Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2021 minn Covestro Deutschland AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-745/18, Covestro Deutschland AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-790/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Covestro Deutschland AG (rappreżentanti: T. Hartmann, M. Kachel, D. Fouquet, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-745/18 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, C(2018) 3166, fir-rigward tas-snin 2012 u 2013;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni inkwistjoni fil-konfront tal-appellanti;

sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni ġdida dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni ġdida dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel u t-tieni aggravju: ksur tad-dritt għal smigħ u obbligu ta’ motivazzjoni

Fil-kuntest tal-ewwel żewġ aggravji tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti proċedurali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ sentenza. Insegwitu ta’ dan il-ksur, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi meta tikkonstata li hemm għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Permezz tal-ewwel parti ta’ dawn iż-żewġ aggravji, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tal-appellanti dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tal-iStromnetzentgeltverordnung (ir-Regolament dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku, magħruf bħala r-“Regolament StromNEV”), fid-determinazzjoni dwar jekk kienx hemm kontroll mill-Istat (punt 8 tas-sentenza appellata).

Permezz tat-tieni parti ta’ dawn iż-żewġ aggravji, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tal-appellanti dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV (punti 12, 94, 103, 129, 135 u 146 tas-sentenza appellata).

Permezz tat-tielet parti ta’ dawn iż-żewġ aggravji, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-argument tagħha dwar in-nuqqas ta’ kumpens tat-telf u tal-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-għoti ta’ eżenzjonijiet ta’ tariffi ta’ network (punti 130 u 143 tas-sentenza appellata).

Permezz tar-raba’ parti ta’ dawn iż-żewġ aggravji, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-argument tagħha dwar l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Network) tal-2011 waqt l-eżami ta’ jekk ir-riżorsi kinux riżorsi tal-Istat (punti 107 u 125 tas-sentenza appellata).

It-tielet aggravju: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Fir-rigward tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali tikser id-dritt tal-Unjoni meta tqis li l-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (punti 78 sa 145 tas-sentenza appellata).

L-ewwel, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali tapplika fl-evalwazzjoni tagħha kriterji tal-għajnuna mill-Istat li huma legalment żbaljati sa fejn tqis li l-imposta addizzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ. Il-Qorti Ġenerali tqis b’mod żbaljat li hemm vanaġġ u ma tirrikonoxxix in-nuqqas ta’ selettività li jirriżulta min-natura tal-affarijiet u mill-iskema tar-Regolament StromNEV.

It-tieni, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali tqis b’mod żbaljat l-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrikorri għal punt ta’ riferiment żbaljat sabiex tevalwa jekk ir-riżorsi humiex riżorsi tal-Istat u tqis b’mod żbaljat li hemm imposta li tindika li r-riżorsi huma riżorsi tal-Istat.

It-tielet, l-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li hemm kontroll mill-Istat tar-riżorsi tal-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV.

Ir-raba’ aggravju: ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

Fl-aħħar, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti tallega ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, ma tirrikonoxxix li hemm differenza fit-trattament illegali li tirriżulta mill-irkupru tal-għajnuna ordnati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata skont ir-regola tranżitorja taħt l-Artikolu 32(7) tar-Regolament StromNEV 2013; it-tieni, tagħmel distinzjoni illegali bejn konsumaturi ta’ karga bażika; u t-tielet, tittratta inġustifikament bl-istess mod konsumaturi antiċikliċi u konsumaturi ta’ karga bażika (punti 192 sa 210 tas-sentenza appellata).

____________