Language of document : ECLI:EU:F:2014:41

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Marzu 2014

Kawża F‑84/10 DEP

Efstratios Chatzidoukakis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, mill-Kummissjoni Ewropea wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Ġunju 2012, Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni (F‑84/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012”).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li E. Chatzidoukakis jista’ jiġbor mingħand il-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑84/10 huwa stabbilit fl-ammont ta’ EUR 2 555.50, fuq liema somma jiddekorru l-interessi moratorji, mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-pagament, bir-rata kkalkolata fuq il-bażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu hawn fuq imsemmi, b’żieda ta’ żewġ punti.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Spejjeż ta’ traduzzjoni esterna dwar traduzzjonijiet tad-dokumenti tal-proċedura ppreżenatati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Inklużjoni — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ taxxa

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 144(b) u 145(1))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

F’dan ir-rigward, l-ispejjeż tat-traduzzjoni esterna dwar traduzzjoni ta’ dokumenti ta’ proċedura ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura u għaldaqstant bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. L-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jipproduċu traduzzjonijiet tal-atti kollha tal-proċedura li tagħhom ikunu l-awturi. Dan l-obbligu li huwa impost mir-Regoli tal-Proċedura fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirriżultaw mill-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw f’ambjent multilingwi u għandhom ir-riżorsi umani kollha neċessarji bil-għan li jipproduċu traduzzjonijiet ta’ dokumenti ta’ proċedura bil-lingwi kollha msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ sistema lingwistika tal-Komunità Ekonomika Ewropea. Dawn l-ispejjeż ma jistgħux ikunu dovuti mill-uffiċjal li għandu d-dritt li jagħżel il-lingwa tal-proċedura u li kieku b’dan il-fatt jissubixxi diskriminazzjoni jekk ikollu jġarrab l-ispejjeż. Barra minn hekk, avukat mhux mistenni li jittraduċi dokumenti, iżda l-onorarji tiegħu għandhom jirriflettu ix-xogħol ta’ ġurista bil-għan li jassisti u jirrappreżenta l-klijent tiegħu.

(ara l-punti 20 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P (R)‑DEP, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08 DEP, punt 23

2.      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi Istatut, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar taqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli mġarrba għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni jkollha turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont li minnhom jistgħu jiġu rkuprati l-onorarji tal-avukat, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-membri tal-persunal jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Bl-istess mod, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata, ma jistax jiġi evalwat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mis-servizzi tagħha, anki qabel it-tressiq tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għat-tressiq ta’ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, is-servizzi tal-istituzzjoni huma, bħala prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim, qabel ma dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

F’dak li jikkonċerna l-portata tax-xogħol marbut mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija l-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni tan-numru totali tas-sigħat ta’ xogħol li jistgħu jitqiesu li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

(ara l-punti 21 sa 24 u 29)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P‑DEP, punt 20; 28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, punt 14

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, punt 22; Schönberger vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 29; 27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑55/08 DEP, punti 41 u 42