Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2011 minn Francesca Cervelli mid-digriet mogħti fit-12 ta' Settembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-98/10, Cervelli vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-622/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Francesca Cervelli (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: J. García-Gallardo Gil-Fournier, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonferma l-preżentata tal-appell u tiddikjarah ammissibbli;

tikkunsidra l-appell imressaq f'isem u fl-interess ta' Francesca Cervelli permezz tar-rappreżentanti legali tagħha;

tiddikjara n-nullità, fl-intier tiegħu, tad-digriet tat-12 ta' Settembru 2011 mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tordna r-rinviju tal-kawża għal eżami tal-fondatezza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-appellanti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-okkorrenza ta' fatt ġdid li jikkonsisti fis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-19 ta' Ġunju 2007 fil-kawża Asturias Cuerno vs Il-Kummissjoni (T-473/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). L-appellanti ssostni li din is-sentenza tikkostitwixxi fatt ġdid, sa fejn is-sentenza tikkonċerna l-istess sitwazzjoni bħal dik li fiha kienet tinsab l-appellanti u sa fejn il-punti essenzjali tal-analiżi li tinsab fis-sentenza jikkonċernaw punt oġġettiv u mhux fatti speċifiċi tal-kawża.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta' liġi, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li l-marġni ta' diskrezzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta' awtonomija tal-Awtorità tal-Ħatra għandha tipprevali b'mod assolut fuq il-prinċipju ta' uniċità tas-servizz pubbliku.

____________