Language of document : ECLI:EU:T:2022:638

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ottubru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Attivitajiet marbuta mal-produzzjoni, mal-ipproċessar u mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli – Skemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Greċja fil-forma ta’ sussidji fuq l-interessi u garanziji mill-Istat fuq self eżistenti u self ġdid sabiex jiġu rrimedjati danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Għajnuna limitata għal żoni ġeografiċi milquta – Vantaġġ – Natura selettiva – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Tul tal-proċedura – Aspettattivi leġittimi – Terminu ta’ preskrizzjoni – Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589”

Fil-Kawża T‑850/19,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Tsaousi, E. Leftheriotou u A.-V. Vasilopoulou, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u T. Ramopoulos, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Półtorak u O. Porchia (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/394 tas‑7 ta’ Ottubru 2019 dwar il-miżuri SA.39119 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2014/CP) implimentati mir-Repubblika Ellenika fil-forma ta’ sussidji fuq l-imgħax u garanziji marbuta man-nirien tal‑2007 (din id-deċiżjoni tkopri biss is-settur agrikolu) (ĠU 2020, L 76, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Matul ix-xahar ta’ Lulju 2007, fil-Greċja, nirien laqtu l-provinċja ta’ Magnisía, u b’mod iktar preċiż Pílio, il-gżira ta’ Skiáthos, il-gżira ta’ Kefaloniá, il-provinċja ta’ Akhaïa kif ukoll il-Pelopónnisos. F’Awwissu 2007, nirien ġodda laqtu l-provinċji ta’ Messinías, Ileías, Arkadías, Lakonías kai Évvoias, kif ukoll il-muniċipalità ta’ Aigialeías fil-provinċja ta’ Achaïa. Minħabba s-sitwazzjoni kkawżata minn dawn in-nirien, il-Prim Ministru tar-Repubblika Ellenika ddikjara, fil‑25 ta’ Awwissu 2007, l-istat ta’ emerġenza.

3        Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika adottat miżuri sabiex issostni l-operaturi attivi stabbiliti fl-entitajiet territorjali affettwati min-nirien tal‑2007 (iktar ’il quddiem l-“entitajiet territorjali milquta”), espressament imsemmija f’dawn il-miżuri.

4        Fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment dwar għajnuna li ngħatat mir-Repubblika Ellenika lil Sogia Ellas AE u lis-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Sogia Ellas”), kumpanniji attivi fis-settur tal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, li tikkonsisti fi sussidji fuq interessi u garanziji mill-Istat fuq self eżistenti li kellu jiġi nnegozjat mill-ġdid u jingħata perijodu ta’ grazzja u fuq self ġdid.

5        Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdulha informazzjoni dwar l-allegata għajnuna, ħaġa li l-awtoritajiet Griegi għamlu billi pprovdew informazzjoni ddettaljata dwar il-bażi legali tagħha.

6        Fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra lill-awtoritajiet Griegi, fejn għamlitilhom mistoqsijiet addizzjonali u indikatilhom li l-investigazzjoni dwar dawn il-miżuri ma kinitx limitata għal Sogia Ellas, peress li l-miżuri kontenzjużi setgħu ngħataw lil benefiċjarji oħra.

7        Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ eżami dwar l-għajnuna mill-Istat mhux ikkomunikata (Każ SA.39119 (2015/NN)) u li testendi l-portata tal-investigazzjoni tagħha għas-settur agrikolu Grieg kollu.

8        Fil‑11 ta’ Frar 2016, ir-Repubblika Ellenika pprovdiet informazzjoni supplimentari dwar il-bażijiet legali tal-għajnuna inkwistjoni, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha u dwar il-benefiċjarji tagħha.

9        Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Ellenika d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat SA.39119 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2014/CP) –għajnuna lil Sogia Ellas AE et al. (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

10      Permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑16 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, C 341, p. 23), il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

11      Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdulha stima tan-numru ta’ benefiċjarji ta’ kull skema identifikata fl-imsemmija deċiżjoni u l-ammonti ta’ għajnuna involuti.

12      L-ebda parti interessata ma ppreżentat osservazzjonijiet. L-awtoritajiet Griegi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit‑23 ta’ Settembru 2016. Fir-risposti tagħhom, huma informaw lill-Kummissjoni li kien impossibbli għalihom li jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba, ħaġa li fl-aħħar huma għamlu permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Marzu 2017 u tal‑21 ta’ Frar 2018.

13      Fis‑7 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

14      Skont id-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża li tapplika biss għall-attivitajiet marbuta mal-produzzjoni, mal-ipproċessar u mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, jiġifieri l-prodotti msemmija fl-Anness I tat-Trattat FUE, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod partikolari li l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 36579/B.1666/27.8.2007 (kif emendata sussegwentement) fil-forma ta’ sussidji fuq interessi u ta’ garanziji mogħtija mir-Repubblika Ellenika (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE illegali u inkompatibbli mas-suq intern, b’tali mod li r-Repubblika Ellenika kienet obbligata titlob rimbors tal-għajnuna indikata fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji tagħha, ħlief fil-każijiet espressament previsti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-ineżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tieni wieħed, fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

18      L-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz tat-tieni parti, ir-Repubblika Ellenika ssostni żbalji ta’ fatt u l-assenza ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti, ir-Repubblika Ellenika tirrileva ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Sa fejn it-tielet parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv jikkoinċidu parzjalment, dawn għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(1) TFUE

19      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-miżuri kontenzjużi ma għandhomx effett negattiv fuq il-baġit tal-Istat u lanqas ma jwasslu għal riskju għar-riżorsi finanzjarji tagħha. Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżit ta’ primjum għall-għoti tal-garanziji kkomprometta l-effettività tal-miżuri. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ primjum hija kkumpensata b’diversi elementi. Għaldaqstant, il-kriterju li għajnuna għandha tiġi ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat huwa nieqes.

20      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-miżuri kontenzjużi ma jagħtux “vantaġġ” lid-destinatarji tagħhom, b’tali mod li dan il-kriterju huwa nieqes, minkejja li l-preżenza tiegħu hija neċessarja sabiex jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat.

21      Filwaqt li tindika li f’dan il-każ hija ma aġixxietx bħala operatur privat, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-miżuri kontenzjużi huma parti minn razzjonalità ekonomika fuq medda ta’ żmien twil u li hija libera li ssegwi politika fit-tul, skont ir-“responsabbiltà soċjali” tagħha, kif dan ġie rrikonoxxut lill-operaturi privati. Hija tallega li ma jistax jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, hija tbiegħdet mir-regoli tas-suq, peress li ma huwiex eskluż li operatur privat kien ikun aġixxa bl-istess mod u jfittex benefiċċju fit-tul.

22      Fir-rigward speċifikament tal-garanziji mill-Istat, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-assenza ta’ primjum ma timplikax l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, minn naħa, primjum kien jikkomprometti l-effettività tal-miżuri. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ primjum hija kkumpensata minn diversi elementi, b’mod partikolari mill-fatt li l-vijabbiltà tal-impriżi ġiet ivverifikata u li impriżi f’diffikultà kienu ġew esklużi, li l-garanzija ngħatat fil-limitu ta’ 80 % ta’ kull self, li t-tul tas-self kien limitat ratione temporis u li hija għandha d-dritt tirkupra l-ammont imħallas bħala garanzija mingħand id-debitur prinċipali.

23      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-miżuri kontenzjużi ma naqqsux il-piżijiet li jaqgħu “normalment” fuq l-impriżi. Fil-fatt, permezz tal-miżuri tagħha, hija pprovat tindirizza s-sitwazzjoni eċċezzjonali li kienu jinsabu fiha l-benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi.

24      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-miżuri kontenzjużi ma humiex selettivi. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli mal-atturi l-oħra tas-suq. Huma kienu f’sitwazzjoni eċċezzjonali, peress li n-nirien tal‑2007 ma jagħmlux parti “mir-riskju ekonomiku li kwalunkwe impriża tista’ tiffaċċja”, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-miżuri kontenzjużi, minflok ma joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandhom l-għan li jistabbilixxu mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

25      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-miżuri kontenzjużi ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-istatistika li minnha jirriżulta li, matul il-perijodu mill‑2008 sal‑2010, il-prodott gross domestiku u l-valur gross miżjud imwettqa kellhom tnaqqis sinjifikattiv fl-entitajiet territorjali milquta. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-fatt li impriżi f’diffikultà setgħu jibbenefikaw mill-miżuri kontenzjużi.

26      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv.

27      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 27, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 36).

29      Fir-rigward, l-ewwel, tal-ewwel kundizzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-analiżi tad-Deċiżjoni Nru 36579/B.1666/27/8.2007, li jinsab fl-Anness A 12 tar-rikors, kif ukoll l-elementi ta’ risposta mogħtija lill-Kummissjoni mir-Repubblika Ellenika, li jinsabu fl-Anness A 21 tar-rikors, juru li l-impriżi stabbiliti fl-entitajiet territorjali milquta setgħu jibbenefikaw minn ristrutturazzjoni ta’ djun kif ukoll mill-għoti ta’ self ta’ kapital operatorju li, minn naħa, kienu s-suġġett ta’ sussidji totali jew parzjali fuq interessi ffinanzjati mill-awtoritajiet Griegi u li, min-naħa l-oħra, kienu ggarantiti mir-Repubblika Ellenika mingħajr il-ħlas ta’ l-ebda primjum għal dan il-għan mill-benefiċjarji ta’ dan is-self.

30      Fil-fatt, fir-rigward tas-sussidji fuq l-interessi, peress li l-interessi pagabbli kienu “ssussidjati” totalment jew parzjalment mill-kont maħluq min-nómos 128/1975, perí tropopoiíseos kai sympliróseos diatáxeón anaferomenon eis tin leitourgían tou chrimatodotikoú systímatos (il-Liġi 128/1975 dwar l-Emenda u s-Suppliment tad-Dispożizzjonijiet relatati mal-Funzjonament tas-Sistema Finanzjarja Ellenika), tat‑28 ta’ Awwissu 1975 (FEK A 178/28.8.1975), dan is-sussidju kien neċessarjament piż fuq ir-riżorsi finanzjarji tar-Repubblika Ellenika, li, barra minn hekk, ma kkontestatx il-fondatezza tal-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha kemm is-sussidji tal-interessi kif ukoll il-garanziji mill-Istat kienu imputabbli lilha u ngħataw permezz ta’ riżorsi mill-Istat.

31      Fir-rigward tal-garanzija mill-Istat, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta li l-għoti ta’ tali garanziji permezz tal-miżuri kontenzjużi kellu impatt negattiv fuq ir-riżorsi tagħha.

32      Għandu jiġi rrilevat li jitqiesu b’mod partikolari li huma għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101).

33      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għoti ta’ garanzija jista’ jinvolvi piż supplimentari għall-Istat (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, garanzija tinvolvi teħid ta’ riskju li normalment jiġi rremunerat permezz ta’ primjum xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 65).

34      Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Repubblika Ellenika rrinunzjat milli tirċievi primjum għall-għoti tal-garanziji inklużi fil-miżuri kontenzjużi, b’tali mod li r-riżorsi pubbliċi tagħha ġew affettwati.

35      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-Repubblika Ellenika, li barra minn hekk ma humiex stabbiliti, li juru li l-garanziji mogħtija ma kinux jippreżentaw riskju għar-riżorsi pubbliċi.

36      Fil-fatt, matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika kkonfermat, kif tindika l-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanzija tagħha kienet ġiet applikata għal iktar minn EUR 6 000 000. Hija insistiet fuq il-fatt li dawn is-somom jistgħu jiġu rkuprati awtomatikament, bħal dejn fiskali, bil-possibbiltà li d-debitur jitressaq quddiem il-qorti kriminali, mingħajr madankollu ma indikat l-ammonti li hija kienet effettivament irkuprat.

37      Fir-rigward b’mod speċifiku tal-garanziji kkostitwiti mill-benefiċjarji tal-miżuri, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-kostituzzjoni ta’ garanzija in rem ma kinitx sistematikament meħtieġa għas-self kollu. Barra minn hekk, mid-dokument mehmuż fl-Anness A 24 tar-rikors jirriżulta li l-kostituzzjoni ta’ garanzija mill-persuna li tissellef kienet tiggarantixxi l-garanzija mill-Istat biss sa 90 % tal-ammont tagħha, b’tali mod li l-Istat ma kellux garanzija dwar ir-rimbors tad-dejn kollu tiegħu.

38      Barra minn hekk, huwa minnu li l-impriżi li ressqu talba għal ristrutturazzjoni ta’ dejn ta’ ammont ogħla minn EUR 100 000 kellhom jipprovdu prova ta’ studju ta’ vijabbiltà ekonomika u li l-impriżi l-oħra kellhom jimlew tabella li tinsab fl-Anness A 27 tar-rikors, li fiha kien hemm b’mod partikolari d-data finanzjarja ta’ kontabbiltà tagħhom għas-snin li għaddew 2004, 2005 u 2006, kif ukoll id-data prospettiva tagħhom għas-snin 2007, 2008 u 2009.

39      Xorta jibqa’ l-fatt li, kif issemma fil-premessi 129 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterji ekonomiċi li jiddeterminaw il-limitu li minnu impriża kienet ikkunsidrata bħala li ma baqgħetx vijabbli ma kinux iddeterminati mill-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li r-Repubblika Ellenika ma tistax tafferma li l-garanziji mogħtija kienu esklużivament irriżervati għal impriżi vijabbli u li l-impriżi li ma kinux vijabbli ma setgħux jibbenefikaw minnhom.

40      Mill-punti 29 sa 39 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li, fil-premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset li l-miżuri kontenzjużi kienu kkostitwixxew piż finanzjarju għar-Repubblika Ellenika.

41      Fir-rigward, it-tieni, tal-kriterju dwar il-vantaġġ, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, persuna li tissellef li tidħol f’self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, bħal dik li tibbenefika minn garanzija mingħajr ma jkollha tħallas kummissjoni bħala korrispettiv, normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija ssostni tkun inqas minn dik li kien ikollha ssostni kieku kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezzijiet tas-suq (ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, l-intervent tar-Repubblika Ellenika kellu l-effett li jippermetti lill-impriżi taż-żoni milquta li jibbenefikaw jew minn self bl-interessi li hija kienet tissussidja totalment jew parzjalment, jew garanziji li hija kienet tagħti mingħajr ma dawn l-impriżi kellhom iħallsu kummissjoni, ħaġa li huma ma setgħux jiksbu mingħajr intervent tal-Istat.

44      Ir-Repubblika Ellenika madankollu ssostni, essenzjalment, li, f’dan il-każ, ma kienx hemm vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod iktar partikolari, hija tenfasizza li, peress li l-miżuri kontenzjużi ngħataw f’kuntest ta’ kriżi tas-suq, huma jaqgħu taħt ir-responsabbiltà soċjali tal-Istat u li, minħabba din is-sitwazzjoni, huma jissodisfaw kriterju ta’ razzjonalità ekonomika fuq medda ta’ żmien twil, b’tali mod li l-operaturi privati kollha li jinsabu f’sitwazzjoni simili setgħu jaġixxu bl-istess mod. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-Repubblika Ellenika tissuġġerixxi li jista’ jiġi kkunsidrat li tali miżuri ngħataw f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

45      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

46      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”, li jintuża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ, jirreferi għall-possibbiltà għall-impriża li tikseb fis-suq l-istess vantaġġ li hija tikseb mill-għajnuna, u mhux għall-evalwazzjoni dwar jekk is-suq jiffunzjonax bħala normali jew jekk huwiex fi kriżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Frar 2015, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑296/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:72, punt 34).

47      Kwalunkwe interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ abbażi tal-kawża jew tal-għan tal-għajnuna, li hija ta’ natura li tikkontesta n-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ vantaġġ u, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑52/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:677, punti 66 u 67).

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tinvokax li, f’dan il-każ, aġixxiet bħala operatur privat u li hija ma tikkontestax li aġixxiet fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika. Hija pjuttost tipprova tissuġġerixxi li operatur privat seta’ jaġixxi b’mod simili f’sitwazzjoni li hija l-iktar simili għal tagħha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija aġixxiet bħala awtorità pubblika.

49      Issa, l-ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ma teżenta mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għajnuna li, mogħtija minn Stat Membru fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tiegħu, tissodisfa kriterju ta’ razzjonalità ekonomika fuq medda ta’ żmien twil jew tirriżulta mir-responsabbiltà soċjali tagħha, peress li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet jistgħu, barra minn hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern, magħmula skont l-Artikolu 107 (2) u (3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punti 63 u 75).

50      Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tinvoka l-kriterju tar-razzjonalità ekonomika sabiex tikklassifika bħala normali l-kundizzjonijiet tas-suq li fihom ingħataw il-miżuri kontenzjużi u tikkonkludi li dawn il-miżuri ma jagħtux vantaġġ lill-benefiċjarji tagħhom.

51      Mill-punti 41 sa 50 iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma rnexxilhiex tikkontesta l-premessi 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħhom il-Kummissjoni, essenzjalment, ikkonstatat, minn naħa, li l-benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi kienu bbenefikaw minnhom minkejja li huma ma setgħux jiksbuhom taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fl-assenza ta’ intervent mill-Istat, u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm lok li jiġi analizzat jekk is-suq kienx jiffunzjona normalment jew jekk kienx għaddej minn kriżi sabiex jiġi finalment konkluż li l-imsemmija miżuri kienu jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

52      Fir-rigward, it-tielet, tal-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit tan-natura selettiva tal-vantaġġ, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, kuntrarjament għal dak li tindika l-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju ta’ selettività ma huwiex osservat f’dan il-każ, peress li l-miżuri kontenzjużi ngħataw lill-impriżi kollha stabbiliti fl-entitajiet territorjali milquta u li dawn l-impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti minn dawk stabbiliti fl-entitajiet territorjali l-oħra.

53      Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta s-selettività tal-miżuri kontenzjużi billi ssostni li d-distinzjoni li teżisti bejn l-impriżi stabbiliti fir-reġjuni milquta minn dawn il-miżuri u dawk li ma kinux hija ġġustifikata mill-fatt li tal-ewwel, b’differenza mit-tieni, kienu jinsabu f’żoni milquta min-nirien tal‑2007 u kellhom jerġgħu jiksbu l-livell ekonomiku li huma kellhom qabel dan l-avveniment.

54      Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi hija għalhekk iġġustifikata mill-fatt li l-impriżi li jaqgħu taħt kull waħda miż-żewġ kategoriji kienu jinsabu f’sitwazzjoni mhux paragunabbli fuq livell fattwali u legali, peress li, essenzjalment, l-impriżi kollha stabbiliti fl-entitajiet territorjali milquta ġarrbu danni minħabba dawn in-nirien.

55      Minħabba f’dan il-fatt, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-frażi li tinsab fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li n-nirien jagħmlu parti mir-riskji ekonomiċi li għalihom tista’ tiġi esposta kwalunkwe impriża. Matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika żviluppat dan l-argument billi pprovat turi li, fid-dawl tad-disturb sistematiku tal-ekonomija lokali kkawżat min-nirien tal‑2007, il-miżuri kontenzjużi kienu ġġustifikati min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li kienu jinsabu fiha, mingħajr ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni oħra.

56      Għandu jiġi rrilevat li miżuri li permezz tagħhom jingħataw vantaġġi lil ċerti impriżi biss li huma ddeterminati skont il-post ta’ stabbiliment tagħhom huma, a priori, selettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 23, u tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 60 u 61).

57      F’dan ir-rigward, sakemm l-għajnuna ma tkunx ingħatat minn entitajiet infrastatali li jkollhom, fil-livell ta’ kompetenza tagħhom, awtonomija istituzzjonali proċedurali u finanzjarja suffiċjenti jew minn impriża pubblika li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi tagħha, il-kuntest ta’ referenza applikabbli huwa l-kuntest nazzjonali u l-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura li tibbenefika, bħal f’dan il-każ, lil impriżi stabbiliti f’parti mit-territorju ta’ Stat Membru ssir b’paragun mal-impriżi ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, vantaġġ limitat għal impriżi stabbiliti f’parti mit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jagħti lok għal miżura selettiva, peress li din tiffavorixxi lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn fi ħdan dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 23; tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il -Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 56 sa 58, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 60 sa 66).

58      F’dan il-każ, l-impriżi stabbiliti fl-entitajiet territorjali milquta setgħu jibbenefikaw mill-miżuri kontenzjużi. Issa, peress li, minn naħa, b’applikazzjoni tal-elementi msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-qafas ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tal-miżuri kontenzjużi huwa l-kuntest nazzjonali u mhux dak tal-entitajiet territorjali milquta u li, min-naħa l-oħra, l-impriżi li jinsabu fl-entitajiet territorjali l-oħra tar-Repubblika Ellenika ma setgħux jibbenefikaw minn dawn il-miżuri, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija miżuri ma kinux jibbenefikaw mingħajr distinzjoni l-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali u li konsegwentement huma selettivi fuq livell reġjonali.

59      Barra minn hekk, l-esklużjoni tas-selettività biss abbażi tal-għan imfittex li jiġu kkumpensati d-danni marbuta man-nirien u li tiġi stabbilita l-ekonomija ta’ entitajiet territorjali milquta teskludi a priori kwalunkwe possibbiltà li l-vantaġġi mogħtija lill-impriżi stabbiliti fiż-żoni affettwati min-nirien tal‑2007 jiġu kklassifikati bħala “vantaġġi selettivi”. Ikun biżżejjed li l-awtoritajiet pubbliċi jinvokaw il-leġittimità tal-għanijiet segwiti permezz tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex din titqies bħala miżura ġenerali, li tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑52/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:677, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Konsegwentement, li kieku kellu jiġi segwit tali approċċ, miżura li, bħal f’dan il-każ, issegwi l-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni tal-impriżi milquta minn diżastru naturali tkun bħala prinċipju mhux selettiva u tevita mill-bidu l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li, minħabba f’dan il-fatt, iwassal sabiex iċaħħad mis-sustanza kollha tagħha l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

61      Barra minn hekk huwa f’dan il-kuntest li għandha tinqara l-frażi msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq.

62      Fil-fatt, permezz ta’ din il-frażi, il-Kummissjoni riedet tfisser li l-fatt li impriżi ġarrbu danni minħabba n-nirien tal‑2007, kif ukoll ir-rieda tar-Repubblika Ellenika li tqiegħed lill-impriżi fis-sitwazzjoni ekonomika li kienu jinsabu fiha qabel dawn in-nirien huma elementi insuffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-miżuri kontenzjużi ma kinux jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom vantaġġ speċifiku u, konsegwentement, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jinkludix l-miżuri tal-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi, u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li fiha huma jinsabu (ara s-s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Xorta jibqa’ l-fatt li l-elementi tal-proċess u l-argumenti żviluppati waqt is-seduta mir-Repubblika Ellenika juru biss li l-miżuri kontenzjużi kellhom l-għan li jindirizzaw, b’mod puntwali, għall-konsegwenzi marbuta man-nirien li seħħew fl-entitajiet territorjali milquta, mingħajr madankollu ma jikkaratterizzaw is-sistema relatata ma’ dawn il-miżuri. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tixtieq tara rrikonoxxut ir-Repubblika Ellenika, huma bl-ebda mod ma jistabbilixxu li d-distinzjoni stabbilita minn dawn il-miżuri tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jaqgħu fiha u li, għaldaqstant, il-vantaġġi li huma kienu jagħtu ma kellhomx natura speċifika.

65      Minn dan jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 117 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kontenzjużi kienu selettivi sa fejn, b’mod partikolari, il-vantaġġi li huma kienu jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom kienu territorjalment limitati u ma kinux japplikaw għall-impriżi kollha tat-territorju Grieg.

66      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Ellenika tallega, billi tibbaża ruħha fuq statistika, li l-miżuri kontenzjużi ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-eżistenza ta’ effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva fuq il-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Barra minn hekk, kif ġie deċiż fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, in-natura kumpensatorja tal-miżuri kontenzjużi ma tistax tneħħilhom in-natura ta’ għajnuna, b’tali mod li l-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq il-fatt li l-miżuri kontenzjużi huma intiżi li jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel in-nirien tal‑2007 ma jistax jintlaqa’.

69      Issa, l-istatistika li tinvoka r-Repubblika Ellenika tirrigwarda l-prodott gross domestiku u l-valur miżjud imwettaq fl-entitajiet territorjali milquta, fejn l-attivitajiet ekonomiċi ttieħdu kollha flimkien. Għalhekk, din id-data ma hijiex konklużiva għal dak li jikkonċerna b’mod iktar preċiż is-sitwazzjoni tal-operaturi attivi fis-settur tal-ekonomija msemmi fid-deċiżjoni kkontestata.

70      Minn dan jirriżulta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi aċċettat li Stat Membru juri permezz ta’ statistika ex post l-assenza ta’ effett fuq il-kummerċ u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-istatistika li tinvoka r-Repubblika Ellenika ma hijiex ta’ natura li turi l-assenza ta’ tali effett għall-impriżi kkonċernati mill-miżuri kontenzjużi.

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq il-fatt li impriżi f’diffikultà kienu esklużi mill-miżuri kontenzjużi, minbarra l-elementi msemmija fil-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, dan l-element huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kontenzjużi setgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma kkontestatx il-fondatezza tal-premessi 122 u  123 tad-deċiżjoni kkontestata, li jsemmu, essenzjalment, li indipendentement mill-għan imfittex mill-miżuri kontenzjużi, peress li l-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri kellhom normalment ibatu huma stess l-ispejjeż tad-danni li jirriżultaw min-nirien tal‑2007 u li kienu attivi fis-suq kompetittiv ħafna tal-prodotti agrikoli u fis-settur forestali, li huma setturi sensittivi għall-miżuri li jiffavorixxu l-impriżi ta’ Stat Membru partikolari u, f’dan il-każ, għall-miżuri kontenzjużi, kien hemm ir-riskju li l-imsemmija miżuri joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’tali mod li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar żbalji ta’ fatt u ta’ motivazzjoni

74      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ fatt u ta’ motivazzjoni.

75      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha.

76      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nirien tal‑2007, li kienu jeħtieġu miżuri eċċezzjonali, u l-obbligu tar-Repubblika Ellenika li ssegwi politika ekonomika fit-tul. Minflok dan, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara b’mod sterjotipiku li n-nirien tal‑2007 jistgħu jiġu kklassifikati bħala “riskju kummerċjali normali”. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u b’nuqqas ta’ motivazzjoni serju, li huwa iktar u iktar dannuż peress li, f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

77      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli toħloq bilanċ bejn, minn naħa, il-gravità tas-sitwazzjoni kkawżata min-nirien tal‑2007 u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda sabiex jiġi mminimizzat l-impatt fuq ir-riżorsi finanzjarji tar-Repubblika Ellenika filwaqt li tippermetti l-bidu tal-ekonomija u, għalhekk, il-ġbir tad-dħul fiskali.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika.

79      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, din għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Bl-istess mod, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha huma li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, EKETA vs Il-Kummissjoni, C‑274/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:853, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, u kif issemma fil-punti 52 sa 65 iktar ’il fuq, il-qari tal-premessi 110, 116, 118, 119 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jinftiehem li l-Kummissjoni rrifjutat l-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq is-sitwazzjoni eċċezzjonali dovuta għan-nirien tal‑2007 peress li, b’mod partikolari u essenzjalment, hija qieset, minn naħa, li l-għan imfittex minn dawn il-miżuri ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, li, indipendentement minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi kienu bbenefikaw minn vantaġġ selettiv sa fejn huma ma kinux jiksbuhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

83      Barra minn hekk, u kif issemma b’mod partikolari fil-punti 31 sa 39, 41 sa 43 u 51 iktar ’il fuq, il-qari tal-premessi 127, 129, 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jinftiehem li, fir-rigward tal-miżuri relatati mal-garanzija mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat sa fejn, b’mod partikolari u essenzjalment, minn naħa, minbarra l-fatt li d-debitur iggarantit ma kellux sistematikament jikkostitwixxi garanziji favur ir-Repubblika Ellenika, dawn il-miżuri ngħataw mingħajr il-ħlas ta’ primjums min-naħa tal-benefiċjarju tagħhom għar-riskju sostnut mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx iġġustifikat l-eżistenza ta’ dispożizzjoni li eskludiet l-impriżi f’diffikultà milli jibbenefikaw minn dawn il-miżuri

84      Għalhekk jirriżulta mill-punti 82 u 83 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn hija kienet irrifjutat kemm l-argumenti tar-Repubblika Ellenika bbażati fuq is-sitwazzjoni eċċezzjonali dovuta għan-nirien tal‑2007 kif ukoll dawk ibbażati fuq garanziji addizzjonali kkostitwiti mill-persuni li jissellfu u fuq l-esklużjoni tal-impriżi f’diffikultà f’dak li jirrigwarda l-garanziji mill-Istat.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Ellenika li jipprovdu li l-Kummissjoni injorat, minn naħa, l-importanza li tkun tista’ ssegwi politika ekonomika fit-tul u, min-naħa l-oħra, li twettaq bilanċ bejn ir-razzjonalità ekonomika tal-miżuri kontenzjużi u ċ-ċirkustanzi fattwali, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti, minbarra l-fatt li huma jikkoinċidu ma’ dawk żviluppati fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, li ġew miċħuda, sa fejn huma intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ att, huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE

87      Permezz tat-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

88      F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li huwa b’mod żbaljat li, fil-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kontenzjużi kienu ngħataw mingħajr ma kien hemm rabta diretta mad-danni mġarrba minħabba n-nirien tal‑2007, minkejja li l-impriżi kollha li jinsabu fl-entitajiet territorjali milquta kienu sofrew danni b’rabta kawżali diretta man-nirien tal‑2007, minħabba l-waqfien komplet tal-attivitajiet ta’ ipproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli f’dawn l-entitajiet territorjali. Barra minn hekk, dan ġie rrikonoxxut mir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

89      Ir-Repubblika Ellenika ssostni, fit-tieni lok, li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 64 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata, peress li hija bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri kontenzjużi ma kinux miżuri individwali, iżda skemi ta’ għajnuna, u li, konsegwentement, dawn ma kellhomx jiġu analizzati skont il-kriterji stretti tad-dritt ċivili li kienu jirregolaw l-għoti tad-danni.

90      Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li, f’dan il-każ, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi, li ma kinux jippermettu li jiġu evalwati b’mod preċiż id-danni mġarrba mill-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll il-fatt li l-miżuri kontenzjużi qatt ma setgħu jikkumpensaw id-danni effettivament imġarrba mill-impriżi li jinsabu fiż-żoni milquta, indipendentement mill-fatt li l-mezzi ta’ produzzjoni ta’ dawn l-impriżi ma kinux direttament affettwati min-nirien tal‑2007.

91      Minn dan ir-Repubblika Ellenika tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ assenza ta’ motivazzjoni.

92      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħala deroga għall-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, indikat fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, EU:C:2004:239, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex tiġi ddefinita l-imsemmija deroga għandu jiġi interpretat b’mod li jneħħilha l-effetti tagħha. Fil-fatt, deroga għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija minnha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jiġu kkumpensati biss, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Minn dan isegwi li, anki fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, żewġ kundizzjonijiet huma meħtieġa sabiex l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE tkun tista’ tapplika, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn id-danni kkawżati mid-diżastru naturali u l-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, dik ta’ evalwazzjoni kemm jista’ jkun preċiża tad-danni mġarrba mill-produtturi kkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punt 37).

97      F’dan il-każ, kemm mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Ellenika kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tagħha waqt is-seduta jirriżulta li l-miżuri kontenzjużi ngħataw mingħajr ma l-benefiċjarji kellhom jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-danni mġarrba u n-nirien tal‑2007.

98      Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma kienx jeżiġi, fir-rigward ta’ sistema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, il-prova ta’ rabta kawżali, fis-sens tad-dritt ċivili, bejn id-danni mġarrba u l-ammont mogħti, ir-Repubblika Ellenika qieset li, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, kien possibbli għaliha li tissuġġetta l-kisba tal-miżuri kontenzjużi biss għall-eżistenza ta’ post ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju tal-imsemmija miżuri f’waħda mill-entitajiet territorjali milquta, peress li l-impriżi kollha stabbiliti f’dawn l-entitajiet kienu ġarrbu danni minħabba n-nirien tal‑2007.

99      Issa, huwa paċifiku li s-sempliċi ġustifikazzjoni ta’ post ta’ stabbiliment fl-entitajiet lokali milquta ma tippermettix waħedha, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk l-ammont tal-miżuri mogħtija kienx jeċċedi dak tad-danni realment imġarrba mill-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri u marbuta mad-diżastru naturali li seħħ, u għalhekk l-eżistenza eventwali ta’ kumpens żejjed.

100    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika kkonfermat li ma setax jiġi eskluż li l-miżuri kontroversjali ngħataw ukoll lil impriżi li kienu jinsabu fil-muniċipalitajiet affettwati mingħajr madankollu ma ġarrbu danni minħabba n-nirien tal‑2007.

101    Għalhekk, peress li r-Repubblika Ellenika ma pproduċietx il-prova li ż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, imfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq, kienu ssodisfatti, hija ma tistax tallega li l-Kummissjoni ma applikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eċċezzjoni prevista minn dan l-artikolu.

102    Barra minn hekk, il-fatt li rappreżentanti tal-Unjoni setgħu jindikaw li n-nirien tal‑2007 kienu jikkostitwixxu avvenimenti mingħajr preċedent jew li kellhom jiġu implimentati l-mezzi kollha disponibbli favur il-persuni milquta mid-diżastru u l-ekonomija lokali ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

103    Fil-fatt, tali dikjarazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw li l-miżuri kontenzjużi ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, imfakkra, b’mod partikolari, fil-punt 96 iktar’ il fuq.

104    Din il-konklużjoni ma tista’ tiġi kkontestata la mill-allegata urġenza li fiha kellhom jittieħdu l-miżuri kontenzjużi mir-Repubblika Ellenika, u lanqas mill-portata tad-danni rrikonoxxuti mir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

105    F’dan ir-rigward, u fir-rigward tal-allegata sitwazzjoni ta’ emerġenza, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tiġġustifikax l-impossibbiltà assoluta li fiha hija kienet tinsab li tevalwa l-ammont tad-danni realment imġarrba minħabba n-nirien tal‑2007. Barra minn hekk, dan jikkontradixxi l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika, ikkonfermati waqt is-seduta, li hija pproċediet, meta ppreżentat it-talbiet għall-miżuri kontenzjużi, għal studji ekonomiċi eżawrjenti tal-impriżi li lilhom hija tat il-garanzija tagħha, sabiex tivverifika l-vijabbiltà tagħhom.

106    Fir-rigward tal-portata tad-diżastru naturali, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-Unjoni li jirrikonoxxu l-gravità tal-katastrofi jew jindikaw li għandhom jiġu implimentati l-mezzi kollha disponibbli favur il-persuni milquta mid-diżastru u l-ekonomija lokali ma humiex ta’ natura li jippermettu li l-miżuri kontenzjużi jevitaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

107    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li l-ammonti globali li tinvoka r-Repubblika Ellenika huma veri, jiġifieri ammont totali ta’ dannu ta’ iktar minn EUR 2 biljuni kif ukoll, f’dak li jikkonċerna s-settur agrikolu, ammont ta’ għajnuna li jammonta għal EUR 154 miljun, l-indikazzjoni ta’ tali ammonti ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li l-ammont tal-għajnuna rċevuta mill-benefiċjarji tagħha kien effettivament ekwivalenti għal dak relatat mad-danni li huma ġarrbu individwalment minħabba n-nirien tal‑2007.

108    Minn dan jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li, wara li fakkret, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE ta’ rabta kawżali diretta bejn l-għajnuna mogħtija u d-danni mġarrba mill-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna minħabba d-diżastru naturali kkunsidrat, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset, fil-premessi 62 sa 64 kif ukoll fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ għoti tal-miżuri kontenzjużi ma kienet tippermetti la li tiġi stabbilita u lanqas ma kienet tippermetti li jiġi stabbilit li hija kienet effettivament ibbenefikat lil impriżi li kienu ġarrbu danni minħabba n-nirien tal‑2007, u lanqas li jitqies li l-ammont ta’ din l-għajnuna kien jikkorrispondi għal dak relatat mad-danni mġarrba, peress li l-iskemi inkwistjoni ma kienu jinkludu l-ebda metodoloġija għall-evalwazzjoni, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, tad-danni mġarrba minħabba dawn in-nirien u lanqas ma kienu jinkludu l-ispejjeż eliġibbli fuq il-bażi ta’ dawn id-danni.

109    Fl-aħħar nett, peress li l-qari tal-premessi 62 sa 64 kif ukoll tal-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kontenzjużi ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE, it-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata assenza ta’ motivazzjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika dan l-artikolu għaċ-ċirkustanzi tal-każ għandha tiġi miċħuda.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv u fuq it-tielet motiv

111    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ellenika tirrileva ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

112    It-tielet motiv għandu jinqasam f’żewġ partijiet.

113    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni, qabelxejn u essenzjalment, li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża jmorru kontra l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Ir-Repubblika Ellenika tindika, sussegwentement, li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata f’terminu mhux raġonevoli u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika l-benefiċjarji tal-miżuri kontenzjużi fl-avviż ppubblikat li jinkludi t-talba għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet dwar l-eżami tal-iskemi ta’ għajnuna, sabiex tasal għall-konklużjoni li hija kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża. Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-ordni ta’ rkupru jmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

114    Sa fejn l-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi indirizzati fit-tielet parti tal-ewwel motiv jikkoinċidu ma’ dawk żviluppati fl-ewwel parti tat-tielet motiv, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv u fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

115    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li seħħet fl‑2019, u dik tal-iskemi ta’ għajnuna kontenzjużi, li seħħet fl‑2007, iddekorra perijodu ta’ iktar minn għaxar snin, b’tali mod li l-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 tapplika f’dan il-każ.

116    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprovdi li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Dan it-terminu japplika biss għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru destinatarju tad-deċiżjoni ta’ rkupru li toriġina minn din l-istituzzjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha, C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 33).

117    Skont il-ġurisprudenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument tal-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju, u mhux fid-data tal-adozzjoni ta’ skema ta’ għajnuna. Għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna għandha titqies li ngħatat lill-benefiċjarju biss fid-data li fiha hija effettivament ingħatat lil dan tal-aħħar (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punti 81 u 82).

118    F’dan il-każ, l-għajnuna ngħatat skont l-iskemi inkwistjoni bejn is‑27 ta’ Awwissu 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri l-iktar kmieni fis‑27 ta’ Awwissu 2007, kif barra minn hekk irrikonoxxew kemm ir-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Kummissjoni matul is-seduta.

120    Fir-rigward tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589, għandu l-effett li jibda jiddekorri terminu ta’ preskrizzjoni ġdid, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(2) ta’ dan l-istess regolament, jimponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja wara talba f’dan is-sens mill-Kummissjoni u fit-termini stabbiliti minnha. Fil-fatt, il-Kummissjoni, billi tindirizza talba għal informazzjoni lil Stat Membru, tinforma lil dan tal-aħħar li hija għandha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar għajnuna illegali u li, jekk ikun il-każ, din l-għajnuna għandha tiġi rrimborsata (sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T‑369/00, EU:T:2003:114, punt 81).

121    Għaldaqstant, is-sempliċità tat-talba għal informazzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħadha minn effett ġuridiku bħala miżura li tista’ tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, indipendentement mill-fatt li din it-talba ma ġietx ikkomunikata lill-benefiċjarji tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 32, u tal‑10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T‑369/00, EU:T:2003:114, punt 82).

122    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, wara l-ilment li hija rċeviet fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet, fil‑25 ta’ Lulju 2014, ittra li tirreferi b’mod partikolari għad-Deċiżjoni Nru 36579/B.1666/27–8-2007 tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi u għad-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat għall-Ekonomija u għall-Finanzi Nru 2/54310/0025/13.09.2007. F’din l-ittra, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi sabiex, qabel kollox, jibagħtulha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sussegwentement, li huma jindikawlha jekk il-miżuri kontenzjużi kinux ibbenefikaw lil impriżi oħra minbarra Sogia Ellas u attivi fis-settur agrikolu u forestali u, fl-aħħar nett, li huma jipprovdulha, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-għajnuna mħallsa.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li setgħet tagħti x’tifhem ir-Repubblika Ellenika, is-suġġett tal-investigazzjoni ma ġiex emendat matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

124    Fil-fatt, f’din l-ittra tat‑22 ta’ Lulju 2014, kienu inkwistjoni ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 122 iktar ’il fuq, li reġgħu ssemmew kemm fl-istedina għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-lista tad-destinatarji tal-miżuri kontenzjużi qatt ma ġiet limitata għal Sogia Ellas, peress li, mill-ittra ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika jekk l-imsemmija miżuri kinux ibbenefikaw lil impriżi oħra u li, fit-talba għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE, sar riferiment għal benefiċjarji potenzjali oħra fis-setturi agrikoli u forestali.

125    Fi kwalunkwe każ, peress li, kif issemma fil-punt 116 iktar ’il fuq, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 japplika biss għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru destinatarju tad-deċiżjoni ta’ rkupru, l-argument tar-Repubblika Ellenika li s-setgħa tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna hija preskritta fir-rigward tal-impriżi oħra minbarra Sogia Ellas għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

126    Minn dan jirriżulta li l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-Repubblika Ellenika li tindikalha li hija kellha informazzjoni dwar għajnuna illegali u li, jekk ikun il-każ, din l-għajnuna kellha tiġi rrimborsata, interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589.

127    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni seħħet fil‑25 ta’ Lulju 2014, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna ma kinux preskritti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fis‑7 ta’ Ottubru 2019.

128    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li l-fatt li l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġdid terminu ta’ għaxar snin jippermetti lill-Kummissjoni tkompli b’mod indefinit il-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma segwietx b’mod indefinit il-proċedura u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Ellenika ma qajmitx, permezz tal-eċċezzjoni, l-illegalità tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589.

129    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-Repubblika Ellenika dwar l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tirkupra l-għajnuna kontenzjuża minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu miċħuda.

130    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti tar-Repubblika Ellenika li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’terminu mhux raġonevoli, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, jekk għajnuna tkun ingħatat mingħajr ma tkun ġiet ikkomunikata, id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex teżerċita s-setgħat tagħha ta’ stħarriġ u sabiex tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna jivvizzja din id-deċiżjoni ta’ rkupru b’illegalità biss f’każijiet eċċezzjonali li juru nuqqas manifest tal-Kummissjoni milli taġixxi u ksur evidenti tad-dmir ta’ diliġenza tagħha (sentenza tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 106).

131    Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tul tal-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa essenzjalment dovut għall-fatt li r-Repubblika Ellenika ma kkomunikatx dawn l-iskemi u li l-eżistenza tagħhom ġiet mgħarrfa lill-Kummissjoni biss seba’ snin wara li seħħew in-nirien tal‑2007.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif il-Kummissjoni rċeviet ilment fit‑22 ta’ Lulju 2014, hija bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni, billi bagħtet ittra, fil‑25 ta’ Lulju 2014, lill-awtoritajiet Griegi sabiex tinforma ruħha dwar l-allegata għajnuna.

133    Sussegwentement, wara skambji mar-Repubblika Ellenika, li l-aħħar wieħed kien fil‑11 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni adottat, fis‑17 ta’ Mejju 2016, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

134    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fis‑7 ta’ Ottubru 2019, wara skambji mar-Repubblika Ellenika, li l-aħħar wieħed kien fil‑21 ta’ Frar 2018.

135    Għalkemm, ċertament, l-aħħar stadju tal-proċedura, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex ikkaratterizzat minn ħeffa partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-kronoloġija tal-avvenimenti li seħħew bejn l‑2014 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’dewmien eċċessiv jew nuqqas ta’ diliġenza fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva li tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha.

136    Minn dan jirriżulta li l-argumenti dwar il-qbiż ta’ terminu raġonevoli u, għaldaqstant, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu miċħuda.

137    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argumenti dwar il-fatt li l-avviż ippubblikat mill-Kummissjoni li jinkludi t-talba għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet dwar l-eżami tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni ħoloq l-impressjoni żbaljata li kienet kwistjoni biss tal-għajnuna mogħtija lil Sogia Ellas u li, għaldaqstant, din l-istituzzjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha “wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom”. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit, li normalment ma jeċċedix xahar.

138    Mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 108(2) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx intimazzjoni individwali u li l-uniku għan tagħha huwa li tobbliga lill-Kummissjoni tagħmel mod li l-persuni kollha potenzjalment interessati jiġu avżati bil-ftuħ ta’ proċedura u għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tidher bħala mezz adegwat u suffiċjenti sabiex il-persuni interessati kollha jiġu informati bil-ftuħ ta’ proċedura (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Huwa f’dan il-kuntest, jiġifieri sabiex jiġi stabbilit jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata setgħux effettivament jitqiesu li ġew intimati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Ellenika li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba l-fatt li l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali jagħti l-impressjoni żbaljata li Sogia Ellas biss hija benefiċjarja tal-iskemi ta’ għajnuna preżunti.

140    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma ssostnix li d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stess toħloq din l-impressjoni falza. Fil-fatt, fl-argumenti tagħha, ir-Repubblika Ellenika sempliċement tikkritika l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali konkomitanti mal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

141    Sussegwentement, huwa minnu li t-titolu tal-avviż jirreferi għal “għajnuna lil Sogia Ellas SA” biż-żieda, fil-verżjoni Griega, b’ittri Latini, ta’ “et al.”, b’tali mod li, kif issostni r-Repubblika Ellenika, dan it-titolu jista’ effettivament jagħti l-impressjoni li l-għajnuna inkwistjoni tikkonċerna biss Sogia Ellas.

142    Madankollu, mill-paragrafu 1 tas-sunt li jagħmel parti mill-opinjoni jirriżulta li l-eżami preliminari wassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li “l-għajnuna setgħet tingħata lil benefiċjarji oħra attivi wkoll fis-settur agrikolu u forestali”. Fil-paragrafu 2 tal-istess sunt, jitfakkru l-bażijiet legali tal-iskemi ta’ għajnuna u huwa indikat li l-għajnuna ngħatat lill-impriżi stabbiliti u li joperaw fir-reġjuni tal-Greċja affettwati min-nirien tal‑2007.

143    Issa, peress li l-avviż, inkluż is-sunt li jagħmel parti minnu, jinkludi biss żewġ paġni, jista’ jiġi rikjest b’mod raġonevoli minn operatur ekonomiku diliġenti li jistudja tali dokument, li juri, b’riferiment għall-elementi msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq, li l-istedina għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet ma kinitx esklużivament limitata għal Sogia Ellas, iżda kienet testendi għall-produtturi kollha stabbiliti fl-entitajiet territorjali milquta li kienu bbenefikaw minn din l-għajnuna.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 138 iktar ’il fuq, operatur ekonomiku diliġenti li bbenefika mill-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni kien suffiċjentement informat mill-avviż ippubblikat mad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali sabiex ikun jista’ jitqies bħala parti interessata minn din id-deċiżjoni.

145    Matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika kkonfermat, barra minn hekk, il-kontenut tal-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn indikat li, minħabba d-diffikultà tagħha li tidentifika l-“benefiċjarji attivi […] fis-settur agrikolu u forestali”, hija kienet qieset li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali kienet suffiċjenti bħala avviż lill-impriżi kkonċernati.

146    Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda l-argumenti dwar il-fatt li l-avviż ippubblikat mill-Kummissjoni li jinkludi l-istedina għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet dwar l-eżami tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni ħoloq l-impressjoni falza li kienet tikkonċerna l-għajnuna mogħtija biss lil Sogia Ellas u li, għaldaqstant, din l-istituzzjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.

147    Fir-rigward, fir-raba’ u fl-aħħar lok, tal-argument tar-Repubblika Ellenika li jipprovdi li kemm din tal-aħħar kif ukoll il-benefiċjarji kellhom aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-miżuri kontenzjużi ma humiex għajnuna mill-Istat inkompatibbli, minħabba li, matul perijodu twil, il-Kummissjoni ma kinitx esprimiet dubji dwar il-legalità tal-imsemmija miżuri, filwaqt li kellha għarfien tas-sitwazzjoni kkawżata min-nirien tal‑2007, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuni kkonċernati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni, T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Barra minn hekk, huwa paċifiku li Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE, ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevita l-obbligu li jieħu miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna. Li tiġi ammessa tali possibbiltà jkun ifisser li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE jiġu miċħuda minn kwalunkwe effett utli, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu għalhekk jibbażaw ruħhom fuq l-aġir illegali tagħhom sabiex jostakolaw l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑39/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:349, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kummenti tar-rappreżentanti differenti tal-Unjoni invokati mir-Repubblika Ellenika, li, essenzjalment, jirreferu għan-natura eċċezzjonali tan-nirien u tal-konsegwenzi tagħhom kif ukoll għar-rieda tagħhom li jimplimentaw il-mezzi kollha disponibbli favur il-persuni milquta mid-diżastru u l-ekonomija lokali, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti” li minnhom jirriżulta li l-miżuri kontenzjużi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

150    Barra minn hekk, minbarra l-fatt li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 130 sa 136 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li adottat id-deċiżjoni kkontestata f’terminu mhux raġonevoli, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika ma kkomunikatx fi żmien utli l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li hija ma tistax tinvoka b’mod utli, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 147 u 148 iktar ’il fuq, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

151    Konsegwentement, l-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu miċħuda.

152    Minn dan jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar l-assenza ta’ kompetenza ratione temporis, dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali kif ukoll dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

153    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-obbligu li jsir l-irkupru tal-għajnuna, stipulat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

154    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali madwar il-miżuri kontenzjużi juru li l-għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi rkuprata.

155    Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni ma tawx “vantaġġi” u kellhom biss l-għan li jiggarantixxu s-sopravivenza tas-suq ikkonċernat.

156    Fit-tieni lok, il-fatt li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata biss fis-settur agrikolu huwa ta’ natura li joħloq żbilanċ għad-detriment ta’ dan is-settur, minkejja li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-agrikoltura pproklama li dan is-settur huwa s-suġġett ta’ appoġġ imsaħħaħ min-naħa tal-Kummissjoni.

157    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-Repubblika Ellenika.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, ħlief jekk l-irkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

159    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tħassir ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u l-obbligu għall-Istat Membru li jħassar għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti preċedentement għaliha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑419/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:89, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Permezz ta’ din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-benefiċċju li kien ibbenefika minnu fis-suq intern meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna terġa’ tiġi stabbilita (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑419/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:89, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    L-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija b’mod illegali, bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti għal dan l-għoti, ma jistax, għalhekk, bħala prinċipju, jitqies li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dan il-qasam (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑419/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:89, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dan il-każ u fl-ewwel lok, kif ġie deċiż fil-punti 41 sa 51 iktar ’il fuq, il-miżuri kontenzjużi jikkostitwixxu vantaġġ għal dawk li rċevewhom, anki jekk dawn tħallsu wara l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali kkaratterizzati minn diżastru naturali, u, kif ġie deċiż b’mod partikolari fil-punti 136 u 151 iktar ’il fuq, l-irkupru tal-għajnuna ma jmurx kontra prinċipju ġenerali tad-dritt.

163    Fit-tieni lok, sa fejn il-portata tad-deċiżjoni kkontestata hija espressament limitata għas-settur agrikolu u forestali u sa fejn ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx li l-Kummissjoni kellha testendiha għal setturi oħra tal-ekonomija u lanqas ma kkomunikat tali għajnuna, hija ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna biss mingħand il-benefiċjarji identifikati fid-deċiżjoni kkontestata.

164    Fl-aħħar nett, huwa minnu li, fil-Kunsill tal-Ministri tas‑26 ta’ Settembru 2007, il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-agrikoltura informa lid-delegazzjoni Griega bid-diversi għodod disponibbli (għajnuna mill-Istat, għajnuna reġjonali, żvilupp rurali) u ppreċiża b’mod partikolari li ż-żoni agrikoli eliġibbli għall-pagament uniku jibqgħu hekk.

165    Madankollu, sa fejn tali dikjarazzjonijiet, għalkemm jikkonċernaw in-nirien tal‑2007, ma għandhom ebda rabta mal-kwistjoni dwar l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ordni ta’ rkupru, huma ma jistgħux utilment isostnu l-argument tar-Repubblika Ellenika f’dan ir-rigward.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel motiv, it-tielet motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

167    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Półtorak

Porchia

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.