Language of document : ECLI:EU:C:2009:340

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Trstenjak

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 20091(1)


Kawża C‑536/07


Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 226 KE – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 93/37/KEE – Proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Kumpanniji li jorganizzaw il-fieri – Konklużjoni mill-awtorità kontraenti ta’ kuntratt ta’ kera fuq ix-xogħlijiet li għandhom jitwettqu – Użu tal-bini minn kumpannija li torganizza il-fieri – Konklużjoni ta’ kuntratt ta’ sullokazzjoni bejn l-awtorità kontraenti u din il-kumpannija li torganizza l-fieri”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

III – Il-fatti

IV – Il-proċedura prekontenzjuża

V –   Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

A –   Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

B –   Fuq il-fondatezza tar-rikors

VII – Evalwazzjoni ġuridika

A –   Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

B –   Fuq il-mertu

1.     Osservazzjonijiet preliminari

2.     Il-pożizzjoni tal-belt ta’ Cologne bħala entitŕ kontraenti fir-rigward ta’ GKM-GbR

a)     Il-belt ta’ Cologne għandha tiġi kkwalifikata bħala entità kontraenti fir-rigward ta’ GKM-GbR

b)     Sussidjarjament: fl-ipoteżi fejn Kölnmesse GmbH għandha tiġi kkwalifikata bħala entitŕ kontraenti “reali”, fir-rigward ta’ GKM-GbR

3.     Il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 bħala kuntratt li jikkomporta kemm xogħlijiet kif ukoll servizzi

4.     Id-determinazzjoni tal-għan prinċipali tal-kuntratt mist tas-6 ta’ Awwissu 2004

5.     Konklużjoni

VIII – Fuq l-ispejjeż

IX – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża toriġina minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ippreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 226 KE, li permezz tiegħu hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 11, tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (2), peress li l-belt ta’ Cologne ikkonkludiet mal-Grundstücksgesellschaft Köln Messe 15 bis 18 GbR (iktar ’il quddiem “GKM-GbR”), kuntratt għall-kostruzzjoni u l-użu sussegwenti għal perijodu ta’ tletin sena, ta’ erbat iswali ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi tagħhom, mingħajr il-proċedura ta’ għoti b’sejħa għal offerti Ewropea skont l-imsemmija dispożizzjonijiet.

2.        Biex jiġi eżaminat dan ir-rikors, qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk l-effetti tal-ksur invokat tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, ġewx kompletament eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu stipulat fl-opinjoni motivata, f’liema eventwalità, ir-rikors ikollu jinċaħad bħala inammissibbli. Sussegwentement, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li fih il-belt ta’ Cologne kienet l-entità kontraenti.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        It-tieni u l-għaxar premessi tad-Direttiva 93/37 jipprovdu dan li ġej:

“Billi l-ksib simultanju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li tipprovdi servizz li għandu x’jaqsam mal-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] mogħtija fi Stati Membri f’isem l-Istat, jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew korpi oħra mmexxija mil-liġi pubblika jinvolvi mhux biss t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet imma wkoll il-koordinament ta’ proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet];

[…]

Billi, biex jiġi assigurat progress ta’ kompetizzjoni effettiva fil-kamp ta’ kuntratti pubbliċi, huwa meħtieġ li avviżi ta’ kuntratti magħmula minn awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] ta’ l-Istati Membri jiġu rriklamati fil-Komunità; billi l-informazzjoni f’dawn l-avviżi għandha tagħti l-opportunità lill-kuntratturi stabbiliti fil-Komunità li jiddeċiedu jekk il-kuntratti proposti huma ta’ interess għalihom; billi, għal dan il-għan, huwa xieraq li tingħatalhom informazzjoni adekwata dwar ix-xogħol li jsir u l-kondizzjonijiet li jġib miegħu […]”.

4.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]’ ifissru kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti] kif definit f’(b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti];

(b)      ‘awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti]’ għandhom ikunu l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi mmexxija mill-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar awtoritajiet jew korpi mmexxija mil-liġi pubblika;

‘Korp mmexxi mil-liġi pubblika’ ifisser kwalunke korp:

–        stabbilit bl-għan speċifiku li jaqdi l-bżonnijiet fl-interess ġenerali, mingħajr majkollu karatteristika industrijali jew kummerċjali, u

–        jkollu personalità legali [ġuridika], u

–        iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħra mmexxija mil-liġi pubblika, jew suġġett għal superviżjoni maniġerjali minn dawk il-korpi, jew li jkollu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu ikunu magħżula mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra mmexxija mill-liġi pubblika ;

(ċ)      ‘xogħol’ ifisser ir-riżultat ta’ bini jew inġinerija ċivili, xogħlijiet kunsidrati bħala sħaħ li jilħqu funzjoni ekonomika u teknika;

[…]

(e)      ‘proċeduri miftuħa’ huma dawn il-proċeduri nazzjonali fejn il-kuntratturi kollha interessati jistgħu jissottomettu offerti;

(f)      ‘proċeduri ristretti’ huma dawn il-proċeduri nazzjonali fejn biss dawk il-kuntratturi mistiedna mill-awtroitajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] jistgħu jissottomettu offerti;

(g)      ‘proċeduri negozjati’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] jikkonsultaw kuntratturi tal-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed jew aktar minnhom;

[…]”.

5.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/37, din ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi li ma jaqbżux l-ammont ta’ EUR 5 miljun.

6.        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/37, fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri miftuħa, ristretti u negozjati msemmija fl-Artikolu 1, b’konformità mad-direttiva. L-Artikolu 7(2) sussegwentement jelenka l-każijiet li fihom il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jistgħu jingħataw skont il-proċedura nnegozjata, bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, filwaqt li s-subartikolu 3 jirreferi għall-każijiet li fihom il-kuntratti għal xogħlijiet jistgħu jingħataw skont il-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż ta’ kuntratt. Fi kwalunkwe każ ieħor, skont l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet permezz tal-proċedura miftuħa jew tal-proċedura ristretta.

7.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

“1. Awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] għandhom jgħarrfu, permezz ta’ avviż indikattiv, il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħlijiet li għandhom ħsieb jagħtu u l-estimi tal-valur li ma jkunx anqas mill-valur bażiku stabbilit fl-Artikolu 6(1).

2. Awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet] bil-proċedura miftuħa, ristretta jew innegozjata msemmija fl-Artikolu 7(2), għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż. […]”.

8.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (3), jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizz] għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’:

[…]

(iii) kuntratti għall-akkwist jew il-kiri, bi kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ l-art, ta’ bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew li jikkonċernaw id-drittijiet fuqhom; madanakollu, kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi fl-istess żmien bħal, qabel jew wara il-kuntratt ta’ akkwist jew tal-kiri, fi kwalunkwe forma, għandhom jkunu suġġetti għal din id-Direttiva; […]”.

III – Il-fatti

9.        Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda l-kostruzzjoni, fuq inizjattiva tal-belt ta’ Cologne, ta’ erbat iswali ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi tagħhom, minn impriża privata, GKM-GbR. Kien previst mill-bidu li l-operatur ta’ dawn is-swali kienet Kölnmesse GmbH, kumpannija rregolata taħt id-dritt privat, b’79 % mill-ishma tagħha miżmuma mill-belt ta’ Cologne u 20 % mil-Land Nordrhein-Westfalen, bl-għanijiet tagħha, skont l-istatut, ikunu dawk li torganizza u tospita fieri u espożizzjonijiet biex tippromwovi l-industrija, il-kummerċ u l-artiġġjanat.

10.      L-ewwel pjanti għall-kostruzzjoni tal-erbat iswali ġodda ta’ espożizzjoni, fis-sit tal-fiera, kienu diġà ġew żviluppati minn Kölnmesse GmbH fil-bidu tas-snin disgħin. Madankollu, wara l-konstatazzjoni li “s-swali tar-Rhein” (is-swali ta’ espożizzjoni 1, 2, 3 u 5) operati minnha, bħala suċċessur (“Erbbaurechtnehmer”) tal-belt ta’ Cologne, għall-organizazzjoni ta’ fieri, ma kinux jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħha, Kölnmesse GmbH kienet, fis-snin 2000/2001, ħejjiet pjan kumplessiv li kien jinkludi, fost affarijiet oħra, il-kostruzzjoni ta’ erbat iswali ġodda ta’ espożizzjoni, sas-sena 2012. Fl-2003, il-belt ta’ Cologne approvat dan il-pjan kumplessiv, peress li mill-bidu tal-2008, hija riedet tqiegħed is-swali użati minn Kölnmesse GmbH, għad-dispożizzjoni tal-istazzjon televiżiv RTL, sabiex dan l-istazzjon ma jitlaqx minn Cologne, kif kien previst. Huwa f’dan il-kuntest li Kölnmesse GmbH u l-belt ta’ Cologne kienu ddeċidew li jaċċelleraw il-kostruzzjoni tal-erbat iswali ġodda ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi previsti fil-pjan kumplessiv.

11.      Għall-finanzjament ta’ dan il-proġett ta’ kostruzzjoni, il-belt ta’ Cologne u Kölnmesse GmbH finalment iddeċidew favur mudell ta’ finanzjament li fih, ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni ma kellhomx isiru mill-belt ta’ Cologne jew minn Kölnmesse GmbH innifishom, iżda minn impriża privata – GKM-GbR – li fil-kapaċità tagħha ta’ proprjetarja tal-kostruzzjoni, kellha tibni s-swali ta’ espożizzjoni kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa, biex sussegwentement tikrihom lill-belt ta’ Cologne. Fit-tieni stadju, il-belt ta’ Cologne kellha tissulloka s-swali ta’ espożizzjoni lil Kölnmesse GmbH, li billi torganizza u tospita l-fieri, kellha tiġġenera biżżejjed dħul biex tkopri l-ammonti dovuti mill-belt ta’ Cologne lil GKM-GbR.

12.      Dan il-metodu ta’ finanzajment, ta lok għal struttura kumplessa mill-aspett kuntrattwali u tal-liġi tal-proprjetà immobbli bil-belt ta’ Cologne tkun fiċ-ċentru ta’ dan kollu. Fis-6 ta’ Awwissu 2004, din tal-aħħar, ikkonkludiet ma’ GKM-GbR “kuntratt għall-kiri ta’ art li tinkludi fih 4 swali ta’ espożizzjoni, bini b’‘aċċess mit-Tramuntana’, bi vjal u bi trejqa ta’ aċċess quddiem il-parkeġġ, 5 binjiet ta’ konnessjoni bejn is-swali tal-espożizzjoni, il-parkeġġi u l-faċilitajiet esterni f’Cologne-Deutz, Deutz-Müllheimer-Straße et” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt prinċipali”), li bis-saħħa tiegħu, GKM-GbR kellha tikri lill-belt ta’ Cologne is-sit tal-espożizzjonijiet, bis-swali ta’ espożizzjoni Nri 8, 9, 10, u 11, inkluż il-bini ta’ komukazzjoni, infrastruttura u minimu ta’ 505 postijiet ta’ parkeġġ, kif ukoll il-faċilitajiet esterni. Kien previst li l-kera kellha tibda tiddekorri mill-1 ta’ Diċembru 2005 u li kellha tkun għal perijodu fiss normali ta’ tletin sena. Bħala korrispettiv, il-belt ta’ Cologne intrabtet li tħallas l-ammont ta’ kera ta’ EUR 1 725 000 fix-xahar, bl-ewwel tlettax-il xahar tal-kera jkunu eżenti minn kull ħlas.

13.      Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-11 ta’ Awwissu 2004, il-belt ta’ Cologne ikkonkludiet, ma’ Kölnmesse GmbH, “kuntratt ta’ sullokazzjoni” (4) li jirregola, taħt kundizzjonijiet kważi identiċi, il-kirja sussegwenti lil Kölnmesse GmbH, ta’ dawn is-swali ta’ espożizzjoni, inklużi l-binjiet ta’ komunikazzjoni, (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ sullokazzjoni”). Dan il-kuntratt kien jipprovdi għas-sullokazzjoni tas-swali ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi, għall-perijodu totali ta’ tletin sena, permezz tal-kirja ta’ EUR 1 730 000 fix-xahar, bl-ewwel tlettax-il xahar tal-kirja jkunu eżenti minn kull ħlas.

14.      Barra minn hekk, biex tkun issemplifikata l-eżekuzzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratt prinċipali u mill-kuntratt ta’ sullokazzjoni, il-belt ta’ Cologne u Kölnmesse GmbH ikkonkludew, fil-11 u fis-16 ta’ Awwissu 2004, ftehim għall-implementazzjoni tal-kuntratt ta’ sullokazzjoni, li permezz tiegħu il-belt ta’ Cologne tat mandat lil Kölnmesse GmbH biex teżegwixxi u teżerċita l-biċċa l-kbira tad-drittijiet u l-obbligi li l-belt ta’ Cologne kienet assumiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet ma’ GKM-GbR. L-għan ta’ dan il-ftehim ta’ implementazzjoni kien li jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ koordinazzjoni u approvazzjoni fir-rigward ta’ GKM-GbR, li jingħataw l-istruzzjonijiet tekniċi, li jiġu eżerċitati d-drittijiet u l-obbligi marbuta max-xogħlijiet li kienu għadhom iridu jitwettqu jew li kienu difettużi, u b’mod ġenerali, biex jiġu evitati konsegwenzi legali negattivi fir-relazzjonijiet reċiproċi tal-partijiet. Madankollu, ġew espressament esklużi, “il-ħlasijiet tal-kera” li kellhom isiru separatament fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali rispettivi. Barra minn hekk, ġie previst li l-eżerċizzju, minn Kölnmesse GmbH, tad-drittijiet li jemendaw ir-rabta legali eżistenti (bħall-annullament u t-terminazzjoni), tal-belt ta’ Cologne, kien dejjem jeħtieġ il-kunsens preliminari ta’ din tal-aħħar.

15.      Fil-qafas tat-tħejjija u tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, il-belt ta’ Cologne kif ukoll Kölnmesse GmbH kienu, b’seħħ mill-aħħar tas-sena 2003, biegħu lill-investitur privat l-artijiet meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-erbat iswali ġodda ta’ espożizzjoni b’tali mod li, fid-data tal-konklużjoni tal-“kuntratti ta’ kiri”, GKM-GbR kienet diġà l-propjetarja ta’ dawn l-artijiet.

16.      Fit-30 ta’ Novembru 2005, is-swali ta’ espożizzjoni għaddew uffiċjalment minn GKM-GbR lill-belt ta’ Cologne.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża

17.      Wara li fis-7 ta’ Settembru 2005, rċeviet ilment li kien jallega li kien hemm ksur tad-dritt Komunitarju fl-għoti tal-kuntratt għal xogħlijiet għall-erbat iswali ġodda ta’ espożizzjoni f’Cologne, il-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2005, infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li x’aktarx kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 11 tad-direttiva, peress li l-awtorità kontraenti kkonċernata f’dan il-pjan ta’ xogħlijiet kienet naqset milli tissottometti l-kuntratt ta’ kostruzzjoni u ta’ kiri jew ta’ kwalunkwe użu ieħor tas-swali ta’ espożizzjoni, għall-proċedura Ewropea, miftuħa jew ristretta, tas-sejħa għall-offerti. Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk intalab, skont l-Artikolu 226 KE, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan il-punt u sabiex f’terminu ta’ xahrejn jikkomunika l-kuntratti konklużi, kif ukoll kwalunkwe dokument ieħor relevanti.

18.      Fir-risposta tagħha tal-15 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostniet li Kölnmesse GmbH ma kinitx awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37, u li għaldaqstant ma kien hemm ebda ksur tad-dritt Komunitarju. F’risposta għal ittra ta’ intimazzjoni supplementari, mibgħuta mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2006, li permezz tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ntalbet tipprovdi iktar informazzjoni kif ukoll id-dokumenti relevanti, din ikkonfermat essenzjalment, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2006, l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-kapaċità ta’ Kölnmesse GmbH bħala awtorità kontraenti, u żiedet tgħid li l-belt ta’ Cologne kienet ikkonkludiet fir-rigward ta’ dan il-proġett ta’ kostruzzjoni, atti legali biss li ma jaqgħux fl-ambitu tal-kuntratti pubbliċi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat ukoll li m’għandhiex aċċess għal kuntratti u dokumenti oħra ta’ Kölnmesse GmbH, peress li din kienet entità ekonomika rregolata mid-dritt privat. B’hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat biss il-kuntratt prinċipali, il-kuntratt ta’ sullokazzjoni, il-ftehim ta’ implementazzjoni, rapport tal-Bezirksregierung Köln tas-27 ta’ Jannar 2006 kif ukoll ittra ta’ rassigurazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2003, maħruġa mill-belt ta’ Cologne favur Kölnmesse GmbH.

19.      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’opinjoni motivata, skont l-Artikolu 226(1) KE. Fir-rispota għal din l-opinjoni motivata, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha dwar l-ineżistenza ta’ ksur sostantiv tad-dritt Komunitarju u invokat argument ġdid li l-kuntratt għall-bejgħ tal-art, konkluż preliminarjament bejn Kölnmesse GmbH u GKM-GbR fit-18 ta’ Diċembru 2003, kien jinkludi wkoll l-obbligu ta’ GKM-GbR li twettaq ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fuq is-sit tal-espożizzjonijiet mibjugħ. Barra minn hekk, hija sostniet li l-kuntratti tax-xogħlijiet ta’ Kölnmesse GmbH kienu eżawrixxew l-effetti tagħhom, peress li s-swali ta’ espożizzjoni tlestew u tqiegħdu lura għad-dispożizzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Fl-opinjoni tagħha, filwaqt li ammettiet li kien hemm ksur tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi, il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-proċedimenti fir-rigward kienu inammissibbli, minħabba li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kkontestati kienu ġew konklużi. Fl-istess waqt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat estratt ta’ 5 paġni minn att ta’ bejgħ notarili, tat-18 ta’ Diċembru 2003.

20.      B’referenza għall-wegħda verbali magħmula mis-Sindku tal-belt ta’ Cologne lis-Sur McCreevy, membru tal-Kummissjoni, responsabbli mis-suq intern, “li, fil-ġejjieni, jirrinunzjaw għal dawn il-finanzjamenti kuntrattwali u jipproċedu, skont il-liġi applikabbli, għal sejħa għal offerti Ewropea fir-rigward ta’ kull kuntratt li jeċċedi l-limiti massimi stabbiliti mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni, f’ittra ulterjuri tat-18 ta’ April 2007, biex tagħlaq il-proċeduri inkwistjoni.

V –    Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet

21.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

–        tikkonstata li peress li l-belt ta’ Cologne ikkonkludiet il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 mal-kumpannija Grundstückgesellschaft Köln Messe 15 bis 18 GbR, mingħajr ma applikat il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti b’sejħa għal offerti Ewropea, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il quddiem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7 fid-dawl tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet];

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-kawża.

22.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fil-25 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23.      Wara l-preżentata tar-replika tal-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2008 u tal-kontroreplika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-26 ta’ Ġunju 2008, ingħalqu l-proċeduri bil-miktub.

24.      Fis-seduta tal-25 ta’ Marzu 2009, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja trattaw il-kawża.

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

25.      Skont il-Kummissjoni, peress li l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 ġie konkluż mill-belt ta’ Cologne, fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità kontraenti, mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt u b’rabta ekonomika diretta mal-konklużjoni preċedenti tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn Kölnmesse GmbH u GKM-GbR, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 93/37.

26.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem diversi motivi għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà tar-rikors u tqis li barra minn hekk huwa infondat.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

27.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem qabel kollox l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-ksur invokat tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi ntemm qabel ma skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Fl-opinjoni tagħha, meta skada dan it-terminu, is-servizzi tax-xogħlijiet kollha kienu diġà tlestew u tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-belt ta’ Cologne bħala l-kerreja prinċipali. Fl-opinjoni tagħha, b’hekk, l-“effetti rilevanti” tal-kuntratt jew tal-kuntratt tax-xogħlijiet ikkontestat kienu eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu, b’mod li r-rikors ippreżentat sussegwentement mill-Kummissjoni għandu jinċaħad bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. 

28.      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jeħtieġ li fil-kuntest tal-eżami dwar l-ammissibbiltà, issir distinzjoni bejn, minn naħa, l-effetti “li huma potenzjalment kontra l-liġi tal-kuntratti pubbliċi” u, min-naħa l-oħra, l-effetti “legali” tal-kuntratt ikkontestat, fejn huma biss tal-ewwel, li huma ta’ relevanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. L-effetti li huma “potenzjalment kontra l-liġi tal-kuntratti pubbliċi”, jinkludu b’mod partikolari s-servizzi ta’ xogħlijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-kuntrattur. Min-naħa l-oħra, l-effetti “legali” li mhumiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà, jinkludu l-obbligi finanzjarji tal-awtorità kontraenti, liema effetti għandhom, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiġu kkwalifikati bħala newtrali. Fl-opinjoni tagħha, peress li, fil-każ preżenti, is-servizzi ta’ xogħlijiet ġew kollha kemm huma pprovduti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jinċaħad bħala inammissibbli. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li l-belt ta’ Cologne għad għandha, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, obbligi ta’ ħlasijiet “newtrali”, m’għandu ebda effett fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

29.      Fir-risposta tagħha għal dan il-motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni qalet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għad trid tistabbilixxi l-prova li GKM-GbR fil-fatt ipprovdiet is-servizzi ta’ xogħlijiet relevanti kollha qabel l-iskadenza tat-terminu. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, kien jistabbilixxi sensiela ta’ obbligi kuntrattwali imposti kemm fuq GKM-GbR, kif ukoll fuq il-belt ta’ Cologne, li kellhom jiġu eżegwiti matul l-implementazzjoni tal-kuntratt u għaldaqstant wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Skont il-Kummissjoni, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat mal-liġi tal-kuntratti pubbliċi huwa ammissibbli jekk in-nuqqas jieqaf jisussisti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, biss ladarba l-effetti kollha tal-kuntratt kontenzjuż ikunu diġà ġew eżawriti mal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, li fil-kawża preżenti evidentement mhuwiex il-każ.

B –    Fuq il-fondatezza tar-rikors

30.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa infondat peress li l-kuntratt kontenzjuż tas-6 ta’ Awwissu 2004 ma jikkostitwixxix kuntratt tax-xogħlijiet iżda – minn perspettiva prattika – huwa biss kuntratt intiż sabiex jiggarantixxi minn aspett finanzjarju kuntratt konkluż bejn GKM-GbR u Kölnmesse GmbH, li għandu bħala suġġett l-użu tas-swali ta’ espożizzjoni li kellhom jinbnew fejn għaldaqstant Kölnmesse GmbH ma tistax tiġi kkwalifikata bħala entità rregolata mil-liġi pubblika, suġġetta għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, anki jekk ma jsegwix din l-analiżi prattika, il-kuntratt prinċipali kontenzjuż għandu, minħabba l-forma u l-kontenut tiegħu, jiġi kkwalifikat bħala kuntratt ta’ kiri. Fl-opinjoni tagħha, skont il-perspettiva adottata, l-għan prinċipali tal-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2006, jikkonsisti fil-kiri jew fil-provvista ta’ finanzjament, li neċessarjament jeskludi dan il-kuntratt mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37.

31.      Il-Kummissjoni twieġeb f’dan ir-rigward li l-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 kien essenzjalment jirrigwarda l-provvista ta’ xogħlijiet – u b’mod partikolari l-kostruzzjoni tas-swali ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi tagħhom – u għaldaqstant għandu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt ta’ xogħlijiet, fejn b’hekk il-belt ta’ Cologne, li għandha relazzjoni diretta GKM-GbR, għandha titqies bħala l-awtorità kontraenti. Skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni tal-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 għaldaqstant jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, mogħti mill-belt ta’ Cologne bi ksur tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi talli ma tax lok għal sejħa għal offerti fuq livell Ewropew kif meħtieġ minn dan l-għoti ta’ kuntratt.

VII – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

32.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja essenzjalment issostni li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli peress li l-allegat ksur tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi kien waqaf kompletament qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 226 KE, jista’ jitressaq biss meta l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fit-terminu stabbilit f’din l-istess opinjoni. L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha għaldaqstant tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif tirriżulta mal-iskadenza ta’ dan it-terminu (5).

34.      Skont dawn ir-regoli ġenerali, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jinċaħad meta jirriżulta li n-nuqqas allegat ikun eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (6). Skont l-għan tagħha, il-proċedura prekontenzjuża hija fil-fatt intiża sabiex telimina ksur tad-dritt Komunitarju qabel il-proċedura kontenzjuża b’mod li – skont il-loġika ta’ din il-proċedura – meta dan il-ksur ikun ġie totalment irrimedjat qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-rettifikazzjoni, ir-raġuni għat-tkomplija tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun nieqsa (7).

35.      Dan il-prinċipju huwa kkonfermat permezz ta’ analiżi iktar dettaljata tal-kliem tal-Artikolu 226(2) KE, skont liema l-Kummissjoni tista’ tressaq il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Istat ma jkunx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fit-terminu mogħti fl-istess opinjoni. Jirriżulta a contrario li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tippreżenta r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jekk il-ksur allegat ikun ġie rrimedjat fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni (8).

36.      Dan jimplika, għal dak li jikkonċerna r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi skont l-Artikolu 226 KE, li t-tali rikors għandu jinċaħad bħala inammissibbli jekk, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kuntratt, konkluż bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi applikabbli, ikun diġà eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu (9). Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-proċedura nnifisha għall-għoti tal-kuntratt tkun ingħalqet kompletament qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit, ma jippreżenta ebda rilevanza (10).

37.      Li hu deċiżiv sabiex tiġi evalwata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa għaldaqstant li jiġi kkonstatat jekk il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 kkritikat mill-Kummissjoni kienx għadu jew le fl-istadju li jiġi implementat meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit-18 ta’ Diċembru 2006.

38.      Ninsabu konvinti li l-implementazzjoni legalment rilevanti tal-kuntratt prinċipali, ma kinitx għadha saret fit-18 ta’ Diċembru 2006.

39.      Minkejja li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa għall-verifika tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (11), fil-kuntest tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq ir-rettifika tan-nuqqas fit-terminu stabbilit, imqajma minn Stat Membru, l-oneru tal-prova għandu jinqaleb skont il-prinċipju reus in exceptione fit actor.

40.      Bħala prova tat-tlestija effettiva tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat “proċess verbali ta’ trasferiment tal-fond lokatizju ‘l-estensjoni tat-Tramuntana’, ta’ Kölnmesse f’Cologne” tat-30 ta’ Novembru 2005, kif ukoll numru ta’ artikoli oħra tal-istampa dwar il-ftuħ ta’ fiera fis-16 ta’ Jannar 2006.

41.      Filwaqt li huwa minnu li dawn id-dokumenti jistabbilixxu li f’din id-data ix-xogħlijiet fis-swali ta’ espożizzjoni, fl-istrutturi anċillari u fl-infrastrutturi tagħhom kienu fil-biċċa l-kbira tlestew, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-proċess verbali ta’ trasferiment jindika sensiela ta’ xogħlijiet li kienu għadhom iridu jitwettqu kif ukoll xogħlijiet difettużi. Barra minn hekk, hemm riferiment għal “proċessi verbali li jirrigwardaw l-ispezzjoni tas-servizzi bid-dati tat-30.10. u l-11.11.2005” li mhumiex mehmuża u li jinkludu wkoll informazzjoni dwar xogħlijiet pendenti u xogħlijiet difettużi. Id-dokumenti ppreżentati ma jinkludu ebda indikazzjoni konkreta tad-data għat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet pendenti. F’dan ir-rigward, hemm biss indikat fil-proċess verbali ta’ trasferiment li sid il-kera kellu l-intenzjoni li jipproċedi, qabel it-18 ta’ Diċembru 2005, sabiex iwettaq il-parti l-kbira tax-xogħlijiet pendenti u tar-rettifiki meħtieġa. Barra minn hekk, il-belt ta’ Cologne kienet ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li minħabba li riedu jiġu ospitati xi fieri, fil-perijodu bejn it-18.12.2005 u l-10.03.2006, ma kienx ser ikun possibbli li x-xogħlijiet difettużi jiġu rrettifikati kif ukoll li jitkomplew ix-xogħlijiet pendenti, jew tal-inqas dan kien biss possibbli limitatament u wara ftehim preliminari, li jindika li l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet li kienu għadhom iridu jitwettqu kienet ser tinfirex minn tal-inqas fuq medda ta’ bosta xhur.

42.      Il-kuntratt prinċipali kien jipprovdi wkoll sensiela ta’ obbligi għall-manteniment u t-tiswija “tal-faċċati u tal-bjut”, li kellhom jiġu eżegwiti minn GKM-GbR, li f’dan ir-rigward setgħet tinżamm responsabbli, għall-perijodu kollu tal-kuntratt, għat-twettiq ta’ xogħlijiet ftit jew wisq estensivi fuq l-istrutturi prinċipali tal-bini, fuq il-faċċati, fuq il-bjut tas-swali ta’ espożizzjoni u l-installazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-kisi mill-ġdid tal-partijiet tal-bini li jmissu mal-art. Fid-dawl tal-fatt li t-tindif u l-manteniment tal-faċċati, il-kisi mill-ġdid tal-partijiet tal-bini li jmissu mal-art, kif ukoll ix-xogħlijiet fuq il-bjut huma espressament ikklassifikati fl-Anness II tad-Direttiva 93/37 fost l-attivitajiet ta’ “bini u inġinerija ċivili”, u b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ “kostruzzjoni” ta’ proprjetà immobbli, dawn ix-xogħlijiet previsti fil-kuntratt għandhom ukoll jitqiesu bħala “xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u għaldaqstant jippreżentaw rilevanza fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà.

43.      Fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulata mill-proċess, għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, anki wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, GKM-GbR kompliet twettaq xogħlijiet ta’ tiswija ftit jew wisq ta’ ċerta importanza relatati mal-bini, jew li fil-ġejjieni hija tista’ tintrabat kuntrattwalment li teżegwixxi xogħlijiet simili.

44.      Jeħtieġ barra minn hekk li jiġi enfasiżżat li l-korrispettiv kuntrattwali dovut mill-belt ta’ Cologne – il-ħlas ta’ somma flus kull xahar– kellu jitħallas mingħajr interruzzjoni mill-1 ta’ Jannar 2007 għal perijodu ta’ kważi 29 sena u għaldqastant lil hinn mit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

45.      Hemm lok sabiex jinċaħad l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibilità ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi, hija biss id-data tat-tlestija tax-xogħlijiet imwettqa mill-kuntrattur li tmur kontra l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li hija relevanti, filwaqt li d-data tal-ħlas tal-korrispettiv ikkalkolat fi flus, mill-awtorità kontraenti, ma tippreżenta ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

46.      Distinzjoni bħal din bejn l-effetti “li jiksru l-liġi tal-kuntratti pubbliċi” u l-effetti li huma “legalment newtrali”, ta’ kuntratt konkluż bi ksur tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, ma tirriżultax, la mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/37, u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet huwa wieħed oneruż bejn impriża u awtorità kontraenti, għall-provvista ta’ servizzi ta’ xogħlijiet partikolari. Peress li l-kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi għandu għaldaqstant jikkwalifika bħala wieħed li huwa essenzjalment sinallagmatiku, mhuwiex possibbli fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibilità, li tiġi adottata, minn perspettiva sistematika, distinzjoni bejn il-provvista ta’ xogħlijiet dovuti mill-imprenditur u l-obbligi ta’ ħlas tal-awtorità kontraenti. Fil-fatt huwa preċiżament dan l-obbligu ta’ ħlas tal-awtorità kontraenti li jwassal sabiex ix-xogħlijiet dovuti mill-impriża, jaqgħu taħt il-liġi tal-kuntratti pubbliċi. F’dan il-kuntest, l-Avukat Ġenerali Léger, ġustament ikkonstata, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ordine degli Architetti (12), li l-allokazzjonijiet diskriminatorji tal-kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet kontraenti huma illegali fir-rigward tad-direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi preċiżament għaliex jagħtu lok għal ħlasijiet li jibbenefikaw lill-kumpanniji magħżula.

48.      Jeħtieġ barra minn hekk li jiġi enfasiżżat li d-Direttiva 93/37 – kif jirriżulta mill-għaxar premessa tagħha – hija intiża sabiex tippromwovi kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tax-xogħlijiet. Meta kuntratt pubbliku ma jiġix attribwit skont il-proċedura applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u għaldaqstant mingħajr ma jkun hemm kompetizzjoni preliminari għalih, l-awtorità kontraenti ġeneralment tħallas ammont ogħla milli kieku kienet tħallas jekk ipproċediet għal sejħa għal offerti skont il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Huwa preċiżament permezz tal-obbligi ta’ ħlas li għandha l-awtorità kontraenti, li jirriżultaw il-konsegwenzi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, b’mod li dawn l-obbligi diffiċilment jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ta’ effett “newtrali” fir-rigward tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi tal-kuntratt konkluż bi ksur ta’ din il-liġi.

49.      Fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt ikunx diġà eżawrixxa l-effetti tiegħu mal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, il-korrispettiv (fi flus) dovut mill-awtorità kontraenti ma jistax għaldaqstant jiġi kkwalifikat bħala “newtrali fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”. B’hekk, il-persistenza tal-eżistenza ta’ obbligu kuntrattwali ta’ ħlas fuq l-awtorità kontraenti għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala effett ġuridikament rilevanti tal-kuntratt konkluż bi ksur tad-direttiva applikabbli dwar il-kuntratti pubbliċi.

50.      Din l-evalwazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li fiha teżisti rabta mad-data tal-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt, konkluż bi ksur tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (13), jew mad-data li fiha l-kuntratt jew is-sejħa għall-offerti kkontestati jkunu eżawrixxew l-effetti kollha tagħhom (14). Dan il-kriterju japplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jikkonċernax l-għoti ta’ kuntratt ta’ provvista, kuntratt ta’ servizzi, jew kuntratt ta’ xogħlijiet u għandu, f’dan is-sens, inekwovikament karattru ġenerali fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

51.      Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, il-kontinwità tal-eżistenza tan-nuqqas invokat, ma tistax bħala prinċipju terġa’ titqajjem ladarba s-servizz ta’ xogħlijiet miftehma bi ksur tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi, ma jkunx għadu ġie kompletament ipprovdut fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni u dan, indipendentement mill-ammont ta’ xogħlijiet li jkunu għadhom iridu jitwettqu. Il-provvista ta’ servizzi ta’ xogħlijiet wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit timplika għaldaqstant, fiha nnifisha, li l-eżistenza tal-ksur invokat tippersisti b’mod li f’dan ir-rigward mhuwiex meħtieġ li jiġu ppreżentati indikazzjonijiet jew provi supplementari anki meta din tkun tirrigwarda biss il-provvista ta’ xogħlijiet li jkunu ta’ daqs minimu (15). Min-naħa l-oħra, ladarba jiġu pprovduti x-xogħlijiet kollha, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kuntratt ikunx għadu qed jipproduċi effetti legali oħra rilevanti.

52.      Konferma espliċita ta’ dan il-prinċipju li tgħid li, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà, kollox jiddependi mill-effetti tal-kuntratt fit-totalità tiegħu, tinsab fis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, fil-Kawża C-237/05, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (16). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, dwar ftehim qafas tal-20 ta’ Frar 2001, konkluż bejn l-awtoritajiet Griegi kompetenti u l-konfederazzjoni Panellenika tal-għaqdiet tal-kooperattivi agrikoli, kif dwar il-kuntratti li jimplementaw dan il-ftehim konklużi bejn il-membri ta’ din il-konfederazzjoni u l-awtoritajiet Griegi. Dawn il-kuntratti ta’ implementazzjoni kienu jipprovdu b’mod partikolari li l-għaqdiet lokali tal-kooperattivi agrikoli kellhom jinformaw lill-bdiewa kkonċernati dwar is-sistemi ġodda ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll li kellhom jassistuhom fit-tħejjija u l-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom għal għajnuna. Il-konfederazzjoni Panellenika tal-għaqdiet tal-kooperattivi agrikoli kellha tikkoordina x-xogħlijiet tal-membri tagħha. Il-ksur tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi invokat mill-Kummissjoni kien jikkonċerna biss l-assistenza mogħtija mill-għaqdiet tal-kooperattivi agrikoli għat-tħejjija tat-talbiet għal għajnuna, għas-sena 2001 filwaqt li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jiskadi biss fid-19 ta’ Frar 2004. Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret il-prinċipju ġenerali li jgħid li t-tali rikors huwa inammissibbli jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kuntratt inkwistjoni jkun diġà eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu. Madankollu hemm lok biex jiġi vverifikat jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kuntratti kontenzjużi kinux, minn tal-inqas parzjalment, fil-proċess li jiġu implementati. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-fatti kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasiżżat li dawn il-kuntratti kienu jinkludu klawżola li tgħid li dawn il-kuntratti ma jibqgħux fis-seħħ meta l-għajnuna finanzjarja kollha tkun tħallset lill-bdiewa li jkunu ressqu talba f’dan is-sens. Peress li t-totalità tal-għajnuna mitluba għas-sena 2001 kienet tħallset fis-sena ta’ wara, għaldaqstant qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u peress li l-kuntratti ma kinux għalhekk għadhom fis-seħħ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-effetti kollha tal-ftehim qafas u tal-kuntratti ta’ implementazzjoni kontenzjużi kienu diġà ġew eżawriti meta skada t-terminu mogħti b’mod li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu nċaħad bħala inammissibbli.

53.      F’din is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ffukatx fuq id-data tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet mill-kuntrattur, iżda bil-kontra fuq l-iskadenza totali tal-kuntratt, li seħħet biss wara l-ħlas tal-għajnuna mitluba.

54.      Il-fatt li wieħed jiffoka, fuq il-kuntratt fit-totalità tiegħu, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jippermetti wkoll li jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt li llum il-ġurnata, anki kuntratti għal xogħlijiet importanti ħafna jistgħu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jiġu implementati fi żmien relattivament qasir filwaqt li l-Kummissjoni ta’ spiss tkun informata biss wara li jsir ilment, u għaldaqstant meta jkun tard, dwar il-ksur ikkonċernat tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi. F’din il-kawża, jirriżulta wkoll mill-proċess li l-Kummissjoni kienet informata dwar ksur eventwali tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi li tikkonċerna s-swali ta’ espożizzjoni biss permezz ta’ lment tas-7 ta’ Settembru 2005 filwaqt li dawn is-swali bdew joperaw sa minn Diċembru 2005, jiġifieri ftit xhur wara biss. Dan l-eżempju juri b’mod ċar li eżami wisq restrittiv tal-ammissibbiltà li fil-kuntest tiegħu il-kriterju jillimita ruħu għax-xogħlijiet ipprovduti mill-kuntrattur jagħmel ħsara lill-applikazzjoni effettiva tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.

55.      F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ ukoll li jiġi enfasiżżat, minn perspettiva proċedurali, li l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata u l-preżentata sussegwenti ta’ rikors, mhux neċessarjament iwasslu għas-sospensjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kkontestati. Jekk mal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, ikunu pereżempju tlestew 85 % tax-xogħlijiet u l-awtorità kontraenti tikkontesta l-eżistenza tal-ksur tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jkunu bħala regola ġenerali tlestew kompletament fid-data tal-għoti tas-sentenza fi tmiem il-proċedura ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, din l-ipoteżi finalment mhijiex konkretament differenti minn waħda li fiha x-xogħlijiet ikunu diġà ġew kompletament ipprovduti mal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, iżda fejn l-awtorità kontraenti ma tkunx għadha eżegwiet l-obbligi tagħha ta’ ħlas, u li, b’hekk, il-kuntratt ikompli jipproduċi l-effetti tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit.

56.      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, nasal għall-konklużjoni li fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-effetti kollha tal-kuntratt konkluż bi ksur tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi humiex eżawriti mal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni. Il-korrispettiv li jikkonsisti fil-ħlas mill-awtorità kontraenti ta’ somma flus jagħmel parti wkoll minn dawn l-effetti.

57.      Fil-qosor, għaldaqstant għandu jiġi stabbilit li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq ir-rettifika qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, għandha tinċaħad jekk, mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-kuntratt kien għadu, minn tal-inqas parzjalment, fil-proċess li jiġi eżegwit, bil-ħlas tal-korrispettiv (fi flus) dovut mill-awtorità kontraenti jitqies għaldaqstant bħala parti relevanti tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

58.      F’dawn il-kundizzjonijiet, f’din il-kawża, il-fatt li l-belt ta’ Cologne pprovdiet jew kienet marbuta li tipprovdi l-korrispettiv (fi flus), dovut kull xahar wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit huwa biżżejjed biex jiġi stabbilit li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004, kien minn tal-inqas parzjalment għadu fil-proċess li jiġi eżegwit u li għaldaqstant kien għadu qed jipproduċi effetti legali rilevanti.

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażata fuq ir-rettifika qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tan-nuqqas allegat, ma tistax tintlaqa’. Fl-opinjoni tiegħi, għaldaqstant xejn ma jostakola l-ammissibbiltà tar-rikors.

B –    Fuq il-mertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

60.      L-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar in-natura infondata ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissejjsu essenzjalment fuq it-teżi li tgħid li GKM-GbR ma ngħatatx kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u – sussidjarjament – , li f’kull każ, il-kuntratt ma ngħatax mill-belt ta’ Cologne permezz tal-kuntratt kontenzjuż tas-6 ta’ Awwissu 2004. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni dawn l-argumenti prinċipali billi tikkwalifika l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 bħala wieħed ta’ kiri jew ta’ finanzjament.

61.      Huwa minnu li, fid-dawl tal-użu għal perijodu twil partikolari miftiehem, dan il-kuntratt jinkludi element importanti ta’ provvista ta’ servizzi. Jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat jekk u sa fejn dan il-kuntratt jissodisfa l-kriterji tad-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u jekk l-elementi stabbiliti, karatteristiċi ta’ dan il-kuntratt, humiex biżżejjed biex dan il-kuntratt (mist) jaqa’ kollu kemm hu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37. Qabel ma niffoka fuq dan il-punt, jeħtieġ madankollu li qabel kollox jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li f’dan il-każ, mhijiex il-belt ta’ Cologne iżda bil-kontra Kölnmesse GmbH li għandha titqies, mill-aspett tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, bħala l-awtorità kontraenti reali.

2.      Il-pożizzjoni tal-belt ta’ Cologne bħala entità kontraenti fir-rigward ta’ GKM-GbR

a)      Il-belt ta’ Cologne għandha tiġi kkwalifikata bħala entità kontraenti fir-rigward ta’ GKM-GbR

62.      Huwa paċifiku li l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 ġie konkluż mill-belt ta’ Cologne ma’ GKM-GbR, kif ukoll li l-belt ta’ Cologne sussegwentement ikkonkludiet “kuntratt ta’ sullokazzjoni” ma’ Kölnmesse GmbH. B’riferiment għall-interpretazzjoni prattika tal-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għar-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta minnha li tipproċedi għal analiżi globali sħiħa ta’ strutturi kumplessi fl-ambitu tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi biex tkun tista’ tiġi ddeterminata n-natura reali tal-kuntratti u sabiex tkun tista’ sussegwentement tivverifika l-legalità tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ssostni li Kölnmesse GmbH għandha, f’dan il-każ, minn perspettiva prattika u wara eżami tal-kuntest globali, titqies bħala l-entità kontraenti reali fir-rigward ta’ GKM-GbR.

63.      Anke jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ilha tagħti deċiżjonijiet fis-sens li l-kunċett tal-awtorità kontraenti m’għandux jiġi interpretat b’mod formali, izda b’mod prattiku (17), jeħtieġ madankollu li jiġi enfasiżżat li din il-ġurisprudenza mhijiex ibbażata fuq prinċipju ġenerali tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi li jgħid li l-element ta’ “awtorità kontraenti” għandu jiġi eżaminat b’mod purament prattiku mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura kuntrattwali fl-għoti tal-kuntratt. Din il-ġurisprudenza min-naħa l-oħra, hija xhieda tal-volontà tal-Qorti tal-Ġustizzja li telimina s-swieq nazzjonali magħluqa sabiex tiftaħhom – skont l-għanijiet stabbiliti fil-premessi tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – għas-suq komuni (18). Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet interpretazzjoni prattika tal-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li jgħid li ftit jeħtieġ sabiex entità nazzjonali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala awtorità kontraenti, fis-sens tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, anki jekk din il-kapaċità, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kkonċernati, tirrikjedi karatteristiċi li huma istituzzjonalment stabbiliti (19).

64.      Anke fil-kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tar-rikors, ir-raġuni wara struttura kumplessa fir-rigward tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, dan dejjem għamlitu sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbiċi kkonċernati fid-dawl tal-kisba simultanja tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (20).

65.      F’dan il-każ xejn ma juri li fil-kuntest ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 93/37, m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura kuntrattwali magħżula minn GKM-GbR, mill-belt ta’ Cologne u minn Kölnmesse GmbH, u li fiha l-belt ta’ Cologne hija l-awtorità kontraenti prinċipali.

66.      Jeħtieġ fil-fatt li minn naħa jiġi enfasizzat li l-belt ta’ Cologne ma ttrasferitx lil Kölnmesse GmbH id-drittijiet u l-obbligi tagħha derivanti mill-“kuntratt ta’ kiri” tas-6 ta’ Awwissu 2004, b’tali mod li ma teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta bejn Kölnmesse GmbH u GKM-GbR (21). Ċertament, l-obbligi derivanti mill-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 jirriflettu rwieħhom essenzjalment fil-“kuntratt ta’ sollokazzjoni”, konkluż bejn il-belt ta’ Cologne u Kölnmesse GmbH u l-ftehim ta’ implementazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet li huma maħsuba biex jikkoordinaw u jissimplifikaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt prinċipali u tal-kuntratt ta’ sullokazzjoni, madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, fir-rigward ta’ GKM-GbR, hija biss il-belt ta’ Cologne li hija direttament marbuta bl-obbligi u li hija l-benefiċjarja tad-drittijiet derivanti mill-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 (22). Barra minn hekk, kien diġà nftiehem qabel il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti li, l-assunzjoni de facto minn Kölnmesse GmbH tal-obbligi ta’ ħlas tal-belt ta’ Cologne għandha tiġi annulata mis-sena 2012 jekk jirriżulta li Kölnmesse GmbH ma kinitx qed tiġġenera biżżejjed dħul mill-organizazzjoni ta’ fieri biex tiffinanzja l-ammonti dovuti kull xahar (23).

67.      Min-naħa l-oħra, dan imur kontra t-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jekk, b’interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett tal-awtorità kontraenti, dawn l-awtoritajiet kontraenti jingħataw il-possibbiltà li jaħbu, permezz ta’ strutturi kuntrattwali kumplessi, l-identità tal-awtorità kontraenti reali u li minn dan jisiltu vantaġġ proċedurali. Jeżisti ta’ spiss fir-rigward tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, nuqqas ta’ bilanċ fid-distribuzzjoni tal-informazzjoni, fejn il-Kummissjoni ma jkollhiex immedjatament għad-dispożizzjoni tagħha d-data kollha meħtieġa sabiex tiddeċifra l-arranġamenti kuntrattwali magħżula mill-persuni involuti. Jekk interpretazzjoni prattika tal-kunċett tal-awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, twassal biex waħda mill-partijiet, li d-drittijiet tagħha ma jkunux ġew stabbiliti fil-ftehim li permezz tiegħu ingħatat il-kuntratt pubbliku, tkun tista’ tippreżenta ruħha bħala “awtorità kontraenti reali (prattika)”, minflok il-“parti msemmija fil-kuntratt li uffiċjalment aġġudikat il-kuntratt”, ikun hemm ir-riskju li numru ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi jinċaħdu minħabba l-projbizzjoni proċedurali li jinbidel jew jitwessa’ s-suġġett tal-kawża – li hija applikata b’mod pjuttost strett fil-kuntest tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (24) –, pereżempju minħabba li l-proċedura prekontenzjuża kienet ibbażata fuq l-awtorità kontraenti “żbaljata” jew il-kuntratt “żbaljat” tal-għoti (25).

68.      F’din il-kawża wkoll, l-argument żviluppat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-kwalità bħala awtorità kontraenti ta’ Kölnmesse GmbH, iwassal finalment sabiex jiġi sostnut il-motiv proċedurali li jgħid li fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma straħitx fuq ksur eventwali minn Kölnmesse GmbH tad-direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi. Peress li l-portata tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tillimita ruħha għall-ilmenti li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar fir-rikors tagħha, skont l-argumenti żviluppati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kwistjoni dwar jekk, Kölnmesse GmbH, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità kontraenti reali, kellhiex tagħmel sejħa għall-offerti għall-kuntratt kontenzjuż ma taqax fl-ambitu tar-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

69.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-kwalità ta’ Kölnmesse GmbH bħala awtorità kontraenti ma jistax jintlaqa’. Il-pożizzjoni tal-belt ta’ Cologne bħala parti kontraenti u bħala awtorità kontraenti ta’ GKM-GbR ma tistax tiġi kkontestata la b’riferiment għall-interpretazzjoni prattika tal-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, u lanqas fil-kuntest ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 93/37.

70.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, nasal għall-konklużjoni li f’dan il-każ, mhijiex Kölnmesse GmbH iżda bil-kontra hija l-belt ta’ Cologne, fir-relazzjonijiet ma’ GKM-GbR, li għandha tiġi kkwalifikata bħala l-entità kontraenti.

b)      Sussidjarjament: fl-ipoteżi fejn Kölnmesse GmbH għandha tiġi kkwalifikata bħala entità kontraenti “reali”, fir-rigward ta’ GKM-GbR

71.      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għal evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-kwalità bħala entità kontraenti ta’ Kölnmesse GmbH, ser nesponi fil-qosor iktar ’il quddiem, sussidjarjament, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw.

72.      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża kif ukoll l-espożizzjoni sommarja tal-motivi, filwaqt li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara biżżejjed u preċiża sabiex tippermetti li l-konvenut iħejji d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-kawża. Jirriżulta minn dan li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom rikors huwa bbażat għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors inniffsu kif ukoll li l-konklużjoniet għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ċertu lment (26).

73.      Kemm fil-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni sostniet li peress li l-belt ta’ Cologne ikkonkludiet ma’ GKM-GbR il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti u mingħajr sejħa għal offerti Ewropea, skont id-dispożizzjonijet imsemmija iktar ’il quddiem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tidher li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7, flimkien mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 93/37. B’hekk il-Kummissjoni stabbilit it-talbiet tagħha b’mod ċar, fis-sens li huwa biss il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 konkluż mill-belt ta’ Cologne, li jikkostitwixxi s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti.

74.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li Kölnmesse GmbH għandha tiġi kkunsidrata bħala l-entità kontraenti reali, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni f’din il-kawża għandu jinċaħad.

75.      Fil-fatt, f’dan il-każ, għandha tingħata tweġiba għal numru kbir ta’ mistoqsijiet oħra ta’ dritt u ta’ fatt li ma ttieħdux jew bil-kemm ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-partijiet, bħal pereżempju dik dwar jekk Kölnmesse GmbH, bħala kumpannija li torganizza l-fieri, tissodisfax il-kriterji tad-definizzjoni ta’ awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37, b’mod li r-regoli tad-dritt Ewropew tal-kuntratti pubbliċi japplikaw indirettament għaliha.

76.      Fil-prinċipju tista’ tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar il-kwalifika ta’ kumpannija li torganizza l-fieri bħala awtorità kontraenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi biss f’deċiżjoni għal kull każ u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha konkreti tal-każ partikolari. Fir-rigward ta’ Kölnmesse GmbH, jista’ madankollu jiġi kkonstatat li l-proċess jinkludi għadd ta’ elementi li fil-prinċipju, jidhru li jistgħu jagħtu lok għall-possibbiltà biex tikkwalifika bħala awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37.

77.      Skont l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37 b’korp irregolat mid-dritt pubbliku, u għaldaqstant b’awtorità kontraenti, wieħed jifhem kull entità li għandha l-personalità ġuridika, li twaqqfet biex speċifikament tissodisfa ħtiġijiet ta’ interess ġenerali li m’humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali u li hija fil-biċċa l-kbira tagħha ffinanzjata jew ikkontrollata mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali jew korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.

78.      Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk kumpannija li torganizza l-fieri bħal Kölnmesse GmbH tissodisfax it-tliet kriterji prinċipali tad-definizzjoni tal-kunċett tal-awtorità kontraenti, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tal-personalità ġuridika u ta’ kontroll mill-awtoritajiet kontraenti, m’għandhomx jagħtu lok għal wisq mistoqsijiet. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Agorà u Excelsior, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attivitajiet tal-organizazzjoni tal-fieri, tal-espożizzjonijiet u inizjattivi simili oħra, għandhom jitqiesu li jissodisfaw ħtiġijiet ta’ interess ġenerali (27).

79.      Anki jekk il-kunċett ta’ korp pubbliku għandu jingħata interpretazzjoni prattika (28) u ġeneralment għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa (29), mhuwiex daqshekk evidenti li kumpannija li torganizza l-fieri bħal Kölnmesse GmbH, tista’ wkoll tissodisfa l-kriterji ta’ natura li mhijiex industrijali u kummerċjali, u dan peress li fis-sentenza tagħha Agorà u Excelsior, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li “l-uffiċju responsabbli għall-fiera internazzjonali ta’ Milan” jista’ jiġi kkwalifikat bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 peress li jeżerċita attività ta’ natura kummerċjali (30).

80.      F’dan ir-rigward, madankollu, l-analiżi li fuqha tissejjes is-sentenza Agorà u Excelsior, inizjalment ma tidhirx li tista’ tiġi applikata għall-kumpanniji Ġermaniżi li jorganizzaw il-fieri bħal Kölnmesse GmbH, peress li fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti dwar ir-rekwiżit li l-korpi pubbliċi m’għandhomx ikunu ta’ natura industrijali u kummerċjali – b’mod partikolari fis-sentenzi Aigner (31) u Korhonen (32) –, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasiżża fuq il-punt dwar jekk il-korpi inkwistjoni jeżerċitawx jew le l-attivitajiet tagħhom fi sfond kompetittiv. F’dan ir-rigward, jista’ jkun indikattiv tan-natura industrijali jew kummerċjali tal-attivitajiet eżerċitati, il-fatt li l-korp ikkonċernat jopera f’kundizzjonijiet normali tas-suq, l-għan li jagħmel qliegħ u li jagħmel tajjeb għat-telf marbut mal-eżerċizzju tal-attività tiegħu (33).

81.      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-kumpanniji Ġermaniżi li jorganizzaw il-fieri, jeħtieġ qabel kollox li jiġi enfasiżżat b’mod ġenerali li dawn bħala regola ġenerali jitwaqqfu mill-Länder u mill-muniċipalitajiet bħala strument ta’ promozzjoni tal-ekonomija reġjonali sabiex tissaħħaħ l-attrazzjoni minn perspettiva ekonomika. F’dan ir-rigward, huma partikolarment simili għall-kumpanniji li jippromwovu l-ekonomija, li huma espressament imsemmija fl-Anness I, Taqsima III.2 tad-Direttiva 93/37, bħala korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(b) tal-imsemmija direttiva (34).

82.      Sakemm il-kumpanniji li jorganizzaw il-fieri li huma proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi, jintużaw bħala għodda għall-promozzjoni tal-ekonomija, l-attivitajiet tagħhom ma jkunux esklussivament immirati għat-tkabbir tal-profitti tal-impriża (35). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ibliet u l-muniċipalitajiet jeżerċitaw influwenza fis-suq Ġermaniż tal-fieri, billi jipprovdu sussidji u garanziji lill-kumpanniji li jorganizzaw il-fieri, b’mod li dawn il-kumpanniji, fl-aħħar mill-aħħar, igawdu minn pożizzjoni kompetittiva partikolari (36).

83.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, hija essenzjalment din il-pożizzjoni kompetittiva partikolari tal-kumpanniji Ġermaniżi li jorganizzaw il-fieri, li huma proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi, li tipprovdi – fid-dawl tas-sentenzi Ing. Aigner u Korhonen – indikazzjoni rilevanti tan-natura tal-attivitajiet tagħhom, li mhijiex industrijali jew kummerċjali (37).

84.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tad-direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa dak li jiġu esklużi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-kuntratturi jew kandidati nazzjonali, fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti, kif ukoll il-possibbiltà li l-korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika, jitħallew jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi (38).

85.      Li kieku kellu jirriżulta f’każ konkret, li kumpannija li torganizza l-fieri ma toperax fil-kundizzjonijiet normali tas-suq u ma tagħmilx tajjeb għat-telf kollu marbut mal-attività tagħha, ikun hemm riskju reali li kunsiderazzjonijiet oħra għajr dawk ekonomiċi jinfluwenzaw il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt u li dan l-għoti jseħħ f’kundizzjonijiet li ma jkunux ekonomikament iġġustifikati (39). F’każ bħal dan, fl-opinjoni tiegħi, l-attivitajiet ta’ kumpannija bħal din li torganizza l-fieri ikollhom jitqiesu li mhumiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali b’mod li din il-kumpannija – jekk jiġu barra minn hekk sodisfatti l-kriterji l-oħra tad-definizzjoni – għandha titqies bħala awtorità kontraenti, fis-sens tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

3.      Il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 bħala kuntratt li jikkomporta kemm xogħlijiet kif ukoll servizzi

86.      Kif diġà ġie mfisser, f’dan il-każ, mill-perspettiva tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi, il-belt ta’ Cologne għandha titqies bħala l-awtorità kontraenti u l-parti kontraenti ta’ GKM-GbR (40). Jeħtieġ għaldaqstant minn issa ’l quddiem li jiġi vverifikat jekk il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 konkluż bejn il-belt ta’ Cologne u GKM-GbR, jissodisfax il-kriterji essenzjali tad-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 93/37.

87.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/97, taqa’ fl-ambitu tad-dritt Komunitarju (41). B’hekk, biex tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk GKM-GbR ingħatatx kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jew le, la l-liġi Ġermaniża u lanqas il-kwalifika legali mogħtija mill-partijiet, ma huma relevanti.

88.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża hija marbuta wkoll mal-problematika tal-kuntratt simulat, fejn il-kwalifika legali ta’ dawn il-kuntratti li tissejjes kunsiderevolment ukoll fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali, fuq is-sustanza konkreta tal-kuntratt (42).

89.      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, tippresupponi li fattwalment ġie konkluż bil-miktub u taħt titolu oneruż, bejn imprenditur u awtorità kontraenti, fejn il-kuntratt ikollu bħala għan l-eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni u l-konċepiment ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni partikolari, iddefiniti iktar preċiżament f’din id-direttiva, ikunu liema jkunu l-mezzi użati għall-iżvilupp, li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti.

90.      Dan il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 93/37 li huma dawk – kif jirriżultaw mill-premessi tagħha – li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-ambitu tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (43) u li tiftaħ dawn il-kuntratti għal kompetizzjoni effettiva (44). Dawn l-għanijiet jistgħu wkoll jiġu ppreġudikati jekk l-awtorità kontraenti titlob li jitwettqu xogħlijiet li malli jitlestew hija takkwista fuqhom drittijiet reali jew personali – ftit jew wisq estensivi. Ir-riskju li trattament preferenzjali mogħti lil ċerti operaturi fis-suq iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-fatt jeżisti ladarba awtorità kontraenti tiddeċiedi li tqabbad kuntrattur direttament, ikunu xi jkunu r-raġunijiet u l-kuntest tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u jkun xi jkun l-għan tagħhom (45).

91.      Il-fatt li GKM-BbR lestiet ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-kapaċità tagħha bħala żviluppatur tax-xogħlijiet fuq art li tappartjeni lilha filwaqt li l-belt ta’ Cologne tidher li inizjalment ingħatat biss dritt ta’ użu għal żmien twil fuq il-bini inkwistjoni mhuwiex għaldaqstant determinanti biex wieħed jistabbilixxi jekk permezz tal-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, il-belt ta’ Cologne ikkonċeditx lil GKM-GbR kuntratt li jaqa’ taħt il-liġi tal-kuntratti pubbliċi għall-kostruzzjoni tas-swali ta’ espożizzjoni (46). Lanqas ma huwa daqstant determinanti li l-belt ta’ Cologne jew li Kölnmesse GmbH jibbenefikaw mid-dritt li jixtru l-art, inklużi s-swali ta’ espożizzjoni, liema dritt jista’ jiġi invokat legalment (47).

92.      B’hekk, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Jannar 2007, fil-kawża Auroux, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, il-ftehim li permezz tiegħu il-belt Franċiża ta’ Roanne kienet ikkonċediet il-kostruzzjoni ta’ ċentru ta’ rikreazzjoni f’idejn kumpannija b’interessi pubbliċi u privati, speċjalizzata fl-iżvilupp urban, kien jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-direttiva, minkejja li partijiet importanti ta’ dan iċ-ċentru kienu maħsuba għal bejgħ lil terzi, filwaqt li l-partijiet maħsuba għall-użu tal-belt kienu ppjananti li jiġu ttrasferiti favur tagħha biss wara t-tlestija tagħhom. L-argument li jgħid li, la l-parti taċ-ċentru maħsuba għall-bejgħ lil terzi u lanqas dik li kellha tingħata lill-belt wara t-tlestija, ma setgħu jikkostitwixxu l-oġġett ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-direttiva, nċaħad mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kien irrelevanti jekk il-muniċipalità ta’ Roanne kinitx jew kinitx ser isir il-propjetarja tal-bini kollu, jew ta’ parti minnu (48).

93.      B’hekk, dak li huwa determinanti biex jiġi stabbilit jekk kuntratt jissodisfax il-kriterji essenzjali ta’ kuntratt għal xogħljiet li jaqa’ taħt il-liġi tal-kuntratti pubbliċi, hija l-konstatazzjoni oġġettiva li dak il-kuntratt għandu bħala għan, ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni taħt titolu oneruż.

94.      F’dan il-każ, il-kwistjoni determinanti biex il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, jikkwalifika taħt il-liġi tal-kuntratti pubbliċi, hija dik dwar jekk dan il-kuntratt – minbarra l-elementi lokatizji tiegħu – jirregolax ukoll il-kostruzzjoni (u l-ippjanar) tas-swali ta’ espożizzjoni skont il-bżonnijiet stabbiliti mill-belt ta’ Cologne.

95.      Għalkemm il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, ġie intitolat mill-partijiet bħala “kuntratt ta’ kiri fuq art li tinkludi 4 swali ta’ espożizzjoni, bini b’‘aċċess mit-Tramuntana’, bi vjal u bi trejqa ta’ aċċess quddiem il-parkeġġ, 5 binjiet ta’ konnessjoni bejn is-swali ta’ espożizzjoni, il-parkeġġi u l-faċilitajiet li jinsabu ’l barra minn Cologne-Deutz, Deutz-Müllheimer-Straße et”, kif ukoll l-obbligu ta’ GKM-GbR li teżegwixxi x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni mhijiex espressament ifformulata, fejn l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kiri, neċessarjament tippresupponi t-tlestija minn qabel tax-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni kollha. Fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-bini “mikri” kien għadu jrid jinbna, b’tali mod li l-obbligu li jinbnew is-swali kkonċernati, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi tagħhom, kien, għalkemm impliċitament iżda madankollu inkontestabbilment, miftiehem fil-kuntratt prinċipali.

96.      Din l-analiżi hija sostnuta mid-diversi referenzi, ftit jew wisq espliċiti, għall-obbligi imposti fuq GKM-GbR, relatati mat-tlestija materjali tal-bini, li jsiru iktar evidenti meta ssir analiżi iktar preċiża tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004.

97.      Indikazzjoni importanti diġà tirriżulta mit-titolu tal-paragrafu 2 ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri, “Il-kostruzzjoni, l-ippjanar u l-użu tal-fond lokatizju”. B’hekk, il-kunċett tal-“kostruzzjoni tal-fond lokatizju” jirreferi inekwivokabbilment għat-twettiq, minn GKM-GbR, tal-kostruzzjoni tas-swali ta’ espożizzjoni, skont l-ispeċifikazzjonijiet deskritti f’din il-parti tal-kuntratt. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1) tal-kuntratt, fejn is-sentenza introduttiva tirreferi esklussivament għat-“tqegħid għad-dispożizzjoni” tal-oġġett inkwistjoni iżda li sussegwentement, wara l-konstatazzjonijiet dwar l-iżvilupp, id-daqs, in-natura u l-karatteristiċi tas-swali ta’ espożizzjoni, jistabbilixxi li GKM-GbR hija responsabbli għat-“twettiq ta’ xogħlijiet ta’ natura u ta’ kwalità li m’għandhomx ikunu inqas mill-medja”, li ċertament jirreferi għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. B’hekk, “l-indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi” partikolarment dettaljati (49) elenkati f’din il-parti tal-kuntratt, għandhom, fil-verità, jitqiesu bħala speċifikazzjonijiet għall-iżviluppatur, relatati mat-twettiq tax-xogħlijiet dovuti minn GKM-GbR.

98.      Ċertament, l-Artikolu 2(1) tal-kuntratt jirreferi wkoll għall-fatt li d-deskrizzjonijiet dettaljati tas-servizzi u d-dokumenti ta’ żvilupp kienu elaborati bi ftehim bejn il-partijiet kontraenti, madankollu jirriżulta b’mod ċar mill-fatti esposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li GKM-GbR bniet is-swali ta’ espożizzjoni, inklużi l-installazzjonijiet u l-infrastrutturi tagħhom, skont l-ispeċifikazzjonijiet imposti fuqha u għaldaqstant “fuq ordni” (50).

99.      Barra minn hekk, il-fatt li l-impriża prinċipali mqabbda minn GKM-GbR biex teżegwixxi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni hija indikata bħala “aġent” (“Erfüllungsgehilfen”) ta’ GKM-GbR fir-relazzjonijiet mal-belt ta’ Cologne (51), jikkonferma b’mod ċar, hekk kif esprimiet ġustament il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ obbligu kuntrattwali ta’ GKM-GbR lejn il-belt ta’ Cologne, għall-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni.

100. Fl-opinjoni tiegħi, il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 jinkludi għaldaqstant stipulazzjonijiet dettaljati għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tas-swali ta’ espożizzjoni, inklużi l-istrutturi anċillari u l-infrastrutturi tagħhom, skont ir-rekwiżiti speċifikati mill-belt ta’ Cologne, b’tali mod li dan il-kuntratt jipprovdi obbligu ta’ GKM-GbR, li jippreċedi l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kera, li l-kontenut tiegħu huwa rregolat fid-dettall, li tibni s-swali ta’ espożizzjoni u l-bqija tal-bini skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

101. B’hekk, il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, jissodisfa l-kriterji essenzjali tad-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37.

102. Madankollu wieħed m’għandux jinsa li dan il-kuntratt prinċipali jiirregola wkoll espressament, flimkien mal-obbligu ta’ GKM-GbR li teżegwixxi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-belt ta’ Cologne, għal perijodu speċifiku, il-bini li għandu jiġi kkostruwit, fejn dan l-obbligu huwa wkoll irregolat fid-dettall. Din il-forma ta’ konċessjoni ta’ użu għal perijodu twil speċifiku, għandha tikkwalifika bħala kera u għaldaqstant bħala provvista ta’ servizzi, b’mod li l-kuntratt prinċipali jinkludi kemm elementi għat-twettiq ta’ xogħlijiet, kif ukoll elementi li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi.

103. Għall-finijiet ta’ din il-konklużjoni parzjali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 għandu bħala għan, kemm il-provvista ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kif ukoll il-provvista ta’ servizzi, u għandu għaldaqstant jiġi kkwalifikat, għall-finijiet tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, bħala kuntratt mist jew kumpless.

4.      Id-determinazzjoni tal-għan prinċipali tal-kuntratt mist tas-6 ta’ Awwissu 2004

104. Meta kuntratt jinkludi elementi tipiċi ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u elementi relatati mal-provvista ta’ servizz, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-għan prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina liema direttiva Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi għandha tapplika fil-prinċipju (52). Dan ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ewlenija tal-kuntratt, biex jiġi ddelimitat il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-Direttiva 93/37 dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, meta mqabbel mad-Direttiva 92/50 dwar il-kuntratti pubbliċi għas-servizzi, ġie speċifikament stabbilit fis-sittax-il premessa ta’ din l-aħħar direttiva, b’enfażi fuq il-fatt li kuntratt ma jistax jitqies bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ħlief jekk l-għan tiegħu jkun jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni u li, sakemm dawn ix-xogħlijiet huma anċillari u ma jikkostitwixxux l-għan tal-kuntratt, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-kuntratt bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet (53).

105. Bil-kontra tal-każ ta’ kuntratt mist li jikkonċerna kemm prodotti kif ukoll servizzi li għalih, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/50, id-determinazzjoni tan-natura ewlenija tiddependi esklużivament fuq il-valur tas-servizzi rispettivi (54), fil-każ ta’ kuntratt mist li jikkonċerna kemm servizzi kif ukoll xogħlijiet, jeħtieġ li, flimkien ma’ paragun tal-ispejjeż rispettivi, issir ukoll analiżi oġġettiva tal-kuntratt fit-totalità tiegħu (55).

106. F’dan il-każ, huwa relattivament sempliċi – mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-“żidiet fil-kera” futuri – li jiġi evalwat f’ċifri assoluti ta’ EUR 598 575 000, il-valur global tal-korrispettiv dovut mill-belt ta’ Cologne fuq perijodu ta’ 30 sena. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi stipulati fil-kuntratt, l-evalwazzjoni preċiża ta’ din is-somma, skont l-elementi relatati ma’ kuntratt pubbliku għax-xogħlijiet u l-elementi relatati mall-provvista ta’ servizz stipulati fil-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, tirriżulta li hija kważi impossibbli.

107. Madankollu, il-proċess jinkludi kriterji oħra biex ikun jista’ jiġi ddeterminat l-għan prinċipali tal-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004, fil-kuntest tal-eżami oġġettiv tal-kuntratt fit-totalità tiegħu.

108. Huwa paċifiku li, sa mill-bidu tad-disgħinijiet, Kölnmesse GmbH kienet ħadmet fuq xi pjanti għall-kostruzzjoni tas-swali ġodda ta’ espożizzjoni, li minħabba sensiela ta’ avvenimenti li seħħew fl-2003, ma damux ma ħadu xejra konkreta. Huwa f’dan il-kuntest, li taħt pressjoni ta’ żmien, Kölnmesse GmbH u l-belt ta’ Cologne fittxew flimkien mudell ta’ finanzjament jew ta’ investiment adattat sabiex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni immedjata tas-swali ta’ espożizzjoni u finalment għażlu l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, konkluż ma’ GKM‑GbR (56). Ir-raġuni għall-konklużjoni tal-kuntratt kienet għalhekk il-kostruzzjoni immedjata tas-swali ta’ espożizzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-belt ta’ Cologne, u għaldaqstant it-twettiq ta’ xogħlijiet minn GKM-GbR kien prijorità.

109. B’hekk, għandu jiġi enfasiżżat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-belt ta’ Cologne għall-kostruzzjoni minn GKM-GbR tas-swali ta’ espożizzjoni – inkwantu jirriżulta mill-proċess – imorru lil hinn mill-eżiġenzi normali ta’ kerrej ta’ proprjetà ġdida, li għal darb’oħra jwassal biex in-natura ewlenija tal-kuntratt ixxaqleb lejn kuntratt pubbliku għal xogħlijiet (57).

110. Barra minn hekk, il-proċess jinkludi indikazzjonijiet ċari ħafna dwar l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet interessati li kien jgħid li fi tmiem it-terminu kuntrattwali ta’ 30 sena Kölnmesse GmbH jkollha d-dritt li tixtri l-art, inklużi s-swali ta’ espożizzjoni, bil-prezz ta’ EUR 70 miljun li ġie stabbilit qabel ma ġie konkluż il-kuntratt prinċipali u li jirrappreżenta l-valur futur, kif stmat, tal-art (mingħajr l-istrutturi anċillari). Ċertament il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 ma jikkonfermax espressament dan il-ftehim, madankollu jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi relatati man-negozjati kuntrattwali magħmula mill-persuna responsabbli mill-finanzi tal-belt ta’ Cologne (58) kif ukoll minn rapport tal-Bezirksregierung Köln tas-27 ta’ Jannar 2006, dwar il-kostruzzjoni tas-swali ġodda ta espożizzjoni (59), li l-belt ta’ Cologne kienet konvinta li legalment assigurat id-dritt ta’ xiri favur Kölnmesse GmbH bil-prezz stabbilit minn qabel ta’ EUR 70 miljun.

111. Jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport tas-27 ta’ Jannar 2006 tal-Bezirksregierung Köln dwar il-kostruzzjoni tas-swali ġodda ta’ espożizzjoni, li jinkludi fost oħrajn tabella kronoloġika tan-negozjati kuntrattwali ma’ GKM-GbR, li fl-aħħar tas-sena 2003, kien ġie negozjat “abbozz ta’ kuntratt ta’ kiri” għal perijodu ta’ 30 sena, bil-“kera” ta’ EUR 20.7 miljun fis-sena – jiġifieri għaldaqstant EUR 1 725 000 fix-xahar – li fih kien ġie kkalkolat ukoll “fil-valur stabbilit tal-offerta, il-prezz ta’ xiri fl-2036 ta’ EUR 70 000 000”. Għalkemm din l-opzjoni ta’ xiri qatt ma kien element li jorbot fil-kuntratt, xorta jibqa’ l-fatt li huwa paċifiku li l-“kera” ta’ EUR 1 725 000 imsemmi f’dan l-abbozz, fl-aħħar mill-aħħar inftiehem fil-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004. Għaldaqstant, l-istipulazzjoni tal-kuntratt prinċipali dwar il-korrispettiv dovut mill-belt ta’ Cologne tibbaża ruħha b’mod ċar fuq il-kalkolu miftiehem fl-abbozz tal-kuntratt li jgħid li mal-iskadenza tal-perijodu tal-kuntratt, GKM-GbR kellha titrasferixxi s-sit tal-fieri lil Kölnmesse GmbH bil-prezz ta’ madwar EUR 70 miljun (60). Din l-analiżi lanqas ma hi kkontestata mill-fatt dwar l-eżenzjoni mill-ħlas tal-kera, għall-perijodu ta’ tlettax-il xahar – li ċertament inftehmet a posteriori – peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlet l-ebda referenza fir-rigward, la fil-kuntest tad-diskussjoni dwar din l-eżenzjoni tal-kera, u lanqas fil-kuntest tal-analiżi eżawrjenti tagħha tal-possibbiltajiet ta’ xiri jew ta’ prelazzjoni. Skont l-argumenti żviluppati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja – kemm fil-kontroreplika tagħha kif ukoll matul is-seduta – il-konċessjoni ta’ din l-eżenzjoni mill-ħlas tal-kera kienet prattika assolutament normali li permezz tagħha l-valur tal-fond lokatizju seta’ formalment jiżdied fl-interess ta’ sid il-kera.

112. Fl-aħħar mill-aħħar, mhuwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk Kölnmesse GmbH kisbitx id-dritt ta’ prelazzjoni legalment infurzabbli, bil-prezz (tal-art) stabbilit minn qabel ta’ EUR 70 miljun. Huwa importanti li l-belt ta’ Cologne u GKM-GbR ikkonkludew il-kuntratt prinċipali, bl-għan ċar li mal-iskadenza tal-kuntratt, is-sit tal-fieri – li ftit qabel kien inxtara, mhux mibni, mingħand il-belt ta’ Cologne jew mingħand Kölnmesse GmbH, bil-prezz ta’ madwar EUR 67 miljun – jerġa’ jinxtara, inklużi s-swali ta’ espożizzjoni, minn Kölnmesse GmbH, bil-prezz ta’ EUR 70 miljun b’tali mod li l-istruttura kuntrattwali li trid tiġi eżaminata f’dan il-każ, tissejjes finalment fuq din il-perspettiva.

113. Fl-opinjoni tiegħi il-korrispettiv dovut kull xahar mill-belt ta’ Cologne, għandu fl-ewwel lok jitqies bħala pagamenti maqsumin fuq fażijiet differenti b’korrelazzjoni mas-servizzi ta’ kostruzzjoni pprovduti minn GKM-GbR. Fid-dawl tal-istipulazzjonijiet finanzjarji miftehma bejn il-partijiet, il-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004 jidher għaldaqstant li huwa, fid-dawl tan-natura reali tiegħu, kuntratt ta’ xogħlijiet b’pagamenti maqsumin fuq fażijiet differenti, fejn it-trasferiment simultanju tal-użu huwa essenzjalment ikkundizzjonat mill-perijodu tal-pagamenti maqsumin fuq fażijiet differenti u li jirriżultaw għaldaqstant neċessarjament mis-suġġett reali tal-kuntratt prinċipali, jiġifieri kuntratt ta’ xogħlijiet.

114. Din l-analiżi hija sostnuta mill-ftehim kuntrattwali dwar id-distribuzzjoni taż-żieda jew tat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni, li jistgħu neċessarjament jirriżultaw bħala riżultat ta’ tibdil fil-pjanti approvati u fil-pjanti ta’ eżekuzzjoni tal-kostruzzjonijiet minħabba eżiġenzi tal-awtoritajiet, tal-inġinier li jispezzjoni l-istruttura jew tal-impriżi ta’ provvista jew ta’ ġbir ta’ materjal. Skont il-kuntratt prinċipali (61), il-belt ta’ Cologne u GKM-GbR għandhom jiftehmu dwar il-kumpens fir-rigward ta’ din iż-żieda jew ta’ dan it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar jimplika distribuzzjoni ekonomika tar-riskji li jikkorrispondu għad-distribuzzjoni tar-riskji bejn l-awtorità kontraenti u l-kuntrattur fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

115. Fil-kuntest ta’ eżami oġġettiv tal-kuntratt kollu u b’mod partikolari tal-istruttura kuntrattwali nnegozjata f’din il-kawża, fid-dawl ta’ kull ma jippreċedi, il-konklużjoni li tirriżulta hija li l-għan prinċipali tal-kuntratt konkluż bejn GKM-GbR u l-belt ta’ Cologne ma kienx verament it-trasferiment tal-użu tal-bini li kellu jiġi kkostruwit, iżda pjuttost l-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni. B’hekk, il-konklużjoni tal-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, li b’mod ewlieni kien intiż sabiex il-belt ta’ Cologne tikseb is-servizz għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fejn it-trasferiment tal-użu tal-bini li kellu jiġi kkostruwit, kien essenzjalment biss għodda maħsuba biex tiffinanzja dan is-servizz għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. B’hekk, il-“kera” ta’ kull xahar ta’ EUR 1 725 000 għandha qabel kollox titqies bħala l-korrispettiv għas-servizzi ta’ kostruzzjoni pprovduti minn GKM-GbR, fejn il-perijodu ta’ 30 sena ta’ dan il-ħlas u tat-trasferiment tal-użu li huwa marbut miegħu huwa essenzjalment dovut għal kunsiderazzjonijiet relatati mat-teknika ta’ finanzjament.

116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, il-konklużjoni tiegħi hija li l-elementi karatteristiċi għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, li konsegwentement jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/37.

5.      Konklużjoni

117. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ għaldaqstant li jitqies li l-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004, li huwa s-suġġett tal-kawża, għandu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 li l-belt ta’ Cologne, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità kontraenti, konsegwement kellha tagħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa jew ristretta għall-għoti tal-kuntratti b’osservanza tar-regoli li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11.

VIII – Fuq l-ispejjeż

118. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

IX – Konklużjoni

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex,

1)         tikkonstata li r-Repubbika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, sa fejn il-belt ta’ Cologne ikkonkludiet direttament mal-kumpannija Grundstücksgesellschaft Köln Messe 15 bis 18 GbR il-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004 mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratti fuq il-livell Ewropew, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u mingħajr l-osservanza tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-pubblikazzjoni;

2)         tikkundanna lir-Repubblika tal-Ġermanja għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322.


4 – It-titolu preċiż ta’ dan il-kuntratt huwa “kuntratt ta’ sullokazzjoni li għandu bħala għan, il-kiri ta’ biċċa art li tiġbor fiha erbat iswali ta’ espożizzjoni, bini b’‘aċċess mit-Tramuntana’, bi vjal u bi trejqa ta’ aċċess quddiem il-parkeġġ, 5 binjiet ta’ konnessjoni bejn is-swali ta’ espożizzjoni, il-parkeġġi u l-faċilitajiet esterni f’Cologne-Deutz, Deutz-Müllheimer-Straße et


5 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-311/07, Ġabra p. I-113, punt 26); tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-319/06, Ġabra 2008, p. I-4323, punt 72); tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-412/04, Ġabra P. I-619, punt 42); tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, Ġabra p. I-9405 , punti 13 et seq); tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-29/01, Ġabra p. I-2503, punt 11); tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑3/96, Ġabra p. I-3031, punt 36) u tat-3 ta’ Lulju 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑60/96, Ġabra p. I-3827, punt 15).


6 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 16).


7 – Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża C-362/90 (Il-Kummissjoni vs L-Italja, sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Ġabra p. I-2353, punti 11 etseq).


8 – Ara wkoll f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża C-237/05 (Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Ġabra p. I-8203, punt 62).


9 – Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-237/05, Ġabra p. I-8203, punt 29) li tikkonċerna d-Direttiva 92/50. Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-394/02, Ġabra p. I-4713) li tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill, Nru 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni. Ara wkoll f’dan is-sens, K. Lenaerts,/D. Arts, /I. Maselis, Procedural Law of the European Union, It-Tieni Edizzjoni, Londra 2006, p. 159 et seq, punt 5-052.


10 – Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet għal kollox l-interpretazzjoni purament formali li tgħid li hemm lok li d-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi jiġi kkunsidrat bħala regoli ta’ natura esklużivament proċedurali, bil-konsegwenza li l-effetti kollha ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli jkunu eżawriti hekk kif jitwettaq il-ksur; ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I‑3609, punti 31 sa 37).


11 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, Ġabra p. I-5815, punt 102) u tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (96/81, Ġabra p. 1791, punt 6).


12 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża C-399/98 (Ordine degli Architetti et, sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ġabra p. I-5409, punt 94).


13 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 35 etseq).


14 – Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-328/96, Ġabra p. I-7479, punti 42 sa 45) u tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 11).


15 – Huwa f’dan is-sens li wieħed għandu jifhem is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9). Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel lok ikkonfermat li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli meta l-kuntratt inkwistjoni jkun eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Huwa minħabba li f’din il-kawża kienu tlestew biss 85% tax-xogħlijiet miftehma fil-kuntratt mal-iskadenza ta’ dan it-terminu li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà nċaħdet.


16 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 29 et seq.


17 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punt 11); tal-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C-360/96, Ġabra p. I-6821, punt 62); tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-237/99, Ġabra p. I-939, punt 43) u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universal-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 53).


18 – Ara F. Marx,/H. Priess, f’Jestaedt/Kemper/Marx/Priess, Das Recht der Auftragsvergabe, Neuwied, 1999, p. 16.


19 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 11) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kunċett ta’ Stat imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU L 185, p. 5) għandha tingħata interpretazzjoni prattika peress li l-għan ta’ din id-direttiva, jiġifieri dak tal-kisba effettiva tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fl-ambitu tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jiġi ppreġudikat jekk l-applikazzjoni tad-direttiva tkun eskluża minħabba s-sempliċi fatt li l-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ikun ingħata minn entità, li għalkemm tkun twaqqfet biex teżegwixxi kompiti li ngħatawlha mil-liġi, formalment ma tkunx tagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-Istat.


20 – Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑29/04, Ġabra p. I-9705).


21 – Is-sitwazzjoni tista’ eventwalment tiġi evalwata b’mod differenti li kieku l-belt ta’ Cologne aġixxiet mill-bidu f’isem Kölnmesse GmbH u ttrasferitilha sussegwentement id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha derivanti mill-kuntratt tas-6 ta’ Awwissu 2004. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria (C-44/96, Ġabra p. I‑73, punt 42 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet mogħti minn awtorità kontraenti ma jibqax suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37 meta, qabel it-tlestija tax-xogħlijiet, l-awtorità kontraenti titrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi imposti fuqha fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti lil impriża li mhijiex awtorità kontraenti, sakemm jirriżulta mill-kuntest globali li l-kuntratt ingħata f’isem din l-impriża u jirrigwarda barra minn hekk, proġett li, sa mill-bidu jaqa’ kollu kemm hu taħt l-għanijiet tal-impriża kkonċernata. Ara wkoll, C. Bovis, “Case C-44/96, Mannesmann Anlagenbau AG”, Common Market Law Review, 1999, p. 205.


22 – Skont il-ftehim ta’ implementazzjoni, il-belt ta’ Cologne tat mandat lil Kölnmesse GmbH sabiex teżegwixxi u teżerċita d-drittijiet u l-obbligi li l-belt ta’ Cologne għandha fil-kuntest tar-relazzjonijiet ma’ GKM-GbR, fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet li jbidlu r-relazzjoni legali eżistenti, dejjem jirrikjedi madankollu l-kunsens bil-quddiem tal-belt ta’ Cologne. Għaldaqstant ma jirriżultax minn din l-istruttura kuntrattwali, li l-belt ta’ Cologne ttrasferiet id-drittijiet u l-obbligi tagħha lil Kölnmesse GmbH, iżda sempliċiment li din tal-aħħar tista’ tassumi, f’isem il-belt ta’ Cologne, dawn id-drittijiet u l-obbligi fil-konfront ta’ GKM-GbR. Barra minn hekk, il-belt ta’ Cologne irriżervat id-dritt favur tagħha, li fi kwalukwe mument tkun tista’ ttemm, totalment jew parzjalment, il-ftehim ta’ implementazzjoni u tipprekludi lil Kölnmesse GmbH milli tassumi f’isimha d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali fil-konfront ta’ GKM-GbR.


23 – Din l-istipulazzjoni tirriżulta b’mod partikolari minn “letter of intent” tat-8 ta’ Diċembru 2003 mibgħuta mill-belt ta’ Cologne lil Kölnmesse GmbH li fiha jirriżulta li ġie espressament iddeterminat li l-kirjiet dovuti minn Kölnmesse GmbH lill-belt ta’ Cologne kellhom jirriflettu t-tibdil fis-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża, li kieku Kölnmesse Gmbh ma kienx ser jirnexxielha, wara l-2012, tagħmel tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż, bl-organizazzjoni ta’ iktar attivitajiet. Din il-wegħda ġiet espressament ikkonfermata permezz ta’ “letter of intent” tal-14 ta’ Lulju 2004, mibgħuta mill-belt ta’ Cologne lil Kölnmesse GmbH, li tgħid li l-belt ta’ Cologne kienet lesta li timpejna ruħha, taħt ċerti kundizzjonijiet ekonomiċi partikolari, li temenda l-ammonti tas-sullokazzjoni dovuti minn Kölnmesse GmbH, għas-swali l-ġodda ta’ espożizzjoni li kellhom jinbnew.


24 – Ara H.-W. Rengeling/A. Middeke/M. Gellermann, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union, Munich 2003, § 23, punt 37, p. 426.


25 – Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tar-rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 226 KE huwa suġġett għall-proċedura prekontenzjuża prevista fl-imsemmi artikolu, b’mod li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti. Dan ir-rekwiżit ċertament ma jimplikax neċessarjament li l-kliem li jintuża fir-rikors għandu jkun perfettament l-istess bħal dawk tal-ilmenti li jitqajmu fl-ittra ta’ intimazzjoni jew fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata, iżda madankollu dejjem bil-kundizzjoni li s-suġġett tal-kawża ma jiġix estiż jew emendat. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża jista’ jiġi ristrett. (Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja [C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 23 u 25]; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja [C-229/00, Ġabra p. I-5727, punti 44 u 46] u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 28]). Il-Kummissjoni tista’ wkoll tippreċiża l-ilmenti inizjali tagħha fir-rikors tagħha, ovvjament dejjem bil-kundizzjoni li ma tbiddilx is-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja [C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata]).


26 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 103) u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 22). Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-296/01, Ġabra p. I-13909, punt 121) u tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L-Awtorità Għolja (46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801).


27 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605, punti 33 et seq.). Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret bħala ġustifikazzjoni, li l-organizattur ta’ dawn l-attivitajiet, billi jlaqqa’ f’post wieħed ġeografiku, fabbrikanti u negozjanti, ma jkunx qiegħed jaġixxi biss fl-interess ta’ dawn tal-aħħar, li jibbenifikaw minn spazju ta’ promozzjoni għall-prodotti u għall-merkanzija tagħhom, iżda jikseb ukoll informazzjoni għall-konsumaturi li jiffrekwentaw dawn l-attivitajiet li tippermettilhom jagħmlu għażliet taħt kundizzjonijiet ideali. L-istimolu għall-kummerċ li jirriżulta minn dan jista’ jitqies li huwa ta’ interess ġenerali.


28 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunket (C-337/06, Ġabra p. I‑11173, punti 36 et seq.).


29 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 43). Ara wkoll f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Mazák tas-16 ta’ Diċembru 2008 fil-kawża C-300/07 (Hans u Christophorus Oymanns, punt 27).


30 – Sentenza Agorà u Excelsior (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 35 et seq). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet b’mod partikolari li l-organizazzjoni tal-fieri, ta’ espożizzjonijiet u ta’ inizjattivi oħra simili hija attività ekonomika, li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi fis-suq. Dawn is-servizzi jiġu pprovduti kontra l-ħlas ta’ korrispettiv u jissodisfaw ħtiġijiet ta’ natura kummerċjali. Anki jekk il-fiera inkwistjoni ma tagħmilx qliegħ, hija tiffunzjona, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-istatuti tagħha, skont il-kriterji ta’ qliegħ, ta’ effiċjenza u ta’ profitt u peress li ma hu previst ebda mekkaniżmu li jikkumpensa għat-telf finanzjarju eventwali, tkun hija li tagħmel tajjeb għar-riskju ekonomiku tal-attivitajiet tagħha. Kien ukoll determinanti għall-Qorti tal-Ġustizzja l-fatt li l-fiera topera f’ambjent kompetittiv. Fuq dawn il-kriterji ara A. Brown, “Cases C-223/99 and C-260/99: the definition of contracting authorities and of needs in the general interest that lack a commercial character”, PPLR 2001, p. 107.


31 – Sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C-393/06, Ġabra p.I-2339, punt 41).


32 – Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonenet (C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 49). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑283/00, Ġabra p. I-11697, punti 81 et seq.).


33 – Sentenza Korhonen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 51).


34 – Ara f’dan is-sens, F. Marx, f’: Motzke/Pietzcker/Prieß, Beck’scher VOB-Kommentar Verdingungsordnung für Bauleistungen Teil A, L-Ewwel Edizzjoni, “§ 98 Auftraggeber”, punt 32; M. Werner, f’: J. Byok/W. Jaeger, Kommentar zum Vergaberecht, Heidelberg 2000, “§ 98”, punt 313; J. Byok/R. Goodarzi, “Messegesellschaften und Auftragsvergabe”, NVwZ 2006, p. 281. Ara wkoll M. Dreher, f’: M. Dreher/K. Stockmann, Kartellvergaberecht, Ir-Raba’ Edizzjoni, Munich, § 98, punt 136, li jgħid li l-kumpanniji li jorganizzaw il-fieri għandhom għaldaqstant jikkwalifikaw bħala korpi rregolati mid-dritt pubbliku.


35 – Ara f’dan is-sens F. Marx/H. Priess, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, p. 38 li jenfasiżżaw li s-swieq u l-fieri jagħmlu parti mill-attivitajiet ta’ natura pubblika u ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu ffinanzjati ħlief permezz ta’ fondi pubbliċi konsiderevoli. Skont dawn l-awturi, dak li huwa determinanti biex dawn il-kumpanniji li jorganizzaw il-fieri jikkwalifikaw bħala awtoritajiet kontraenti, huwa li ma jkunux preċiżament kumpanniji industrijali jew kummerċjali, bl-għan esklussiv li jżidu l-profitti.


36 – J. Byok/R. Goodarzy, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 281, li jagħti bosta eżempji li juru din il-pożizzjoni partikolari f’termini ta’ kompetizzjoni.


37 – Ara M. Dreher, op cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 77, li jenfasiżża li n-nuqqas tan-natura industrijali jew kummerċjali huwa finalment l-istess bħall-eżistenza ta’ pożizzjoni partikolari fis-suq ta’ oriġini Statali. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża C-44/96 (Mannesmann Anlagenbau Austria, sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Ġabra p. I-73, punt 69) li fihom huwa enfasiżża li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq li d-direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi tapplika għal entitajiet li jissodisfaw ħtiġijiet ta’ interess ġenerali meta l-attività teskludi ruħha, totalment jew parzjalment, mil-loġika tas-suq.


38 – Ara partikolarment is-sentenza Korhonen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 52) u Universale-Bau (ippreċiżata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 52).


39 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża C-126/03 (Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ġabra p. I‑11197, punt 32) li jenfasiżżaw li korp li għandu l-għan li jagħmel profitt u li jagħmel tajjeb għar-riskji marbutin mal-attivitajiet tagħha ġeneralment ma tidħolx għal proċedura għall-għoti ta’ kuntratt taħt kundizzjonijiet li ma jkunux ekonomikament iġġustifikati.


40 – Ara iktar ’il fuq, punt 62 et seq.


41 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux (C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 40). Ara, fir-rigward tad-Direttiva 92/50, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-264/03, Ġabra p. I-8831, punt 36).


42 – L-evalwazzjoni li tgħid li meta jkun hemm kuntratt simulat, il-kwalifika legali tiegħu għandha tiġi ddeterminata skont is-sustanza tal-ftehim, issib l-għeruq tagħha fil-massima tad-dritt Ruman plus valere quod agitur, quam quod simulate concipitur (Kodiċi ta’ Ġustinjanu, Ir-Raba’ Ktieb, Titolu 22). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 117(2) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż jipprovdi wkoll li meta jidher li l-att ikkonċernat jissimula att ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-att moħbi. Minn dan jirriżulta li fir-rigward tal-atti li ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni ta’ forma, skont il-massima falsa demonstratio non nocet, huwa l-att moħbi miftiehem reċiprokament li huwa validu (ara K. Larenz/M. Wolf, Allgemeiner Teil des deutschen bürgerlichen Rechts, Id-Disa’ Edizzjoni, Munich 2004, § 35, punt 34). Dispożizzjoni simili għal din ir-regola Ġermaniża tinsab ukoll fl-Artikolu 50(2) tal-Kodiċi tal-Obbligi Sloven (ara M. Dolen, in M. Juhart, N. Plavsăk, (éd.), Obligacijski zakonik s komentarjem, L-Ewwel Ktieb, GV zalo ba, Lubjana 2003, kummentarju tal-Artikolu 50, p. 207). Fl-istess sens, it-tieni sentenza tal-Artikolu 916(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijakk jipprovdi li att eventwali simulat għandu jiġi evalwat skont in-natura reali tiegħhu. Dan il-prinċipju jinsab ukoll fis-sistema legali Franċiża u Belġjana, fejn il-qrati tagħhom jistgħu jeskludu, fil-kuntest tal-kwalifika legali tal-kuntratti, l-isem tal-kuntratt magħżul mill-partijiet sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali reali tal-kuntratt inkwistjoni u għaldaqstant il-liġi applikabbli (fir-rigward ta’ Franza, ara Le Ph. Tourneau, Droit de la responsabilité et des contrats, Is-Sitt Edizzjoni, Pariġi 2006, punt 3615. Fir-rigward tal-Belġju, ara L. Cornelis, Algemene theorie van de verbintenis, Antwerp 2000, punt 229). Skont l-Artikolu 1281(2) tal-Kodiċi Ċivili Spanjol ukoll, f’każ ta’ kontradizzjoni, għandha tipprevali l-intenzjoni manifesta tal-partijiet fuq it-terminoloġija tal-kuntratt ikkonċernat. Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Mejju 1990 (li tinsab fil-qosor f’ Moreno O. Gil, Código civil y jurisprudencia concordada, 4ème édition, Madrid 2006, punt 4.230), it-Tribunal Supremo ddeduċa, minn din id-dispożizzjoni li mhuwiex l-isem tal-kuntratt magħżul mill-partijiet, iżda l-obbligi kuntrattwali miftiehma li huma relevanti biex il-kuntratt ikun jista’ jiġi kkwalifikat.


43 – It-tieni premessa tad-Direttiva 93/37.


44 – L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/37.


45 – Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża C‑220/05 (Auroux, sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Ġabra p. I-385, punt 43).


46 – Ara wkoll H. Franke, in Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Ir-Raba’ Volum, Munich, it-Tletin aġġornament Ġunju 2006, B.8, Bauaufträge, punt 11; A. Egger, Europäisches Vergaberecht, L-Ewwel Edizzjoni, Vjenna 2008, punt 719, li jenfasiżża, f’dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, jinkludi preċiżament il-kostruzzjoni “bi kwalunkwe mezz” u li tapplika għaldaqstant għall-kuntratti ta’ kiri tal-propjetà immobbli, meta s-sid jibni skont l-ispeċifikazzjoni tal-awtorità kontraenti/kerrej.


47 – Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-għan prinċipali mill-aspett kwalitattiv ta’ kuntratt li jikkomporta kemm servizzi kif ukoll xogħlijiet, il-konstatazzjoni li l-partijiet ikkonkludew il-kuntratt tagħhom mill-perspettiva ta’ din il-possibbiltà ta’ xiri tista’ tkun ta’ ċerta importanza. Ara iktar ’il quddiem, punti 110 et seq.


48 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007 (iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).


49 – F’dan ir-rigward, issir referenza b’mod partikolari għad-deskrizzjonijiet u l-listi tas-servizzi li jidhru fl-annessi kif ukoll għall-pjanti tal-bini, l-iskedi u pjanti oħra annessi mal-kuntratt – li jammontaw għal bosta eluf ta’ paġni.


50 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaldaqstant ikkonfermat espliċitament, fil-punt 67 tar-risposta tagħha, li “s-swali ta’ espożizzjoni inbnew biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet speċifikati minn Kölnmesse GmbH, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37/KEE”.


51 – Ara l-Artikolu 17(2) tal-kuntratt prinċipali.


52 – Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 47) u tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 37). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ April 1994, Gestión Hotelera International SA (C-331/92, Ġabra p. I-1329, punt 29).


53 – Il-kliem ta’ din il-premessa reġa’ ntuża fl-għaxar Premessa tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114) u kkonfermat bil-kliem li ġejjin: “[…] Kuntratti għal servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-servizzi fl-immaniġjar ta’ proprjetà, jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jinkludu x-xogħlijiet. Madankollu, sa fejn dawn ix-xogħlijiet huma inċidentali għas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u huma konsegwenza possibli tagħhom jew komplimentari tagħhom, il-fatt illi dawn ix-xogħlijiet huma inklużi fil-kuntratt ma jiġġustifikax il-kwalifikazzjoni tal-kuntratt bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi”.


54 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo (C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 31) u tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 38).


55 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 48).


56 – Ara iktar ’il fuq, punti 10 et seq.


57 – Ara P.Trepte, Public procurement in the EU. A Practitioner’s Guide, It-Tieni Edizzjoni, Oxford 2007, pp. 246 et seq., li jgħid li dak li huwa determinanti biex kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ikun jista’ jikkwalifika bħala wieħed li jikkonferixxi l-użu ta’ beni immobbli, huwa l-fatt li x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni jkunu ġew eżegwiti skont l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tal-awtorità kontraenti kif ukoll li l-iżviluppatur ma jkunx eżegwixxa x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni mingħajr l-approvazzjoni bil-quddiem tal-awtorità kontraenti. Ara fl-istess sens, K. Eschenbruch, “Immobilienleasing und neues Vergaberecht”, BB-Beilage Nr 5, 2000, p. 8, li jgħid li f’każ ta’ “kiri fil-qasam tal-proprjetà immobbli”, għandu jitqies li jeżisti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet meta l-awtorità kontraenti teżerċita, b’mod determinanti, influwenza fuq l-arkitettura (id-disinn) tal-bini jew ukoll jekk tintervjeni, bi kwalunkwe mod ieħor determinanti, fuqha u ma tillimitax ruħha sabiex timponi speċifikazzjonijiet partikolari tal-utent.


58 – Fl-Anness 1 mar-rikors tal-Kummissjoni, wieħed isib intervista ppubblikata fil-5 u fis-6 ta’ Settembru 2005, mogħtija mill-persuna responsabbli mill-finanzi tal-belt ta’ Cologne lil Kölner Stadt-Anzeiger, li l-kontenut tagħha ġie diskuss u spjegat mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’din l-intervista din il-persuna kkonfermat li Stadtsparkasse, li kienet ippromoviet lill-GKM-GbR, sostniet li kienet lesta li tiggarantixxi lill-Kölnmesse GmbH dritt li tixtri s-sit tal-fieri bil-prezz ta’ EUR 70 miljun kif ukoll li din il-garanzija kienet tagħti lok għal drittijiet fil-konfront ta’ din tal-aħħar. B’hekk, hija insistiet fuq il-fatt li “fi żmien tletin sena, kemm legalment kif ukoll ekonomikament, il-Fiera mhux se tieqaf topera”.


59 – Rapport tal-Bezirksregierung Köln, “Messe Köln: Neubau der Messehallen. Ergebnis der vergabe- und kommunarechtlichen Bewertung” tas-27 ta’ Jannar 2006 li tinkludi wkoll deskrizzjoni, fost oħrajn, tan-negozjati kuntrattwali.


60 – Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet, fi tweġiba għal mistoqsija li saritilha, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega oġġettivament għalfejn l-ommissjoni tad-dritt ta’ xiri sottomess, ma kellhiex impatt fuq il-kalkolu tal-kera.


61 – Ara l-Artikolu 2(3)(d) tal-kuntratt prinċipali tas-6 ta’ Awwissu 2004.