Language of document : ECLI:EU:T:2010:342

Kawża T-58/09

Schemaventotto SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Konċentrazzjonijiet — Abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni — Deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Regolament Nru 139/2004 — Proċedura ta’ kontroll — Interessi pubbliċi previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament — Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett permezz ta’ miżuri nazzjonali — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 8 u 21(4))

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix, wara l-abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni, bil-proċedura skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Proċedura li għandha n-natura ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Esklużjoni

(Artikoli 86(3) KE, 226 KE u 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 21(4))

1.      Meta Stat Membru jikkomunika interess pubbliku ieħor minn dak ikkunsidrat mir-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li huwa jixtieq jipproteġi, il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ kontroll prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) ta’ dan ir-regolament. Hija sussegwentement marbuta tipproċedi bl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ dan l-interess mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju qabel ma tinnotifika d‑deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru kkonċernat f’terminu ta’ 25 jum ta’ xogħol mill-imsemmija komunikazzjoni, billi tevita kemm jista’ jkun, milli d-deċiżjoni tagħha tidħol fis-seħħ biss wara li l-miżuri nazzjonali jkunu diġà kkompromettew definittivament il-konċentrazzjoni prevista. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni hija b’hekk obbligata, sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha meħuda taħt l‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, milli tadotta fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat deċiżjoni li tikkonsisti jew li tirrikonoxxi l-interess inkwistjoni fid-dawl tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipji ġenerali u d‑dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, jew inkella fin-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dan l-interess fid-dawl tal-inkompatibbiltà tiegħu ma’ dawn il‑prinċipji u dispożizzjonijiet.

Peress li l-proċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tirreferi għall-kontroll tal-operazzjonijiet konkreti ta’ konċentrazzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni tiddependi madankollu fuq il-konklużjoni tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, kif il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti biex tadotta deċiżjoni taħt ir-Regolament Nru 139/2004 qabel il‑konklużjoni ta’ tali ftehim, hija tieqaf milli tkun kompetenti hekk kif dan il‑ftehim jiġi mitmum, anki jekk l-impriżi kkonċernati jkomplu n-negozjati tagħhom bil-għan li jiġi konkluż ftehim “taħt forma oħra”.

Konsegwentement, f’każ tal-abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni, il‑Kummissjoni ma tkunx iktar kompetenti sabiex tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, permezz ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett permezz tal-miżuri nazzjonali.

(ara l-punti 112, 115-117)

2.      Ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni tinforma Stat Membru dwar id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura mibdija skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ma tipproduċix effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li taffettwa l-interessi ta’ impriża rikorrenti, li kienet parti fi pjan ta’ konċentrazzjoni sussegwentement abbandunat, billi mmodifikat b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Deċiżjoni bħal din ma tistax tammonta għal att li jista’ jiġi kkontestat.

Fil-fatt, permezz tat-tressiq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, wara l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni b’hekk ma kellhiex iktar l-intenzjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett mill-miżuri nazzjonali, iżda pjuttost deċiżjoni li tiddikjara li l-Istat Membru inkwistjoni kien kiser l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament.

Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni effettivament tabbanduna l-qafas tal-proċedura miftuħa abbażi tal-imsemmi Artikolu 21(4) tar-Regolament, u tkompliha bħala proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk kif previst mill-Artikolu 226 KE jew l-Artikolu 86(3) KE. Issa, il-Kummissjoni għandha f’dan ir‑rigward setgħa diskrezzjonali sabiex timplementa proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE u l-Artikolu 86(3) KE.

(ara l-punti 120, 124, 125)