Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) ta' l-10 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-House of Lords - Ir-Renju Unit) - Marks & Spencer plc vs Her Majesty's Commissioners of Customs and Excise

(Kawża C-309/06)1

(Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Eżenzjoni bir-rifużjoni ta' taxxi mħallsa fi stadju preċedenti - Intaxxar żbaljat bir-rata normali - Dritt għar-rata żero - Dritt għar-rifużjoni - Effett dirett - Prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju - Arrikiment indebitu)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

House of Lords

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Marks & Spencer plc

Konvenuta: Her Majesty's Commissioners of Customs and Excise

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - House of Lords - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 28(2)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p.1) - Eżistenza ta' dritt Komunitarju li jista' jiġi invokat minn fornitur ta' prodott ("teacakes") li għalih il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi eżenzjoni bir-rifużjoni tat-taxxa mħallsa - VAT indebitament imħallsa minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti - Applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż il-prinċipju ta' newtralità fiskali - Possibbiltà għal individwu li jinvoka l-imsemmija prinċipji ġenerali sabiex jirkupra s-somom ta' flus imħallsa bi żball

Dispożittiv

1)    Ladarba Stat Membru jkun żamm, abbażi ta' l-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kemm qabel kif ukoll wara l-emendi li saru lil din id-dispożizzjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu eżenzjoni bir-rifużjoni tat-taxxi mħallsa fi stadju preċedenti fir-rigward ta' ċerti konsenji jew servizzi speċifiċi, operatur ekonomiku li jwettaq tali konsenji jew li jipprovdi tali servizzi ma jista' jinvoka l-ebda dritt, ibbażat fuq id-dritt Komunitarju u li jista' jiġi invokat direttament, sabiex dawn il-konsenji jew dawn is-servizzi jiġu suġġetti għal taxxa fuq il-valur miżjud bir-rata żero.

2)    Ladarba Stat Membru jkun żamm, abbażi ta' l-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kemm qabel kif ukoll wara l-emendi li saru lil din id-dispożizzjoni permezz tad-Direttiva 92/77, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu eżenzjoni bir-rifużjoni tat-taxxi mħallsa fi stadju preċedenti fir-rigward ta' ċerti konsenji jew servizzi speċifiċi, iżda jkun interpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu b'mod żbaljat, bil-konsegwenza li ċerti konsenji jew servizzi li kellhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni bir-rifużjoni tat-taxxi mħallsa fi stadju preċedenti, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ġew intaxxati bir-rata normali, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż dak tan-newtralità fiskali, huma applikabbli b'tali mod li jagħtu lill-operatur ekonomiku, li jkun wettaq dawn il-konsenji jew ipprovda dawn is-servizzi, id-dritt li jirkupra l-ammonti li huwa kellu inġustament iħallas minħabba dawn l-istess konsenji jew servizzi.

3)    Għalkemm il-prinċipji ta' trattament ugwali u tan-newtralità fiskali japplikaw, bħala prinċipju, għal kwistjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li r-rifjut ta' talba għar-rifużjoni jkun ibbażat fuq l-arrikiment indebitu tal-persuna taxxabbli kkonċernata ma jikkostitwixxix, waħdu, ksur ta' dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju tan-newtralità fiskali jipprekludi li l-eċċezzjoni ta' l-arrikkiment indebitu tiġi applikata biss fil-konfront ta' persuni taxxabbli bħal "payment traders"(persuni taxxabbli li, għal eżerċizzju ta' taxxa speċifiku, l-ammont ta' output VAT miġbur ikun jaqbeż dak ta' l-input VAT), u mhux fil-konfront ta' persuni taxxabbli bħar-"repayment traders" (persunni taxxabbli li s-sitwazzjoni tagħhom hija l-invers ta' dik tal-payment traders), sakemm dawn il-persuni taxxabbli jkunu kkummerċjalizzaw merkanziji paragunabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali, li l-ksur tiegħu jista' jseħħ, fil-qasam fiskali, permezz ta' diskriminazzjonijiet li jaffettwaw operaturi ekonomiċi li għalkemm mhux bilfors jikkompetu kontra xulxin madankollu jinsabu f'sitwazzjoni paragunabbli taħt aspetti oħra, jipprekludi diskriminazzjoni bejn il-"payment traders" u r-"repayment traders", sakemm din id-diskriminazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

4)    Ir-risposta għat-tielet domanda mhijiex affettwata mill-fatt li jiġi ppruvat li l-operatur ekonomiku, li t-talba tiegħu għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud inġustament miġbura ġiet miċħuda, ma sofra l-ebda telf jew żvantaġġ finanzjarju.

5)    Hija l-qorti tar-rinviju nnifisha li għandha tistabbilixxi l-eventwali konsegwenzi passati tal-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, espost fil-punt 3 tad-dispożittiv ta' din is-sentenza, skond ir-regoli li jirrigwardaw l-effett retroattiv tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u kif ukoll tal-prinċipju li jgħid li hija għandha tassigura li l-miżuri riparatorji li hija tordna ma jkunux imorru kontra d-dritt Komunitarju.

____________

1 - ĠU C 261, 28.10.2006