Language of document : ECLI:EU:T:2019:820

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Novembru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Deċiżjoni li tirrifjuta l-allowance tal-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Servizzi mwettqa għal Stat ieħor – Status diplomatiku – Perijodu ta’ riferiment ta’ ħames snin”

Fil-Kawża T‑592/18,

Katarzyna WywiałPrząda, residenti f’Wezembeek-Oppem (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u D. Milanowska, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Novembru 2017 li permezz tagħha l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ġie rrifjutat lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Marcoulli u R. Frendo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti hija ta’ nazzjonalità Pollakka. Hija waslet fil-Belġju fit‑22 ta’ Settembru 2010 wara l-ħatra ta’ żewġha bħala konsulent diplomatiku mad-delegazzjoni permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

2        Mit‑2 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti kellha passaport diplomatiku, maħruġ mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk.

3        Bejn is‑7 ta’ Jannar 2011 u l‑31 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti eżerċitat funzjonijiet ta’ segretarja fi ħdan ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea.

4        Bejn id‑9 ta’ Novembru 2012 u l‑11 ta’ Jannar 2013, hija mexxiet laqgħat ta’ konverżazzjonijiet fi Brussell (il-Belġju) f’isem assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u hija tħallset lura l-ispejjeż li għamlet f’dan ir-rigward.

5        Ir-rikorrenti tat lura l-passaport diplomatiku tagħha u tniżżlet fir-reġistru tal-barranin ta’ Woluwe-Saint-Pierre (il-Belġju) b’effett mis‑7 ta’ Ġunju 2013.

6        Bejn is‑16 ta’ Ġunju 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2015, imbagħad bejn l‑4 ta’ Jannar 2016 u l‑31 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ġiet impjegata suċċessivament minn żewġ kumpanniji Belġjani fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi għall-Kummissjoni Ewropea.

7        Fid‑9 ta’ Settembru 2016, ir-raġel tar-rikorrenti rritorna lejn il-Polonja fi tmiem il-missjoni diplomatiku tiegħu. Ir-rikorrenti baqgħet fil-Belġju mat-tifel tagħhom.

8        Fl‑1 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2017, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) irrifjutat il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata fil‑21 ta’ Frar 2018. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-ASTK tat‑18 ta’ Ġunju 2018, innotifikata fl-istess jum. Qabel kollox, l-ASTK iddeterminat il-“ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel [id-dħul] fis-servizz” (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ riferiment”), imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt permezz tal-Artikoli 21 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. L-ASTK iffissat dan il-perijodu ta’ riferiment għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2012 u t‑28 ta’ Frar 2017. Sussegwentement, l-ASTK iġġustifikat iċ-ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti minħabba li hija kienet tirrisjedi fil-Belġju mit‑22 ta’ Settembru 2010, li hija kienet eżerċitat attivitajiet professjonali u li hija kienet baqgħet tgħix hemm wara t-tluq ta’ żewġha, f’Settembru 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fl‑14 ta’ Diċembru 2018.

13      Fl‑14 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

14      Fl‑1 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

15      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom waqt is-seduta.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2019.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel ibbażata fuq ksur tal-istatus diplomatiku tagħha, it-tieni bbażata fuq żball fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-istatus diplomatiku tar-rikorrenti

20      Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet tgawdi minn status diplomatiku, bħala l-mara ta’ membru tal-persunal diplomatiku, bejn it‑22 ta’ Settembru 2010, li hija d-data tal-wasla tagħha fil-Belġju, u s‑16 ta’ Ġunju 2013, li hija d-data li fiha hija tat lura l-passaport diplomatiku tagħha. Minħabba dan l-istatus diplomatiku u skont it-tieni sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ssostni li hija kellha tibbenefika min-newtralizzazzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ żmien. Permezz ta’ din in-newtralizzazzjoni, il-perijodu ta’ riferiment kien jibda fl‑1 ta’ Mejju 2009, f’mument meta hija kienet tirrisjedi u taħdem fil-Polonja u meta hija ma kellha l-ebda rabta mal-Belġju. Issa, membru tal-persunal jitlef il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni biss jekk kellu r-residenza abitwali tiegħu jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ riferiment. Peress li dan ma huwiex il-każ, ir-rikorrenti tqis li hija kellha tingħata l-allowance tal-espatrijazzjoni.

21      L-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja, u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:

(a)      lill-uffiċjali:

–        li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati, u

–        li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;

(b)      għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.”

22      L-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’hekk huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel waħda tiddefinixxi ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li l-uffiċjal għandu, bħala prinċipju, jissodisfa sabiex jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni: li qatt ma kellu n-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post tal-assenjazzjoni tiegħu u li ma kienx, b’mod abitwali, matul il-perijodu ta’ ħames snin li jiskadi sitt xhur qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, jgħix jew jeżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju Ewropew tal-imsemmi Stat; it-tieni parti tipprevedi, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, li ċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn servizzi mwettqa għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-perijodi li jikkorrispondu għal dawn is-servizzi huma għalhekk innewtralizzati.

23      Barra minn hekk, l-allowance tal-espatrijazzjoni tiġi rrifjutata biss lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jekk matul il-perijodu kollu ta’ riferiment huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Pondichie vs Il‑Kummissjoni, F‑50/14, EU:F:2015:62, punt 35). Issa, f’dan il-każ, in-newtralizzazzjoni tal-perijodu li ddekorra bejn it‑22 ta’ Settembru 2010 u s‑16 ta’ Ġunju 2013, li matulu r-rikorrenti baqgħet fil-Belġju taħt status diplomatiku bħala mart membru tal-persunal diplomatiku, għandu l-effett li javvanza l-bidu tal-perijodu ta’ riferiment għas‑6 ta’ Ġunju 2009, u mhux għall‑1 ta’ Mejju 2009 kif issostni r-rikorrenti, jiġifieri f’mument meta hija kienet tirrisjedi u taħdem fil-Polonja u ma kellha l-ebda rabta mal-Belġju.

24      Konsegwentement, għandu jiġi deċiż jekk il-kunċett ta’ “ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar [għal] Stat ieħor”, użat fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-perijodu li matulu r-rikorrenti kienet tgawdi minn status diplomatiku bħala mart membru tal-persunal diplomatiku.

25      In-newtralizzazzjoni tal-perijodu li jikkorrispondi għal ċirkustanza li tirriżulta minn servizzi mwettqa fl-Istat ta’ assenjazzjoni, għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali, huwa spjegat mill-fatt li t-twettiq ta’ tali servizzi huwa preżunt li jwassal għaż-żamma ta’ rabta speċifika tal-persuna kkonċernata ma’ dan l-Istat l-ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, u b’hekk joħloq ostakolu għall-ħolqien ta’ rabta fit-tul mal-Istat ta’ impjieg u b’hekk għall-integrazzjoni suffiċjenti tal-persuna kkonċernata fis-soċjetà ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 49).

26      B’dan ippreċiżat, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kwalità tagħha bħala l-mara ta’ membru tal-persunal diplomatiku, hija bbenefikat minn privileġġi u immunitajiet bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat‑18 ta’ April 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”). Skont ir-rikorrenti, dan l-istatus diplomatiku, fih innifsu, jipprekludi l-ħolqien ta’ rabtiet fit-tul mal-pajjiż ta’ assenjazzjoni. Għaldaqstant, huwa għandu jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza li tirriżulta minn servizzi mwettqa għal Stat ieħor” fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

27      Issa, fil-punt 14 tas-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni (246/83, EU:C:1985:165), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kienet issemmi biss iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn servizzi mwettqa mill-uffiċjal li jidħol fis-servizz innifsu u li din ma tistax tiġi estiża għal persuna oħra.

28      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li din il-ġurisprudenza ma tapplikax għaliha peress li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni (246/83, EU:C:1985:165), il-persuna kkonċernata, li kienet akkumpanjat lil żewġha fil-Belġju, li kien uffiċjal tal-Komunità Ewropea, ma kienet tibbenefika, minħabba dan il-fatt, minn ebda status diplomatiku.

29      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni (246/83, EU:C:1985:165), il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma bbażat argument fuq din l-assenza ta’ status diplomatiku sabiex tiċħad lill-persuna kkonċernata d-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni.

30      Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:367, punti 42 u 43), iċċitata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-privileġġi, l-immunitajiet u l-istatus partikolari li kienet tibbenefika minnhom il-persuna kkonċernata, sabiex tammetti li din kellha rabta speċifika ma’ Stat ieħor li ostakolat l-integrazzjoni tagħha fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni. Madankollu, il-kwistjoni li kellha tiġi deċiża f’din il-kawża kienet dwar jekk ir-rikorrenti, li kienet taħdem fl-uffiċċju ta’ kollegament tal-Länder tar-Repubblika tal-Awstrija, kinitx twettaq servizzi għal dan l-Istat u jekk din kinitx b’hekk marbuta miegħu. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet l-eżistenza ta’ din ir-rabta minn serje ta’ elementi. L-ewwel wieħed minn dawn l-elementi kien jikkonsisti fil-fatt li l-persunal ta’ rappreżentanza permanenti għandu jitqies li jkun fis-servizz tal-Istat Membru kkonċernat u, konsegwentement, f’sitwazzjoni ta’ espatrijazzjoni, minħabba l-appartenenza tiegħu għall-istrutturi ta’ din ir-rappreżentanza. It-tieni element kien jinsab fil-fatt li, minkejja l-assenjazzjoni tagħha fl-uffiċċju ta’ kollegament tal-Länder, il-persuna kkonċernata kienet membru tal-persunal tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika tal-Awstrija u kienet suġġetta għall-awtorità ġerarkika tal-Ambaxxatur Awstrijak, b’tali mod li hija kellha titqies li wettqet servizzi għall-Istat Awstrijak. Fl-aħħar nett, it-tielet element kien jirriżulta mill-fatt li l-istatus tagħha kien l-istess bħal dak tal-uffiċjali l-oħra assenjati mal-imsemmija rappreżentanza (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier, C‑424/05 P, EU:C:2007:367, punti 41 u 42). Barra minn hekk, l-istatus partikolari msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 ta’ dik is-sentenza ma jistax jinftiehem bħala li jirriżulta biss mill-privileġġi u mill-immunitajiet li minnhom kienet ibbenefikat il-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat iktar il-fatt li din kienet wettqet servizzi għar-Repubblika tal-Awstrija fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti tagħha.

31      Fis-sentenza sussegwenti tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2007, Salvador García vs Il‑Kummissjoni (C‑7/06 P, EU:C:2007:724, punt 51), ukoll iċċitata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:367), sabiex jiġi kkunsidrat li l-istatus partikolari tal-persuna kkonċernata, bħala membru tal-persunal ta’ rappreżentanza permanenti, kien il-kawża tar-rabta speċifika tagħha mal-Istat Membru kkonċernat u sabiex jiġi kkunsidrat ukoll li dan l-istatus privileġġat, li ppermettielha li tibbenefika minn diversi privileġġi u immunitajiet, ħoloq fih innifsu ostakolu li jipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tistabbilixxi rabta fit-tul mal-Istat ta’ assenjazzjoni u, għaldaqstant, milli tintegra ruħha suffiċjentement fis-soċjetà ta’ dan l-Istat. Madankollu, fil-punt 50 tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, Salvador García vs Il‑Kummissjoni (C‑7/06 P, EU:C:2007:724), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, dejjem fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:367), li l-integrazzjoni funzjonali fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti kienet tikkostitwixxi element determinanti sabiex jitqies li persuna rreklutata kienet wettqet servizzi għal Stat ieħor (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punt 45).

32      Fl-aħħar nett, b’estensjoni tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, Salvador García vs Il‑Kummissjoni (C‑7/06 P, EU:C:2007:724), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni (C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punt 49), li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “xogħol li sar [għal] Stat ieħor”, imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biss il-fatt li s-servizzi twettqu fi ħdan rappreżentanza permanenti ta’ Stat li ma huwiex l-Istat ta’ assenjazzjoni li għandu jitqies li huwa rilevanti.

33      Minn dan jirriżulta li, anki fil-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti, l-uniku element li jipprekludi l-ħolqien ta’ rabta mal-pajjiż ta’ assenjazzjoni huwa l-provvista ta’ servizzi f’sitwazzjoni ta’ integrazzjoni funzjonali fi ħdan rappreżentanza diplomatika ta’ Stat ieħor jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

34      Madankollu, ir-rikorrenti toġġezzjona li l-kliem “ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali” użat fit-tieni sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikopri ċirkustanzi oħra għajr dawk li jirriżultaw biss minn eżerċizzju ta’ funzjonijiet għal tali Stat jew għal tali organizzazzjoni.

35      Il-ġurisprudenza hija effettivament stabbilita fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi limitata biss għal dawk il-persuni li jagħmlu parti mill-persunal ta’ Stat li ma huwiex l-Istat ta’ assenjazzjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, peress li din tkopri “iċ-ċirkostanzi [kollha] li jinħolqu minn xogħol li sar” għal tali Stat jew għal tali organizzazzjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il‑Kummissjoni, T‑83/03, EU:T:2005:371, punt 45, u tal‑25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, EU:T:2005:372, punt 42). Kif tirrileva r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza hija spjegata mill-fatt li dan il-kliem għandu portata iktar wiesgħa minn dak ta’ “qadi tad-dmirijiet”, użat fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il‑Kummissjoni, T‑4/92, EU:T:1993:29, punt 36).

36      Minn dan isegwi li l-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tkoprix biss il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata tkun sabet ruħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg fis-sens strett tal-kelma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, EU:T:2001:129, punt 50). Xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-istess ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “ċirkustanza li tirriżulta minn servizzi mwettqa għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali” jikkorrispondi biss għas-sitwazzjonijiet li fihom is-servizz jirriżulta minn rabta legali diretta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, fil-kuntest ta’ stage jew ta’ kuntratt ta’ espert, pereżempju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il‑Kummissjoni, T‑83/03, EU:T:2005:371, punt 45, u tal‑25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, EU:T:2005:372, punt 42).

37      Għaldaqstant, l-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi estiża għall-mara ta’ membru tal-persunal diplomatiku li bbenefikat, f’din il-kwalità, minn ċerti privileġġi u immunitajiet bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda li ma tistax tinvoka tali rabta legali diretta. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li d-dritt tar-rikorrenti għal status diplomatiku ma kienx dritt proprju tagħha, iżda dritt sekondarju, intiż sabiex jiffaċilita l-ħajja familjari tal-membri tal-persunal diplomatiċi, li hija kellha minħabba l-funzjonijiet ta’ żewġha.

38      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fl-eżami tal-livell ta’ integrazzjoni tagħha fil-Belġju li, b’mod definittiv, jiddetermina l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, ma jistax jiġi injorat il-fatt li, b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u ta’ nota ċirkulari tal-Istat Belġjan tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali lukrattiva mill-membri ta’ missjonijiet diplomatiċi jew postijiet konsulari ta’ professjoni jew mill-membri tal-familja tagħhom (iktar ’il quddiem in-“nota ċirkulari tal-Istat Belġjan”), hija ma setgħet teżerċita l-ebda attività professjonali fil-Belġju, ħlief bir-ritorn tal-passaport diplomatiku tagħha u b’hekk bir-rinunzja għall-istatus diplomatiku mogħti lill-membri tal-familja ta’ membru tal-persunal diplomatiku.

39      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ ċaqliq minn pajjiż għal ieħor jiddependi b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni personali tal-uffiċjal, jiġifieri l-livell ta’ integrazzjoni tiegħu fl-Istat ta’ assenjazzjoni li jirriżulta, pereżempju, mill-eżerċizzju preċedenti ta’ attività professjonali fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punt 38, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 44). Konsegwentement, l-impossibbiltà li tali attività professjonali tiġi eżerċitata, jekk ipprovata, tista’ tkun element li jikkontradixxi din l-integrazzjoni u li jistabbilixxi, a contrario, l-eżistenza ta’ espatrijazzjoni.

40      Għandu madankollu jiġi rrilevat li l-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi li “[il]-membru tal-persunal diplomatiku ma għandux jeżerċita attività professjonali jew kummerċjali għal gwadann personali fl-Istat li jakkredita” u li l-ebda dispożizzjoni ma testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni għall-membri tal-familja ta’ dan il-membru tal-persunal. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-membri tal-persunal diplomatiċi, dawn jistgħu jeżerċitaw attività professjonali jew kummerċjali fl-Istat li jakkredita fil-kuntest tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ dan tal-aħħar, u għaldaqstant, jekk ikun il-każ, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet meħtieġa għal kull barrani tal-istess nazzjonalità, bħal, pereżempju, permess ta’ xogħol. Madankollu, fil-kwalità tagħha ta’ ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ir-rikorrenti kienet saħansitra eżenti minn dan l-obbligu. Barra minn hekk, minkejja l-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali, il-membri tal-familja ta’ membru tal-persunal diplomatiku jżommu bħala prinċipju l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom kif inhuma previsti u limitati mill-Artikoli 29 sa 36 tal-imsemmija konvenzjoni li japplikaw għalihom skont l-Artikolu 37(1) tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 31(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, huma biss l-immunitajiet ċivili u dawk amministrattivi li jitneħħew għal kwalunkwe azzjoni li tikkonċerna attività professjonali jew kummerċjali. L-immunità kriminali, min-naħa tagħha, ma titneħħiex awtomatikament.

41      Minkejja li ġiet wara l-perijodu li kellu jiġi nnewtralizzat skont ir-rikorrenti, in-nota ċirkulari tal-Istat Belġjan tikkorrobora dak li ntqal iktar ’il fuq.

42      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għad-differenza tar-rikorrenti, żewġha f’ebda każ ma seta’ jeżerċita attività professjonali jew kummerċjali fil-Belġju. Għalhekk, ir-rikorrenti u żewġha ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali.

43      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, tal‑24 ta’ April 1963. Madankollu, il-persuna kkonċernata tiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ żewġha bħala dawk ta’ membru tal-persunal diplomatiku u, b’mod iktar preċiż, bħala dawk ta’ “konsulent mad-delegazzjoni permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għan-NATO”. Għaldaqstant, u peress li dan il-fatt ma jissostanzjax kif dawn il-funzjonijiet jaqgħu taħt din il-konvenzjoni, hemm lok li dan jitqies bħala irrilevanti f’dan il-każ.

44      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma hemmx spjegazzjoni għall-fatt li membru tal-persunal li jeżerċita fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni funzjonijiet għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali jkun iktar espatrijat mill-konjuġi tiegħu, li wkoll ikun għex hemmhekk mingħajr ma eżerċita tali funzjonijiet, iżda xorta jkun ibbenefika minn status diplomatiku.

45      Kif diġà ġie espost (punt 39 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ ċaqliq minn pajjiż għal ieħor jiddependi b’mod partikolari fuq il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni. Issa, għalkemm jista’ jiġi preżunt li persuna żżomm rabta speċifika mal-Istat ta’ oriġini tagħha meta din isservi fi ħdan delegazzjoni jew ambaxxata tiegħu u li din is-sitwazzjoni tipprekludi l-ħolqien ta’ rabta fit-tul mal-pajjiż ta’ assenjazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier, C‑424/05 P, EU:C:2007:367, punt 38, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 49), dan ma huwiex bilfors l-istess għall-konjuġi tagħha, li ma jaqsamx l-istess ambjent professjonali ddedikat għas-servizz tal-imsemmi Stat u li għalhekk ikollu aċċess għal firxa iktar wiesgħa ta’ possibbiltajiet sabiex jintegra ruħu fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti.

46      Fl-aħħar nett, huwa għalxejn li r-rikorrenti ssostni li, għalkemm żewġha kien ġie rreklutat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-istess data bħalha, il-perijodu li matulu huwa bbenefika minn status diplomatiku ġie nnewtralizzat. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-punti 27 sa 37, 40 u 45 iktar ’il fuq jirriżulta li hi u żewġha ma kinux fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali.

47      Bħala konklużjoni, l-espatrijazzjoni ta’ persuna, li tagħti dritt għal allowance tal-espatrijazzjoni, hija indipendenti mill-istatus diplomatiku li hija tibbenefika minnu bis-saħħa tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il‑Kummissjoni, T‑4/92, EU:T:1993:29, punt 40). Dan japplika a fortiori meta, bħar-rikorrenti f’dan il-każ, din il-persuna tibbenefika minn dan l-istatus mingħajr ma tkun membru tal-persunal ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ rappreżentanza ta’ Stat li ma jkunx l-Istat ta’ assenjazzjoni.

48      Għaldaqstant, l-ASTK ma kisritx l-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal meta ffissat il-perijodu ta’ riferiment bejn l‑1 ta’ Marzu 2012 u t‑28 ta’ Frar 2017 u ma marritx lura sas‑6 ta’ Ġunju 2009.

49      Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali

50      Ir-rikorrenti tallega, sussidjarjament, li, anki jekk il-perijodu li matulu hija bbenefikat minn status diplomatiku partikolari ma jistax jiġi nnewtralizzat, hija ma kellhiex, matul dan il-perijodu, ir-rieda li tagħti lill-preżenza tagħha fil-Belġju n-natura stabbli neċessarja sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, hija telenka elementi materjali li huma wkoll indizji tal-espatrijazzjoni tagħha.

51      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li r-residenza tagħha fil-Belġju kienet marbuta b’mod indissoċjabbli mal-missjoni diplomatika ta’ żewġha u li l-preżenza tagħha fit-territorju Belġjan kellha, minħabba f’hekk, natura prekarja u provviżorja. Din in-natura prekarja u provviżorja għamlet kull tentattiv li jinħolqu rabtiet fit-tul mal-Belġju irrilevanti.

52      Madankollu, peress li l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi mil-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni qabel id-dħul fis-servizz tagħha (punt 39 iktar ’il fuq) u peress li l-livell ta’ integrazzjoni huwa indipendenti mill-istatus diplomatiku li minnu hija tibbenefika bis-saħħa tad-dritt internazzjonali (punt 47 iktar ’il fuq), il-fatt li r-raġuni għar-residenza tar-rikorrenti fil-Belġju kienet minħabba l-missjoni diplomatika ta’ żewġha huwa, fih innifsu, irrilevanti.

53      Fir-rigward tan-natura allegatament prekarja u provviżorja ta’ din ir-residenza, għandu jitfakkar li hija r-rikorrenti li għandha turi li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ssodisfatti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-fatt li l-persunal diplomatiku huwa msejjaħ biex jibdel l-assenjazzjoni tiegħu b’mod perjodiku ma jistax iwassal għall-preżunzjoni ta’ assenza ta’ integrazzjoni. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-membri tal-persunal diplomatiċi jibqgħu fis-servizz f’pajjiż għal diversi snin. F’dan il-każ, ir-raġel tar-rikorrenti barra minn hekk baqa’ assenjat fi Brussell għal sitt snin.

54      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq in-natura partikolari tar-residenza tagħha fil-Belġju, peress li hija ġiet mogħtija akkomodazzjoni mal-familja tagħha f’appartament imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom mid-delegazzjoni permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għan-NATO, li ħallset il-kera u l-kontijiet ta’ konsum tal-enerġija.

55      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-kunċett ta’ residenza abitwali huwa interpretat b’mod stabbilit mill-ġurisprudenza bħala l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bil-ħsieb li tagħmel dan b’mod stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ residenza jimplika, indipendentement mill-informazzjoni purament kwantitattiva ta’ perijodu ta’ żmien li l-persuna għamlet fit-territorju ta’ pajjiż jew ieħor, minbarra l-fatt fiżiku li tibqa’ f’ċertu post, l-intenzjoni li dan il-fatt ikun stabbli sabiex jirriżulta f’abitudni ta’ ħajja u ta’ żvolġiment ta’ relazzjonijiet soċjali normali (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 48).

56      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ilha tirrisjedi fil-Belġju mit‑22 ta’ Settembru 2010. Il-fatt li hija bbenefikat minn vantaġġi materjali li jikkonsistu f’residenza għall-persunal li l-kera u l-konsum tal-enerġija tagħha kienu mħallsa mid-delegazzjoni permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għan-NATO ma jistax ikun il-prova taż-żamma ta’ rabta mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha b’tali mod li din ir-rabta teskludi kull integrazzjoni fil-Belġju. Fi kliem ieħor, it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż mir-Repubblika tal-Polonja ma jimplikax li din ir-residenza ma setgħetx tkun, b’mod stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tar-rikorrenti fil-Belġju.

57      Dan it-teħid ta’ responsabbiltà ma kienx jipprekludi lir-rikorrenti milli tistabbilixxi relazzjonijiet soċjali mal-Belġju. B’hekk, il-fatt li, wara r-ritorn ta’ żewġha fil-Polonja, ir-rikorrenti baqgħet fil-Belġju mat-tifel tagħha sabiex ikompli l-iskola jikkostitwixxi indizju li juri integrazzjoni. Jikkostitwixxi wkoll indizju ta’ din l-integrazzjoni l-fatt li, għalkemm hija kienet għadha taħt status diplomatiku, ir-rikorrenti temporanjament ikkollaborat ma’ assoċjazzjoni fi Brussell li topera fil-qasam tat-taħriġ u b’hekk ipparteċipat fin-netwerk assoċjattiv tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni futur tagħha.

58      F’dan ir-rigward, u fit-tielet lok, ir-rikorrenti preċiżament issostni li t-tmexxija ta’ laqgħat ta’ konverżazzjoni ma tikkostitwixxix attività professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u li din ma tippermettix li tiġi preżunta l-volontà tagħha li ċċaqlaq iċ-ċentru permanenti tal-interessi tagħha lejn il-Belġju. Din l-attività kienet limitata ħafna u kienet tagħti lok biss għal ħruġ ta’ flus għall-ħlas ta’ spejjeż.  Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li din kienet attività bi ħlas.

59      Madankollu, wieħed ma jistax jinsa li attività professjonali hija kriterju ċertament oġġettiv iċċitat mill-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tinftiehem is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal irreklutati reċentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Pozza vs Il‑Parlament, T‑216/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:118, punt 25), iżda li dan jgħodd biss bħala eżempju (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier, C‑424/05 P, EU:C:2007:367, punt 35, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 44). Barra minn hekk, il-kontribut ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal għall-attività ta’ operatur fid-dinja assoċjattiva fil-pajjiż tal-assenjazzjoni futura tiegħu jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxi indizju fost oħrajn ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata.

60      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li kien biss wara li hija kienet tat lura l-passaport diplomatiku tagħha, fis‑16 ta’ Ġunju 2013, li hija kienet ġiet irreġistrata fir-reġistri tal-popolazzjoni Belġjani.

61      Madankollu, għalkemm l-iskrizzjoni bħala residenti f’komun turi r-rieda tal-persuna kkonċernata u l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi ċ-ċentru stabbli u permanenti tar-residenza tagħha u tal-interessi tagħha f’dan il-post (digriet tas‑26 ta’ Settembru 2007, Salvador Roldán vs Il‑Kummissjoni, F‑129/06, EU:F:2007:166, punt 60), din l-iskrizzjoni tibqa’ element formali li minnu ma jistax jiġi dedott, f’dan il-każ, li r-rikorrenti ma kellhiex, qabel, residenza effettiva fil-Belġju, speċifikament fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn l-eżistenza ta’ din ir-residenza ma hijiex barra minn hekk ikkontestata.

62      Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li, matul il-perijodu li fih żewġha eżerċita, fil-Belġju, il-funzjoni ta’ membru tal-persunal ta’ ambaxxata, hija żammet rabtiet għat-tul mal-Polonja.

63      Għalhekk, ir-rikorrenti tallega li hija baqgħet proprjetarja ta’ proprjetà immobbli fil-Polonja u li żammet numru tat-telefon Pollakk. Hija żammet ukoll attività professjonali hemmhekk bħala għalliema tal-lingwa u traduttriċi legali sal‑2013 u baqgħet tħallas it-taxxa hemmhekk.

64      Madankollu, il-fatt li hija kienet iddomiċiljata fiskalment fil-pajjiż ta’ oriġini u l-fatt li kellha interessi u beni patrimonjali hemmhekk ma jippermettux li jintwera li r-residenza abitwali tar-rikorrenti tinsab f’dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Settembru 2007, Salvador Roldán vs Il‑Kummissjoni, F‑129/06, EU:F:2007:166, punt 59). Dan jgħodd iktar u iktar meta d-dħul iddikjarat fiskalment fil-pajjiż ta’ oriġini jirriżulta minn attività professjonali eżerċitata barra mill-pajjiż. Matul is-seduta, ir-rikorrenti preċiżament esponiet li hija kienet eżerċitat il-professjoni indipendenti ta’ traduttur legali għall-qrati Pollakki mill-Belġju u li kien minħabba f’hekk li hija kienet iddikjarat, għas-sena 2012, dħul professjonali ta’ 2 664.64 złoty Pollakk (PLN) (madwar EUR 650). Ir-rikorrenti esponiet ukoll, waqt is-seduta, li hija kienet talbet it-tħassir tagħha mir-reġistru kummerċjali Pollakk fl‑2014 u li l-ammont ta’ PLN 54 289.16 (madwar EUR 12 700) iddikjarat għal dik is-sena kien jirrappreżenta s-salarju li hija kienet tirċievi fil-Belġju minħabba l-impjieg tagħha matul dik is-sena f’kumpannija Belġjana li tipprovdi servizzi lill-Kummissjoni.

65      Il-fatt li hija żammet numru tat-telefon Pollakk lanqas ma jippermetti li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet żammet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fil-Polonja peress li, a fortiori, kif indikat ir-rikorrenti waqt is-seduta, dan kien numru tat-telefon ċellulari, li għalhekk seta’ jintuża mit-territorju Belġjan.

66      Is-sitt nett, ir-rikorrenti tesponi li hija dejjem ħadmet f’ambjent internazzjonali pubbliku, l-ewwel fir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni, bejn is‑7 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2011, imbagħad għall-Kummissjoni, bejn is‑16 ta’ Ġunju 2014 u l‑31 ta’ Awwissu 2017. Hija ssostni li l-fatt li hija ħadmet b’dan il-mod f’ambjent internazzjonali u li ma eżerċitat l-ebda attività fis-settur privat itaffi kwalunkwe preżunzjoni ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Belġjana.

67      Madankollu, u kif tammetti r-rikorrenti stess, hija eżerċitat attività professjonali fi ħdan il-Kummissjoni biss permezz ta’ żewġ kuntratti suċċessivi ma’ żewġ kumpanniji Belġjani li jaġixxu għal din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi. Issa, il-ġurisprudenza eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal is-sitwazzjonijiet triangolari li fihom l-uffiċjal il-ġdid jew il-membru tal-persunal il-ġdid kien ċertament ħadem preċedentement fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda f’isem kumpanniji privati li magħhom kien impjegat (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Pozza vs Il‑Parlament, T‑216/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:118, punt 51). Barra minn hekk, il-fatt li eżerċitat attività professjonali għall-Kummissjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jitqies bħala indizju ta’ assenza ta’ integrazzjoni tar-rikorrenti fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment.

68      Fir-rigward tal-benefiċċji tar-rikorrenti fi ħdan ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni, dawn kienu qabel il-perijodu ta’ riferiment. Għalhekk, dawn ma setgħux ikollhom influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni mill-ASTK tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx integrata fil-Belġju matul l-imsemmi perijodu.

69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-motiv ma hijiex fondata u dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

70      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Katarzyna WywiałPrząda hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Marcoulli

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.