Language of document : ECLI:EU:T:2011:186

Kawża T‑465/08

Ir-Repubblika Ċeka

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Programm PHARE — ‘Fondi li jistgħu jiġġeddu’ miksuba mir-Repubblika Ċeka — Rimbors tas-somom imħallsa — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi bl-irkupru permezz ta’ tpaċija — Bażi legali — Ordinamenti ġuridiċi distinti — Kunċett ta’ natura ċerta u likwida tal-kreditu — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — Ir-Repubblika Ċeka — Applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dritt Komunitarju — Derogi — Kundizzjoni — Dispożizzjoni espressa

(Artikolu 292 KE; Att tal-Adeżjoni tal-2003, Artikolu 33(2))

2.      Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — Ir-Repubblika Ċeka — Impenji globali baġitarji meħuda abbażi tal-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni — Regoli applikabbli sa mill-adeżjoni

(Att tal-Adeżjoni tal-2003, Artikolu 33(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 73(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 81(1) u 83)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tad-destinatarju

(Artikolu 253 KE)

1.      Id-derogi għall-applikazzjoni immedjata u integrali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għal dak li jirrigwarda l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programm PHARE pprovduti fl-Artikolu 33(1) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, huma ammessi biss, fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2) tal-istess att, sa fejn huma pprovduti espressament minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Issa, l-imsemmi Artikolu 33(2), ma jipprovdix speċifikament għal eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 292 KE li jikkonsisti f’li l-metodi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim extraġudizzjarji pprovduti mill-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Ċeka fil-programm ta’ għajnuna tal-Komunità Ewropea, jkomplu japplikaw wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

Konsegwentement, il-metodi tas-soluzzjoni ta’ tilwim extraġudizzjarji pprovduti fil-Ftehim Qafas tal-1996 ma humiex applikabbli sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

(ara l-punti 100-102)

2.      L-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, li għandu bħala suġġett li tiġi żgurata li jibqgħu jkunu disponibbli l-ispejjeż ipprovduti qabel l-adeżjoni fl-Unjoni fil-kuntest tal-impenji globali fuq il-baġit li għadhom ma ġewx imwettqa integralment fl-adeżjoni, jidderoga għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, dwar l-operazzjonijiet tan-nefqa. Min-naħa l-oħra, ma għandux bħala suġġett li jidderoga għar-regoli tar-Regolament Finanzjarju dwar operazzjonijiet tal-introjtu.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni ma jeskludix speċifikament l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-introjtu. Dawn tal-aħħar huma rregolati mir-regolamenti inkwistjoni sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

Barra minn hekk, it-tpaċija pprovduta, bħala metodu tal-irkupru tal-krediti, mill-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll mill-Artikolu 81(1), u l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, ma huwiex speċifikament eskluż mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-operazzjoni tal-introjtu hija applikabbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti inkwistjoni, għall-krediti li jirriżultaw f’għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programm PHARE pprovduta mill-Artikolu 33(1) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

Konsegwentement għandu jiġi konkluż li l-konstatazzjoni u l-irkupru, inkluż fosthom permezz tat-tpaċija, ta’ kreditu dwar ir-rimbors ta’ fondi riċevuti mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-programm PHARE għandhom isiru mill-Kummissjoni, li hija marbuta tapplika u tosserva għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

(ara l-punti 118-122)

3.      L-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju kif previst fl-Artikolu 253 KE għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija, il-motivazzjoni meħtieġa għandha tippermetti li jiġi identifikat bi preċiżjoni l-krediti li huma kkumpensati, mingħajr ma jista’ jkun meħtieġ li l-motivazzjoni adottata inizjalment insostenn tal-konstatazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-krediti tkun repetuta fid-deċiżjoni tat-tpaċċija.

(ara l-punti 162-164)