Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ġunju 2008 - Konsum Nord vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-244/08)

Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż

Partijiet

Rikorrenti: Konsum Nord ekonomisk förening (Umeå, l-Iżvezja) (rappreżentant: U. Öberg, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 311 finali, tat-30 ta' Jannar 2008, dwar għajnuna mill-Istat implementata mill-Iżvezja għal Konsum Jämtland ekonomisk förening;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 35/2006 (ex NN 37/2006) implementata mill-Iżvezja għal Konsum Jämtland, li amalgamat mar-rikorrenti fl-2006, il-Kummissjoni iddeċidiet li l-bejgħ mill-muniċipalità ta' Åre ta' partijiet minn biċċa art mhux mibnija għal SEK 2 miljuni minflok SEK 6.6 miljuni, li kien offra l-kompetitur ta' Konsum Jämtland, Lidl, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat bi ksur ta' l-Artikolu 87 KE.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wetqet numru ta' evalwazzjonijiet żbaljati fil-klassifikazzjoni legali tagħha tal-bejgħ ikkontestat bħala għajnuna mill-Istat peress li:

il-Kummissjoni żbaljat meta sabet li l-bejgħ ma sarx skond il-prezz tas-suq u li b'hekk kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għal Konsum Jämtland;

il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-bejgħ kien jagħmel parti minn numru ta' tranżazzjonijiet ta' art magħmula bejn partijiet differenti, li kellhom bħala skop l-implementazzjoni ta' pjanijiet iddettaljati għar-raħal ta' Åre;

il-Kummissjoni assumiet b'mod żbaljat li l-offerta magħmula mill-kompetitur, Lidl, kienet inkompatibbli ma' numru ta' kundizzjonijiet u li kienet vinkolanti u kredibbli; u

il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-prinipju ta' investitur privat fl-ekonomija tas-suq.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni injorat il-linji gwida tagħha stess fil-Komunikazzjoni dwar elementi ta'għajnuna mill-Istat dwar bejgħ ta' artijiet u bini mill-awtoritajiet pubbliċi1 u naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta' investigazzjoni peress li naqset milli tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali kollha.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-allegata għajnuna mill-Istat la toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

____________

1 - ĠU 1997 C 209, p. 3.