Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-8 ta’ Diċembru 2020 – Veridos GmbH vs Ministar na vatreshnite raboti na Republika Bulgaria, Mühlbauer ID Services GmbH – S&T
(Kawża C-669/20)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Veridos GmbH
Konvenuti: Ministar na vatreshnite raboti na Republika Bulgaria, Mühlbauer ID Services GmbH – S&T
Domandi preliminari
Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 , jew, rispettivament, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li jkun oġġettivament impossibbli li jiġi applikat il-kriterju previst id-dritt nazzjonali għall-evalwazzjoni ta’ offerta b’valur anormalment baxx u fl-assenza ta’ kriterju ieħor, magħżul u ppubblikat minn qabel mill-awtorità kontraenti, din tal-aħħar ma tkunx obbligata tivverifika l-eżistenza ta’ offerta b’valur anormalment baxx?
Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva 2014/24, jew, rispettivament, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti hija obbligata biss tivverifika l-eżistenza ta’ offerta b’valur anormalment baxx meta jkun hemm suspett fir-rigward ta’ offerta, jew, għall-kuntrarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha tiżgura f’kull każ in-natura serja tal-offerti ssottomessi u għandha tesponi l-motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward?
L-awtorità kontraenti hija suġġetta għal tali rekwiżit meta, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliċi, ikunu ġew irċevuti biss żewġ offerti?
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni, min-naħa tal-awtorità kontraenti, li ma hemmx suspetti fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa, jew, rispettivament, il-konvinzjoni tagħha li l-offerta tal-offerent ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni hija ta’ natura serja, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti li, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma tkunx ivverifikat jekk offerta għandhiex prezz anormalment baxx, hija obbligata tiġġustifika u timmotiva l-assenza ta’ suspett fir-rigward tal-fatt li l-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni għandha prezz anormalment baxx jew, fi kliem ieħor, il-fatt li l-imsemmija offerta hija ta’ natura serja?
____________
1 ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.
2 ĠU 2009, L 216, р. 76.