Language of document : ECLI:EU:T:2014:835

Kawża T‑614/13

Romonta GmbH

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem – Deċiżjoni 2011/278/UE – Miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali ppreżentati mill-Ġermanja – Klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Libertà professjonali u libertà tal-intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Settembru 2014

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri, li tikkonċerna l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Determinazzjoni definittiva tal-fatturi kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali – Implementazzjoni li hija ta’ natura purament awtomatika – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Assenza

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 11; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448)

2.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Natura eżawrjenti tar-regoli għall-allokazzjoni armonizzati – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Assenza – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 10a u 11; Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2011/278, Artikoli 10 u 15(3), u 2013/448)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Forza maġġuri – Kunċett – Cirkustanzi esterni għall-persuna li tinvokah, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom huma inevitabbli minkejja d-diliġenza kollha użata – Issuġġettar ta’ impriża għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Riskju li ssir insolventi – Assenza ta’ forza maġġuri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448)

4.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Ksur tad-drittijiet fundamentali – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15 sa 17; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 10a u 11; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278)

5.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 10a u 11; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278)

6.      Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Natura eżawrjenti tar-regoli għall-allokazzjoni armonizzati – Allocation abbażi ta’ regola nazzjonali li tmur lil hinn mir-regoli armonizzati – Inkompatibbiltà – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 10a u 11; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29‑37)

2.      Fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija suġġetta għal regoli eżawrjenti ddefiniti mid-Deċiżjoni 2011/278, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta jew li ma tirrifjutax l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lil installazzjoni tiddependi esklużivament mill-kwistjoni jekk il-kwoti allokati lill-installazzjoni mill-Istat Membru inkwistjoni jkunux ġew ikkalkolati skont dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward u ma tistax, b’mod partikolari, tawtorizza l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi. Konsegwentement, meta tirrifjuta l-allokazzjoni f’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità jew id-drittijiet fundamentali tal-operatur tal-installazzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 44, 46, 47)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 48, 49)

4.      Id-Deċiżjoni 2011/278, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, ma tippermettix l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi. L-assenza ta’ tali klawżola tikkostitwixxi indħil fil-libertà professjonali u fil-libertà tal-intrapriża kif ukoll fid-dritt għall-proprjetà tal-impriżi milquta minn tali diffikultajiet, previsti mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti għal dawn id-drittijiet fundamentali ma jaffettwawx il-kontenut essenzjali tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni 2011/278 tissodisfa effettivament l-għan ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-ambjent u tieħu inkunsiderazzjoni l-livelli ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament sabiex tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima. Konsegwentement, sa fejn din id-deċiżjoni ma hijiex, minħabba l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, manifestament inadegwata fid-dawl tal-għanijiet li għandha tilħaq, l-indħil fid-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxix ksur ta’ dawn id-drittijiet.

(ara l-punti 58, 59, 61, 67, 73)

5.      Id-Deċiżjoni 2011/278, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, ma hijiex manifestament sproporzjonata fis-sens strett, minħabba li ma tippermettix l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi. F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, minbarra r-riskju f’ekonomija tas-suq, l-eżistenza tal-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija tipikament mhedda bl-applikazzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni previsti mid-Deċiżjoni 2011/278, il-fatt li din id-deċiżjoni ma tipprovdix klawżola sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet li fihom l-eżistenza ta’ impriża hija mhedda minħabba diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li jirriżultaw mill-ġestjoni individwali tagħha ma jippermettix li jiġi konkluż li hija manifestament sproporzjonata fis-sens strett.

Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jirrikonċilja l-introduzzjoni ta’ tali klawżola mal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, stabbilit għall-qasam tal-ambjent fl-Artikolu 191(2) TFUE. Barra minn hekk, anki fl-assenza ta’ tali klawżola, is-sistema tranżitorja implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tevita, f’ċerti każijiet, diffikultajiet ekonomiċi għall-installazzjonijiet li jifformaw parti minn settur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li kull impriża individwali tiġi ggarantita minimu ta’ produzzjoni skont il-kriterji tagħha stess ta’ profitabbiltà u ta’ żvilupp.

Barra minn hekk, il-vantaġġ finali għall-ambjent jiddependi minn kemm tiġi stabbilita b’rigorożità l-kwantità totali ta’ kwoti maħruġa, li tikkostitwixxi l-limitu globali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Kieku kienet teżisti klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, l-operaturi jkunu inkoraġġiti inqas sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ aġġustament ekonomiċi jew tekniċi.

(ara l-punti 79, 81, 83, 89, 91‑93)

6.      Id-Deċiżjoni 2011/278, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, tiddefinixxi, b’mod eżawrjenti, ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ kwoti mingħajr ħlas. Tali armonizzazzjoni totali għall-Unjoni kollha tippresupponi li dawn ir-regoli jeskludu neċessarjament kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont regoli nazzjonali.

Billi huwa inerenti f’dawn ir-regoli ġenerali li huma jkollhom impatt ikbar fuq ċerti installazzjonijiet milli fuq oħrajn, dawn ir-regoli jikkonċernaw il-każijiet kollha u anki l-każijiet atipiċi. Deroga mir-regoli armonizzati tal-Unjoni ma tistax tingħata unilateralment minn Stat Membru.

Billi r-regoli armonizzati jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jistax jiġi invokat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta allokazzjoni ta’ kwoti bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi.

(ara l-punti 101, 103‑105)