Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2023 – Apc Europe et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1194/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Apc Europe SL (Granollers, Spanja) u 9 rikorrenti oħra (rappreżentant: M. Moretto, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni, li tinstab fl-ittra ffirmata mid-Direttriċi Ġenerali tad- Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u li waslet għand ir-rikorrenti fl-24 ta’ Ottubru 2023, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet t-talba għal eżami mill-ġdid, fid-dawl tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot fl-Unjoni bl-għajbien sostanzjali tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE), l-attwali projbizzjoni ta’ użu ta’ demm jew ta’ prodotti tad-demm ta’ oriġini bovina fl-għalf tal-annimali tal-akwakultura, u għall-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ miżuri intiżi għall-awtorizzazzjoni tal-użu tagħhom, talba li saret mir-rikorrenti permezz tal-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2023; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7, 23 u 24 tar-Regolament Nru 999/2001 1 , tal-Artikoli 7(2), u 5(3) tar-Regolament Nru 178/2002 2 . Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

F’dan ir-rigward, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi rrifjutat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li teżamina mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ użu ta’ prodotti tad-demm ta’ oriġini bovina fl-għalf tal-annimali tal-akwakultura u li tippreżenta abbozz ta’ miżuri fil-fażi ta’ kumitat intiżi għall-awtorizzazzjoni tal-użu tagħhom, jekk ikun il-każ bl-impożizzjoni minn qabel ta’ kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu osservati, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7, 23 u 24 tar-Regolament Nru 999/2001, l-Artikoli 7(2), u 5(3) tar-Regolament Nru 178/2002, u wettqet ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, apparti li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 41 tal-Karta.

L-assenza, għal iktar minn sitt snin, ta’ kriżi tal-BSE Klassika fl-Unjoni, il-fatt li r-riskju ta’ BSE fl-Istati Membri ġie kklassifikat bħala negliġibbli, ir-regoli internazzjonali adottati fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) u l-informazzjoni l-ġdida miksuba mill-aħħar evalwazzjoni mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-2007, flimkien ma sensiela ta’ elementi rilevanti oħra, li ġew injorati mill-Kummissjoni, juri li llum r-riskju jista jiġi kkontrollat permezz ta’ miżuri inqas stretti meta mqabbla mal-projbizzjoni assoluta ta’ użu attwalment fis-seħħ.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002.

Permezz tat-tieni motiv tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tat-titjib radikali tas-sitwazzjoni epidemjoloġika rreġistrat fl-Unjoni, ir-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid il-projbizzjoni assoluta tal-użu ta’ prodotti tad-demm ta’ oriġini bovina fl-għalf tal-annimali tal-akkwakultura, li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-premessi 17 u 66 tal-istess regolament.

____________

1 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289).

1 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, bir-rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).