Language of document : ECLI:EU:T:2017:603

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Settembru 2017 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi – Metodu ta’ kalkolu – Kriżi ekonomika u finanzjarja”

Fil-Kawżi magħquda T‑504/16 u T‑505/16,

JeanPierre Bodson, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn L. Levi, avocat,

rikorrenti fil-Kawża T‑504/16,

Esther Badiola, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti fil-Lussemburgu, u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn L. Levi, avocat,

rikorrenti fil-Kawża T‑505/16,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat inizjalment minn T. Gilliams u G. Nuvoli, sussegwentement minn G. Faedo u M. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avocat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet, li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju għax-xahar ta’ Frar 2013 u għax-xhur sussegwenti, li japplikaw għar-rikorrenti d-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012 u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013 kif ukoll tal-artikolu mqiegħed fuq l-internet fil-5 ta’ Frar 2013 u tan-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013 li tinforma lill-persunal bl-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, sabiex il-BEI jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjonijiet imħallsa skont id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq u l-ammont tar-remunerazzjonijiet dovuti skont is-sistema li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-22 ta’ Settembru 2009 kif ukoll kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament sostnew minħabba t-telf tagħhom ta’ kapaċità tal-akkwist u minħabba l-inċertezza marbuta mal-evoluzzjoni fir-remunerazzjonijiet tagħhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, R. da Silva Passos u K. Kowalik‑Bańczyk (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Jean‑Pierre Bodson u l-persuni fiżiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness fil-Kawża T‑504/16, minn naħa, u Esther Badiola u l-persuni fiżiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness fil-Kawża T‑505/16, min-naħa l-oħra, huma membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

2        Is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BEI tipprevedi l-għoti ta’ salarju bażiku, ta’ primjums u ta’ diversi allowances kif ukoll l-aġġornament regolari tal-livelli tas-salarji bażiċi.

 Adozzjoni ta’ metodu ta’ adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi

3        Fid-29 ta’ Ġunju 2009, id-dipartiment tar-riżorsi umani tal-BEI ppreżenta lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI (iktar ’il quddiem, il-“Kumitat ta’ Tmexxija”) proposta intiża, b’mod partikolari, għall-introduzzjoni, mill-2010, ta’ metodu ġdid ta’ adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi, ibbażat fuq l-inflazzjoni. Skont din il-proposta, l-adattament tal-livelli tas-salarji bażiċi għal sena speċifika għandu jikkorrispondi għall-medja tar-rata ta’ inflazzjoni prevista fil-Lussemburgu għas-sena inkwistjoni u tar-rati ta’ inflazzjoni kkonstatati matul is-sentejn preċedenti.

4        Fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kumitat ta’ Tmexxija approva din il-proposta u ttrażmettiha lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI (iktar ’il quddiem, il-“Bord tad-Diretturi”) kif ukoll lis-sottokumitat tal-Bord tad-Diretturi inkarigat għar-remunerazzjonijiet (iktar ’il quddiem, is-“sottokumitat għar-remunerazzjonijiet”).

5        Wara diversi laqgħat, l-aħħar waħda fosthom miżmuma fil-21 ta’ Settembru 2009, is-sottokumitat għar-remunerazzjonijiet adotta rakkomandazzjoni favur l-adozzjoni ta’ tali metodu. Din ir-rakkomandazzjoni hija fformulata kif ġej:

“Is-[sottokumitat għar-remunerazzjonijiet] jappoġġja l-introduzzjoni ta’ approċċ ġdid rigward ir-rata ta’ adattament annwali [tal-livelli tas-salarji bażiċi], ibbażat fuq l-inflazzjoni fil-Lussemburgu matul perijodu ta’ tliet snin. Dan l-approċċ għandu jinżamm għal perijodu ta’ seba’ snin. Sussegwentement jiġi deċiż jekk dan għandux jinżamm jew jiġi mibdul. Barra minn hekk, ser jiġi studjat jekk il-mekkaniżmu bbażat fuq perijodu ta’ tliet snin isegwix ir-rata ta’ inflazzjoni reali. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-rata ta’ adattament [tal-livelli tas-salarji bażiċi] terġa’ tiġi aġġustata għar-rata ta’ inflazzjoni, għal livell ogħla jew iktar baxx. L-ewwel studju u l-aġġustament konsegwenti ser isiru fl-2012 għall-adattament [tal-livelli tas-salarji bażiċi] tal-2013. Minn dak il-mument, l-aġġustament ser isir kull sena.”

6        Fit-22 ta’ Settembru 2009, il-Bord tad-Diretturi adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009”) li tapprova r-rakkomandazzjoni tas-sottokumitat għar-remunerazzjonijiet. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-BEI adotta metodu ta’ adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi tal-persunal tiegħu bbażat fuq l-inflazzjoni (iktar ’il quddiem, il-“metodu tal-2009”) għal perijodu ta’ seba’ snin.

7        Permezz ta’ nota indirizzata lill-membri tal-persunal fil-25 ta’ Settembru 2009, il-President tal-BEI informa lil dawn tal-aħħar bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009. Din in-nota tispjega li din id-deċiżjoni għandha bħala għan l-adozzjoni ta’ “metodu [rigward l-adattament tal-livelli tas-salarji bażiċi] iktar sempliċi u iktar trasparenti”, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ żewġ elementi sitwazzjonali marbuta, minn naħa, mal-“isforzi mitluba mill-[BEI] u mill-persunal tiegħu sabiex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika, permezz ta’ tkabbir kunsiderevoli tal-volum ta’ attività [tiegħu]” u, min-naħa l-oħra, mal-“attenzjoni li l-gvernijiet u l-opinjonijiet pubbliċi taw lir-remunerazzjonijiet u lill-primjums tal-persunal tal-banek”.

 Adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2012

8        Fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Bord tad-Diretturi approva, għas-sena 2012, baġit tal-ispejjeż tal-persunal li jippermetti li jiżdiedu l-livelli tas-salarji bażiċi b’2.8 %, konformement mal-metodu tal-2009, għall-parti l-kbira tal-persunal, jiġifieri l-membri tal-persunal fil-funzjonijiet C sa K, iżda biss b’1.8 % għall-membri l-oħra tal-persunal, jiġifieri l-persunal maniġerjali.

 Adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2013

9        Fil-Ħarifa tal-2012, il-Kumitat ta’ Tmexxija ssottometta, għal opinjoni, lill-kumitat għar-remunerazzjonijiet tal-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem, il-“kumitat għar-remunerazzjonijiet”), li fl-2010 kien issostitwixxa lis-sottokumitat għar-remunerazzjonijiet, proposta intiża sabiex jiżdied il-baġit tal-ispejjeż tal-persunal b’5.1 % fl-2013. Minn din iż-żieda, minn naħa, 1.5 % kien intiż sabiex jiffinanzja l-ispejjeż marbuta mal-avvanzi fl-iskala skont il-mertu, mal-promozzjonijiet u mal-klassifikazzjonijiet mill-ġdid u, min-naħa l-oħra, it-3.6 % l-oħra kienu intiżi sabiex jiffinanzjaw iż-żieda fil-livelli tas-salarji bażiċi skont il-metodu tal-2009, li fl-2013 kien jieħu inkunsiderazzjoni aġġustament għal livell ogħla b’0.9 %, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata ta’ inflazzjoni effettivament ikkonstatata matul is-snin preċedenti.

10      F’opinjoni adottata wara l-laqgħat tat-22 ta’ Ottubru, tad-19 ta’ Novembru u tas-17 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem, l-“opinjoni ta’ Diċembru 2012”), il-kumitat għar-remunerazzjonijiet qies, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll fid-dawl tar-realtajiet politiċi li kienu jipprevalu fl-Istati Membri, li huwa ma setax japprova ż-żieda ta’ 5.1 % tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għall-persunal eżistenti li kienet ġiet proposta mill-Kumitat ta’ Tmexxija. Għaldaqstant, il-kumitat għar-remunerazzjonijiet, minn naħa, irrakkomanda lill-Bord tad-Diretturi li jillimita din iż-żieda għal 2.3 % u, min-naħa l-oħra, stieden lill-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiddeċiedi dwar it-tqassim ta’ din iż-żieda kif ukoll fuq il-livell tar-riżorsi interni li għandhom, fejn xieraq, jintużaw sabiex jiġi kkompletat l-imsemmi baġit. Huwa ppropona wkoll, fl-istess opinjoni, li l-metodu tal-2009 jinbidel sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu flessibbiltà ikbar f’perijodu ta’ kriżi ekonomika.

11      Fit-18 ta’ Diċembru 2012, il-Bord tad-Diretturi approva l-pjan ta’ attività tal-BEI għas-snin 2013 sa 2015, li kien jipprevedi żieda, fl-2013, ta’ 2.3 % tal-baġit tal-persunal għall-persunal eżistenti (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012”).

12      Komunikat intern dwar il-pjan ta’ attività tal-BEI għas-snin 2013 sa 2015 jispeċifika:

“Fid-dawl tal-klima ekonomika u politika attwali u tal-miżuri ta’ awsterità stabbiliti f’bosta Stati Membri, l-azzjonisti tagħna […] jagħtu l-perċezzjoni ta’ trattament ġust tal-affarijiet nazzjonali u Ewropej. Il-baġit tal-BEI jieħu, għaldaqstant, inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-baġits nazzjonali b’żieda fl-2013 tal-baġit tal-ispejjeż [tal-persunal għall-persunal eżistenti] ta’ 2.3 % […]”

13      Waqt il-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2012, il-Bord tad-Diretturi madankollu ma opponiex ruħu għall-fatt li l-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għall-persunal eżistenti jiżdied, fil-limitu ta’ 1 % supplimentari, permezz tal-użu ta’ riżorsi interni li jirriżulta mill-“effett ta’ noria”, iddefinit mill-partijiet bħala dak li ġie ffrankat mal-irtirar ta’ ċerti membri tal-persunal, segwit jew mis-sostituzzjoni tagħhom b’membri tal-persunal ġodda li huma iżgħar fl-età u li għandhom remunerazzjonijiet inqas għoljin, jew inkella bin-nonsostituzzjoni tagħhom, li ppermettiet b’dan il-mod żieda totali tad-diversi forom ta’ żieda salarjali ta’ 3.3 %.

14      Fit-23 ta’ Jannar 2013, id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal tal-BEI bagħat nota lill-Kumitat ta’ Tmexxija fejn talbu japprova miżuri ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012. Din in-nota kienet tispeċifika b’mod partikolari li ż-żieda ta’ 3.3 % tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għall-persunal eżistenti ma tippermettix li jiżdiedu, konformement mal-metodu tal-2009, b’3.6 % l-livelli tas-salarji bażiċi. Sa fejn iż-żieda tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għall-persunal eżistenti kellha wkoll tiffinanzja, b’1.5 %, l-avvanzi fl-iskala skont il-mertu, il-promozzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet mill-ġdid, id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal ippropona li jiżdiedu l-livelli tas-salarji bażiċi b’biss 1.8 %, jiġifieri li jiżdiedu l-imsemmija livelli b’rata inferjuri bin-nofs mir-rata prevista skont il-metodu tal-2009.

15      Fid-29 ta’ Jannar 2013, il-Kumitat ta’ Tmexxija approva l-miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 proposti mid-Direttorat Ġenerali tal-Persunal (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2013”).

16      Fil-5 ta’ Frar 2013, artikolu mqiegħed fuq l-intranet tal-BEI (iktar ’il quddiem, l-“artikolu tal-5 ta’ Frar 2013”) informa lill-persunal bl-approvazzjoni, fid-29 ta’ Jannar 2013, mill-Kumitat ta’ Tmexxija, tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal u, b’mod partikolari, bl-iffissar għal 1.8 % taż-żieda tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2013.

17      Fil-15 ta’ Frar 2013, id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal tal-BEI kkomunika wkoll nota lill-membri tal-persunal tal-BEI li tinformahom bl-adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2013 (iktar ’il quddiem, in-“nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013”).

18      L-adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2013 li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013 ġie applikat għall-ewwel darba fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti, kif ukoll żewġ membri oħra tal-persunal tal-BEI, ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom, li ġew irreġistrati, rispettivament, taħt in-numri F‑41/13 u F‑43/13.

20      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta’ Novembru 2013, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-Kawża F‑41/13 informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ż-żewġ membri l-oħra msemmija fil-punt 19 hawn fuq kienu qed jirrinunzjaw għar-rikorsi tagħhom.

21      B’digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013 tal-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ismijiet taż-żewġ persuni msemmija fil-punti 19 u 20 hawn fuq tħassru mil-lista tar-rikorrenti.

22      B’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottati abbażi tal-Artikolu 55(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden, fit-13 ta’ Frar 2014, lill-partijiet fil-Kawżi F‑41/13 u F‑43/13 jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mis-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI (F‑83/12, EU:F:2014:15), u tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI (F‑73/12, EU:F:2014:16). Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

23      B’digrieti tas-16 ta’ Ġunju 2014, il-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssospenda l-proċedura fil-Kawżi F‑41/13 u F‑43/13 sal-għoti tas-sentenzi li jagħlqu l-proċeduri fil-Kawżi T‑240/14 P u T‑241/14 P, Bodson et vs BEI, rigward l-appelli ppreżentati kontra s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI (F‑83/12, EU:F:2014:15), u tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI (F‑73/12, EU:F:2014:16), minħabba li r-rikorrenti qajmu, fiż-żewġ kawżi preżenti, motiv ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet essenzjali tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom, bl-istess mod bħar-rikorrenti fil-Kawżi T‑240/14 P u T‑241/14 P.

24      Wara l-għoti tas-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI (T‑241/14 P, EU:T:2016:103), u tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI (T‑240/14 P, EU:T:2016:104), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kompla l-proċeduri u, b’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati abbażi tal-Artikolu 55(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, stieden, fit-3 ta’ Marzu 2016, lill-partijiet jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mill-imsemmija sentenzi. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

25      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016 L 200, p. 137), il-Kawżi F‑41/13 u F‑43/13 ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-istat li dawn kienu jinsabu fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Huma ġew irreġistrati, rispettivament, taħt in-numri T‑504/16 u T‑505/16.

26      B’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottati abbażi tal-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden, fit-3 ta’ Frar 2017, lill-BEI jipproduċi diversi testi mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jifformaw il-kuntest ġuridiku ta’ dawn il-kawżi u, b’mod partikolari, l-Anness 3 tal-minuti PV/09/09 tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tat-22 ta’ Settembru 2009, li tikkonkretizza d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009. Il-BEI kkonforma ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

27      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li sema’ lill-partijiet, għaqqad il-Kawżi T‑504/16 u T‑505/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Ir-rikorrenti jitolbu, kull wieħed f’dak li jikkonċerna lilu, li l-Qorti Ġenerali:

–        tannulla:

–        id-deċiżjonijiet, li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2013, li japplikaw id-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013;

–        id-deċiżjonijiet kollha li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju sussegwenti li japplikaw l-istess deċiżjonijiet;

–        u, sa fejn huwa meħtieġ, l-artikolu tal-5 ta’ Frar 2013 u n-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013;

–        tikkundanna lill-BEI għall-pagament:

–        bħala kumpens għad-danni finanzjarji, danni evalwati, b’mod provviżorju, għal EUR 30 000 għal kull rikorrent, abbażi, minn naħa, tad-differenza li tirriżulta mill-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq u tas-sistema li tirriżulta mill-metodu tal-2009 sa mill-1 ta’ Jannar 2013, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid miżjuda bi tliet punti u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu sostnut minħabba t-telf tagħhom ta’ kapaċità tal-akkwist;

–        bħala kumpens għad-danni morali, EUR 1 000 għal kull rikorrent;

–        eventwalment, jekk il-BEI ma jipproduċihomx volontarjament, titlob lil dan tal-aħħar, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

–        il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tat-18 ta’ Diċembru 2012;

–        il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tad-29 ta’ Jannar 2013;

–        in-noti tad-dipartiment tiegħu tar-riżorsi umani (persunal), RH/P&O/2009‑0083 tas-26 ta’ Ġunju 2009 u persunal/ASP/2013‑5 tat-23 ta’ Jannar 2013;

–        l-Anness 3 tal-minuti PV/09/09 tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tat-22 ta’ Settembru 2009;

–        il-pjan ta’ attività tiegħu għas-snin 2013 sa 2015;

–        tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

29      Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti

30      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jordnaw il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti mill-BEI fl-ipoteżi li dan ma jipproduċihomx volontarjament.

31      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-rikorrenti nnotaw il-produzzjoni, mill-BEI, f’anness għar-risposta, tad-dokumenti mitluba, filwaqt li osservaw li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 ma kinitx ġiet prodotta.

32      Min-naħa l-oħra, permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 26 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali talbet lill-BEI jipproduċi d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009. Il-BEI kkonforma ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

33      Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għal annullament

34      Il-Qorti Ġenerali tqis li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu eżaminati separatament skont jekk humiex diretti kontra l-artikolu tal-5 ta’ Frar 2013 u n-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013, minn naħa, u kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013 u tax-xhur sussegwenti, min-naħa l-oħra.

 Fuq it-talbiet diretti kontra l-artikolu tal-5 ta’ Frar 2013 u n-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013

35      B’mod preliminari, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-tilwimiet purament interni bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu huma suġġetti għal sistema partikolari. Dawn it-tilwimiet, li huma simili, min-natura tagħhom, għat-tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom, huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1976, Mills vs BEI, 110/75, EU:C:1976:88, punti 5 sa 18, u tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, EU:T:2001:69, punti 93, 94 u 100).

36      Barra minn hekk, il-Bord tad-Diretturi adotta, fl-20 ta’ April 1960, Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI u emendati l-aħħar, f’dak li jirrigwarda din it-tilwima, fl-1 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “[k]ull tilwima ta’ natura individwali bejn il-[BEI] u l-membri tal-persunal tiegħu għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”.

37      B’dan il-mod, fir-rigward ta’ tilwimiet li jqumu bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, huma biss dawk ta’ natura individwali li jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, minkejja li l-membri tal-persunal tal-BEI jistgħu jqajmu, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura individwali, l-eċċezzjoni tal-illegalità ta’ miżuri ta’ portata ġenerali, huma ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jitolbu direttament l-annullament ta’ tali miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑13/10, EU:F:2011:161, punt 54).

38      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att purament informattiv ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, jekk ma jkunx jista’ jaffettwa l-interessi tad-destinatarju tiegħu jew jibdel is-sitwazzjoni legali ta’ dan meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti għal meta l-imsemmi att jiġi rċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il-Kunsill, T‑15/11, EU:T:2012:661, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-artikolu tal-5 ta’ Frar 2013 u n-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013 sempliċement jinformaw lill-persunal tal-BEI bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2013, li hija intiża sabiex toħloq effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni, jiġifieri l-membri tal-persunal tal-BEI, prevista b’mod ġenerali u astratt u tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, miżura ta’ portata ġenerali. Għaldaqstant dan l-artikolu u din in-nota ta’ informazzjoni, minn naħa, ma jikkostitwixxux minnhom innifishom atti ta’ portata individwali u, min-naħa l-oħra, huma ta’ natura purament informattiva u għalhekk ma humiex atti li jikkawżaw preġudizzju.

40      Għaldaqstant, it-talbiet intiżi għall-annullament tal-artikolu tal-5 ta’ Frar 2013 u tan-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013 huma, għal żewġ raġunijiet, inammissibbli.

 Fuq it-talbiet diretti kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013 u tax-xhur sussegwenti

41      Ir-rikorrenti jsostnu, bħala eċċezzjoni, li d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013, li d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2013 u tax-xhur sussegwenti għamlu applikazzjoni tagħhom, huma illegali.

42      Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-kundizzjonijiet fundamentali tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom.

43      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013 huma illegali sa fejn ġew adottati, f’dak li jirrigwarda l-adattament tal-livelli tas-salarji bażiċi għas-sena 2013, bi ksur tal-metodu tal-2009, adottat permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009.

44      F’dan ir-rigward, il-BEI ma jikkontestax il-fatt li l-applikazzjoni tal-metodu tal-2009 kellu jwassal għal żieda fil-livelli tas-salarji bażiċi ta’ 3.6 % fl-2013 u li, minħabba f’hekk, iż-żieda ta’ 1.8 % tal-imsemmija livelli li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013 wasslu biex ma japplikax dan il-metodu għas-sena 2013.

45      Madankollu, il-BEI jsostni li huwa ma kienx marbut japplika, għas-sena 2013, il-metodu tal-2009. Fl-ewwel lok, huwa jispjega li dan il-metodu kien sempliċi gwida interna mingħajr natura vinkolanti. Fit-tieni lok, il-Bord tad-Diretturi, għall-bqija, emenda l-imsemmi metodu permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012. Fit-tielet lok, il-kuntest ta’ kriżi ekonomika kien jikkostitwixxi, f’kull każ, każ ta’ forza maġġuri li jiġġustifika deroga minn dan il-metodu.

46      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-BEI, minkejja li għandhom oriġini kuntrattwali, jaqgħu essenzjalment taħt skema regolatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI, F‑83/12, EU:F:2014:15, punt 107, u tat-12 ta’ Frar 2014, Bodson et vs BEI, F‑73/12, EU:F:2014:16, punt 55). Fil-fatt, l-Artikolu 29, li f’April 2012 sar l-Artikolu 31, tar-regolament intern tal-BEI jipprevedi li r-regolamenti rigward il-persunal tal-BEI huma stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi u li l-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jadotta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom.

47      Huwa b’dan il-mod li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “[i]l-livelli tas-salarji bażiċi marbuta mal-kategoriji ta’ funzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 14 jidhru fl-Anness 14 fl-Anness I [tal-imsemmi] [r]egolamenti”. L-Anness I tal-imsemmi regolamenti jipprevedi, min-naħa tiegħu, li “[i]l-livelli tas-salarji bażiċi huma s-suġġett ta’ aġġornamenti regolari”.

48      Għandu jiġi ppreċiżat li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-BEI għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jistabbilixxi u jemenda unilateralment l-elementi tar-remunerazzjoni tal-persunal tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑241/14 P, EU:T:2016:103, punti 51 u 57, u tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑240/14 P, EU:T:2016:104, punti 39 u 44) u, għaldaqstant, sabiex jadotta u jaġġorna l-livelli tas-salarji bażiċi tal-persunal tiegħu.

49      Madankollu, il-BEI, fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, jista’ jiddeċiedi li jiddetermina, bil-quddiem, bħala l-ewwel pass u għal ċertu perijodu, kriterji għall-iffissar, bħala t-tieni pass, tal-aġġornamenti regolari tal-livelli tas-salarji bażiċi tal-persunal tiegħu u, b’dan il-mod, li jobbliga ruħu li josserva l-imsemmija kriterji fl-adattamenti annwali tal-imsemmija livelli matul dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 81/72, EU:C:1973:60, punt 11; tas-26 ta’ Ġunju 1975, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 70/74, EU:C:1975:93, punti 20 u 21, u tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punti 64 u 71).

50      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009, il-Bord tad-Diretturi adotta metodu ta’ adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi applikabbli għal perijodu ta’ seba’ snin.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk, kif isostnu r-rikorrenti, dan il-metodu huwiex ta’ natura vinkolanti jew jekk, kif isostni l-BEI, jikkostitwixxix sempliċi gwida interna.

52      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 ġiet adottata, fuq proposta tal-Kumitat ta’ Tmexxija u wara l-opinjoni tas-sottokumitat għar-remunerazzjonijiet, mill-Bord tad-Diretturi, korp kompetenti sabiex jadotta r-regolamenti rigward il-persunal tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 29, applikabbli dak iż-żmien, tar-regolament intern tal-BEI.

53      Sussegwentement, ma huwiex ikkontestat li l-metodu tal-2009, deskritt fil-punti 3 u 5 hawn fuq, jiddetermina, b’mod preċiż u eżawrjenti, il-kriterji li jippermettu l-kalkolu, kull sena, tal-adattament tal-livelli tas-salarji bażiċi, u dan għal perijodu ta’ seba’ snin. Għalhekk, billi adotta dan il-metodu, il-Bord tad-Diretturi stabbilixxa dispożizzjonijiet konkreti intiżi għall-implementazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Anness I ta’ dawn ir-regolamenti u bl-għan li jirregola u, għalhekk, li jirrestrinġi s-setgħa diskrezzjonali tal-BEI fl-iffissar tal-adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punti 67 u 68).

54      Fl-aħħar nett, mill-kliem tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 u mill-kuntest tal-adozzjoni tagħha jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li huwa jallega, il-BEI kellu l-intenzjoni li jagħti lil din id-deċiżjoni natura vinkolanti, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi assimilata għal sempliċi gwida interna li l-BEI seta’ ma japplikax bil-kundizzjoni li jagħti raġunijiet għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 81/72, EU:C:1973:60, punt 8).

55      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tal-BEI bbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-metodu tal-2009 kien jipprevedi aġġustament fl-2013, it-tieni nett, fuq il-fatt li dan il-metodu ma jinkludi l-ebda sistema ta’ eċċezzjoni, bil-kontra tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, it-tielet nett, fuq il-fatt li, fl-opinjoni ta’ Diċembru tal-2012, il-kumitat għar-remunerazzjonijiet kien issuġġerixxa li tiġi adottata flessibbiltà ikbar waqt snin ta’ kriżi ekonomika u, ir-raba’ nett, fuq il-fatt li l-metodu tal-2009 ġie applikat biss għal ċerti kategoriji tal-persunal fl-2012, wara li ġie applikat biss b’diffikultà fl-2011.

56      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-mekkaniżmu tal-aġġustament previst fl-2013, kif iddefinit b’mod preċiż permezz tal-metodu tal-2009, jagħmel parti mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-metodu. Dan l-aġġustament kellu bħala għan biss li jikkoreġi, għas-sena 2013, l-adattament tal-livelli tas-salarji bażiċi fl-ipoteżi li l-applikazzjoni tal-metodu tal-2009 għas-snin 2010 sa 2012 m kinitx twassal għal indiċjar ta’ dawn il-livelli għar-rata ta’ inflazzjoni effettivament ikkonstatata matul dawn is-snin. Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat, kif ġie osservat fil-punt 9 hawn fuq, li ż-żieda tal-livelli tas-salarji bażiċi ta’ 3.6 % li tirriżulta mill-applikazzjoni, fl-2013, tal-metodu tal-2009 tieħu, fost l-oħrajn, inkunsiderazzjoni l-aġġustament previst fl-2013. Għaldaqstant, dan l-aġġustament la jikkostitwixxi eċċezzjoni li tippermetti lill-BEI jidderoga minn dan il-metodu u lanqas element tali li jistabbilixxi n-natura mhux vinkolanti tal-metodu tal-2009, iżda jikkostitwixxi, bil-kontra, element supplimentari li jsaħħaħ in-natura vinkolanti tiegħu.

57      It-tieni nett, huwa fil-fatt stabbilit li, bil-kontra tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti oriġinarjament permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU 1968, L 56, p. 1), id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi dderogat mill-metodu tal-2009 fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni. Madankollu, l-eżistenza jew l-assenza ta’ sistema ta’ eċċezzjoni hija, minnha nnifisha, irrilevanti meta jiġi stabbilit jekk il-metodu tal-2009 huwiex ta’ natura vinkolanti jew mhux vinkolanti.

58      It-tielet nett, il-kumitat għar-remunerazzjonijiet ippropona b’mod espliċitu, fl-opinjoni ta’ Diċembru 2012, li l-metodu tal-2009 jiġi emendat sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jawtorizzaw flessibbiltà ikbar f’każ ta’ kriżi ekonomika, li għandu tendenza jikkonferma li, fl-assenza ta’ tali emenda, il-metodu tal-2009 kellu japplika fl-2013.

59      Ir-raba’ nett, il-fatt li l-metodu tal-2009 ġie applikat biss parzjalment fl-2012, għaliex parti mill-persunal, jiġifieri l-persunal f’pożizzjonijiet maniġerjali, f’din is-sena bbenefika minn adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi tiegħu inferjuri għal dak previst minn dan il-metodu, ma jaffettwax il-konstatazzjoni li dan il-metodu, mill-bqija applikat korrettament għall-persunal kollu fl-2010 u fl-2011, huwa ta’ natura vinkolanti.

60      Għaldaqstant, meta adotta d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009, il-BEI ntrabat, b’deċiżjoni awtonoma, għall-perijodu tal-validità ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri seba’ snin, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal, li josserva l-metodu tal-2009. Għalhekk, il-BEI ma jistax jinvoka, fil-kuntest tal-adattament annwali tal-livelli tas-salarji bażiċi tal-persunal tiegħu, setgħa diskrezzjonali li tmur lil hinn mill-kriterji stabbiliti f’dan il-metodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punt 71).

61      Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji stabbiliti permezz tal-metodu tal-2009 jippermettu li jiġi ffissat b’mod preċiż l-ammont taż-żieda tal-livelli tas-salarji bażiċi li għandha tiġi adottata kull sena, b’tali mod li dan il-metodu ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-BEI fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jipproċedu, kull sena, għall-adattament ta’ dawn il-livelli. Barra minn hekk, din kienet l-intenzjoni tal-Bord tad-Diretturi meta huwa adotta dan il-metodu. Fil-fatt, min-nota tal-President tal-BEI tal-25 ta’ Settembru 2009, imsemmija fil-punt 7 hawn fuq, jirriżulta li l-Bord tad-Diretturi xtaq li l-aġġornamenti regolari tal-livelli tas-salarji bażiċi jiġu ddeterminati skont metodu “iktar sempliċi u iktar trasparenti”.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-BEI bbażat fuq l-assenza ta’ natura vinkolanti tal-metodu tal-2009 jew l-allegata flessibbiltà tiegħu għandu jiġi miċħud.

63      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-metodu tal-2009 kienx għadu applikabbli fl-2013, kif isostnu r-rikorrenti, jew jekk dan il-metodu, f’din id-data, kienx emendat permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012, kif isostni l-BEI.

64      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 mhux biss ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tħassar, tissospendi jew temenda d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009, iżda ma tinkludi l-ebda riferiment għal din id-deċiżjoni.

65      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li dawn id-deċiżjonijiet, minkejja li ġew adottati t-tnejn li huma mill-istess korp u skont l-istess proċedura, huma ta’ natura differenti u għandhom għanijiet distinti. Fil-fatt, id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009, filwaqt li ġiet adottata fil-kuntest tat-tħejjija tal-baġit għas-sena 2010, hija ta’ natura regolatorja u pluriannwali sa fejn hija tipprevedi metodu li jirregola, għal diversi snin, l-adattament annwali ta’ wieħed mill-elementi tar-remunerazzjoni tal-persunal, jiġifieri l-livelli tas-salarji bażiċi. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 hija att ta’ natura essenzjalment baġitarja li permezz tagħha ġie adottat il-pjan ta’ attività tal-BEI għas-snin 2013 sa 2015, li jiffissa, f’dan il-kuntest, ir-rata ta’ żieda tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għall-persunal eżistenti għal sena speċifika, f’dan il-każ is-sena 2013, u fir-rigward ta’ liema ma huwiex sostnut li kien jinkludi dispożizzjonijiet regolatorji rigward ir-remunerazzjoni tal-persunal tal-BEI.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 ma tistax titqies li emendat il-metodu tal-2009. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-istess jgħodd għad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2013, għall-istess raġunijiet u a fortiori sa fejn hija toriġina mill-Kumitat ta’ Tmexxija u mhux mill-Bord tad-Diretturi.

67      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-BEI bbażat fuq il-fatt li l-kuntest ekonomiku tal-Ħarifa tal-2012 kien jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li kien jiġġustifika, fl-2013, li ma jiġix applikat il-metodu tal-2009.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk il-kunċett ta’ forza maġġuri ma jippreżupponix impossibbiltà assoluta, huwa jeżiġi madankollu li n-nuqqas ta’ seħħ tal-fatt inkwistjoni jkun dovut għal ċirkustanzi li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dak li jinvokah, u jkun anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tiegħu ma setgħux jiġu evitati minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza kollha possibbli (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, McNicholl, 296/86, EU:C:1988:125, punt 11; tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 85, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 76).

69      F’dan il-każ, mill-motivazzjoni, imfakkra fil-punt 10 hawn fuq, mill-opinjoni ta’ Diċembru 2012 kif ukoll mill-kliem tal-komunikat intern, imsemmi fil-punt 12 hawn fuq, jirriżulta li l-BEI tbiegħed, fid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013, mill-metodu tal-2009 sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku, soċjali u politiku eżistenti fl-Istati Membri u sabiex jagħti l-impressjoni ta’ trattament ġust tal-affarijiet nazzjonali u Ewropej.

70      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li huwa jirreferi għal sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika, il-BEI ma jipproduċi l-ebda prova konkreta jew ċifra rigward il-gravità ta’ din il-kriżi u rigward l-impatt ta’ din tal-aħħar fuq is-sitwazzjoni finanzjarja proprja tiegħu. B’mod partikolari, il-BEI la jistabbilixxi, u lanqas saħansitra ma jallega, li għalih kien impossibbli, jew mill-inqas eċċessivament diffiċli, li jiffinanzja l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu tal-2009, kif kien propost inizjalment mid-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u sussegwentement mill-Kumitat ta’ Tmexxija.

71      Min-naħa l-oħra, mit-termini, miġbura fil-qasir fil-punt 7 hawn fuq, tan-nota indirizzata fil-25 ta’ Settembru 2009 mill-President tal-BEI lill-persunal jirriżulta li dan ħa inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-kriżi ekonomika fl-adozzjoni tal-metodu tal-2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u filwaqt li ma jsemmi l-ebda deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika bejn Settembru 2009 u l-Ħarifa tal-2012, il-BEI lanqas ma juri li l-kuntest ekonomiku eżistenti waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013 kien imprevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009.

72      Għaldaqstant il-BEI ma stabbilixxiex li l-kuntest ekonomiku u soċjali jew l-imperattivi politiċi li huwa jallega kienu jikkostitwixxu ċirkustanza anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħha huwa ma setax jevita minkejja d-diliġenza eżerċitata, u li tikkostitwixxi, għaldaqstant, każ ta’ forza maġġuri.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt, osservat fil-punti 57 u 61 hawn fuq, li l-metodu tal-2009 ma jinkludi l-ebda sistema ta’ eċċezzjoni u ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-BEI, is-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika invokata mill-BEI ma kinitx tali li tiġġustifika adattament fl-2013 tal-livelli tas-salarji bażiċi tal-persunal tiegħu inferjuri għal dak li jirriżulta mill-metodu tal-2009.

74      Għaldaqstant, minn dak li ntqal jirriżulta, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv imqajma mir-rikorrenti, li d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013 kisru d-d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 u huma, minħabba f’hekk, illegali.

75      Konsegwentement, id-deċiżjonijiet, li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013 u tax-xhur sussegwenti u adottati abbażi tad-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tad-29 ta’ Jannar 2013, li jiżdiedu biss b’1.8 % l-livelli tas-salarji bażiċi tar-rikorrenti huma wkoll illegali u, għaldaqstant, għandhom jiġu annullati.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

76      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-danni finanzjarji allegati mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-BEI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, jadotta, filwaqt li josserva l-prinċipju ta’ legalità, kull att li jista’ jikkumpensa b’mod ġust l-iżvantaġġ li rriżulta, għar-rikorrenti, mill-atti annullati (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għar-rikorrenti li jippreżentaw sussegwentement rikors kontra l-miżuri adottati mill-BEI għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti intiżi għall-kumpens tad-danni finanzjarji huma prematuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2011, Larue u Seigneur vs BĊE, F‑84/09, EU:F:2011:71, punt 64, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Bowles et vs BĊE, F‑114/10, EU:F:2011:173, punti 79 u 80).

77      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-danni morali li r-rikorrenti jallegaw li sostnew, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm il-parti rikorrenti ma turix li sostniet danni morali li jistgħu jiġu sseparati mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistgħux jiġu kkumpensati kompletament permezz ta’ dan l-annullament.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, EU:T:2010:506, punt 58).

78      F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement isemmu danni morali li jirriżultaw mill-fatt li huma tqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza f’dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni tar-remunerazzjonijiet tagħhom, mingħajr ma ġabu l-ebda spjegazzjoni rigward il-gravità u l-konsegwenzi ta’ din l-inċertezza għalihom. Minbarra dan, mill-artiklu tal-5 ta’ Frar 2013 u min-nota ta’ informazzjoni tal-15 ta’ Frar 2013 jirriżulta li, jerġa’ qabel ma rċevew ir-rendikonti tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2013 li japplikaw, għall-ewwel darba, l-adattament ta’ 1.8 % tal-livelli tas-salarji bażiċi deċiż għas-sena 2013, ir-rikorrenti ġew informati bil-livell ta’ dan l-adattament, b’tali mod li l-inċertezza invokata ma hijiex stabbilita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jinkludix l-iċken prova rigward id-daqs tad-danni morali allegatament sostnuti mir-rikorrenti, u inqas u inqas, rigward il-kwistjoni dwar jekk dawn id-danni jistgħux jew le jiġu kkumpensati kompletament permezz tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

81      Peress li l-BĊE tilef fil-punti prinċipali t-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li japplikaw id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012 u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013 u li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju għax-xahar ta’ Frar 2013 u għax-xhur sussegwenti ta’ JeanPierre Bodson u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-BEI li isimhom jidher fl-anness fil-Kawża T504/16, minn naħa, u ta’ Esther Badiola u l-membri l-oħra tal-persunal tal-BEI li isimhom jidher fl-anness fil-Kawża T505/16, min-naħa l-oħra, huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

3)      Il-BEI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Settembru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.