Language of document : ECLI:EU:C:2016:856

Kawża C174/15

Vereniging Openbare Bibliotheken

vs

Stichting Leenrecht

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 1(1) – Self ta’ kopji ta’ xogħlijiet – Artikolu 2(1) – Self ta’ oġġetti – Self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali – Libreriji pubbliċi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2006/115 – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Self – Kunċett – Tniżżil ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali minn server ta’ librerija pubblika – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, premessa 4 u l-Artikoli 1(1), 2(1)(b) u 6(1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2006/115 – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Dritt esklużiv ta’ self pubbliku – Fakultà ta’ deroga – Disponibbiltà ta’ kopji ta’ kotba’ f’forma diġitali minn libreriji pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-applikazzjoni tad-deroga għall-eżistenza ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-imsemmija kopji fl-Unjoni Ewropea mid-detentur tad-dritt għal distribuzzjoni lill-pubbliku – Ammissibbiltà

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 4(2), u 2006/115, Artikolu 6(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2006/115 – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Dritt esklużiv ta’ self lill-pubbliku – Fakultà ta’ deroga – Disponibbiltà ta’ kopji ta’ kotba’ f’forma diġitali minn libreriji pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-applikazzjoni tad-deroga għall-kopji miksuba minn sorsi illegali – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, premessa 2 u Artikolu 6(1))

1.      L-Artikoli 1(1), 2(1)(b) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “self”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri s-self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali, meta din il-kopja issir billi titqiegħed fuq is-server ta’ librerija pubblika u tippermetti lil utent li jirriproduċi l-imsemmija kopja billi jniżżilha fuq il-kompjuter tiegħu stess, sakemm kopja waħda biss tista’ titniżżel tul il-perijodu tas-self u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja li titniżżel minn dan l-utent ma għadhiex iktar tista’ tintuża minnu.

Fil-fatt, hemm lok li l-kunċett ta’ “kiri” ta’ oġġetti, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, jinftiehem bħala li jirrelata esklużivament għall-oġġetti tanġibbli, u l-kunċett ta’ “kopji”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, bħala li jkopri, fir-rigward tal-kiri, esklużivament il-kopji li jinsabu fuq mezz fiżiku. Għalkemm l-oġġetti intanġibbli u l-kopji mhux imwaħħla, bħall-kopji diġitali, għandhom jiġu esklużi mid-dritt ta’ kiri, irregolat mid-Direttiva 2006/115, sabiex ma tinkisirx id-dikjarazzjoni konġunta annessa mat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali dwar id-dritt tal-awtur, la dan it-Trattat u lanqas id-dikjarazzjoni konġunta ma jipprekludu li l-kunċett ta’ “self” ta’ oġġetti, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikun interpretat, jekk ikun il-każ, bħala li jinkludi wkoll ċerti self magħmul f’forma diġitali. F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda raġuni determinanti li tippermetti li jkun eskluż, fi kwalunkwe każ, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/115 is-self ta’ kopji diġitali u ta’ oġġetti intanġibbli.

Tali konklużjoni hija, barra minn hekk ikkorroborata mill-għan li d-Direttiva 2006/115 tfittex li tilħaq. Fil-fatt, il-premessa 4 ta’ din tal-aħħar tistipula, b’mod partikolari, li d-dritt tal-awtur għandu jadatta ruħu għar-realtajiet ekonomiċi ġodda bħall-forom ġodda ta’ użu. Issa, is-self magħmul f’forma diġitali jaqa’ mingħajr dubju f’dawn il-forom ġodda ta’ użu u, għaldaqstant, jagħmel neċessarju li d-dritt tal-awtur jiġi adattat għar-realtajiet ekonomiċi ġodda. Barra minn hekk, li jiġi eskluż kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/115 is-self magħmul f’forma diġitali jikkontradixxi l-prinċipju ġenerali li jeżiġi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi.

(ara l-punti 35, 39, 44-46, 54 u d-dispożittiv 1)

2.      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja ta’ ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni Ewropea mid-detentur tad-dritt għal distribuzzjoni lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, li jindika li huwa neċessarju li jiġu protetti d-drittijiet tal-awturi fir-rigward tas-self pubbliku, kif ukoll fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali li jimponi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi, għandu jitqies bħala li jipprevedi biss livell minimu ta’ protezzjoni għall-awturi li huwa rikjest waqt l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ self pubbliku. Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda milli jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jtejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil hinn minn dak li huwa previst b’mod espliċitu fl-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 61, 65 u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-deroga ta’ self pubbliku li huwa jipprevedi tapplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn librerija pubblika ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali fil-każ fejn din il-kopja kienet inkisbet minn sors illegali.

Fil-fatt, għalkemm il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedi espressament ebda rekwiżit dwar l-oriġini legali tal-kopja magħmula disponibbli mil-librerija pubblika, jibqa’ l-fatt li wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva huwa l-ġlieda kontra l-piraterija, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha.Issa, li jiġi aċċettat li kopja mislufa minn librerija pubblika tista’ tinkiseb minn sors illegali ifisser li jkun ittollerat, jew li tiġi inkoraġġita ċ-ċirkulazzjoni ta’ xogħlijiet iffalsifikati jew pirata, li jmur manifestament kontra dan l-għan.

(ara l-punti 67, 68, 72 u d-dispożittiv 3)