Language of document : ECLI:EU:T:2020:327

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Lulju 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali welmax – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti valmex – Terminu ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell – Tardività – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Prova ta’ korrispondenza permezz ta’ posta rreġistrata – Komunikazzjoni permezz tal-posta elettronika – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst – Appell meqjus li ma tressaqx – Portata tat-talbiet għal regolarizzazzjoni – Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 23 u 56 sa 58 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625”

Fil-Kawża T‑305/19,

Welmax + sp. z o. o. sp.k., stabbilita f’Poznań (Il-Polonja), irrappreżentata minn M. Machyński, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Valmex Medical Imaging GmbH, stabbilita f’Augsburg (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑22 ta’ Marzu 2019 (Każ R 2245/2018‑5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Valmex Medical Imaging u Welmax +,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, D. Gratsias u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2019,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2019,

wara li rat it-talba għall-iffissar ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa mir-rikorrenti u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat l-ittri, mibgħuta bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar iż-żamma tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali fil-kuntest tal-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID 19, li permezz tagħhom il-partijiet prinċipali indikaw li ma xtaqux jinstemgħu waqt seduta għal sottomissjonijiet orali u, wara li qieset li l-atti tal-proċess kienu jagħtuha informazzjoni suffiċjenti, iddeċidiet li tagħlaq il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament 2018/625. Dan il-motiv uniku huwa maqsum fi tliet ilmenti, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni dwar, l-ewwel nett, id-data ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, it-tieni nett, id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ appell kontra din id-deċiżjoni u, it-tielet nett, id-data ta’ skadenza tal-ħlas tal-ispejjeż tal-appell kontra l-imsemmija deċiżjoni.

[omissis]

 Fuq l-osservanza tat-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell u fuq il-portata tat-talbiet għal regolarizzazzjoni tal-EUIPO

65      Skont il-ġurisprudenza, hemm lok li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001) jiġi interpretat b’mod uniformi, fis-sens li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa meħtieġ sabiex l-appell jitqies li tressaq, b’tali mod li dan il-ħlas huwa marbut mat-tressiq tal-appell u għandu jseħħ, bħall-appell, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li ġiet appellata. It-terminu ta’ erba’ xhur mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tapplika biss għat-tressiq tan-nota li tesponi l-motivi tal-appell, u mhux għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Melt Water vs UASI (NUEVA), T‑61/13, EU:T:2014:265, punt 31).

66      F’dan il-każ, it-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell ta’ xahrejn, li għandu bħala bidu tad-dekorrenza n-notifika permezz tal-posta elettronika tal‑21 ta’ Settembru 2018, skada fil‑21 ta’ Novembru 2018.

67      Issa, fil‑21 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ħallset l-ispejjeż tal-appell lill-EUIPO, li rċeviehom fl‑24 ta’ Diċembru 2018.

68      Hemm lok li jiġi konkluż li l-ispejjeż tal-appell tħallsu tardivament wara l-iskadenza tat-terminu previst għat-tressiq tal-appell u sabiex jitħallsu l-ispejjeż, li seħħet fil‑21 ta’ Novembru 2018.

69      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegati talbiet għal regolarizzazzjoni ta’ “irregolaritajiet formali” li jirriżultaw miż-żewġ ittri tal-EUIPO tas‑26 ta’ Novembru 2018 (ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq).

70      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata, fir-rigward tal-Artikolu 23 tar-Regolament Delegat 2018/625, il-portata ta’ tali talbiet għal regolarizzazzjoni li jsiru wara l-iskadenza tat-terminu previst għat-tressiq tal-appell u l-ħlas tal-ispejjeż.

71      B’hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-possibbiltajiet ta’ regolarizzazzjoni, sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà tar-rikors, imsemmija fl-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament Delegat 2018/625, ma jinkludux in-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell, iżda biss l-isem u l-indirizz tar-rikorrenti, l-isem u l-indirizz professjonali tar-rappreżentant ta’ din tal-aħħar jew indikazzjoni ċara u inekwivoka tal-prodotti u servizzi kontenzjużi.

72      Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst ma huwiex suġġett għal regolarizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament Delegat 2018/625. Konformement mal-Artikolu 23(3) tal-istess regolament, meta l-ispejjeż tal-appell ikunu tħallsu wara l-iskadenza tat-terminu ffissat, l-appell jitqies li ma tressaqx, mingħajr possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni minbarra r-restitutio in integrum, suġġett għall-awtorità speċifika tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001.

73      Ċertament, meta tali terminu jkun diġà skada, l-EUIPO jista’, bħalma għamel permezz tat-tieni ittra tiegħu tas‑26 ta’ Novembru 2018 f’dan il-każ, jippermetti lill-parti kkonċernata tieħu pożizzjoni u tikkomunikalha provi utli eventwali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri eventwali, jew ulterjorment żball skużabbli, li jkunu jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst.

74      Madankollu, ir-rikorrenti la stabbilixxiet u lanqas allegat l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, jew ta’ żball skużabbli, li pprekludewha milli tħallas l-ispejjeż fit-terminu previst, jiġifieri l‑21 ta’ Novembru 2018. B’mod partikolari, l-EUIPO ma kellhiex obbligu tfakkar lir-rikorrenti biex tħallas l-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst, inkwantu dan ir-rekwiżit jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku mill-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, magħruf mir-rikorrenti.

75      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura biss f’ċirkustanzi għalkollox eċċezzjonali, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Kemm jekk tali ċirkustanzi jiġu kkwalifikati bħala każ fortuwitu jew bħala forza maġġuri jew ukoll bħala żball skużabbli, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, għall-persuna kkonċernata in bona fide, li turi li użat il-viġilanza u d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment avżat sabiex tissorvelja l-iżvolġiment tal-proċedura u tosserva t-termini previsti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, NUEVA, T‑61/13, EU:T:2014:265, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2019, Esim Chemicals vs EUIPO – Sigma‑Tau Industrie Farmaceutiche Riunite (ESIM Chemicals), T‑713/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:744, punt 34). Dan ma huwiex il-każ tar-rikorrenti hawnhekk.

76      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti, wara li ġiet informata mill-EUIPO, fit-tieni ittra tas‑26 ta’ Novembru 2018, bin-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst u bir-riskju li l-appell tagħha konsegwentement tqies li ma tressaqx, setgħet tressaq applikazzjoni quddiem l-EUIPO nnifsu. Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tinvoka li, minkejja li kienet uriet il-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tosserva t-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell, kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-proċedura ta’ restitutio in integrum quddiem l-EUIPO u setgħet tressaq applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001 (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, NUEVA, T‑61/13, EU:T:2014:265, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-rikorrenti ma ressqet ebda applikazzjoni għal restitutio in integrum taħt dan l-artikolu.

77      Huwa minnu li r-rikorrenti tagħmel riferiment għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2018. Madankollu hija ma tressaq ebda applikazzjoni għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti taħt l-Artikolu 105 tar-Regolament 2017/1001. Fi kwalunkwe każ, tali applikazzjoni kienet tkun suġġetta għal ċaħda peress li dan l-artikolu, konformement mal-paragrafu 2 tiegħu, ma japplikax għat-termini previsti fl-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament, bħat-terminu ta’ appell u t-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell.

78      B’mod definittiv, hemm lok li jiġi konkluż li, anki jekk il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta kkunsidra, fil-punt 10 tad-deċiżjoni li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors, li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ġiet ikkomunikata l lir-rikorrenti permezz ta’ posta rreġistrata fl‑20 ta’ Lulju 2018 u li t-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell kien skada fl‑20 ta’ Settembru 2018, dan l-iżball ma jistax għaldaqstant, madankollu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors. Fil-fatt il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell, irċevut fl‑24 ta’ Diċembru 2018, kien tardiv tista’ tibbaża lilha nnifisha fuq id-data ta’ komunikazzjoni permezz tal-posta tal‑21 ta’ Settembru 2018, kif jirriżulta mill-punt 11 tad-deċiżjoni li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors.

79      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament, fil-punt 12 tad-deċiżjoni li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors, qieset li l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma tressaqx, billi qies, essenzjalment, li anki billi bbaża lilu nnifsu fuq id-data ta’ komunikazzjoni allegata mir-rikorrenti – u stabbilita mill-Qorti Ġenerali f’dan il-każ – jiġifieri l‑21 ta’ Settembru 2018, xorta kien jibqa’ l-fatt li l-ispejjeż tal-appell, irċevuti fl‑24 ta’ Diċembru 2018, kienu tħallsu tardivament.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-talbiet tar-rikorrenti.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Welmax + sp. z o. o. sp.k. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.