Language of document : ECLI:EU:C:2020:42

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Jannar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑522/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

vs

Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Jaśle,

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Krajowa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Stobiecka-Kuik kif ukoll minn D. Martin u H. Krämer, bħala aġenti,

–        għall-Autorité de surveillance AELE, minn C. Zatschler u J. S. Watson, kif ukoll minn I. O. Vilhjálmsdóttir u C. Howdle, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DŚ Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Jaśle (l-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, l-Aġenzija ta’ Jasło, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali”) dwar l-issuġġettar ta’ DŚ għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Pollakka.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 30 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema), tat-23 ta’ Novembru 2002 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2002 dwar il-Qorti Suprema”), kien jiffissa l-età ta’ 70 sena bħala l-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

4        Fl-20 ta’ Diċembru 2017, il-[President tar-Repubblika] (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) iffirma l-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U tal-2018, pożizzjoni 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema”), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ April 2018. Din il-liġi ġiet sussegwentement emendata diversi drabi.

5        Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtiraw fid-data li fiha jagħlqu 65 sena, ħlief jekk, mhux iktar kmieni minn tnax-il xahar qabel u mhux iktar tard minn sitt xhur qabel jilħqu l-età ta’ [65 sena], jagħmlu dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jekk jippreżentaw ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati li japplikaw għal pożizzjoni fil-ġudikatura, li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, u jekk il-[President tar-Repubblika] jawtorizza l-estensjoni tal-funzjonijiet tagħhom fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1a.      Qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, il-[President tar-Repubblika] għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-[President tar-Repubblika] fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntalab jagħmel dan minn dan tal-aħħar. Jekk il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jkunx bagħat l-opinjoni tiegħu fi żmien il-perijodu previst fit-tieni sentenza, din l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

[…]

3.      Il-[President tar-Repubblika] jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura msemmija fil-paragrafu 1a jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni fit-terminu previst fl-ewwel sentenza, l-imħallef għandu jitqies li rtira b’effett mid-data li fiha jagħlaq 65 sena. […]

4.      L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. […]”

6        L-Artikolu 111 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li ser jilħqu din l-età fi żmien tliet xhur mid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, għandhom jirtiraw b’effett mill-jum ta’ wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ħlief jekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-[President tar-Repubblika] jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

1a.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur u qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jirtiraw tnax-il xahar wara dan id-dħul fis-seħħ, ħlief jekk, f’dan it-terminu, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-[President tar-Repubblika] jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1a) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

7        Dan il-paragrafu 1a ġie introdott fl-Artikolu 111 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li, minħabba r-regoli tranżitorji inizjalment previsti, ma kienx ikollu l-possibbiltà, fit-terminu legali, li jagħmel dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu lil hinn mill-età tal-irtirar il-ġdida.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fl-14 ta’ Ottubru 2015, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali adotta deċiżjoni dwar l-issuġġettar ta’ DŚ għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Pollakka. Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tas-Sąd Apelacyjny, Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Rzeszowie (il-Qorti tal-Appell ta’ Rzeszów, Diviżjoni tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali, il-Polonja) tat-23 ta’ Marzu 2018. Din il-qorti kkunsidrat li, fl-imsemmija deċiżjoni, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-korp tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja li tikkonstata n-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-persuna kkonċernata għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u li b’mod partikolari serviet bħala bażi għal ftehim bejn l-awtoritajiet, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1) fil-frattemp, kienet ġiet annullata mill-imsemmi Stat Membru.

9        Adita b’appell ippreżentat mill-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali kontra din is-sentenza, il-kulleġġ ġudikanti ordinarju tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċieda li jissottometti għal kulleġġ ġudikanti estiż ta’ din l-istess qorti punt ta’ liġi sabiex jiddetermina jekk din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-annullament mogħti minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kinitx tikkostitwixxi “assenza ta’ eżami tal-kawża fuq il-mertu”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 386(4) u tal-Artikolu 47714a tal-kodeks postępowania cywilde (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

10      Fl-istadju inizjali tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, l-imsemmi kulleġġ estiż tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) irrilevat li t-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ tnejn mill-membri li jikkomponuh kien affettwat mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema.

11      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li wieħed miż-żewġ imħallfin ikkonċernati, li kien laħaq l-età ta’ 65 sena qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, ippreżenta, matul ix-xahar ta’ Mejju 2018, dikjarazzjoni li tesprimi x-xewqa li jinżamm fis-servizz sal-età ta’ 70 sena, jiġifieri l-età tal-irtirar applikabbli taħt il-Liġi tal‑2002 dwar il-Qorti Suprema. Minkejja li din id-dikjarazzjoni ma hijiex dik imsemmija fl-Artikolu 37 u fl-Artikolu 111(1) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, il-President tar-Repubblika beda l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni eventwali taż-żamma tal-imsemmi Imħallef fil-pożizzjoni tiegħu li jipprevedu l-imsemmija dispożizzjonijiet. L-imsemmija proċedura kienet għadha pendenti fid-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju.

12      Fir-rigward tat-tieni qorti, il-qorti tar-rinviju tindika li hija laħqet l-età ta’ 65 sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema u li din hija l-qorti li għaliha ġie adottat speċifikament l-Artikolu 111(1a) ta’ din il-liġi. Hija tirrileva li, bħala konsegwenza ta’ din id-dispożizzjoni, dan l-imħallef ser jiġi rtirat fit-3 ta’ April 2019, sakemm ma jippreżentax, qabel din id-data, dikjarazzjoni li fiha jesprimi r-rieda tiegħu li jinżamm fil-kariga u li l-President tar-Repubblika jagħti, ukoll qabel din id-data, il-kunsens tiegħu għaż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-pożizzjoni tagħha.

13      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi”) humiex konformi mad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti hija, b’mod iktar preċiż, tal-fehma li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikser, minn naħa, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg. Barra minn hekk, il-fatt li ġiet suġġetta kull possibbiltà ta’ żamma fil-kariga tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età normali tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, għal deċiżjoni diskrezzjonali tal-President tar-Repubblika, huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin, fid-dawl tal-pressjonijiet esterni li jistgħu jirriżultaw fuqhom.

14      Barra minn hekk, u jekk il-ksur tad-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt preċedenti kellu jseħħ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hijiex iġġustifikata li teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

15      Kjarifiki min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja huma neċessarji, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi d-domandi preliminari li jqumu lilha f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-imħallfin li jifformawha sabiex ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom u sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali jew kull kawża oħra li fihom huma jistabbilixxu, fl-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-irremovibbiltà tal-imħallfin, li huwa element tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, huwa miksur meta l-leġiżlatur nazzjonali jnaqqas l-età tal-bidu tal-irtirar (iktar ’il quddiem l-“età tal-irtirar”) tal-imħallfin tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru (pereżempju minn 70 sa 65 sena) u li l-età inferjuri ġdida tal-irtirar hija applikata għall-imħallfin fis-servizz, mingħajr ma d-deċiżjoni li jittieħed vantaġġ mill-età tal-irtirar inferjuri titħalla unikament għad-diskrezzjoni tal-imħallef ikkonċernat?

2)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-livell ta’ indipendenza neċessarju għall-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kawżi li jimplikaw id-dritt tal-Unjoni huma miksura, meta l-leġiżlatur nazzjonali, bi ksur tal-prinċipju tal-irremovibbiltà tal-imħallfin, inaqqas minn 70 sa 65 sena l-età normali li fiha mħallef tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru jista’ jokkupa pożizzjoni ta’ mħallef, billi jissuġġetta l-possibbiltà taż-żamma tiegħu għal tali pożizzjoni għall-kunsens diskrezzjonali ta’ korp eżekuttiv?

3)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba l-età t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fis-servizz tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru u l-issuġġettar għall-kunsens ta’ korp eżekuttiv tal-possibbiltà taż-żamma ta’ pożizzjoni ta’ mħallef fis-servizz ta’ din il-qorti li jkun laħaq l-età inferjuri ġdida tal-irtirar?

4)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2, 9 u 11 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-preżenza ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età eżerċitata kontra mħallfin tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, minħabba t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tagħhom li preċedentement kienet 70 sena u issa saret 65 sena, din il-qorti, meta tiddeċiedi dwar kwalunkwe kawża f’kompożizzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ mħallef ikkonċernat mill-konsegwenzi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali diskriminatorji u li ma jkunx esprima x-xewqa li jieħu vantaġġ minn din l-eta tal-irtirar ġdida, hija obbligata, sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni preliminari dwar il-kulleġġ ġudikanti, li tirrifjuta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex konformi mad-Direttiva 2000/78 u mal-Artikolu 21 tal-Karta u li tkompli taġġudika bil-parteċipazzjoni ta’ dan l-imħallef, meta dan il-pass huwa l-unika possibbiltà effettiva li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-imħallef jislet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni?

5)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1), tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 2 TUE kif ukoll tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat tad-dritt għandu jitqies bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li fil-każ ta’ dubju dwar il-konformità ma’ dan il-valur u mal-prinċipju korrelattiv ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin tagħhom fis-servizz – ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin skont il-modalitajiet deskritti fl-ewwel żewġ domandi, il-qorti nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li tissospendi ex officio l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru l-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin, fir-rigward tal-imħallfin kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?”

17      Fis-17 ta’ Ottubru 2018, il-qorti tar-rinviju kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja digriet tas-16 ta’ Ottubru 2018, li permezz tiegħu l-imsemmija qorti nazzjonali ddikjarat bħala inammissibbli l-irtirar tal-appell fil-kawża prinċipali sadanittant imwettaq mill-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali. Mill-kliem ta’ dan id-digriet jirriżulta li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li minnu jirriżulta li l-irtirar ta’ appell minn korp bħall-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, f’kawża li tirrigwarda d-dritt tax-xogħol jew is-sigurtà soċjali, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli meta, bħal f’dan il-każ, huwa, minn naħa, ta’ natura li jippreġudika l-interessi leġittimi tal-ħaddiem jew tal-persuna assigurata, u, min-naħa l-oħra, ikun imwettaq bi ksur tal-moralità, tal-interess ġenerali u jikkostitwixxi abbuż tal-prerogattiva. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, peress li twettaq wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmi rtirar seħħ, barra minn hekk, bi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. B’konsegwenza tal-imsemmi digriet, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

 L-adozzjoni tal-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018

18      Fl-1 ta’ Jannar 2019, daħlet fis-seħħ l-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Nawyższym (il-Liġi li temenda l-[Liġi dwar il-Qorti Suprema]), tal-21 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 2507, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018”).

19      Mill-Artikolu 1 tal-liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 jirriżulta li l-Artikolu 37(1a) sa (4) u l-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema ġew imħassra u li l-Artikolu 37(1) tagħha ġie emendat fis-sens li “[l]-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jirtiraw mal-età ta’ 65 sena”. Madankollu, huwa speċifikat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika biss għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li daħlu f’din il-kariga wara l-1 ta’ Jannar 2019. L-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li daħlu fis-servizz qabel din id-data jaqgħu, min-naħa tagħhom, mill-ġdid taħt id-dispożizzjoni li kienet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, jiġifieri l-Artikolu 30 tal-Liġi tal-2002 dwar il-Qorti Suprema, li tiffissa l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għal 70 sena.

20      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 jipprevedi li, “mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kull imħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] […] li jkun ġie rtirat skont l-Artikolu 37(1) sa (4), jew l-Artikolu 111(1) jew (1a) tal-[Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema] għandu jiġi integrat mill-ġdid fil-funzjonijiet li kien jeżerċita fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ [din il-liġi tal-aħħar]. L-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] […] jitqies li kompla mingħajr interruzzjoni.”

 Fuq il-fatt li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

21      Mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-21 ta’ Novembru 2018, hija kinitx tqis li risposta għad-domandi preliminari kienet għadha neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju rrispondiet fl-affermattiv.

22      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti invokat b’mod partikolari l-importanza fundamentali li għandhom l-imsemmija domandi għaż-żamma tal-Unjoni bħala komunità ta’ dritt, il-fatt li dawn id-domandi kienu saru minkejja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu għadhom validi, il-fatt li l-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 li ġiet adottata sabiex teżegwixxi d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-619/18 R, EU:C:2018:1021) li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ordnat is-sospensjoni provviżorja tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma huwiex ta’ natura definittiva u l-fatt li l-effetti ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet ma kinux ġew imħassra ex tunc. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għadha meħtieġa risposta għad-domandi preliminari sabiex jiġi ppreċiżat l-istatus tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li ġew affettwati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi. Fil-fatt, filwaqt li l-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 hija bbażata fuq il-premessa li xi wħud minn dawn l-imħallfin irtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi u li issa huma riintegrati fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), id-domandi preliminari huma bbażati fuq l-ipoteżi li l-imħallfin ikkonċernati qatt ma ħarġu bil-pensjoni sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali kellhom jitħallew mhux applikati, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju hekk kif hija attwalment ikkostitwita u, b’mod iktar ġenerali, l-imħallfin kollha tas-Sąd Najwyższy li jkunu wrew ix-xewqa li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom wara li jagħlqu 65 sena jkunu jistgħu jkomplu jagħtu deċiżjonijiet.

23      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, madankollu, li, sa fejn il-qorti msemmija fil-punt 12 ta’ dan id-digriet ma tkunx iktar mhedda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet relatati mal-indipendenza tal-imħallfin, fir-realtà, fir-rigward tal-imħallfin li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-21 ta’ Novembru 2018, u, għalhekk, b’mod partikolari, il-qorti msemmija fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, tibqa’ neċessarja risposta għad-domandi magħmula.

24      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-importanza tad-domandi magħmula, għandu jiġi rrilevat li din, ċertament, ma tistax tiġi kkontestata. Barra minn hekk, hija diġà ġiet enfasizzata fil-punt 15 tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2018, Zakład Ubezpieczeń Społecznych (C-522/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:909), li permezz tiegħu huwa ddeċieda li jissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa.

25      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), mogħtija wara l-introduzzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minn naħa, billi tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għall-imħallfin fil-kariga li kienu nħatru f’din il-qorti qabel it-3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi ngħatat lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tal-imsemmija ġurisdizzjoni lil hinn mill-età tal-irtirar li għadha kif ġiet stabbilita, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

26      Madankollu, bil-benefiċċju ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li domandi preliminari għandhom importanza partikolari ma jistax, waħdu, ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għalihom.

27      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-aspetti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C-279/12, EU:C:2013:853, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li l-qorti tar-rinviju hija mitluba, fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha, tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna, C-492/11, EU:C:2013:428, punt 26; tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko, C-180/12, EU:C:2013:693, punt 44, kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C-537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C-621/18, EU:C:2018:999, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Jekk jidher li d-domanda magħmula manifestament ma għadhiex iktar rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tat-19 ta’ Novembru 2019, A. K. (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C-585/18, C-624/18 u C-625/18, EU:C:2019:982, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)].

29      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, wara r-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) f’din il-kawża, ingħataw suċċessivament, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852), u d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-619/18 R, EU:C:2018:1021), li b’mod partikolari ordnaw lir-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, li tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1) sa (4), u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema kif ukoll ta’ kull miżura meħuda fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, li tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonċernati b’dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kariga li kellhom fit-3 ta’ April 2018, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida fuq il-Qorti Suprema, filwaqt li jgawdu l-istess status u l-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’ impjieg li gawdew minnhom sat-3 ta’ April 2018.

30      Wara l-għoti tal-imsemmija digrieti, il-President tar-Repubblika, fis-17 ta’ Diċembru 2018, iffirma l-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018, li ġiet ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej qabel ma daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019.

31      Issa, kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-punti 19 u 20 ta’ dan id-digriet, il-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 ħassret id-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi sa fejn dawn, minn naħa, kienu jipprevedu l-applikazzjoni tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) stabbilita għal 65 sena, għall-imħallfin fil-kariga li kienu ġew maħtura qabel it-3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, taw lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tal-imsemmija qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid. Bl-istess mod, mill-imsemmija preċiżazzjonijiet jirriżulta li, skont il-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018, kull imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li rtira skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema mħassra għandu jiġi integrat mill-ġdid fil-funzjonijiet li kien jeżerċita fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-aħħar liġi u mitlub jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti sal-età ta’ 70 sena, jiġifieri l-età tal-irtirar kif kienet tipprevali, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, taħt is-sistema tal-Liġi tal-2002 dwar il-Qorti Suprema.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li xejn ma jipprekludi li l-imħallfin li jifformaw il-Kulleġġ Ġudikanti li indirizza dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu, fil-futur, ikomplu jeżerċitaw il-funzjoni ġudizzjarja tagħhom fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u għalhekk mill-qorti tar-rinviju sal-età magħluqa ta’ 70 sena, mingħajr ma jkunu iktar ikkonċernati la mill-miżura ta’ tnaqqis tal-età tal-irtirar għal 65 sena u lanqas mill-mekkaniżmu li jagħti s-setgħa diskrezzjonali lill-President tar-Repubblika li jiddeċiedi li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tagħhom lil hinn mill-età normali tal-irtirar.

33      Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2018 kellu bħala konsegwenza li jċaħħad mill-għan tagħhom id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża pendenti quddiemha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna, C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 27 sa 31 u d-digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C-537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punti 33 sa 35).

34      Fil-fatt, fl-imsemmija perspettiva, dawn id-domandi sa dakinhar kienu jibbażaw il-ġustifikazzjoni tagħhom fuq in-neċessità li tiġi kkjarifikata kwistjoni preliminari ta’ natura proċedurali dwar il-kompożizzjoni tal-qorti tar-rinviju u l-possibbiltà, għal din tal-aħħar, li tkompli, bl-effett u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, bil-parteċipazzjoni taż-żewġ imħallfin imsemmija fil-punti 11 u 12 ta’ dan id-digriet, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Issa, peress li l-imsemmija domanda preliminari issa ma tqumx iktar fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex iktar tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti fl-imsemmija kawża, tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti għad-domandi magħmula lilha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko, C-180/12, EU:C:2013:693, punt 44).

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx iktar lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tordna:

Ma hemmx iktar bżonn li tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2018, fil-Kawża C-522/18.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.