Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2008 - Diputación Foral de Álava vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-529/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Territorio Histórico de Álava - Diputación Foral de Álava (rappreżentanti: I. Sáenz-Cortabarría Fernández, abogado, u M. Morales Isasi, abogada)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara n-nullità tal-ittra tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea D/53778 [COMP/H4/NM/ed D(2008) 247], tat-2 ta' Ottubru 2008, li permezz tagħha qed jintalab li l-irkupru tal-imgħaxijiet, li għalihom jirreferu d-Deċiżjonijiet 2002/820/KE u 2002/892/KE, tal-11 ta' Lulju 2001 (proċess ta' ksur 2007/2215) għandu jitwettaq billi jiġi applikat l-imgħax kompost, u

tikkundanna lill-Kummissjoni ħall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-proċedura għandha bħala suġġett il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, fil-proċedura ta' implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-11 ta' Lulju 2001, dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat imwettqa minn Spanja favur l-impriżi ta' Álava fil-forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45 % tal-investimenti (Deċiżjoni 2002/820/KE) u l-iskema ta' għajnuna mill-Istat applikata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda li nħolqu f'Álava (Deċiżjoni 2002/892/KE)1 tqis li r-rata ta' imgħax applikabbli għall-irkupru hija dik komposta.

Skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi bidla ċara de facto tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-11 ta' Lulju 2001 li, minn naħa, ifisser abbuż manifest ta' poter u att li jmur kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni ta' rata ta' imgħax komposta ġiet introdotta għall-ewwel darba fid-dritt Komunitarju mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni 7694/2004, tal-21 ta' April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, p. 1). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax ratione temporis għad-deċiżjonijiet tal-11 ta' Lulju 2001.

Il-bidla fil-kontenut reali ta' dawn id-deċiżjonijiet, f'dak li jikkonċerna r-rata ta' imgħax applikabbli, li l-Kummissjoni tapplika tfisser, bl-istess mod, ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, li jirriżulta mill-fatt li l-awtorijiet li għandhom l-obbligu li jimplementaw id-deċiżjonijiet tas-11 ta' Lulju 2001, bħal fil-każ tal-impriżi milquta, tqiegħdu f'pożizzjoni differenti fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (u l-impriżi) milquta mid-deċiżjonijiet ta' irkupru ta' għajuna attwali jew qabel Lulju 2001, fejn lilhom ma kinitx intalbet l-applikazzjoni ta' rata ta' imgħax komposta fil-proċedura ta' rkupru ta' għajnuna.

Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, flimkien mar-rekwiżit ta' imgħax kompost, il-Kummissjoni qed timponi sanzjoni li mhux prevista mid-dritt Komunitarju.

____________

1 - Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (Kawżi T-227/01 Diputación Floral de Álava u Gobierno Vasco vs Il-Kummissjoni, u T-230/01 Diputación Floral u Gobierno Vasco vs Il-Kummissjoni, li għadhom sub iudice).