal-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir iktar sempliċi u iktar trasparenti, kif ukoll li tinstab relazzjoni tajba bejn l-ispiża u l-effikaċja f’kuntest soċjoekonomiku fl-Ewropea li jirrikjedi tisħiħ tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa proporzjonat mal-għan imfittex mil-leġiżlatur, marbut ma’ dawn ir-raġunijiet leġittimi ta’ modernizzazzjoni, ta’ razzjonalizzazzjoni u ta’ ottimizzazzjoni tar-rabta bejn l-ispiża u l-effikaċja. Fil-fatt, fir-rigward tal-qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa u fejn, għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura meta mqabbel mal-għan imfittex minnha li tista’ taffettwa l-legalità tagħha, il-leġiżlatur għażel kriterju oġġettiv min-natura tiegħu, ta’ applikazzjoni sempliċi, trasparenti u li l-applikazzjoni tiegħu jippermetti li jiġi ffrankat il-flus.

64      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kkontestaw il-fatt innifsu li, permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien emenda l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali. Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali, bħal dawk tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għalihom b’analoġija, bħall-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur, billi jiġu osservati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fost dawn ir-rekwiżiti hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ddikjarat fl-Artikolu 21(1) tal-Karta jikkostitwixxi espressjoni partikolari (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ksur ta’ dan il-prinċipju jew le, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskop u l-għan imfittex mid-dispożizzjoni li allegatament tikser dan il-prinċipju (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ regoli statutorji bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta dan il-leġiżlatur jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan il-każ, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa intiż, konġuntament mal-Artikolu 7 tal-Anness V tagħhom, dwar il-leave fil-pajjiżi ta’ oriġini, li t-tul tiegħu jiżdied ma’ dak tal-leave annwali, li jagħti benefiċċju li għandu jippermetti lill-uffiċjal, u lill-persuni dipendenti minnu, imur, mill-inqas darba fis-sena, fil-post ta’ oriġini tiegħu, sabiex hemmhekk iżomm rabtiet familjari, soċjali u kulturali (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 66).

71      Permezz tal-għoti ta’ dan il-benefiċċju, dan l-Artikolu 8 jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, fir-rigward tal-uffiċjali kkonċernati, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku Ewropew li l-uffiċjal għandu jkollu l-possibbiltà li jżomm relazzjonijiet personali mal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tiegħu minkejja d-dħul fil-kariga tiegħu u d-distanza bejn dan il-post u l-post ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni, 144/84, EU:C:1985:171, punt 13).

72      F’din il-perspettiva, l-imsemmi Artikolu 8 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-uffiċjali kollha li l-post ta’ oriġini tagħhom huwa differenti mill-post ta’ impjieg u li għandhom dritt għal allowance residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni għandhom igawdu minn benefiċċju finanzjarju li jikkonsisti fil-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mill-post ta’ impjieg lejn il-post ta’ oriġini, ikun fejn ikun illokalizzat dan tal-aħħar.

73      Il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 8 jiddetermina l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-benefiċċju finanzjarju. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tagħha, li dan il-ħlas b’rata fissa huwa stabbilit fuq il-bażi tad-distanza ġeografika li tissepara l-post ta’ impjieg tal-uffiċjal mill-post ta’ oriġini tiegħu, filwaqt li tippreċiża, fit-tieni subparagrafu tagħha, li, meta l-post ta’ oriġini jkun jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri, barra mill-pajjiżi u mit-territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat FUE, jew barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-EFTA, l-imsemmi ħlas b’rata fissa huwa stabbilit fuq il-bażi tad-distanza ġeografika bejn il-post ta’ impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat u l-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

74      Id-differenza fit-trattament allegata fil-kuntest ta’ dan l-ilment tikkonċerna lill-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom tinsab barra mill-Unjoni, skont l-Istat Membru li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza.

75      Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-għan li jikkonsisti f’li jkunu jistgħu jinżammu relazzjonijiet personali mal-post tal-interessi prinċipali, l-uffiċjali kollha li għandhom dritt għal allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

76      F’dan ir-rigward, din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240), peress li, kif jirriżulta mill-punti 68, 71 u 74 ta’ is-sentenza, id-differenza fit-trattament inkwistjoni f’din l-aħħar kawża kienet tikkonċerna żewġ kategoriji ta’ uffiċjali li ma kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Fil-fatt, minn fost l-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom kien differenti mill-post ta’ impjieg, kategorija minnhom kienet tiġbor fiha dawk li kellhom dritt għal allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni u li għalhekk kienu, bħala prinċipju, meqjusa bħala ftit integrati jew bħala mhux integrati fis-soċjetà tal-Istat Membru ta’ impjieg, fejn, minħabba f’hekk, kellhom l-iktar bżonn li jibbenefikaw mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, filwaqt li l-kategorija l-oħra kienet dik ikkostitwita mill-uffiċjali li ma kellhomx dritt għal tali allowances u li għalhekk setgħu jitqiesu li kellhom rabta iktar stretta mal-post ta’ impjieg tagħhom.

77      Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, din id-differenza fit-trattament kienet tirrigwarda min għandu d-dritt għall-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar innifsu, filwaqt li d-differenza fit-trattament allegata f’dan il-każ tirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-ħlas, huwa mingħajr rilevanza, ġaladarba l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija mandatorja fil-każijiet kollha.

78      Fir-rigward tar-rikors għall-kriterju ta’ ċittadinanza, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan seta’ jikkostitwixxi element oġġettiv li jista’ jikkundizzjona l-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju, f’dan il-każ l-allowance ta’ espatrijazzjoni, minħabba l-fatt li tali kriterju kien, b’mod partikolari, direttament marbut mal-għan imfittex mill-għoti ta’ dan il-vantaġġ, jiġifieri li jiġu kkumpensati l-inkonvenjenti marbuta mal-istatus ta’ barrani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, EU:C:1980:238, punti 12 sa 14).

79      Madankollu, f’dan il-każ, il-kriterju ta’ ċittadinanza li fuq il-bażi tiegħu huwa kkalkolat il-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li għalih għandhom dritt l-uffiċjali kkonċernati ma għandu ebda rabta mal-għan imfittex mill-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal peress li dan iwassal għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar fuq il-bażi ta’ distanza mingħajr rabta ma’ dik li tissepara l-post ta’ impjieg mill-post ta’ oriġini tal-persuni kkonċernati.

80      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, billi kkunsidrat kriterju ta’ kalkolu bbażat fuq is-sitwazzjoni tal-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu l-uffiċjali msemmija fis-subparagrafu 2 tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom iċ-ċittadinanza, din id-dispożizzjoni tintroduċi distinzjoni arbitrarja fost l-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mill-Unjoni, peress li dan il-ħlas huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ kriterju nieqes minn rabta mal-post ta’ oriġini ta’ dawn l-uffiċjali.

81      Huwa minnu li l-għan li jikkonsisti fil-garanzija ta’ rabta tajba bejn l-ispiża u l-effikaċja f’kuntest soċjoekonomiku fl-Ewropa li jirrikjedi tisħiħ tal-finanzi pubbliċi u sforz partikolari ta’ kull amministrazzjoni pubblika u tal-persunal tagħha biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza, kif ukoll l-għan ta’ modernizzazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni fejn jidħlu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, rispettivament iddikjarati fil-premessi 12 u 24 tar-Regolament Nru 1023/2013, jistgħu jiġġustifikaw li l-għoti tal-benefiċċju kkonċernat jiġi limitat għall-uffiċjali li l-iktar għandhom bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Álvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 68), jew ukoll tnaqqis ta’ dan il-benefiċċju. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament baġitarja, amministrattiva jew ta’ politika tal-persunal, ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza fit-trattament stabbilita bejn uffiċjali li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli li jirriżultaw mill-użu ta’ kriterju nieqes minn kull rabta mal-għan imfittex mill-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

82      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet li d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont iċ-ċittadinanza tal-uffiċjali kkonċernati kienet iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, amministrattiva jew marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

83      Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’, f’kull wieħed mill-appelli, l-ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u, għalhekk, li jiġu annullati s-sentenzi appellati fir-rigward taċ-ċaħda tal-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikors għal annullament kif ukoll, konsegwentement, fir-rigward, minn naħa, taċ-ċaħda tat-talba li tinsab fir-raba’ kap ta’ talbiet fil-Kawża T‑531/16 u, min-naħa l-oħra, tal-kundanna tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż fil-Kawżi T‑531/16 sa T‑533/16 u T‑545/16 mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju tal-appelli.

 Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C567/22 P

 L-argumenti tal-partijiet

84      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C‑567/22 P isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi vvalidat id-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fost l-uffiċjali li għandhom dritt għal ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-post ta’ impjieg sal-post ta’ oriġini, billi pprevediet modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-ħlas distinti għal dawk li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni jew barra mill-pajjiżi u mit-territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat FUE jew barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-EFTA.

85      Dan l-aggravju jirrigwarda, b’mod partikolari, il-punti 59 sa 63 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑567/22 P.

86      L-appellanti f’din il-kawża jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li d-differenza fit-trattament stabbilita bejn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati, li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-iskop u tal-għan tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet iġġustifikata minn għanijiet leġittimi, imsemmija fil-premessi 2 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam, ma kienx manifestament mhux xieraq li jiġu stabbiliti modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-benefiċċju pekunjarju differenti għall-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 8 sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eskludiet li teżamina l-proporzjonalità ta’ din id-differenza fit-trattament fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 8 nnifsu.

87      F’dan ir-rigward, dawn ir-rikorrenti jirreferu għall-argument li żviluppaw fil-kuntest tal-ewwel aggravju fir-rigward tal-ilment dwar ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

88      L-istituzzjonijiet konvenuti jikkontestaw il-fondatezza tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑567/22 P.

89      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-paragunabbiltà taż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati fir-rigward tal-iskop u tal-għan tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u osservat li l-ħlas previst f’dan l-artikolu huwa paragunabbli għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettament, fid-dawl tal-għanijiet tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal imwettqa permezz tar-Regolament Nru 1023/2013 u tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa għad-dispożizzjoni tal-leġiżlatur, li dan ma kien wettaq la distinzjoni arbitrarja u lanqas għażla manifestament inadegwata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Id-differenza fit-trattament allegata fil-kuntest ta’ dan l-aggravju tikkonċerna lill-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mill-Unjoni meta mqabbel ma’ dawk li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab ġewwa l-Unjoni.

91      Mill-punt 75 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fir-rigward tal-għan li jikkonsisti f’li jkunu jistgħu jinżammu relazzjonijiet personali mal-post tal-interessi prinċipali, l-uffiċjali kollha li għandhom dritt għal allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, irrispettivament minn jekk il-post ta’ oriġini tagħhom jinsabx ġewwa t-territorju tal-Unjoni jew barra minn dan it-territorju.

92      Issa, id-distinzjoni magħmula bejn l-uffiċjali identifikati skont jekk il-post ta’ oriġini tagħhom jinsabux ġewwa jew barra l-Unjoni huwa mingħajr rabta ma’ dan l-għan.

93      Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jintroduċi, f’dan ir-rigward, distinzjoni arbitrarja għad-detriment tal-uffiċjali li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab barra mill-Unjoni.

94      Barra minnhekk, kif ġie osservat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament baġitarja, amministrattiva jew ta’ politika tal-persunal ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza fit-trattament stabbilita bejn uffiċjali li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli li jirriżultaw mill-użu ta’ kriterju nieqes minn kull rabta mal-għan imfittex mill-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

95      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet li d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn l-uffiċjali li għandhom dritt għall-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-post ta’ impjieg għall-post ta’ oriġini jekk dan tal-aħħar jinsabx ġewwa jew barra mill-Unjoni kienet iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, amministrattiva jew marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

96      Għaldaqstant, hemm ukoll lok li jintlaqa’ t-tielet aggravju fil-Kawża C‑567/22 P u, għalhekk, li tiġi annullata s-sentenza appellata fil-kuntest ta’ dan l-appell, bħal kif ġie ppreċiżat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-aggravji l-oħra

97      Fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ l-ilment dwar ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appelli, u tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑567/22 P, dwar ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

98      Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

99      F’dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-rikorsi ippreżentati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑531/16 sa T‑533/16 u T‑545/16 huma bbażati, essenzjalment, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità li kienet is-suġġett ta’ dibattiti kontradittorji quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn ir-rikorsi huma fi stat li jiġu deċiżi u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom.

100    Fid-dawl tal-annullament parzjali tas-sentenzi appellati, hemm lok li tingħata deċiżjoni biss dwar l-ewwel kapijiet ta’ talbiet għal annullament tal-imsemmija rikorsi u fuq it-talbiet ta’ natura pekunjarja fil-Kawża T‑531/16.

 Fuq l-ewwel kapijiet ta’ talbiet għal annullament

101    Quddiem il-Qorti Ġenerali, kull rikorrent talab, għal dak li kien jikkonċernah individwalment, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni li tagħha huwa uffiċjal applikat għall-ewwel darba fil-konfront tiegħu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

102    Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti eċċepew l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

103    Mill-eżami tal-appelli, b’mod partikolari tal-punti 80 sa 83 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija fondata.

104    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel kap tat-talbiet għal annullament tar-rikorsi fil-Kawżi T‑531/16 sa T‑533/16 u T‑545/16, u, għalhekk, li jiġu annullati d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-istituzzjoni li tagħha kull wieħed mir-rikorrenti huwa uffiċjal iffissat għall-ewwel darba d-drittijiet tagħhom marbuta mal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq it-talbiet ta’ natura pekunjarja fil-Kawża T531/16

105    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑531/16 sostnew li l-annullament, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni li tiffissa l-ammont tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom għas-sena 2014 kellu jagħti lok għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tagħhom lejn il-post ta’ oriġini fuq il-bażi tal-ispejjeż reali tagħhom, miżjuda bl-interessi moratorji mit‑12 ta’ Ġunju 2014.

106    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, mingħar ma eżaminat l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal rimbors, li din kellha tiġi miċħuda bħala konsegwenza taċ-ċaħda tal-kapijiet ta’ talbiet għal annullament, peress li kellha rabta stretta magħhom.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u persuna minn dawk imsemmija fir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil dik il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tagħhom, u li, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sħiħa.

108    Kull tilwim li jikkonċerna l-ħlas, minn istituzzjoni lil uffiċjal jew membru tal-persunal, ta’ ammont li huwa jqis li huwa dovut lilu bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet tax-xogħol bejniethom jikkostitwixxi b’mod partikolari “tilwim ta’ karattru finanzjarju” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 91(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi li jitressqu quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, bl-eċċezzjoni li tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt l-istħarriġ tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li hija tistabbilixxi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 67).

110    B’hekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, fil-konfront ta’ istituzzjoni kundanna għall-ħlas ta’ ammont li għalih l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikollu dritt bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att legali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 68).

111    Mill-motivi preċedenti jirriżulta li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest tal-Kawża T‑531/16 jirriżulta mill-illegalità, ikkonstatata permezz ta’ eċċezzjoni, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – dispożizzjoni li fuqha kienu bbażati dawn id-deċiżjonijiet.

112    Peress li l-imsemmija dispożizzjoni għandha, għalhekk, tiġi eskluża, l-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar dovuti lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-Kawża T‑531/16 għas-sena 2014 għandha tiġi ddeterminata b’applikazzjoni tas-sempliċi dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

113    Għalhekk hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-Kawża T‑531/16 ammont korrispondenti għad-differenza bejn l-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar diġà rċevuti għas-sena 2014 u dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ allowance ikkalkolata għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika li tissepara l-post ta’ impjieg tagħhom mill-post ta’ oriġini tagħhom, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali.

 Fuq l-ispejjeż

114    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

115    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

116    Peress li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tilfu fil-kuntest tal-appelli preżenti kif ukoll, essenzjalment, fil-kuntest tar-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-appellanti, rispettivament fil-Kawżi C‑567/22 P sa C‑569/22 P u C‑570/22 P, talbu li dawn l-istituzzjonijiet jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li dawn jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mir-rikorrenti rispettivi kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

117    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Parlament u l-Kunsill, partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal15 ta’ Ġunju 2022, Dumitrescu u Schwarz vs IlKummissjoni (T531/16, EU:T:2022:362), tal15 ta’ Ġunju 2022, YT u YU vs IlKummissjoni (T532/16, EU:T:2022:363), tal15 ta’ Ġunju 2022, YV et vs IlKummissjoni (T533/16, EU:T:2022:364), kif ukoll tal15 ta’ Ġunju 2022, YY u ZA vs IlQorti talĠustizzja tal-Unjoni Ewropea (T545/16, EU:T:2022:366), huma annullati sa fejn, permezz tagħhom, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ta’ Vasile Dumitrescu u Guido Schwarz (T531/16), YT u YU (T532/16), YV (T533/16) kif ukoll ZA (T545/16) intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea (T531/16 sa T533/16) u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T545/16) iffissaw għall-ewwel darba fil-konfront tagħhom il-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, u sa fejn, permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq l-ispejjeż.

2)      Il-kumplament tal-appelli huma miċħuda.

3)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jiffissaw id-drittijiet ta’ Vasile Dumitrescu u Guido Schwarz fil-qasam tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013, fid-dawl ta’ kif dawn id-deċiżjonijiet intwerew fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom tax-xahar ta’ Ġunju 2014, huma annullati.

4)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jiffissaw id-drittijiet ta’ YT u ta’ YU fil-qasam tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013, fid-dawl ta’ kif dawn id-deċiżjonijiet intwerew fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom tax-xahar ta’ Lulju 2014, huma annullati.

5)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiffissa d-drittijiet ta’ YV fil-qasam tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013, fid-dawl ta’ kif din id-deċiżjoni intweriet fir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2014, hija annullata.

6)      Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tiffissa id-drittijiet ta’ ZA fil-qasam tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013, fid-dawl ta’ kif din id-deċiżjoni intweriet fir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2014, hija annullata.

7)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil Vasile Dumitrescu u lil Guido Schwarz, għal dak li jikkonċernahom individwalment, ammont korrispondenti għad-differenza bejn l-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar diġà rċevuti għas-sena 2014 u dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ allowance ikkalkolata għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika li tissepara l-post ta’ impjieg tagħhom mill-post ta’ oriġini tagħhom, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali.

8)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Vasile Dumitrescu u Guido Schwarz kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T531/16 kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C567/22 P, dawk sostnuti minn YT u YU kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T532/16 kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C568/22 P, u dawk sostnuti minn YV kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T533/16 kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C569/22 P.

9)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn ZA kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T545/16 kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C570/22 P.

10)    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.