Language of document :

Kawża C-444/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 89/665/KEE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Obbligu ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għal proċedura ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 2(1)(a) u (b), ut-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6)

Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet, kif emendata bid-Direttiva Nru 92/50/KEE, Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tipprovdix terminu ta’ żmien obbligatorju għan-notifika, mill-awtorità kontraenti, tad-deċiżjoni ta‘għoti ta’ kuntratt lill-offerenti kollha u lanqas ma tipprovdi terminu ta’ żmien ta’ stennija obbligatorju bejn l-għoti ta’ kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 2(1)(a) u (b) u t-tieni paragrafu tal-paragrafu 6 ta’ l-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li permezz tagħha hija tagħżel l-offerent li jkun ipparteċipa għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li miegħu tkun ser tikkonkludi l-kuntratt, li jipprovdu f’kull każ proċedura ta’ reviżjoni li tippermetti lir-rikorrent jikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fejn il-kundizzjonijiet rilevanti huma sodisfatti, indipendentement mill-possibbiltà li jikseb kumpens meta l-kuntratt ikun ġie konkluż. Barra minn hekk, il-ħarsien legali sħiħ li għandu għaldaqstant jiġi assigurat qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) tad-direttiva ta’ reviżjoni jimplika b’mod partikolari l-obbligu li jiġu informati l-offerenti bid-deċiżjoni ta’ għoti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex dawn ikollhom possibbiltà reali sabiex iressqu rikors. Dan l-istess ħarsien jeżiġi li tiġi pprovduta l-possibbiltà, lill-offerent eskluż, sabiex jeżamina fiż-żmien dovut il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ għoti. Fid-dawl ta’ l-eżiġenzi ta’ effett utli tad-Direttiva 89/665, li l-għan tagħha huwa li d-deċiżjonijiet illegali ta’ l-awtoritajiet kuntrattwali jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament u malajr kemm jista’ jkun jirriżulta li t-terminu raġjonevoli għandu jiddekorri bejn il-mument meta d-deċiżjoni ta’ għoti tiġi kkomunikata lill-offerenti esklużi u l-konklużjoni tal-kuntratt, sabiex tippermettilhom, b’mod partikolari, li jressqu talba għal miżuri provviżorji sa’ l-imsemmija konklużjoni.

(ara l-punti 37-39, 44, 58, u d-dispożittiv 1)