Language of document : ECLI:EU:T:2015:310

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Mejju 2015 (*)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw umbrelel — Raġuni għal invalidità — Żvelar tad-disinn preċedenti — Disinn preċedenti kkostitwit minn privattiv Amerikan — Ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat — Utent informat — Grad ta’ attenzjoni tal-utent informat — Prodotti tal-moda — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Karattru individwali — Impressjoni ġenerali differenti — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”

Fil-Kawżi magħquda T‑22/13 u T‑23/13,

Senz Technologies BV, stabbilita f’Delft (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn W. Hoyng u C. Zeri, sussegwentement minn W. Hoyng u I. de Bruijn, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat inizjalment minn F. Mattina, sussegwentement minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Impliva BV, stabbilita f’Mijdrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn C. Gielen u A. Verschuur, avukati,

li għandhom bħala suġġett żewġ rikorsi ppreżentati kontra żewġ deċiżjonijiet tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Settembru 2012 (Każijiet R 2453/2010‑3 u R 2459/2010‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Impliva BV u Senz Technologies BV,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2013,

wara li rat ir-repliki ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2013,

wara li rat il-kontrorepliki tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2013,

wara li rat id-digriet tat-2 ta’ Ottubru 2014 li jgħaqqad il-Kawżi T‑22/13 u T‑23/13 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza,

wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

13      Fir-rikorsi, ir-rikorrenti titlob, kemm fil-Kawża T‑22/13 kif ukoll fil-Kawża T‑23/13, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tilqa’ l-argumenti mressqa quddiemha u tiddikjara li r-reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati hija valida;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż tiegħu u tikkundanna lill-intervenjenti, fil-każ li hija tintervjeni, tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

14      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rtirat, kemm fil-Kawża T‑22/13 kif ukoll fil-Kawża T‑23/13, it-tieni talba tagħha, li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li r-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat hija valida.

15      L-UASI jitlob, kemm fil-Kawża T‑22/13 kif ukoll fil-Kawża T‑23/13, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti titlob, kemm fil-Kawża T‑22/13 kif ukoll fil-Kawża T‑23/13, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi kollha kemm huma jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem l-UASI, jew iktar sussidjarjament, tiddikjara l-invalidità tar-reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk li hija sostniet, inklużi dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

17      Waqt is-seduta, l-intervenjenti rtirat, kemm fil-Kawża T‑22/13 kif ukoll fil-Kawża T‑23/13, it-tieni talba tagħha li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali tibgħat il-kawża lura quddiem l-UASI.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002

[omissis]

26      Disinn għalhekk jitqies li ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tiegħu tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar. Min-naħa l-oħra, sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, il-parti li tikkontesta l-iżvelar għandha tipprova suffiċjentement skont il-liġi li ċ-ċirkustanzi tal-każ setgħu raġonevolment jimpedixxu li dawn il-fatti jsiru magħrufa fil-kors normali tal-kummerċ miċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat.

27      Barra minn hekk, il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tapplika indipendentement mill-post fejn seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar, għaliex mill-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu jirriżulta li ma huwiex meħtieġ, sabiex disinn jitqies li ġie żvelat lill-pubbliku għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li l-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar ikunu seħħew fit-territorju tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, Ġabra, EU:C:2014:75, punt 33).

28      Għandu jiġi speċifikat li l-kwistjoni jekk il-persuni li jifformaw parti miċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat setgħux raġonevolment ikunu jafu b’avvenimenti li seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni hija kwistjoni ta’ fatt li r-risposta għaliha tiddependi mill-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża (sentenza H. Gautzsch Großhandel, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2014:75, punt 34).

29      Sabiex titwettaq l-evalwazzjoni msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, abbażi tal-provi fattwali, li għandhom jiġu prodotti mill-parti li tikkontesta l-iżvelar, hemmx lok li jitqies li dawn iċ-ċirkli ma kellhomx realment il-possibbiltà li jsiru jafu bil-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dak li jista’ raġonevolment jintalab min-naħa ta’ dawn iċ-ċirkli sabiex ikunu jafu l-istat ta’ arti preċedenti. Sabiex jingħata eżempju, dawn il-provi fattwali jistgħu jirrigwardaw il-kompożizzjoni taċ-ċirkli speċjalizzati, il-kwalifiki, l-użanzi u l-komportamenti tagħhom, il-firxa tal-attivitajiet tagħhom, il-preżenza tagħhom waqt l-avvenimenti li matulhom jiġu ppreżentati disinni, il-karatteristiċi tad-disinn inkwistjoni, bħall-interdipendenza tiegħu ma’ prodotti jew setturi oħra, u l-karatteristiċi tal-prodotti li fihom ġie integrat id-disinn inkwistjoni, b’mod partikolari il-livell tekniku tal-prodott ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, disinn ma jistax jitqies li huwa magħruf fil-kors normali tal-kummerċ jekk iċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ikunu jistgħu jiskopruh biss b’kumbinazzjoni.

[omissis]

36      F’dak li jirrigwarda l-argument li l-umbrella koperta mill-privattiva preċedenti qatt ma ġiet prodotta, fatt li barra minn hekk la ġie kkontestat mill-UASI u lanqas mill-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 bl-ebda mod ma jeħtieġ li d-disinn preċedenti invokat mill-parti li topponi jkun intuża għall-finijiet tal-produzzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott.

37      Madankollu, il-fatt li disinn qatt ma ġie inkorporat fi prodott ikun rilevanti biss fil-każ li r-rikorrenti tkun ipprovat li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ġeneralment ma jikkonsultawx ir-reġistri tal-privattivi jew li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ġeneralment ma jagħtu ebda importanza lill-privattivi, b’mod partikolari lill-privattivi Amerikani. F’dawn il-każijiet, l-argument tan-nuqqas ta’ eżistenza fis-suq tal-umbrelel koperti mill-privattiva preċedenti jista’ jdgħajjef il-plawżibbiltà tal-fatt li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat setgħu kienu jafu bil-privattiva preċedenti permezz ta’ mezzi oħra ta’ informazzjoni. Fil-każ preżenti, il-fatt li l-umbrella koperta mill-privattiva preċedenti qatt ma ġiet prodotta jipprova li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ma setgħux ikunu jafu bil-privattiva preċedenti permezz tar-reklamar, tal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jew tal-katalgi. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex jipprova li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ma setgħux raġonevolment ikunu jafu biha mod ieħor, bħal pereżempju bl-għajnuna ta’ konsultazzjoni tar-reġistru Amerikan tal-privattivi permezz tal-internet.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-26 ta’ Settembru 2012 (Każijiet R 2453/2010‑3 u R 2459/2010‑3), huma annullati.

2)      Impliva BV għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, terz tal-ispejjeż ta’ Senz Technologies BV.

3)      Senz Technologies għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

4)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.