Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2010 - Iberdrola vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-486/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Iberdrola, SA (Bilbao, Spanja) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado u E. Barbier de la Serre, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess hija l-istess deċiżjoni inkwistjoni fil-Kawżi T-484/10, Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni u T-490/10 Endesa vs Il-Kummissjoni.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' liġi u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta qieset, wara li għamlet eżami preliminari skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 1, li l-kumpens għas-servizz pubbliku nnotifikat mir-Renju ta' Spanja huwa kkunsidrat konformi mal-liġijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti tressaq ħames motivi għal annullament.

Permezz tal-ewwel motiv għal annullament ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament minkejja li jeżistu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq intern. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret manifestament l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

Permezz tat-tieni motiv għal annullament, li huwa magħmul minn żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-miżura nnotifikata mir-Renju ta' Spanja tirrispondi għall-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ta' provvista ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ġġustifikat minħabba motivi ta' sigurtà ta' provvista, meta la jeżistu, u lanqas ma huwa prevedibbli li jeżistu fi żmien medju problemi ta' sigurtà ta' provvista fi Spanja; u fit-tieni parti, tallega żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset li l-miżura nnotifikata mir-Renju ta' Spanja hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE u t-Tielet Direttiva dwar l-elettriku.

Permezz tat-tielet motiv għal annullament, ir-rikorrenti targumenta li l-għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni hija kuntrarja għal-limiti ratione materiae u ratione temporis stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 2 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam u fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi.

Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li jobbligaha teżamina b'mod diliġenti, imparzjali u fil-fond l-elementi kollha relevanti għall-kawża, peress li ma qisietx opportun tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun kompletament informata dwar id-data kollha li tirrigwarda l-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, u ppreferiet tadotta l-miżura kkontestata fl-ewwel fażi.

Permezz tal-ħames motiv, li huwa magħmul minn tliet partijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddikkjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, b'mod partikolari, billi injorat li l-miżura tikser ir-regoli li jistabbilixxu l-prinċipju ta' moviment liberu tal-merkanzija, l-għanijiet imfittxa mid-direttivi dwar is-suq intern dwar l-elettriku u l-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta' Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170).