Language of document : ECLI:EU:T:2013:453

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑489/10,

Islamic Republic of Iran Shipping Lines, stabbiliti fʼTéhéran (l-Iran), u s-17-ir-rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn F. Randolph, QC, M. Lester, barrister, u M. Taher, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u T. Scharf, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u É. Ranaivoson, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi meħuda sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti, Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar ʼil quddiem “IRISL”) u s-17-ir-rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-anness, ġew inklużi fil-lista ta’ entitajiet parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

3        Bħala konsegwenza, ir-rikorrenti ġew inklużi fil-lista tal-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 103, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25). Din l-inklużjoni kellha bħala effett l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti.

4        Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżenta s-segwenti raġunijiet fil-konfront tal-IRISL:

“L-IRISL [kienu involuti] fit-trasbord taʼ tagħbija relatata militarment, inkluża tagħbija proskritta mill-Iran. Fi tliet inċidenti bħal dawn kien involut ksur ċar li kien irrapportat lill-Kumitat dwar is-Sanzjonijiet tal-Iran tal-[Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti]. Il-konnessjoni tal-IRISL mal-proliferazzjoni kienet tali li l-[Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] appella lill-istati biex iwettqu spezzjonijiet fuq vetturi tal-IRISL, dment li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-vettura qed iġġorr merkanzija proskritta [ir-riżoluzzjonijiet] 1803 u 1929 [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti].”

5        Barra minn hekk, fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 relatata mal-IRISL Marine Services and Engineering Co., il-Kunsill indika li l-IRISL “[kienu ffaċilitaw] vjolazzjonijiet repetuti tad-dispożizzjonijiet [tar-riżoluzzjoni 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti]”.

6        Ir-rikorrenti l-oħra ġew identifikati fid-Deċiżjoni 2010/413, essenzjalment, bħala kumpanniji li jappartjenu jew li huma kkontrollati mill-IRISL jew li jaġixxu f’isimhom. Barra minn hekk, Khazar Shipping Lines ġiet identifikata bħala kumpannija “[li] ffaċilitat tagħbija li kienet tinvolvi entitajiet indikati tan-[Nazzjonijiet Uniti] u tal-Istati Uniti, bħall-Bank Melli, permezz ta’ trasbord ta’ merkanzija ta’ tħassib fir-rigward tal-proliferazzjoni minn pajjiżi bħar-Russja u l-Kazakhstan lejn l-Iran”.

7        Il-motivi inklużi fir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 668/2010 fil-konfront tar-rikorrenti essenzjalment jekwivalu għal dawk inklużi fid-Deċiżjoni 2010/413.

8        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti stiednu lill-Kunsill sabiex jikkomunikalhom id-dokumenti u l-provi li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

9        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill irrisponda, b’mod partikolari, li l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-IRISL kienu deskritti fir-rapport annwali relattiv għas-sena 2009 tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ʼil quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”), li tiegħu huwa ehmeż kopja.

10      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbu spjegazzjonijiet iktar ampji u l-provi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill. Il-Kunsill wieġeb permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2010, li magħha ġew mehmuża żewġ proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jindirizzaw lill-IRISL u lil Khazar Shipping Lines, proposti minn żewġ Stati Membri.

11      L-inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet sostnuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81). Il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti kienet identika għal dik inkluża fid-Deċiżjoni 2010/413.

12      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1), isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti ġew iffriżati skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament. Il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti essenzjalment tekwivali għal dik inkluża fid-Deċiżjoni 2010/413.

13      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti essenzjalment tekwivali għal dik inkluża fid-Deċiżjoni 2010/413. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti ġew iffriżati skont l-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti, kif ukoll Cisco Shipping Co. Ltd u IRISL Multimodal Transport Co., ippreżentaw il-kawża odjerna.

15      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, Cisco Shipping u IRISL Multimodal Transport irtiraw ir-rikors tagħhom. Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2010, huma ġew ikkanċellati mir-reġistru bħala rikorrenti fil-kawża odjerna u ġew ikkundannati għall-ispejjeż tagħhom.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti aġġustaw il-kapi tat-talbiet tagħhom wara l‑adozzjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

17      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 u t-22 ta’ Marzu 2011, il‑Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu fil-kawża odjerna insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-10 ta’ Mejju 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-interventi tagħhom.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-30 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti aġġustaw il-kapi tat-talbiet tagħhom wara l‑adozzjoni, fit-23 ta’ Marzu 2012, tar-Regolament Nru 267/2012.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet, fit-12 ta’ Marzu 2013, li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija għamlet xi mistoqsijiet lir-rikorrenti u lill-Kunsill, filwaqt li stednithom sabiex iwieġbuhom matul is-seduta.

20      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-23 ta’ April 2013.

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lilhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq il-mertu

24      Ir-rikorrenti jsostnu ħames motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt tagħhom għall-proprjetà u tad-dritt tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu għal projbizzjoni tal-istivar u tal-ħatt ta’ merkanzija.

25      Il-Qorti Ġenerali tqis li jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, it-tieni motiv sa fejn dan jikkonċerna l-ksur relatat mal-IRISL, u sussegwentement ir-raba’ motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn dan jikkonċerna l-motivazzjoni fir-rigward tal-IRISL

26      Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni minn żewġ lati. Minn naħa, il-motivi mogħtija fl-atti kkontestati fil-konfront tal-IRISL huma insuffiċjenti sa fejn dawn ma jurux, b’mod ċar u inekwivoku, għaliex il-Kunsill ikkunsidra li l-IRISL kienu jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom, minkejja l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti. B’mod partikolari, il-Kunsill sempliċiment irriproduċa l-allegazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Min-naħa l-oħra, ma ġiet ikkomunikata l-ebda motivazzjoni, relatata mal-IRISL, lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jindirizzawhom.

27      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

28      Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’nuqqas li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-motivazzjoni qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, jkun suffiċjenti li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, il-motivi li fuqhom dik l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni inizjali tal-isem tagħha fil-lista tal-persuni u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, fil-prinċipju jkun suffiċjenti li l-istituzzjoni tikkomunika l-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u tagħti d-dritt għal smigħ ta’ din tal-aħħar b’mod kontemporanju jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 61).

32      Fit-tieni lok, dwar l-allegata insuffiċjenza tal-motivazzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-IRISL jistgħu jkunu bbażati fuq żewġ bażijiet legali differenti. Minn naħa, skont dawn tal-aħħar, iċ-ċirkustanzi allegati fil-konfront tal-IRISL kienu jistabbilixxu li din tal-aħħar kienet ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 16(2)(a), tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ʼil quddiem l-“ewwel kriterju”). Min-naħa l-oħra, minn dawn l-istess ċirkustanzi kien jirriżulta li l-IRISL assistew persuna, entità jew organu inklużi f’lista sabiex jiksru d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010, tar-Regolament Nru 267/2012 u tar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2)(b), tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ʼil quddiem it-“tieni kriterju”).

33      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill immotivax, sal-grad rikjest mil-liġi, l-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawk iż-żewġ kriterji alternattivi fir-rigward tal-IRISL. F’dan il-kuntest, hemm lok li jittieħed kont, minbarra tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, tar-rapport annwali tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà relattiv għas-sena 2009, ikkomunikat lir-rikorrenti fit-13 ta’ Settembru 2010, u l-proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-IRISL, ikkomunikata mill-Kunsill lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2010. Fil-fatt, dawk l-elementi ġew ikkomunikati qabel il-preżentata tar-rikors.

34      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati, riprodotta fil-punt 4 iktar ʼil fuq, tikkonċerna, min-naħa, tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL fit-trasport ta’ materjal militari li joriġina mill-Iran, ikklassifikati mill-Kunsill bħala “attivitajiet li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni”, u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-konfront tal-IRISL.

35      Ir-rapport annwali tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà relattiv għas-sena 2009 kien jipprovdi dettalji addizzjonali li jikkonċernaw it-tliet inċidenti inkwistjoni, partikolarment sa fejn dan jippreċiża li dawn kienu jimplikaw il-qbid tal-merkanzija pprojbita mill-awtoritajiet u sa fejn dan jidentifika l-bastimenti kkonċernati.

36      Ikkunsidrati flimkien, dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti jifhmu li l-Kunsill ibbaża ruħu, minn naħa, fuq it-tliet inċidenti li jimplikaw it-trasport ta’ merkanzija pprojbita mill-IRISL u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà qies bħala neċessarju li jitlob lill-Istati jispezzjonaw, f’ċerti ċirkustanzi, il-bastimenti tal-IRISL, sabiex jikkonkludi li din tal-aħħar kienet ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Barra minn dan, it-tliet inċidenti ġew deskritti b’livell ta’ preċiżjoni suffiċjenti, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li ċ-ċirkustanzi ta’ madwarhom ġew ittrattati bir-reqqa mir-rikorrenti, kemm fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Kunsill kif ukoll fl-atti tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

37      F’dan il-kuntest, jeħtieġ għal darb’oħra jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill sempliċiment u żbaljatament irriproduċa l-motivi invokati mill-Kunsill tas-Sigurtà. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-Kunsill milli jadotta bħala tiegħu l-motivazzjoni pprovduta minn organi jew istituzzjonijiet oħra, sakemm din tkun suffiċjentement preċiża.

38      Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tat-tieni kriterju fil-konfront tal-IRISL ma hijiex immotivata sal-grad rikjest mil-liġi. Fil-fatt, minn naħa, il-motivazzjoni riprodotta fil-punt 4 iktar ʼil fuq ma tagħmilx riferiment għall-fatt li l-aġir attribwit lill-IRISL huwa marbut mal-intenzjoni li jiġi evitat l-effett tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil terz. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-motivazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ʼil fuq tagħmel riferiment għall-fatt li l-IRISL iffaċilitaw ksur ripetut tad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, din ma tippreċiżax la n-natura tal-ksur allegat, la d-dati tagħhom u lanqas l-entitajiet jew il-beni kkonċernati. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li din tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minkejja li ma ġietx invokata b’mod espliċitu fil-konfront tal-IRISL, din hija eċċessivament vaga.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinċaħad it-tieni motiv sa fejn dan jikkonċerna l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju fil-konfront tal-IRISL u li jintlaqa’ sa fejn dan jikkonċerna l-applikazzjoni tat-tieni kriterju fil-konfront ta’ din tal-aħħar. Fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ kriterji suesposti huma alternattivi, in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni fir-rigward tat-tieni kriterju ma tiġġustifikax l-annullament tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lill-IRISL. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ʼil fuq, it-tieni kriterju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti

40      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li huma kellhom jiġu indirizzati minn miżuri restrittivi, peress li huwa bbaża ruħu fuq sempliċi preżunzjonijiet, li huwa ma identifikax elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li huma kienu involuti fil-proliferazzjoni nukleari u li huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħhom.

41      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża, jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

42      Skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, punti 37 u 107).

43      Konsegwentement, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill kienx korrett meta kkunsidra li r-rikorrenti kellhom jiġu indirizzati minn miżuri restrittivi minħabba, minn naħa, ċ-ċirkustanza li l-IRISL u Khazar Shipping Lines kienu involuti fil-proliferazzjoni nukleari u, min-naħa l-oħra, minħabba ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti minbarra l-IRISL kienu jappartjenu lil jew ikkontrollati minn dawn tal-aħħar jew kienu jaġixxu f’isimhom.

–       Fuq l-involviment tal-IRISL fil-proliferazzjoni nukleari

44      Ir-rikorrenti jikkontestaw li ċ-ċirkustanzi invokati fil-konfront tal-IRISL jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom. Huma jippreċiżaw, b’mod partikolari, li t-tliet inċidenti li jimplikaw it-trasport mill-IRISL ta’ beni pprojbiti ma kinux jikkonċernaw il-proliferazzjoni nukleari, iżda materjal militari, u għaldaqstant ma kinux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw l-imsemmija proliferazzjoni. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-inċidenti kkonċernati ma wasslux għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-IRISL jew tar-rikorrenti l-oħra mill-Kunsill tas-Sigurtà. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, l-IRISL injoraw in-natura tal-beni ttrasportati.

45      Il-Kunsill u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Skont il-Kunsill, fl-ewwel lok, għalkemm it-tliet inċidenti attribwiti lill-IRISL kienu jikkonċernaw materjal militari, dawn kienu jikkostitwixxu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, peress, b’mod partikolari, li kienu jiksru r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jikkonċernaw il-proliferazzjoni nukleari. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. Fit-tieni lok, indipendentement mill-klassifikazzjoni tat-tliet inċidenti suesposti, il-fatt li l-IRISL, bħala kumpannija marittima importanti li għandha preżenza internazzjonali u tappartjeni lill-Istat Iranjan, ittrasportat materjal militari pprojbit, jimplika li hija neċessarjament ittrasportat ukoll materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, peress li l-iżvilupp tal-attivitajiet marbuta ma’ din tal-aħħar jinneċessita l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu. Fit-tielet lok, fi kwalunkwe każ, it-tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL kienu jistabbilixxu riskju gravi li l-IRISL jittrasportaw materjal relatat mal-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha huma ġġustifikati fuq bażi preventiva.

46      Jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill għall-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-IRISL.

47      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi ta’ “persuni u entitajiet […] li […] jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti”. Bl-istess mod, l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 jindirizzaw, b’mod partikolari, l-entitajiet deskritti bħala li “jipprovdu apoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari mill-Iran, inkluż permezz l-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u [ta’] teknoloġija pprojbiti”. L-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 jindirizza, b’mod partikolari, il-persuni u l-entitajiet li jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, mingħajr ebda riferiment espliċitu għall-akkwist ta’ beni u teknoloġiji pprojbiti.

48      Il-kliem użat mil-leġiżlatur ifisser li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, minħabba l-appoġġ li allegatament tat lill-proliferazzjoni nukleari, jippresupponi li din tkun adottat aġir li jikkorrispondi għal dan il-kriterju. Għall-kuntrarju, is-sempliċi riskju li l-persuna jew l-entità kkonċernata tkun, fil-futur, ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari ma huwiex suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2012, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, T‑509/10, punt 115).

49      Għaldaqstant, l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 kienu jimponu fuq il-Kunsill l-obbligu li jikkonstata l-għoti effettiv ta’ appoġġ mill-IRISL għall-proliferazzjoni nukleari.

50      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, permezz tar-riżoluzzjonijiet tiegħu 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2009), il-Kunsill tas-Sigurtà, filwaqt li jaġixxi skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, adotta ċertu numru ta’ miżuri restrittivi maħsuba sabiex jipperswadu lill-Iran li jikkonforma ruħu mar-riżoluzzjoni 1737 (2006), li tistabbilixxi li l-Iran għandu jissospendi mingħajr iktar dewmien l-attivitajiet kollha marbuta mal-arrikkiment u mal-ipproċessar mill-ġdid kif ukoll ix-xogħlijiet fuq il-proġetti kollha marbuta mal-ilma tqil, u jadotta ċerti miżuri imposti mill-kunsill tal-mexxejja tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA), li l-Kunsill tas-Sigurtà qies li huma essenzjali sabiex tiġi rriprestinata l-fiduċja fil-fatt li l-programm nukleari Iranjan għandu biss għanijiet paċifiċi. Minbarra l-projbizzjoni tal-Iran fuq l-esportazzjoni tal-beni u tat-teknoloġiji marbuta mal-attivitajiet nukleari tiegħu li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew żvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari [paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni 1737 (2006)], dawk ir-riżoluzzjonijiet kienu jipprevedu wkoll li l-Iran ma għandux jipprovdi, ibigħ jew jittrasferixxi, direttament jew indirettament, mit-territorju tiegħu jew permezz taċ-ċittadini tiegħu jew permezz ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tiegħu, kwalunkwe arma u kwalunkwe materjal relatat u li l-Istati kollha kellhom jimpedixxu l-akkwist ta’ dawk l-oġġetti mill-Iran permezz taċ-ċittadini tagħhom, jew permezz ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, kemm jekk dawn l-oġġetti jkunu joriġinaw mit-territorju Iranjan u kemm jekk le [paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007)].

51      Dawk il-miżuri ta’ projbizzjoni, għalkemm jaqgħu taħt l-istess kuntest ġenerali u jsegwu l-istess finalità, xorta waħda jibqgħu distinti fir-rigward tal-beni u tat-teknoloġiji li huma jindirizzaw. Għalhekk, il-fatt li oġġett ikun indirizzat mill-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) ma jfissirx neċessarjament li dan ikun indirizzat ukoll minn dik li tikkonċerna l-beni u t-teknoloġiji marbuta mal-attivitajiet nukleari tal-Iran li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew żvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari mill-Iran, kif prevista mill-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni 1737 (2006).

52      F’dan il-każ, mir-rapport annwali tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà relattiv għas-sena 2009 jirriżulta li t-tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL kienu jikkonċernaw allegat ksur tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007), dwar l-esportazzjoni mill-Iran ta’ armi u ta’ materjal relatat. Għall-kuntrarju, l-elementi l-oħra tal-proċess, ikkomunikati mill-Kunsill lir-rikorrenti, fuq talba tagħhom, u prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali ma fihom l-ebda element li jissuġġerixxi li l-beni inkwistjoni kienu, fl-istess ħin, previsti mill-projbizzjoni relatata mal-materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, prevista mill-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni 1737 (2006).

53      Waqt is-seduta, il-Kunsill isostni, f’dan ir-rigward, li t-tliet inċidenti inkwistjoni kienu marbuta mal-proliferazzjoni nukleari sa fejn l-esportazzjoni tal-armi u tal-materjal relatat kien użat mill-Iran sabiex jiffinanzjaha. Madankollu, din l-allegazzjoni la tinsab fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati u lanqas fid-dokumenti u fil-provi kkomunikati lir-rikorrenti fuq talba tagħhom. Konsegwentement, hija ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, sabiex tiġġustifika l-inklużjoni tal-IRISL fid-dawl tal-kriterju legali relatat mal-għoti ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiżdied li l-Kunsill ma invoka, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ebda indizju konkret li jista’ jsejjes l-allegazzjoni li t-trasport ta’ materjal militari pprojbit imwettaq mill-IRISL kien iservi sabiex jiffinanzja l-proliferazzjoni nukleari.

54      Madankollu l-Kunsill isostni li ċ-ċirkustanza li t-tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL jikkostitwixxu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, minkejja l-fatt li dawn ma jirrigwardawx materjal marbut ma’ din tal-aħħar, hija stabbilita mill-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-konfront tal-IRISL.

55      F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li l-Kunsill tas-Sigurtà talab lill-Istati jispezzjonaw il-bastimenti tal-IRISL, sa fejn ikunu jeżistu raġunijiet raġonevoli li jagħtu lok għal tħassib li dawn tal-aħħar ikunu qegħdin jittrasportaw beni pprojbiti skont ir-riżoluzzjonijiet 1803 (2008) u 1929 (2009). Bl-istess mod huwa adotta miżuri restrittivi fil-konfront tat-tliet entitajiet li jappartjenu jew li huma kkontrollati mill-IRISL.

56      Madankollu, minn naħa, il-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà ma jindirizzawx lill-IRISL infushom, u l-proċess tal-Qorti Ġenerali ma jinkludi l-ebda element li jesponi l-motivi preċiżi għall-adozzjoni tagħhom.

57      Min-naħa l-oħra, l-istedina indirizzata lill-Istati sabiex jispezzjonaw il-bastimenti tal-IRISL f’ċerti ċirkustanzi tistabbilixxi li, fl-opinjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, jeżisti riskju li l-IRISL jappoġġaw il-proliferazzjoni nukleari. Għall-kuntrarju, din ma tistabbilixxix li tali appoġġ effettivament ingħata mill-IRISL, b’mod kuntrarju għal dak li huwa rikjest mill-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012.

58      F’dawk iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ma ġiex stabbilit li, billi ttrasportat, tliet darbiet, materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007), l-IRISL appoġġaw il-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, it-tliet inċidenti inkwistjoni ma kinux jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-IRISL.

59      Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi ma jistgħux ikunu validament imsejsa fuq preżunzjoni li ma kinitx prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli u li ma tissodisfax l-għan ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill, C‑376/10 P, punt 69).

60      Issa, f’dan il-każ, l-allegazzjoni tal-Kunsill li, jekk l-IRISL ittrasportaw materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007), huma neċessarjament ittrasportaw ukoll materjal relatat mal-proliferazzjoni nukleari, ma hija sostnuta minn ebda informazzjoni jew prova konkreta. Għalhekk, hija mibnija fuq preżunzjoni, li ma hijiex prevista mid-Deċiżjoni 2010/413, mir-Regolament Nru 423/2007, mir-Regolament Nru 961/2010 u mir-Regolament Nru 267/2012, kif jirriżulta mill-punt 48 iktar ʼil fuq. Barra minn hekk, tali preżunzjoni ma tikkorrispondix mal-istruttura tat-testi ċċitati iktar ʼil fuq, sa fejn hija ma tagħmilx distinzjoni bejn il-miżuri li jipprojbixxu l-esportazzjoni tal-armi u ta’ materjal assoċjat u dawk li jipprojbixxu t-trasport ta’ materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-Kunsill li l-IRISL neċessarjament ittrasportaw materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari ma tistax tintlaqa’.

62      Fit-tielet lok, sa fejn il-Kunsill isostni li t-tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL jistabbilixxu riskju serju li huma jittrasportaw materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 48 iktar ʼil fuq, l-eżistenza ta’ tali riskju ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012.

63      F’dan il-kuntest, il-Kunsill isostni li, fid-dawl tan-natura klandestina tat-tranżazzjonijiet tal-proliferazzjoni nukleari, il-fatt li huwa jkun rikjest jidentifika trasporti li jikkonċernaw speċifikament materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, iktar milli beni oħra pprojbiti, ikun jiżvesti l-miżuri restrittivi minn kull effett preventiv.

64      F’dan ir-rigward, jekk il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tippermettilux li jintervjeni b’mod suffiċjentement effikaċi bil-għan li jikkumbatti l-proliferazzjoni nukleari, huwa kunsiljabbli li jwettaq tibdiliet fir-rwol tiegħu ta’ leġiżlatur, mingħajr ħsara għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, sabiex iwessaʼ l-ipoteżijiet li fihom jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi.

65      Għall-kuntrarju, l-intenzjoni li jiġi żgurat effett preventiv l-iktar wiesa’ possibbli tal-miżuri restrittivi ma tistax tirriżulta f’interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni viġenti li tmur kontra t-termini ċari tagħha.

66      Konsegwentement, għalkemm tidher li hija ġġustifikata l-kunsiderazzjoni li l-fatt li l-IRISL kienu involuti fi tliet inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) iżid ir-riskju li huma involuti wkoll f’inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, dik iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom.

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-elementi mressqa mill-Kunsill ma jiġġustifikawx l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-IRISL.

68      Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaqa’ r-raba’ motiv sa fejn dan jikkonċerna lill-IRISL.

–       Fuq l-involviment ta’ Khazar Shipping Lines fil-proliferazzjoni nukleari

69      Skont il-motivazzjoni tal-atti kkontestati, Khazar Shipping Lines hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari sa fejn hija ffaċilitat l-operazzjonijiet ta’ trasport għal entitajiet innotati min-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti, fosthom “bank Melli”.

70      Khazar Shipping Lines issostni li hija ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni nukleari u targumenta, b’mod partikolari, li hija la ttrasportat merkanzija li hija marbuta magħha, u lanqas provdiet servizzi lil Bank Melli Iran. Hija żżid li hija ċaħdet l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Kunsill.

71      Il-Kunsill u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti ta’ Khazar Shipping Lines.

72      F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti li jiġi rrilevat li, filwaqt li Khazar Shipping Lines jikkontesta l-fondatezza tal-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha, il-Kunsill ma ppreżenta l-ebda informazzjoni jew provi sabiex isostnihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ʼil fuq, l-imsemmija allegazzjonijiet ma jiġġustifikawx l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ Khazar Shipping Lines. Konsegwentement, hemm lok li jintlaqaʼ r-raba’ motiv sa fejn dan jikkonċerna l-involviment ta’ Khazar Shipping Lines fil- proliferazzjoni nukleari.

–       Fuq il-fatt li r-rikorrenti minbarra l-IRISL jappartjenu lil jew huma kkontrollati minn dawn tal-aħħar jew jaġixxu f’isimhom

73      Ir-rikorrenti minbarra l-IRISL jikkontestaw li huma għandhom ikunu indirizzati minn miżuri restrittivi minħabba li huma jappartjenu lil jew huma kkontrollati minn dawn tal-aħħar jew jaġixxu f’isimhom. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li wħud minnhom ma humiex kumpanniji marittimi, ma jappartjenux lil IRISL jew jappartjenu lilhom biss f’minoranza.

74      Il-Kunsill u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

75      F’dan ir-rigward, meta jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità rikonoxxuta bħala li tappoġġa l-proliferazzjoni nukleari, jkun hemm riskju kunsiderevoli li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li jappartjenu lilha jew li hija tikkontrolla jew jaġixxu f’isimha sabiex jiġi evitat l-effett tal-miżuri li jikkonċernawha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffriżar tal-fondi ta’ entitajiet li jappartjenu lil jew li huma kkontrollati minn entità rikonoxxuta li tappoġġa l-proliferazzjoni nukleari jew jaġixxu f’isimha tkun neċessarja u adatta sabiex tiżgura l-effikaċja tal-miżuri adottati fil-konfront ta’ din tal-aħħar u sabiex jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra p. II‑2629, punt 103).

76      Issa, kif jirriżulta mill-punti 44 sa 68 iktar ʼil fuq, f’dan il-każ, il-Kunsill ma stabbilixxiex li l-IRISL kienu ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti minbarra l-IRISL effettivament jappartjenu lil jew huma kkontrollati minn dawn tal-aħħar jew jaġixxu f’isimhom, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom, peress li l-IRISL ma ġewx validament rikonoxxuti bħala li jappoġġaw il-proliferazzjoni nukleari.

78      Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaqa’ r-raba’ motiv sa fejn dan jikkonċerna l-fatt li r-rikorrenti minbarra l-IRISL jappartjenu jew huma kkontrollati minn dawn tal-aħħar jew jaġixxu f’isimhom.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jintlaqa’ r-raba’ motiv fir-rigward tar-rikorrenti kollha u li konsegwentement jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernawhom mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

80      F’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, li emenda l-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, ma għadux joħloq effetti legali wara t-tħassir ta’ dan l-aħħar regolament imwettaq bir-Regolament Nru 961/2010. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 961/2010 wkoll tħassar permezz tar-Regolament Nru 267/2012. B’konsegwenza, l-annullament tar-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 668/2010 u tar-Regolament Nru 961/2010 jikkonċerna biss l-effetti li dawn l-atti ħolqu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tat-tħassir tagħhom.

81      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 267/2012, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga għall-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk appell jiġi ppreżentat f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il‑Kunsill, T-316/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tar-rikorrent. F’dan il-każ, ir-riskju ta’ dannu serju u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti bir-Regolament Nru 267/2012 ma jidhirx li huwa għoli biżżejjed, fid-dawl tal-effett sostanzjali ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadio Morokro vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq, punt 38).

83      Finalment, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 u dak tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. B’hekk, l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandhom jinżammu f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadio Morokro vs Il-Kunsill, punt 81 iktar ’il fuq, punt 39).

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

85      Taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-segwenti strumenti huma annullati, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Islamic Republic of Iran Shipping Lines kif ukoll lis-17-ir-rikorrent l-ieħor li isimhom huwa inkluż fl-anness:

–        l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK;

–        l-Anness tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007;

–        l-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, jinżammu inoltrati fil-konfront ta’ Islamic Republic of Iran Shipping Lines kif ukoll tas-17-ir-rikorrent l-ieħor li isimhom huwa inkluż fl-anness sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament 267/2012.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn Islamic Republic of Iran Shipping Lines kif ukoll mis-17-ir-rikorrent l-ieħor li isimhom huwa inkluż fl-anness.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem

Anness

Bushehr Shipping Co. Ltd, stabbilita f’Valletta (Malta),

Hafize Darya Shipping Lines (HDSL), stabbilita f’Téhéran (l-Iran),

Irano – Misr Shipping Co., stabbilita f’Téhéran,

Irinvestship Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

IRISL (Malta) Ltd, stabbilita fi Sliema (Malta),

IRISL Club, stabbilita f’Téhéran,

IRISL Europe GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

IRISL Marine Services and Engineering Co., stabbilita f’Qeshm (l-Iran),

ISI Maritime Ltd, stabbilita f’Valletta,

Khazar Shipping Lines, stabbilita f’Anzali (l-Iran),

Leadmarine, stabbilita f’Singapor (Singapor),

Marble Shipping Ltd, stabbilita fi Sliema,

Safiran Payam Darya Shipping Lines (SAPID), stabbilita f’Téhéran,

Shipping Computer Services Co., stabbilita f’Téhéran,

Soroush Saramin Asatir Ship Management, stabbilita f’Téhéran,

Valfajr 8th Shipping Line Co., stabbilita f’Téhéran.

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn dan jikkonċerna l-motivazzjoni fir-rigward tal-IRISL

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti

– Fuq l-involviment tal-IRISL fil-proliferazzjoni nukleari

– Fuq l-involviment ta’ Khazar Shipping Lines fil-proliferazzjoni nukleari

– Fuq il-fatt li r-rikorrenti minbarra l-IRISL jappartjenu lil jew huma kkontrollati minn dawn tal-aħħar jew jaġixxu f’isimhom

Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.