Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Ġunju 2021 – Proċeduri kriminali

(Kawża C-350/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Spetsializirana prokuratura

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 251b(1) taż-Zakon za elektronnite saobshtenia (il-Liġi dwar il-Komunikazzjoni Elettronika)) li tipprevedi l-konservazzjoni ġeneralizzata u indifferenzjata tad-data kollha dwar it-traffiku (data relatata mat-traffiku u mal-lokalizzazzjoni tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika) matul perijodu ta’ sitt xhur għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, hija kompatibbli mal-Artikolu 15(1) moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika 1 , sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi ċerti garanziji?

Leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 159a tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali)) li ma tillimitax l-aċċess għad-data dwar it-traffiku biss għal dak li huwa strettament neċessarju u li, fir-rigward ta’ persuni li d-data dwar it-traffiku tagħhom ġiet ikkonsultata mill-awtoritajiet inkarigati mill-proċeduri kriminali, ma tipprevedix id-dritt li jkunu informati b’dan, sa fejn dan ma jostakolax il-proċeduri kriminali, u ma tipprevedix rimedju ġudizzjarju kontra aċċess illegali, hija kompatibbli mal-Artikolu 15(1) moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514