Language of document : ECLI:EU:T:2014:199

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

9 ta’ April 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja MILANÓWEK CREAM FUDGE — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw baqra, Original Sahne Muh-Muhs HANDGESCHNITTEN HANDGEWICKELT u SAHNE TOFFEE LUXURY CREAM FUDGE — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑623/11,

Pico Food GmbH, stabbilita f’Tamm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Douglas, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Vuijst u P. Geroulakos, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Bogumił Sobieraj, residenti f’Milanówek (il-Polonja), irrappreżentat minn O. Bischof, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Settembru 2011 (Każ R 553/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Pico Food GmbH u Bogumił Sobieraj,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2012,

wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-31 ta’ Ottubru 2007, l-intervenjent, Bogumił Sobieraj, li jopera taħt l-isem ta’ Zakład Przemysłu Cukierniczego Milanówek, ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Frott imdawwar u miksi biċ-ċikkulata, għeneb imdawwar biċ-ċikkulata, ġellewż imdawwar u miksi biċ-ċikkulata, karawett imdawwar u miksi biċ-ċikkulata, ġelatina tal-frott, ħelu, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, b’mod partikolari ħelu, karamelli, pralini, ċikkulata, ċikkulatini, ħelu miksi biċ-ċikkulata, biċċiet sħaħ ta’ ċikkulata, kejkijiet żgħar (waffles), prodotti tal-għaġina, prodotti tal-għaġina biċ-ċikkulata”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 22/2008, tat-2 ta’ Ġunju 2008.

5        Fit-2 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti, Pico Food GmbH, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade marks figurattivi segwenti (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien, it-“trade marks preċedenti”), irreġistrati fil-Ġermanja:

–        it-trade mark figurattiva, ippreżentata fl-14 ta’ April u rreġistrata fit-30 ta’ Mejju 2005 bin-numru 30522224 (iktar ʼil quddiem l-“ewwel trade mark preċedenti”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva, ippreżentata fl-20 ta’ April u rreġistrata fit-8 ta’ Ġunju 2005 bin-numru 30523439 (iktar ʼil quddiem it-“tieni trade mark preċedenti”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva, ippreżentata fl-10 ta’ Jannar u rreġistrata fil-5 ta’ Frar 2007 bin-numru 30700574 (iktar ʼil quddiem it-“tielet trade mark preċedenti”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

7        It-trade marks preċedenti ġew irreġistrati b’mod partikolari għal prodotti fil-klassi 30 u li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Biċċiet sħaħ ta’ ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata, prodotti ħelwin, ħelu, karamelli, b’mod partikolari dawk prodotti mill-ħalib, mill-krema u/jew mill-butir”. Ir-rikorrenti llimitat l-oppożizzjoni tagħha għal dawn il-prodotti.

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq trade marks preċedenti oħra, irreġistrati fil-Ġermanja, li jixbhu t-tieni trade mark preċedenti, għalkemm jinkludu disinni differenti jew elementi verbali addizzjonali.

9        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

10      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti.

11      Fid-9 ta’ April 2010, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      B’deċiżjoni tal-8 ta’ Settembru 2011, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li d-differenzi bejn is-sinjali f’kunflitt kienu suffiċjenti sabiex tiġi evitata kull probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ, minkejja l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni u r-reputazzjoni possibbli tal-ewwel u t-tieni trade marks preċedenti. Din il-konklużjoni hija applikabbli a fortiori għat-trade marks l-oħra invokati insostenn tal-oppożizzjoni, li jixxiebhu ferm inqas mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI u l-intervenjent jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

16      Ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea, “inkluża l-Ġermanja”, imdorrijin jiltaqgħu ma’ diversi trade marks “li jinkludu baqra” u għaldaqstant jiddedikaw inqas attenzjoni għal dan l-element. Sabiex jasal għal din il-konklużjoni, il-Bord tal-Appell għamel riferiment għal madwar tletin trade mark Komunitarja invokati mill-intervenjenti li kienu jinkludu r-rappreżentazzjoni ta’ baqra għal prodotti inklużi fil-klassi 30. Skont ir-rikorrenti, il-provi mressqa mill-intervenjent matul il-proċedimenti ma kinux juru li t-trade marks previsti fid-deċiżjoni kkontestata jintużaw għall-prodotti inkwistjoni fit-territorju rilevanti, jiġifieri fil-Ġermanja. Għaldaqstant, il-preżunzjoni tal-Bord tal-Appell ma hijiex korretta. Ir-rikorrenti żżid, fl-istadju tar-replika, li l-argument tal-Bord tal-Appell li l-prodotti kkonċernati huma prinċipalment prodotti mill-ħalib ma huwiex eżatt u ma huwa bbażat fuq l-ebda prova.

17      L-UASI u l-intervenjent jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

18      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, l-eżami tal-UASI huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

19      Għalhekk, il-Bord tal-Appell, meta jiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni li tagħlaq proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li ġew invokati mill-parti kkonċernata kif ukoll fuq il-fatti u l-provi relattivi ppreżentati mill-partijiet [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, Ġabra p. II‑1739, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Madankollu, dan ma jeskludix, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa (sentenza PICARO, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 29), u lanqas li dan jeżamina punt ta’ liġi, anki jekk dan ma jkunx tqajjem mill-partijiet, jekk deċiżjoni fuq dan il-punt tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punti 21, 32 u 33].

20      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess, l-intervenjent ipproduċa quddiem l-UASI dokumenti relatati ma’ iktar minn tletin trade mark inklużi fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji għal prodotti inklużi fil-klassi 30 li kienu jinkludu r-rappreżentazzjoni ta’ baqra. Ir-rikorrenti rrilevat hija stess, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem l-UASI, li l-intervenjent għalhekk sostna li r-rappreżentazzjoni ta’ baqra kellha karattru distintiv dgħajjef. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li, f’dan il-każ, l-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward ma huwiex limitat għall-aggravji invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

21      Il-fatt li r-rikorrenti ma jikkondividix il-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Bord tal-Appell mill-eżami tal-punti ta’ fatt invokati mill-intervenjent huwa kwistjoni fuq il-mertu li ma tistax tiġi invokata fil-kuntest tal-eżami ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2013, DHL International vs UASI – Service Point Solutions (SERVICEPOINT), T‑218/10, punt 66].

22      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-invokazzjoni mill-Bord tal-Appell tat-trade marks imsemmija fil-punt 20 iktar ʼil fuq saret b’żieda mal-argument, żviluppat fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rappreżentazzjoni ta’ baqra kienet talludi għall-prodotti kkonċernati. Dan l-argument tal-aħħar ma jistax jiġi kkontestat permezz tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti.

23      Fir-rigward tal-konstatazzjoni, imwettqa mill-Bord tal-Appell, li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jiġu prodotti mill-ħalib jew mill-prodotti tal-ħalib, dan jirriżulta minn sempliċi eżami tal-imsemmija prodotti, li jifformaw parti mit-talbiet imressqa mill-partijiet u mill-punti ta’ fatt li l-Bord tal-Appell kellu għad-dispożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-karattru tardiv tal-argumenti invokati mir-rikorrent f’dan ir-rigward, ma jista’ jinstab l-ebda ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-imsemmija konstatazzjoni. Kif ġie indikat preċedentement, il-fatt li r-rikorrenti ma tikkondividix il-konklużjonijiet li l-Bord tal-Appell silet mill-eżami tal-punti ta’ fatt tal-każ inkwistjoni jikkostitwixxi kwistjoni fuq il-mertu li ma tistax tiġi invokata fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

24      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

25      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li l-linji vertikali tat-trade marks preċedenti kienu griżi. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, meta trade mark tiġi rreġistrata bil-kulur iswed u abjad, hija tkun tkopri l-kombinazzjonijiet kollha tal-kuluri inklużi fir-rappreżentazzjoni grafika. Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-sinjali f’kunflitt huma bbażati fuq kuluri identiċi. Għalhekk, ix-xebh viżiv tal-imsemmija sinjali huwa ikbar minn kif ikkonstatah il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, l-elementi figurattivi tas-sinjali f’kunflitt li jirrappreżentaw baqra jixxiebhu ħafna. Il-Bord tal-Appell ta wisq importanza lill-elementi verbali ta’ dawn is-sinjali. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li x-xebh viżiv għandu importanza ikbar f’dan il-każ, fid-dawl tal-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati, u li l-pubbliku rilevanti għandu livell ta’ attenzjoni inferjuri għal dak medju. Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi invokati mir-rikorrenti maħsuba sabiex juru li t-trade marks preċedenti kienu kisbu karattru distintiv permezz tal-użu. Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ qorti Ġermaniża, li tirrigwarda l-istess sinjali bħal dawk f’kunflitt f’dan il-każ. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tikkontesta, fl-istadju tar-replika, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li r-rappreżentazzjoni ta’ baqra hija deskrittiva tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti u, b’mod partikolari, tal-“prodotti ħelwin, ħelu, karamelli”.

26      L-UASI u l-intervenjent jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

27      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti għandha tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jkun ikkumpensat minn livell għoli ta’ xebh u viċi-versa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25].

29      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità waħda u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2011, Aktieselskabet af 21. november 2001/OHMI – Parfums Givenchy (only givenchy), T‑586/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata].

30      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà jagħmel paragun dirett tad-diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38].

31      Barra minn hekk, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx. Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI, C‑108/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI – Allergan (BOTUMAX), T‑131/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 67].

32      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt.

33      F’dan il-każ, it-trade marks preċedenti huma trade marks irreġistrati fil-Ġermanja. Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ebda kontestazzjoni mir-rikorrenti, it-territorju rilevanti huwa l-Ġermanja.

34      Barra minn hekk, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prodotti kkonċernati huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-konsumatur medju, informat normalment u raġonevolment attent u prudenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa inferjuri ħafna għal dak medju. Ir-rikorrenti tindika li t-trade marks preċedenti huma użati għal ħelu u li, f’dan il-kuntest, ix-xiri mwettaq mill-konsumatur huwa implusiv. Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sinjali f’kunflitt ikopru prodotti oħra minbarra l-ħelu. Għaldaqstant, ir-rimarka tar-rikorrenti ma tistax tikkonċerna l-prodotti kollha koperti mis-sinjali f’kunflitt. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-konsumatur jixtri l-ħelu b’mod impulsiv f’ċerti ċirkustanzi, ma hemm l-ebda prova li tippermetti li jitqies li dan huwa l-każ b’mod sistematiku. Fl-aħħar, is-sempliċi fatt li l-pubbliku rilevanti jixtri b’mod impulsiv ma jfissirx madankollu li l-livell ta’ attenzjoni tal-imsemmi pubbliku huwa ridott meta mqabbel mal-attenzjoni ta’ konsumatur medju.

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ebda kontradizzjoni fuq dan il-punt min-naħa tal-partijiet, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 30 koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark u mit-trade marks preċedenti huma identiċi.

36      Fit-tieni lok, fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali f’kunflitt, jeħtieġ li jitfakkar li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, b’tali mod li ma huwiex eskluż li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

37      L-ewwel nett, fuq il-livell viżiv, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark “bil-kulur abjad u iswed” tkun tkopri “il-kombinazzjonijiet kollha tal-kuluri li huma inklużi fir-rappreżentazzjoni grafika” u li, “[k]onsegwentement, [ir-rikorrenti] tista’ titlob il-protezzjoni tal-kombinazzjonijiet kollha tal-linji vertikali komposti minn linji bojod u minn linji kkuluriti, indipendentement minn jekk dawn ikunux suwed, oranġo jew sofor”. Minn dan ir-rikorrenti tislet il-konklużjoni li t-“trade marks [inkwistjoni] għandhom jitqiesu li jkopru l-istess kuluri”.

38      Fil-fatt, ma ġiet prodotta l-ebda prova li tippermetti li jitqies li t-trade marks preċedenti ġew irreġistrati b’indikazzjoni ta’ kulur partikolari, fatt li ġie kkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta. F’dan ir-rigward, il-fatt li trade mark tiġi rreġistrata b’kulur jew, għall-kuntrarju, ma tindika l-ebda kulur partikolari ma jistax jitqies li huwa element totalment negliġibbli f’għajnejn il-konsumaturi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2012, Hell Energy Magyarország vs UASI – Hansa Mineralbrunnen (HELL), T‑522/10, punti 49 u 50, u tal-24 ta’ Jannar 2012, El Corte Inglés vs UASI – Ruan (B), T‑593/10, punt 29]. Hemm lok ukoll li jitfakkar li l-paragun għandu jsir bejn is-sinjali kif ġew irreġistrati jew kif jidhru fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, Ġabra p. II‑5309, punt 57].

39      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2009, LIBRO vs UASI – Causley (LiBRO) (T‑418/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra), imsemmija mir-rikorrenti fir-replika, fejn ġie indikat li “il-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti li ma tindikax kulur partikolari tkopri wkoll kombinazzjonijiet ta’ kuluri” (punt 65), din tista’ tiġi interpretata fis-sens li, meta trade mark Komunitarja ma tiġix irreġistrata b’kulur partikolari, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jużaha b’kulur jew b’kombinazzjoni ta’ kuluri u jikseb għaliha, fejn ikun xieraq, il-protezzjoni skont it-testi rilevanti applikabbli, b’mod partikolari jekk dan il-kulur jew din il-kombinazzjoni ta’ kuluri jkunu saru, għall-parti kbira mill-pubbliku, dawk assoċjati ma’ din it-trade mark preċedenti permezz tal-użu li sar minnha mill-proprjetarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Specsavers International Healthcare et, punt 38 iktar ʼil fuq, punt 41). Madankollu dan ma jfissirx, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti fl-atti tagħha, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma tindika l-ebda kulur partikolari tkopri “kull kombinazzjoni ta’ kuluri li huma inklużi fir-rappreżentazzjoni grafika”.

40      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’ jikkonstata, mingħajr ma jwettaq ebda żball, li d-differenza bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-ewwel u t-tieni trade marks preċedenti kienet dovuta għall-fatt li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet ikkostitwita, parzjalment, minn sfond isfar b’linji vertikali bojod. Barra minn hekk, il-linji inklużi fl-ewwel u t-tieni trade marks preċedenti jinsabu f’konfigurazzjoni vertikali, iżda wkoll, għal waħda minnhom, f’konfigurazzjoni orizzontali kif ġie ġustament irrilevat mill-Bord tal-Appell. It-tielet trade mark preċedenti, f’dan ir-rigward, ukoll tippreżenta differenzi kbar meta mqabbla mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, peress li hija tinkludi erba’ linji vertikali biss, żewġ linji impoġġija fuq kull naħa tal-element figurattiv tas-sinjal ikkonċernat.

41      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sinjali f’kunflitt huma differenti wkoll mill-perspettiva viżiva inkwantu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi żewġ gwarniċi, wieħed li jinkludi r-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ baqra u l-ieħor li jinkludi l-elementi verbali “zpc ® milanówek”. Fir-rigward tal-gwarniċ li jinkludi r-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ baqra, dan huwa differenti, fil-forma tiegħu, mill-gwarniċi użati fit-trade marks preċedenti. Kif ġie ġustament ikkonstatat mill-Bord tal-Appell, dan huwa akkumpanjat ukoll minn erba’ ornamenti. Fir-rigward tal-gwarniċ li jinkludi l-elementi verbali “zpc ® milanówek”, dan huwa sovrappost għal dak li jinkludi r-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ baqra. Għaldaqstant il-perċezzjoni viżiva tal-gwarniċ li jinkludi l-elementi verbali “zpc ® milanówek” hija, minħabba f’hekk, miżjuda.

42      Barra minn hekk, is-sinjali f’kunflitt huma differenti sa fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi l-elementi verbali “milanówek”, “zpc ® milanówek” u “cream fudge”, li ma humiex riprodotti fit-trade marks preċedenti, bl-eċċezzjoni tal-espressjoni “cream fudge” fir-rigward tat-tielet trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, dawn tal-ewwel huma, fil-prinċipju, iktar distintivi minn dawn tal-aħħar, peress li l-konsumatur medju jagħmel riferiment għall-prodott inkwistjoni iktar faċilment billi jgħid l-isem minflok joqgħod jispjega l-element figurattiv tat-trademark [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2011, Oyster Cosmetics vs UASI – Kadabell (Oyster cosmetics), T‑437/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fir-rigward tal-frażi “cream fudge”, li hija riprodotta wkoll fit-tielet trade mark preċedenti, hemm lok li jiġi rrilevat li din l-aħħar imsemmija trade mark tippreżenta, barra minn hekk, differenzi kbar meta mqabbla mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq il-livell viżiv, kif ġie rrilevat fil-punt 40 iktar ʼil fuq. Barra minn hekk, hija tinkludi elementi verbali oħra mhux riprodotti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, jiġifieri l-frażi “sahne toffee” u l-kelma “luxury”.

43      Fl-aħħar, huwa ċertament veru li s-sinjali f’kunflitt jippreżentaw ċertu xebh viżiv minħabba l-preżenza komuni ta’ element figurattiv li jirrappreżenta baqra. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord tal-Appell, li r-rappreżentazzjoni tal-baqra fis-sinjali f’kunflitt tippreżenta differenzi żgħar, anki jekk, kif tenfasizza r-rikorrenti, essenzjalment, fl-atti tagħha, u dan mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-punti ta’ fatt imressqa minnha f’dan ir-rigward, id-differenzi żgħar bejn l-elementi figurattivi inkwistjoni ma jistgħux ibiddlu l-fatt li l-konsumatur jibqa’ jiftakar l-immaġni ta’ baqra [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 2011, Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA), T‑376/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

44      Madankollu, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rappreżentazzjoni ta’ baqra tippreżenta, f’dan il-każ, karattru allużiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, dan l-element, f’dan il-każ, għandu karattru distintiv dgħajjef. Ir-rikorrenti tikkontesta, fl-istadju tar-replika, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward ta’ “prodotti ħelwin, ħelu, karamelli” koperti mit-trade marks preċedenti. Mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tardività tal-argument invokat mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar huwa infondat. Fir-rigward tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda argument speċifiku li jippermetti l-kontestazzjoni tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell. Fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, li b’mod iktar preċiż huma s-suġġett tal-argumenti tar-rikorrenti, minbarra l-fatt li l-biċċiet sħaħ taċ-ċikkulata u l-prodotti taċ-ċikkulata jistgħu jiġu prodotti mill-ħalib jew mill-prodotti tal-ħalib, id-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks tinkludi, fir-rigward b’mod speċifiku tal-prodotti ħelwin, ħelu u karamelli mressqa mir-rikorrenti fl-atti tagħha, il-frażi li ġejja: “b’mod partikolari dawk prodotti mill-ħalib, mill-krema u/jew mill-butir”. Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, essenzjalment, fl-atti tagħha, il-prodotti ħelwin, ħelu u karamelli koperti mit-trade marks preċedenti jistgħu jiġu prodotti mill-ħalib jew mill-prodotti tal-ħalib. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata minn dikjarazzjoni ġuramentata pprovduta fl-anness tar-rikors, li fiha hemm speċifikat li l-karamelli prodotti mir-rikorrenti jinkludu l-krema, il-butir u l-ħalib. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball f’dan ir-rigward. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball meta kkunsidra, abbażi tal-elementi invokati mill-intervenjent quddiem l-UASI, li l-konsumaturi tal-Unjoni, inkluża l-Ġermanja, huma mdorrija jiltaqgħu ma’ trade marks li jinkludu r-rappreżentazzjoni ta’ baqra għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 30. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-Bord tal-Appell wettaq żball f’dan ir-rigward, dan ma jinċidix fuq il-konklużjoni li r-rappreżentazzjoni ta’ baqra tippreżenta, f’dan il-każ, karattru allużiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati.

45      L-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI relatata ma’ sinjal ieħor li jinkludi r-rappreżentazzjoni ta’ baqra ma tistax tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell f’dan il-każ. Fil-fatt, u mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tal-UASI intiżi sabiex dan l-argument jiġi ddikjarat inammissibbli, jeħtieġ li jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu skont ir-Regolament Nru 207/2009 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, punt 37]. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fil-fatt, ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, jeħtieġ li jitfakkar li l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punt 75). Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet u jsir f’kull każ konkret (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 77). F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rappreżentazzjoni grafika tal-baqra fil-każ preċedenti invokat mir-rikorrenti kienet nettament differenti minn dik fil-każ odjern. Barra minn hekk, il-fatturi speċifiċi marbuta mar-rappreżentazzjoni grafika ta’ dik il-baqra wasslu sabiex id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni setgħet tikkonkludi li dak l-element figurattiv kien jippreżenta, f’dan il-każ, karattru distintiv inkontestabbli. Issa, f’dan il-każ, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-elementi figurattivi li jirrappreżentaw baqra ma jinkludu l-ebda fattur speċifiku li jippermetti li dawn jingħataw karattru distintiv inkontestabbli jew li jista’ jimmitiga l-fatt li dawn l-elementi jippreżentaw karattru allużiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jwettaq ebda żball, iqis, essenzjalment, li anki jekk kien jeżisti ċertu xebh bejn is-sinjali f’kunflitt fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preżenza ta’ element figurattiv li jirrappreżenta baqra, l-imsemmija sinjali kienu jinkludu differenzi kbar fuq il-livell viżiv.

47      It-tieni nett, fuq il-livell fonetiku, il-Bord tal-Appell irrileva, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kellha l-ebda element verbali komuni mal-ewwel u t-tieni trade marks preċedenti. Fir-rigward tat-tielet trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell irrileva korrettament li kellha inkomuni biss il-frażi “cream fudge” mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, iżda li din kienet differenti sa fejn kienet tinkludi elementi verbali oħra li ma kinux inklużi fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, jiġifieri l-frażi “sahne toffee” u l-kelma “luxury”. Bl-istess mod, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi elementi verbali, li ma humiex riprodotti fit-tielet trade mark preċedenti, jiġifieri “milanówek” u “zpc ® milanówek”. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward. Madankollu, r-rikorrenti ssostni li, peress l-ewwel trade mark preċedenti ma tinkludi l-ebda element verbali, kwalunkwe paragun fuq il-livell fonetiku jkun impossibbli. Issa, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li teżisti differenza fuq il-livell fonetiku li tirriżulta, tal-inqas, mill-fatt li t-trade mark, li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, tista’ tiġi espressa oralment bil-pronunzja tal-elementi verbali tagħha. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li ma huwiex possibbli paragun fuq il-livell fonetiku, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li ż-żewġ trade marks ikkonċernati jippreżentaw xebh f’dan ir-rigward.

48      It-tielet nett, fuq il-livell kunċettwali, il-Bord tal-Appell, wara li fakkar li s-sinjali f’kunflitt għandhom inkomuni element figurattiv li jirrappreżenta baqra, irrileva ġustament li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tinkludi, barra minn dan, l-element verbali “milanówek”, riprodott darbtejn, li minnhom darba b’mod nettament viżibbli. Kif irrileva l-Bord tal-Appell, dan l-element huwa l-isem ta’ belt fil-Polonja. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti jew ikun jaf l-isem ta’ dik il-belt, jew jikkunsidra li din hija kelma vvintata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddeċieda li x-xebh bejn is-sinjali f’kunflitt ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti xebh kunċettwali. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward. Madankollu r-rikorrenti ssostni, fl-istadju tar-replika, li, peress li l-ewwel trade mark preċedenti ma tinkludi l-ebda element verbali, kwalunkwe paragun kunċettwali jkun impossibbli. Issa, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq in-natura tardiva tal-argument imressaq mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, dan huwa manifestament infondat, peress li trade mark figurattiva jista’ jkollha sinjifikat kunċettwali għall-pubbliku rilevanti, anki jekk din ma tkun tinkludi l-ebda element verbali.

49      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok qabelxejn li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-UASI, essenzjalment fl-atti tiegħu, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li s-sinjali f’kunflitt kienu globalment differenti, peress li huwa wettaq, fil-punti 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

50      Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, kif għadu kif ġie stabbilit, is-sinjali f’kunflitt jinkludu differenzi kbar. F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt, kif issostni r-rikorrenti, li x-xebh viżiv huwa ta’ importanza ikbar f’dan il-każ, fid-dawl tal-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati, dan jibqa’ mingħajr effett fuq il-fatt, irrilevat preċedentement, li s-sinjali f’kunflitt jippreżentaw differenzi kbar fuq il-livell viżiv.

51      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt, kif issostni r-rikorrenti, li t-trade marks preċedenti jibbenefikaw minn karattru distintiv imsaħħaħ mill-użu fit-territorju rilevanti, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkunsidra, f’dan il-każ, li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti, u dan minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati. Hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti fl-atti tagħha, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni b’mod ġust il-fatt li t-trade marks preċedenti setgħu, fejn applikabbli, akkwistaw karattru distintiv imsaħħaħ bl-użu fit-territorju rilevanti. Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, ġustament kif għadu kif ġie konkluż, li dan l-eventwali fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li tissuġġerixxi r-rikorrenti fl-atti tagħha, teżisti differenza bejn il-fatt li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali, li wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu trade mark kumplessa għandu karattru distintiv dgħajjef u l-fatt li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li trade mark preċedenti tibbenefika jew le, minn karattru distintiv imsaħħaħ bl-użu.

52      Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta kkunsidra li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade marks nazzjonali preċedenti l-oħra invokati insostenn tal-oppożizzjoni, peress li dawn tal-aħħar kienu iktar differenti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

53      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu din il-konklużjoni fid-dubju.

54      B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li qorti reġjonali Ġermaniża tat deċiżjoni dwar l-istess sinjali f’kunflitt u li l-Bord tal-Appell ma ħadhiex inkunsiderazzjoni, ikun suffiċjenti li jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade mark hija awtonoma u li, għaldaqstant, l-UASI ma huwiex marbut bir-reġistrazzjonijiet nazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2004, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T‑281/02, Ġabra p. II‑1915, punt 35, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, DeTeMedien vs UASI (suchen.de), T‑117/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrilevat hija stess, fl-espożizzjoni tal-aggravji tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, li l-UASI ma kienx marbut bid-deċiżjoni inkwistjoni. Ir-rikorrenti sempliċement indikat li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata kollha jirriżulta li l-Bord tal-Appell addotta l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Issa, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet diġà kkonstatat li l-UASI ma kienx marbut bid-deċiżjoni inkwistjoni, billi invokat preċiżament is-sentenza Mehr für Ihr Geld, iċċitata iktar ʼil fuq. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ma jistax jiġi allegat li l-Bord tal-Appell ma semmiex espressament is-sentenza inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

56      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

57      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Pico Food GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ April 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.