Language of document : ECLI:EU:T:2016:368

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq tat-telekomunikazzjoni tal‑Portugall u ta’ Spanja – Klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq Iberiku inserita fil-kuntratt għax-xiri minn Telefónica tas-sehem ta’ Portugal Telecom fl-operatur Brażiljan tat-telefonija mobbli Vivo – Protezzjoni legali ‘sa fejn awtorizzat mil-liġi’ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur minħabba l-għan – Restrizzjoni aċċessorja – Kompetizzjoni potenzjali – Ksur skont l-effetti – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Talba għas-smigħ tax-xhieda”

Fil-Kawża T‑208/13,

Portugal Telecom SGPS, SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn N. Mimoso Ruiz u R. Bordalo Junqueiro, avukati,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Giolito, C. Urraca Caviedes u T. Christoforou, sussegwentement minn Giolito, Urraca Caviedes u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, assistiti minn M. Marques Mendes, avukat,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għal annullament tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom), u, b’mod sussidjarju, talba ta’ tnaqqis tal-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża, li tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l‑Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugall Telecom) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), għandha bħala oriġini klawżola (iktar ’il quddiem il-“klawżola”) inkluża fl-Artikolu 9 tal-ftehim għax-xiri tal-ishma (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) iffirmat minn Telefónica, SA (iktar ’il quddiem “Telefónica”) u r-rikorrenti, Portugal Telecom SGPS, SA (iktar ’il quddiem “PT”), fit-28 ta’ Lulju 2010, li għandu bħala suġġett il-kontroll esklużiv, minn Telefónica, tal-operatur tan-netwerk ċellulari Brażiljan Vivo Participações, SA (iktar ’il quddiem “Vivo”). Il-klawżola hija redatta kif ġej (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Id-Disa’ - Nonkompetizzjoni

Sa fejn huwa permess mil-liġi, kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku għal perjodu li jibda mid-data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta Diċembru 2011.”

2        Il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat, skont il-konklużjoni preliminari tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-21 ta’ Ottubru 2011, li, fid-dawl tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi (il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien jaqa’ dan il-każ u l-aġir tal-partijiet), il-klawżola kienet tammonta għal akkordju ta’ tqassim tas-swieq li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, bi ksur tal‑Artikolu 101 TFUE (premessi 2 u 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

A –  Preżentazzjoni ta’ PT u ta’ Telefónica

3        Il-grupp Portugal Telecom ġie kkostitwit fl-1994 wara li ngħaqdu tliet kumpanniji pubbliċi u ġie pprivatizzat f’ħames stadji bejn l-1995 u l‑2000. Fi tmiem il-ħames u l-aħħar stadju ta’ privatizzazzjoni, fl-2000, l-Istat Portugiż kellu 500 azzjoni ta’ kategorija A (iktar ’il quddiem l‑“azzjonijiet preferenzjali”), li kienu jagħtuh ċerti drittijiet partikolari, fosthom dritt ta’ veto għal emendi statutorji u ta’ deċiżjonijiet importanti oħra. Fit-12 ta’ Diċembru 2000, Portugal Telecom, SA adottat struttura ta’ kumpannija f’portafoll u l-isem PT (premessi 21, 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        PT hija l-ewwel operatur ta’ telekomunikazzjoni fil-Portugall u għandha preżenza strateġika f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari fil-Brażil u fl‑Afrika ’l isfel mis-Saħara. Fil-Brażil, l-attiv prinċipali ta’ PT kien 50 % tal-ishma tal-impriża komuni li tikkontrolla lil Vivo sakemm din tal-aħħar ġiet akkwistata minn Telefónica. Wara li biegħet l-ishma tagħha f’Vivo, fit-28 ta’ Lulju 2010, PT ikkonkludiet sħubija strateġika ma’ Oi, wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Brażil (premessi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        PT biegħet is-sehem tagħha ta’ 0.20 % f’Telefónica fl-2010 u ma tikkontrolla l-ebda kumpannija Spanjola. Hija toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti multinazzjonali Portugiżi tagħha li joperaw fis-suq Spanjol billi tuża n-netwerks ta’ operaturi oħra u, b’mod partikolari, ta’ Telefónica (premessi 27, 28 u 233 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Telefónica hija l-ex monopolju tal-Istat Spanjol tat-telekomunikazzjoni, ipprivatizzata kompletament fl-1997, u l-ewwel operatur ta’ telekomunikazzjoni fi Spanja. Telefónica żviluppat preżenza internazzjonali f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tal-Amerika Latina u tal-Afrika u hija waħda mill-ikbar gruppi Ewropej ta’ telekomunikazzjoni (premessi 12 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, Telefónica kellha 2 % tal-kapital ta’ PT. Fil-mument tal-fatti li kienu s‑suġġett tal-imsemmija deċiżjoni, Telefónica kellha sehem minoritarju f’Zon Multimedia (iktar ’il quddiem “Zon”), kumpannija kompetitriċi ta’ PT attiva fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li rriżultat mill‑qasma, li saret fix-xahar ta’ Novembru 2007, bejn PT Multimedia u l-kumpannija parent tagħha PT. Minbarra l-ishma tagħha fil-kumpanniji Portugiżi, Telefónica bdiet tiżviluppa preżenza diretta fil-Portugall bis‑saħħa ta’ żewġ sussidjarji tagħha u tal-fergħa Portugiża ta’ waħda minnhom (premessi 18 sa 20 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Barra minn hekk, Telefónica kienet tinnomina, skont id-data, membru jew tnejn tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT. Fid-data tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni relatata max-xiri ta’ Vivo, jiġifieri s-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il quddiem), żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT kienu ġew innominati minn Telefónica (nota ta’ qiegħ il-paġna 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  In-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim

9        Vivo hija waħda mill-operaturi prinċipali ta’ telekomunikazzjoni ċellulari fil‑Brażil. Fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim, fit-28 ta’ Lulju 2010, Vivo kienet ikkontrollata minn Telefónica u PT b’mod konġunt permezz ta’ Brasilcel NV (iktar ’il quddiem “Brasilcel”), kumpannija ta’ investiment irreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fis-6 ta’ Mejju 2010, Telefónica nediet offerta pubblika għal xiri ostili ta’ ammont ta’ EUR 5.7 biljuni fuq is-sehem ta’ 50 % dakinhar miżmuma minn PT f’Brasilcel. L-imsemmija offerta kien fiha b’mod partikolari dispożizzjoni li tipprovdi li “Telefónica ma hi ser timponi l‑ebda klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ solleċitazzjoni lil Portugal Telecom”. Din l-ewwel offerta ġiet miċħuda b’mod unanimu mill-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT (premessi 35 u 36 tad‑deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-1 ta’ Ġunju 2010, fis-02:53, wara laqgħa li saret bejn il-partijiet fil‑31 ta’ Mejju 2010, PT bagħtet posta elettronika lil Telefónica b’abbozz tat-tieni offerta għax-xiri tas-sehem tagħha f’Vivo. Il-klawżola ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-imsemmi abbozz (premessa 38 tad‑deċiżjoni kkontestata).

12      L-ewwel abbozz tal-klawżola kien redatt kif ġej (premessa 39 tad‑deċiżjoni kkontestata):

“Nonkompetizzjoni

Kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament, permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat-telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, għal perijodu li jibda mid-data tal-għeluq tal-offerta u li jintemm i) fil-31 ta’ Diċembru 2011 jew ii) fid-data tat-trasferiment effettiv tal-aħħar parti tal-azzjonijiet alternattivi B.”

13      F’posta elettronika mibgħuta lil PT fl-1 ta’ Ġunju 2010 fl-12:21, Telefónica ssuġġeriet li ssir emenda għall-klawżola biż-żieda tal-frażi “bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li kienu qed iseħħu fil-jum tal-firma ta’ dan il-ftehim” sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet li kienu jeżistu dakinhar ta’ kull parti fis-suq nazzjonali tal-ieħor. Din l-emenda ġiet integrata fit-tieni offerta datata l-1 ta’ Ġunju 2010 (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Minbarra l-ewwel abbozz ta’ klawżola, it-tieni offerta kienet tipprevedi żieda fil-prezz ta’ EUR 6.5 biljuni, għażla ta’ xiri mill-ġdid għal benefiċċju ta’ PT, li permezz tagħha hija setgħet tixtri mill-ġdid l‑azzjonijiet tagħha miżmuma minn Telefónica, u impenn minn Telefónica li tixtri l‑azzjonijiet li PT kellha fil-kumpannija Dedic SA, operatur ta’ ċentru ta’ tweġib ta’ telefonati Brażiljan. Barra minn hekk, it-tieni offerta kienet tipprovdi wkoll li Telefónica tobbliga ruħha li tastjeni milli timponi “kwalunkwe klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ solleċitazzjoni lil Portugal Telecom”, li kienet diġà dehret fl-ewwel offerta (premessi 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-1 ta’ Ġunju 2010 filgħaxija, il-Bord tad-Diretturi ta’ PT ħabbar li kien ikkunsidra li t-tieni offerta magħmula minn Telefónica ma kinitx tirrifletti l-valur reali ta’ Vivo. Madankollu, huwa ddeċieda li jissottometti d-deċiżjoni tiegħu għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija tat-30 ta’ Ġunju 2010 (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      It-tieni offerta saret pubblika mill-partijiet meta tpoġġiet fuq is-siti internet rispettivi tagħhom u ntbagħtet lill-awtoritajiet tal-Borża Spanjoli u Portugiżi. Barra minn hekk, il-kontenut tal-klawżola inserita fit-tieni offerta ġie ppubblikat ukoll f’fuljett imqassam mill-Bord tad‑Diretturi ta’ PT fid-9 ta’ Ġunju 2010 lill-azzjonisti tagħha bi tħejjija għal-laqgħa ġenerali tagħha li kellha ssir fit-30 ta’ Ġunju 2010 (premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fid-29 ta’ Ġunju 2010, Telefónica ppreżentat it-tielet offerta fl-ammont ta’ EUR 7.15 biljuni, li kien fiha wkoll l-istess termini u kundizzjonijiet bħat-tieni offerta (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-laqgħa ġenerali ordinarja ta’ PT approvat it‑tielet offerta magħmula minn Telefónica. Madankollu, il-Gvern Portugiż eżerċita d-dritt marbut mal-azzjonijiet preferenzjali li huwa kellu f’PT (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) sabiex iwaqqaf it-tranżazzjoni u Telefonica estendiet it-tielet offerta sas-16 ta’ Lulju 2010 (premessi 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, Ġabra, EU:C:2010:412), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, billi żammet f’PT drittijiet speċjali bħal dawk previsti fl-istatuti tal‑imsemmija kumpannija favur l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali tal-Istat f’PT, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 56 KE (premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fis-16 ta’ Lulju 2010, PT talbet lil Telefónica testendi l-offerta tagħha sat-28 ta’ Lulju 2010, iżda Telefónica opponiet din it-talba u l-offerta saret invalida (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-27 ta’ Lulju 2010, saret laqgħa oħra bejn PT u Telefónica u Telefónica pproponiet lil PT, minn naħa, li żżid l-espressjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” fil-bidu tal-klawżola u, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-portata tal-klawżola mid-“data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta’ Diċembru 2011” (premessi 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-28 ta’ Lulju 2010, Telefónica u PT ikkonkludew il-ftehim li permezz tiegħu Telefónica ħadet il-kontroll esklużiv ta’ Vivo bis-saħħa tal‑akkwist ta’ 50 % tal-kapital ta’ Brasilcel, bil-prezz ta’ EUR 7.5 biljuni (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-ftehim, fl-Artikolu 9 tiegħu, kien fih il-klawżola segwenti (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Id-Disa’ - Nonkompetizzjoni

Safejn huwa permess mil-liġi, kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku għal perjodu li jibda mid-data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta Diċembru 2011.”

24      Kuntrarjament għat-tieni offerta (punt 14 iktar ’il fuq), il-ftehim ma kienx jipprevedi iktar l-għażla ta’ xiri mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ PT, li permezz tagħha din tal-aħħar setgħet tixtri mill-ġdid l-azzjonijiet tagħha miżmuma minn Telefónica. Għall-kuntrarju, il-ftehim kien jipprevedi b’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-riżenja tal-membri tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica (Artikolu 3(6) tal‑ftehim), fit-tieni lok, programm ta’ sħubija industrijali bejn iż-żewġ impriżi (Artikolu 6 tal-ftehim) bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux f’kompetizzjoni fil-Brażil (Artikolu 7 tal-ftehim) u, fit-tielet lok, l‑eventwali akkwist, minn Telefónica, tal-kumpannija Brażiljana Dedic, speċjalizzata fil-provvista ta’ servizzi ta’ ċentri ta’ tweġib ta’ telefonati (Artikolu 10 tal-ftehim) (premessi 56 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni seħħet fis-27 ta’ Settembru 2010, permezz ta’ “att notarili ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet” u ta’ “att notarili ta’ konferma” (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-data tal-iffirmar tal-ftehim, fit-28 ta’ Lulju 2010, PT ħabbret ukoll li hija kienet ikkonkludiet, f’din l-istess data, protokoll ta’ ftehim li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-implementazzjoni ta’ sħubija strateġika ma’ Oi (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u li hija kienet qed tippjana li takkwista 22.38 % tal-ishma tal-grupp Oi sabiex ikollha rwol sinjifikattiv fit-tmexxija ta’ dan tal-aħħar (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      It-tranżazzjoni Vivo ġiet innotifikata, fid-29 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Awwissu 2010, lill-Agência National de Telecommunicações (Anatel, Awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjoni Brażiljana) u lil Conselho Administrativo de Defesa Econômica (CADE, Awtorità tal‑kompetizzjoni Brażiljana) u, f’artikolu li deher fil-ġurnali fit-23 ta’ Awwissu 2010, Telefónica kkonfermat li l-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessi 103, 130 u 491 tad‑deċiżjoni kkontestata).

C –  Fatti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim

28      Fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010, saru żewġ konverżazzjonijiet bit‑telefon bejn Telefónica u PT (premessi 113 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fl-4 ta’ Frar 2011, wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fid‑19 ta’ Jannar 2011 (ara l-punt 31 iktar ’il quddiem), Telefónica u PT iffirmaw ftehim sabiex ineħħu l-klawżola (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata), li kien redatt kif ġej:

“Preambolu:

Peress li [PT] u Telefónica kkonkludew ftehim (iktar ’il quddiem il‑‘ftehim’) fit-28 ta’ Ġunju 2010 dwar il-bejgħ, minn [PT], lil Telefónica ta’ 50 % (ħamsin) fil-mija tal-kapital tal-kumpannija tad‑dritt Olandiż [Brasilcel] (iktar ’il quddiem ‘Brasilcel’ jew il‑‘kumpannija’).

Peress li l-Artikolu 9 tal-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, li permezz tagħha, sa fejn huwa permess mil-liġi, kull parti intrabtet li ma tikkompetix mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, mid‑data tal-konklużjoni tat‑tranżazzjoni (kif iddefinita fil-ftehim) sal‑31 ta Diċembru 2011.

Peress li l-Artikolu 9 tal-ftehim kien diġà maħsub mill-partijiet fil‑kuntest ta’ eventwali għażla ta’ xiri mill-ġdid, għall-benefiċċju ta’ PT, ta’ azzjonijiet li dakinhar kienu miżmuma minn Telefónica fl‑imsemmija kumpannija, u li dan l-artikolu nżamm fil-ftehim finali, bil-kundizzjoni li jkun konformi mad-dritt, minkejja l-abbandun, finalment, tal-imsemmija għażla.

Peress li l-partijiet xtaqu jirrediġu bil-miktub il-fatt li l-Artikolu 9 hawn fuq imsemmi ma huwiex applikabbli, li qatt ma ġie eżegwit, u li, konsegwentement, ma kellu l-ebda effett fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali rispettivi tagħhom.

Peress li Telefónica u PT ġew innotifikati, fl-24 ta’ Jannar u fil-21 ta’ Jannar 2011 rispettivament, bil-ftuħ, mill-Kummissjoni Ewropea, ta’ proċedura formali fil-konfront tagħhom dwar l-Artikolu 9 hawn fuq imsemmi.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-partijiet jiftehmu dan li ġej:

Artikolu 1. Emenda tal-ftehim u rtirar tad-drittijiet

Qed issir emenda tal-ftehim u l-Artikolu 9 kollu kemm hu huwa mħassar. Dan l-artikolu huwa kkunsidrat bħala null u mhux miktub.

Il-partijiet jikkonfermaw, b’mod irrevokabbli u finali, li l-Artikolu 9 ma għandu jagħti l-ebda dritt, ikun xi jkun, jew jimponi xi obbligu, ikun xi jkun, lill-partijiet jew kwalunkwe terzi.

Artikolu 2. Liġi applikabbli

Dan il-ftehim kif ukoll kwalunkwe kwistjoni dwar l-eżekuzzjoni jew kull konsegwenza marbuta ma’ kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu rregolati mid-dritt Portugiż u għandhom jiġu interpretati skont dan l-aħħar ftehim”.

D –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

30      Il-klawżola ġiet skoperta, f’Settembru 2010, mill-Awtorità tal‑kompetizzjoni Spanjola, li informat lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Portugiża u lill-Kummissjoni dwarha, u ġie deċiż li din tal-aħħar tibda tinvestiga (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Fid-19 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra Telefónica u PT, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it‑tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fil-kuntest tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill‑partijiet fil-5 ta’ Jannar, fl-1 ta’ April, fil-25 ta’ Mejju, fl-10 u fl‑24 ta’ Ġunju 2011 u fil-5 ta’ Settembru 2012 u lil uħud mill-klijenti multinazzjonali tagħhom fl-20 ta’ April 2011. Barra minn hekk, saru laqgħat ma’ PT, fis-17 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Settembru 2011 kif ukoll fis-27 ta’ Settembru 2012, u ma’ Telefónica, fil-21 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Settembru 2011 kif ukoll fis-27 ta’ Settembru 2012 (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fil-21 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, fl-4 ta’ Novembru 2011, il-partijiet kellhom aċċess għall-fajl u, fis-7 ta’ Novembru 2011, huma rċevew id-dokumenti korrispondenti. Fit-13 ta’ Jannar 2012, Telefónica u PT irrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda ma talbux seduta (premessi 7, 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fit-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

35      Il-Kummissjoni indikat li l-kawża li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda l-klawżola li tinsab fil-ftehim (punti 1, 22 u 23 iktar ’il fuq) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni spjegat li hija kienet ikkunsidrat, fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, li, fid-dawl tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi (il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kienet taqa’ din il-kawża u l-aġir tal‑partijiet), il-klawżola kienet tammonta għal akkordju ta’ tqassim tas‑swieq li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, bi ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, u li hija kkonfermat din il-konklużjoni fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni analizzat l-isfond fattwali tan-negozjati bejn il-partijiet li wasslu għall-introduzzjoni tal-klawżola fil-verżjoni finali tal-ftehim, il-fatti li seħħew wara l-iffirmar tiegħu (ara l-punti 10 sa 29 iktar ’il fuq) u l-argumenti tal-partijiet ippreżentati f’dak li jirrigwarda l-imsemmija sfond u fatti (premessi 29 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola u tas-swieq rilevanti, li, fid-dawl tal-kliem tal-klawżola (punti 1 u 23 iktar ’il fuq), din kienet tirrigwarda kwalunkwe proġett li jaqa’ fis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bil-kundizzjoni li parti jew oħra tagħti jew tista’ tagħti tali servizz. Konsegwentement, u kif jirriżulta mill-kliem tagħha, il-klawżola kienet tirrigwarda s-servizzi ta’ telefonija fissi u mobbli, ta’ aċċess għall‑internet u tat-televiżjoni kif ukoll is-servizzi tax-xandir bir-radju li huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ komunikazzjoni minkejja li ma humiex imsemmija fil-klawżola. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni spjegat li, skont il-kliem tal-klawżola, kull attività u kull investiment li sar qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri t-28 ta’ Lulju 2010, kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola (premessi 132 sa 136 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni nnotat li s-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola minħabba l‑preżenza ta’ kull parti fis-swieq tal-imsemmija servizzi fil-peniżola Iberika fid-data tal-iffirmar tal-ftehim (premessi 173, 174, 184 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-klawżola, il-Kummissjoni interpretat l-espressjoni “suq Iberiku” bħala li jirreferi għas-swieq Spanjol u Portugiż. Fid-dawl tal-attivitajiet kummerċjali tal-partijiet, li kienu jikkonsistu fi preżenza fil-maġġoranza tas-swieq ta’ komunikazzjoni elettronika fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ kull waħda minnhom u fi preżenza dgħajfa, kważi ineżistenti, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-parti l‑oħra (punti 3 sa 7 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola kien jikkonċerna l-Portugall, għal Telefónica, u lil Spanja, għal PT (premessi 137 sa 140 tad‑deċiżjoni kkontestata).

41      Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klawżola kienet tapplika għas-swieq kollha tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ televiżjoni fi Spanja u fil-Portugall, bl-eċċezzjoni tas-swieq ta’ forniment ta’ servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, ma hemmx dubju li l-klawżola tikkostitwixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li huwa ftehim miktub, konkluż u ffirmat mill-partijiet, li l-eżistenza tiegħu ma tistax tiġi miċħuda u li, fuq kollox, il-klawżola kienet is-suġġett ta’ att notarili li fil-preambolu tiegħu jindika li kopja tal-ftehim kien qed jiġi anness miegħu (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirrigwarda r‑restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni kkunsidrat, wara li analizzat l-argumenti tal-partijiet, li l-klawżola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim, tal-għanijiet segwiti mill-klawżola, tal‑kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kienet taqa’ l-klawżola, tal‑imġiba u l-aġir effettiv tal‑partijiet u, finalment, tal-intenzjoni tagħhom (premessi 238 sa 242 u 243 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fir-rigward tal-għan tal‑klawżola, li, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-klawżola kienet tipprekludi lil PT milli tippenetra fuq wieħed mis-swieq Spanjoli tat‑telekomunikazzjoni u lil Telefónica li testendi l-preżenza tagħha, limitata, fuq is-swieq Portugiżi tat-telekomunikazzjoni, u dan matul il‑perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-klawżola, b’tali mod li, minflok ma jikkompetu reċiprokament u jaġixxu bħala rivali, aġir normalment mistenni f’suq miftuħ u kompetittiv, Telefónica u PT ftehmu, b’mod intenzjonat, sabiex iwarrbu u jirrestrinġu kull kompetizzjoni fuq is‑swieq rispettivi tagħhom, u għalhekk il-klawżola tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq (premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni indikat li l-klawżola setgħet, fuq kollox, tipposponi l-integrazzjoni fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, peress li l-proċess ta’ integrazzjoni tal-imsemmi suq kien jiġi kompromess b’mod serju jekk operaturi storiċi bħal Telefónica u PT setgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, diġà qawwija ferm, fis-suq billi jipparteċipaw fi prattiki kollużorji li għandhom bħala għan li jipproteġu s‑swieq ta’ oriġini tagħhom u li jevitaw id-dħul ta’ operaturi oħra fuq dawn tal-aħħar (premessi 354 u 355 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      It-tieni nett, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim kien superfluwu jekk jiġi muri li dan kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li skont il-Kummissjoni, kien il-każ f’din il-kawża, hija madankollu indikat, bħala risposta għall-argumenti tal-partijiet, li, qabel kollox, il-klawżola kienet ġiet adottata minn żewġ kompetituri, b’tali mod li setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi; li, imbagħad, anki jekk il-klawżola kienet ikkunsidrata bħala li ma tistax tipproduċi effetti, dan ma għandux jipprekludi li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan sa fejn, jekk ftehim kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ma kienx jagħmel differenza, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-ksur, jekk il-konklużjoni tal-ftehim kellux jew le interess kummerċjali tal-kontraenti, il-fatt li l-klawżola li kellha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni setgħet tirriżulta li ma tistax tipproduċi effetti fl-interess kummerċjali ta’ Telefónica jew ta’ PT kienet, għalhekk, irrilevanti; u li, finalment, il-partijiet bl-ebda mod ma wrew li daħlu f’attivitajiet ġodda fi Spanja jew fil-Portugall li jistgħu jikkontradixxu l-implementazzjoni tal-klawżola, li ma kienx juri fih innifsu li l-klawżola kienet ġiet implementata, iżda kien sinjal li dan seta’ kien il-każ (premessi 240 u 357 sa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Il-Kummissjoni kkunsidrat li kellu jiġi deċiż li, f’dan il-każ, ma kienx jidher neċessarju li tintwera l-eżistenza ta’ xi effett negattiv fuq il‑kompetizzjoni sa fejn l-għan antikompetittiv tal-klawżola kien ġie stabbilit u li għalhekk ma kienx hemm lok li tingħata evalwazzjoni ddettaljata ta’ kull wieħed mis-swieq tat-telekomunikazzjoni inkwistjoni kif ukoll tal-effetti tal-klawżola fi ħdan dawn tal-aħħar (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      It-tielet nett, il-Kummissjoni indikat li l-klawżola ma setgħetx tiġi analizzata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo, peress li l‑klawżola kienet tirrigwarda lis-suq Iberiku filwaqt li t-tranżazzjoni Vivo kienet tirrigwarda operatur li l-attività tiegħu kienet limitata għall‑Brażil u li l-klawżola ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex issir it-tranżazzjoni (premessi 367 sa 433 tad‑deċiżjoni kkontestata).

49      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klawżola kienet timponi obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq il-partijiet u kienet tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq bil-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern u li kienet tikser, minħabba f’hekk, l-Artikolu 101 TFUE, fid‑dawl tal-kontenut tal-ftehim (u, b’mod partikolari, tar-redazzjoni tal‑klawżola, li ftit li xejn kienet tħalli dubji dwar in-natura tagħha) kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien jidħol il-ftehim (pereżempju, is-swieq tal-komunikazzjoni elettronika, li kienu liberalizzati) u tat-tmexxija u l-aġir effettiv tal-partijiet (b’mod partikolari, tax-xoljiment tal-klawżola minnhom stess iżda biss fl-4 ta’ Frar 2011, wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Jannar 2011, u mhux wara l-konverżazzjonijiet bit-telefon ta’ Ottubru 2010, kuntrarjament għal dak li qalu l-partijiet) (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni spjegat li l-klawżola ma kinitx tissodisfa l‑kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 101(3) TFUE (premessi 436 sa 446 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l‑Istati Membri (premessi 447 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Il-ħames nett, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien ikopri l-perijodu mid-data tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni, jiġifieri s-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), sad-data li fiha l-klawżola ġiet xolta, jiġifieri fl-4 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) (premessi 454 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Is-sitt nett, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, dispożizzjonijiet tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

53      Sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tas-servizzi koperti bil-klawżola kif iddefiniti fit-taqsima 5 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq) u, b’mod partikolari, għal kull parti, sempliċement il‑valur tal-bejgħ tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (premessi 478 sa 483 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, b’mod ġenerali, hija tikkunsidra l-bejgħ imwettaq mill-impriżi matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, iżda li, f’dan il-każ, il-ksur kien dam inqas minn sena u kien seħħ bejn l-2010 u l-2011. Konsegwentement, il-Kummissjoni użat il-bejgħ tal-impriżi matul is-sena 2011, li kien inqas mill-bejgħ irreġistrat mill-partijiet fl-2010 (premessa 484 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, li tistabbilixxi l-perċentwali tal-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal‑multa, il-Kummissjoni fakkret li l-ksur kien magħmul minn ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ televiżjoni Spanjol u Portugiż u li Telefónica u PT kienu l-operaturi storiċi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li hija kkunsidrat il-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta mill-partijiet (ara l-punti 16 u 27 iktar ’il fuq). Fid‑dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l‑perċentwali tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat kien ta’ 2 % għaż-żewġ impriżi kkonċernati (premessi 489 sa 491 u 493 tad‑deċiżjoni kkontestata).

56      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li dan kien ikopri l-perijodu mis-27 ta’ Settembru 2010 (data tal-konstatazzjoni notarili u, għalhekk, tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni) sal-4 ta’ Frar 2011 (data tal-ftehim tal-partijiet li xolja din il-klawżola) (premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkustanza aggravanti u kkunsidrat li d-data tar-rexissjoni tal-klawżola, l-4 ta’ Frar 2011, kienet tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti minħabba l-fatt li seħħet biss 16-il jum wara l-ftuħ tal-proċedura u 30 jum wara li ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni lill-partijiet. Barra minn hekk, peress li l-klawżola ma kinitx sigrieta, il-Kummissjoni kkunsidrat li għandu jsir tnaqqis ta’ 20 % fuq l‑ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq il-partijiet (premessi 496, 500 u 501 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      L-ammont finali tal-multi jitla’ għal EUR 66 894 000 għal Telefónica u EUR 12 290 000 għal PT (premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni spjegat li dan l-ammont ma kienx jeċċedi l-10 % tad‑dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn kull impriża kkonċernata (premessi 510 u 511 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

L-ewwel Artikolu

[Telefónica] u [PT] kisru l-Artikolu 101 [TFUE] billi pparteċipaw fi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-Artikolu 9 tal-ftehim konkluż minn dawn il-kumpanniji fit-28 ta’ Lulju 2010.

Il-ksur dam mis-27 ta’ Settembru 2010 sal-4 ta’ Frar 2011.

Artikolu 2

“Minħabba l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti s-segwenti multi:

a) [Telefónica]: EUR 66,894,000

b) [PT]: EUR 12,290,000;

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

60      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

61      Abbażi ta’ rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni u proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, hija talbet lill-partijiet jipproduċu xi dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

62      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2015.

63      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddeċiedi li dan ir-rikors għal annullament ġie validament ippreżentat u huwa ammissibbli skont l-Artikolu 263 TFUE u għall-finijiet tal-Artikolu 264 TFUE;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura u l‑ispejjeż li sostniet.

64      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li r-rikors huwa totalment infondat ġuridikament u żżomm id-deċiżjoni eżattament bl-istess termini tagħha kif ukoll il-multa imposta għall-istess ammont;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

65      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka formalment żewġ motivi ta’ annullament, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jiġifieri n-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-insuffiċjenza ta’ provi, u t-tieni wieħed ibbażat fuq il-ksur tat-trattat u tad-dritt relatat mal-applikazzjoni tiegħu, inkwantu d-deċiżjoni hija affettwata minn żball manifest dwar il-fatti, dwar il-prova u dwar in-natura suffiċjenti tal-prova, minn żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u, konsegwentement, mill-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, minn ksur tal‑obbligu ta’ investigazzjoni u ta’ deċiżjoni, minn ksur tal-prinċipju in dubio pro reo, minn ksur tal-prinċipji li għalihom il-Kummissjoni ssuġġettat ruħha fid-deċiżjoni tal-multa u minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

66      Qabel l-hekk imsejħa espożizzjoni tal-motivi, ir-rikors fih tliet partijiet preliminari intitolati “Il-fatti”, “Is-suġġett tar-rikors” u “Kontenut essenzjali u nuqqasijiet prinċipali tad-deċiżjoni”.

67      Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba li ma huwiex ċar u ma jinftiehemx kif ukoll minħabba l-preżentazzjoni tal-motivi invokati, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal‑Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Il-Kummissjoni ssostni li huwa ferm diffiċli li jiġi identifikat dak li r-rikorrenti tixtieq tinvoka bħala motivi ta’ annullament, peress li ’l hekk imsejħa espożizzjoni tal-motivi tibda biss fil-punt 276 tar-rikors, b’iktar minn 250 punti ta’ argumenti qabel li fihom ir-rikorrenti ma tispjegax f’hiex jikkonsistu b’mod konkret, fl‑opinjoni tagħha, motiv wieħed jew iktar ta’ annullament tad‑deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ annullament, ir-rikorrenti ma tispjegax sa fejn l-imsemmija argumenti huma rilevanti għall-konkretizzazzjoni tal-imsemmija motivi ta’ annullament.

68      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u l‑espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex tippermetti lill-konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u biex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr iktar informazzjoni insostenn (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra, EU:T:2007:22, punt 166). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li huwa aċċettat li d-dikjarazzjoni tal-motivi tar‑rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u man-numerazzjoni tar‑Regoli tal-Proċedura u li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, iktar minħabba l-mertu tagħhom milli mill-klassifikazzjoni legali tagħhom, setgħet tkun biżżejjed sakemm l-imsemmija motivi jirriżultaw mir‑rikors b’mod suffiċjentement ċar (ara d-digriet tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra, EU:T:1999:109, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għall-kuntrarju, jekk dan ma huwiex il-każ u jekk ir-rikors ma jifformulax, b’mod partikolari, kritiki preċiżi kontra d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Jannar 2012, Groupe Partouche vs Il‑Kummissjoni, T‑315/10, EU:T:2012:21, punti 22 et seq.).

70      B’hekk, ma għandux ikun aċċettabbli li kemm l-istituzzjoni konvenuta kif ukoll il-Qorti Ġenerali jispiċċaw jipproċedu permezz ta’ konġetturi fir‑rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet preċiżi, kemm fattwali kif ukoll legali, li jistgħu jkunu ta’ natura li jissostanzjaw il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti. B’mod partikolari, hija tali sitwazzjoni, li twassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali u li ma hijiex kompatibbli mal‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 għandu l-għan li jipprekludi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑144/04, Ġabra, EU:T:2008:155, punt 57).

71      Finalment, għandu jiġi rrilevat li elementi li jidhru f’rikors għal annullament taħt it-titolu “Il-fatti”, “Is-suġġett tar-rikors”, jew inkella “Kontenut essenzjali u nuqqasijiet prinċipali tad-deċiżjoni” prima facie ma jidhrux li jikkostitwixxu raġunijiet awtonomi li jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda pjuttost jiddeskrivu l-fatti u l‑att inkwistjoni. Madankollu, ma huwiex possibbli li tiġi eskluża a priori l-possibbiltà li din il-parti tar-rikors ikun fiha raġuni waħda jew iktar ta’ annullament. Madankollu, huwa biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li apparti l-funzjoni deskrittiva tal-parti li tinsab taħt dawn it-titoli, din tikkontesta l-validità tal‑konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li, jekk ikun il-każ, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi raġuni, minkejja l-istruttura tar-rikors u l-post tagħha fl‑istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra, EU:T:2005:455, punt 106, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs D, T‑262/06 P, ĠabraSP, EU:T:2008:239, punt 52).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li r-rikorrenti esponiet, f’iktar minn 200 punt, “[il-k]ontenut essenzjali u [n-]nuqqasijiet prinċipali tad‑deċiżjoni” qabel ma waslet għall-hekk imsejħa “motivi”. Peress li dawn il-“motivi” ġew żviluppati fil-qosor ħafna, jidher li huwa meħtieġ li f’dawn il‑200 punt jiġu identifikati ilmenti u argumenti li jsostnu l‑motivi invokati.

73      Barra minn hekk, jidher li hekk kienet l-intenzjoni tar-rikorrenti, kif iddikjarat fil-punt 69 tar-replika u kkonfermat fis-seduta. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, huwa possibbli li tiġi identifikata, fil‑parti relatata mal-“[k]ontenut essenzjali u [man-]nuqqasijiet prinċipali tad-deċiżjoni”, il-kritika li r-rikorrenti tagħmel fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata u d-dispożizzjonijiet li tagħhom hija tinvoka l‑ksur. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut, kif għamlet il-Kummissjoni, li “mir‑rikors jirriżulta b’mod ċar in-nuqqas ta’ talbiet ġuridiċi adattati sabiex jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata]”. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni setgħet tifformula risposta għall-ilmenti invokati mir-rikorrenti.

74      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill‑Kummissjoni għandha tiġi miċħuda u li r-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

75      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa possibbli li jiġu identifikati, fil-200 punt li jippreċedu ’l hekk imsejħa espożizzjoni tal‑motivi tar-rikors, il-kritika li r-rikorrenti tagħmel fil-konfront tad‑deċiżjoni kkontestata u tad-dispożizzjonijiet li tagħhom hija tinvoka l‑ksur, is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ korrispondenza bejn din il-kritika u l-motivi invokati u ċertu nuqqas ta’ kitba fil-qosor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l‑obbligu għall-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma għandux ikun interpretat li jimplika li kienet obbligata tirrispondi fid‑dettall kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari jekk ma kinux ta’ natura ċara u preċiża biżżejjed u ma kinux ibbażati fuq provi ċirkustanzjali (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra, EU:C:2003:444, punt 81, u tal‑11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, EU:C:2007:6, punt 90). Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‑raġunamenti kollha mqajma mill‑partijiet fil-kawża u li l‑motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l‑argumenti tagħhom u lill-Qorti tal‑Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, Ġabra, EU:C:2009:459, punt 135 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

B –  Fuq il-mertu

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

76      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir‑rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tar‑regoli li għandhom jiġu osservati waqt l-applikazzjoni tiegħu.

a)     Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

77      Ir-rikorrenti ssostni, fil-konfront tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u insuffiċjenza ta’ prova, minkejja li dan l-aħħar ilment għandu, kif ir-rikorrenti kkonfermat fis-seduta, jiġi ttrattat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv ta’ annullament, ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE.

78      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l‑obbligu ta’ motivazzjoni previst bl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal‑fondatezza tal-motivazzjoni, peress li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il‑legalità tal-mertu tal-att ikkontestat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67; tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 146).

79      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tittratta n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt it-titolu “Nuqqas ta’ motivi” fil-parti tar-rikors tagħha intitolata “Motivi ta’ annullament”. Iktar ’il quddiem għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti li jinsabu taħt dan it-titolu. It-tieni nett, jidher li, matul ir-rikors kollu tagħha, ir-rikorrenti tressaq kritika li tista’ tkun relatata ma’ ilmenti li jittrattaw il-motivazzjoni, li iżda fir-realtà jikkonċernaw, bla ħsara għall-ilmenti eżaminati fil-punti 165 sa 168, 220 sa 224 u 254 sa 256 iktar ’il quddiem, il-kwistjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li għandha għalhekk tiġi eżaminata waqt l-analiżi tal-kwistjonijiet ta’ mertu li magħhom hija relatata.

80      Fil-kuntest ta’ din il-kritika li hija formalment relatata mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha, wara li fakkret li dan l-obbligu huwa previst fl‑Artikolu 296 TFUE, sabiex issostni li “il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi nuqqasijiet, impreċiżjonijiet u żbalji fuq kwistjonijiet essenzjali, fatt li jaffettwa b’mod irreparabbli l‑konklużjonijiet tagħha” u tirreferi, “bħala eżempju”, għall‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 264 et seq. u 353 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, mir-rimarki tagħha jirriżulta li hija fir-realtà ma tikkritikax il-motivazzjoni, iżda l‑fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija premessi, kif hija fuq kollox ikkonfermat waqt is-seduta, kif ġie redatt fil-minuti.

81      Minn dan isegwi li, peress li ma ttrattax l-ilmenti li fir-realtà jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, u bla ħsara għall‑punti 165 sa 168, 220 sa 224 u 254 sa 256 iktar ’il quddiem, il‑motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm lok li jsir eżami tal-argumenti tar‑rikorrenti formalment relatati ma’ dan il-motiv fir-rigward tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

b)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u d-dritt relatat mal-applikazzjoni tiegħu

82      Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tan-natura tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi u tal-kuntesti ġuridiċi u ekonomiċi li tidħol fihom, la l-klawżola u lanqas l‑obbligu relatat mal-fatt li l-partijiet ma jikkompetux fuq is-suq Iberiku ma għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

83      Ir-rikorrenti tikkritika għalhekk lill-Kummissjoni li kisret l‑Artikolu 101 TFUE meta kklassifikat il-klawżola bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l‑Kummissjoni ma ressqitx il-prova tal-ksur u li din l-istituzzjoni wettqet żball manifest fuq il-fatti, fuq il-prova u fuq in-natura suffiċjenti tal-prova, żball ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u ksur tat-trattat, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ deċiżjoni u, finalment ksur tal-prinċipju in dubio pro reo.

84      Kif ikkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti tiżviluppa, essenzjalment, l-argumenti ġuridiċi u fattwali segwenti insostenn ta’ dan il-motiv: il‑klawżola ma kellha l-ebda rabta mat-tranżazzjoni Vivo, iżda kienet marbuta mal-għażla ta’ xiri mill-ġdid, minn PT, tal-ishma miżmuma minn Telefónica (iktar ’il quddiem l-“għażla ta’ xiri”), li kienet tinsab fit-tieni u fit-tielet offerti, iżda li ma dehritx iktar fil-verżjoni finali tal‑ftehim jew mar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, li kienet prevista fil-ftehim; il-klawżola kien fiha żewġ obbligi distinti, obbligu prinċipali ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu sekondarju ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, bit-tieni wieħed ma jkunx vinkolanti ħlief jekk il-legalità tiegħu tkun ikkonstatata waqt l‑eżerċizzju tal-ewwel; il-klawżola ma setgħetx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għax il-Kummissjoni ma werietx li Telefónica u PT kienu kompetituri potenzjali u li l-klawżola kienet għalhekk tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni u, finalment, sa fejn il‑klawżola ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni kellha teżamina l-effetti tagħha.

 Osservazzjonijiet preliminari

85      Għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat” li jfixklu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

86      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal‑effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2204, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, minħabba n-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara s‑sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      B’hekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall‑iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il‑kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir iwassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 51).

89      Fil-każ fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE għandha tintefa’ l-attenzjoni fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal‑prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 53 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

91      Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti mressqa mir‑rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola kienet marbuta mal‑għażla ta’ xiri jew mar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola ma kellha l-ebda rabta mat‑tranżazzjoni Vivo, iżda li kienet marbuta mal-għażla ta’ xiri, li kienet tinsab fit-tieni u fit-tielet offerti – b’din tal-aħħar tikkonsisti biss f’żieda fil-prezz, mingħajr termini ġodda tal-ftehim – u ma baqgħetx tidher fil-verżjoni finali tal-ftehim, kif ukoll fir-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, li kienet prevista minnha.

94      Ir-rikorrenti tenfasizza li l-għażla ta’ xiri u l-klawżola dehru fl-istess ħin fit-tieni offerta u ssostni li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien tipiku ta’ akkwist ta’ attiv bħall-għażla ta’ xiri, li jirrifletti r-riskju li min ibigħ jopera fis-settur mibjugħ, li tiegħu għandu konoxxenza tajba.

95      Minħabba t-tnaqqis, minn Telefónica, tas-sehem tagħha fil-kapital ta’ PT b’madwar 2 %, imħabbar fit-23 ta’ Ġunju 2010, ir-raba’ offerta ma kienx fiha għażla ta’ xiri, iżda l-obbligu, fuq Telefónica, li tibda proċeduri sabiex iż-żewġ rappreżentanti tagħha fil-Bord tad-Diretturi ta’ PT jirrinunzjaw minn din il-funzjoni. Minħabba d-diffikultajiet tal‑proċess ta’ negozjar, ċerti dispożizzjonijiet li kienu ġejjin minn offerti preċedenti madankollu ma ġewx diskussi mill-ġdid, b’tali mod li l-klawżola nżammet, biż-żieda tal-kliem “sa fejn huwa permess mil‑liġi”.

96      Fis-seduta r-rikorrenti indikat, bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li hija kienet qed issostni biss li l-klawżola kellha tiġi kklassifikata bħal restrizzjoni anċillari għar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica. Madankollu, jirriżulta, essenzjalment mid-dikjarazzjonijiet tagħha, li hija tallega li kien hemm rabta mal-impenn ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, minn naħa, mal‑għażla ta’ xiri tal-azzjonijiet tagħha miżmuma minn Telefónica u, min-naħa l-oħra, mar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha nnominati minnha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, peress li l‑għażla ta’ xiri tneħħiet mill-abbozz tal-ftehim fil-mument tar-raba’ offerta, iż-żieda tal-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” biddel il‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fi klawżola ta’ awtoevalwazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sakemm, b’dan l-argument, ir-rikorrenti tallega li l-klawżola ma għandhiex taqa’ taħt l‑Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat dan li ġej.

97      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk tranżazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fil-livell tal-kompetizzjoni, lanqas restrizzjoni tal‑awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant jew ta’ diversi parteċipanti f’din it-tranżazzjoni jew f’din l-attività ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni jew ta’ din l‑attività u proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra (ara s‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2201, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Fil-fatt, meta ma huwiex possibbli li tali restrizzjoni tinżamm distinta mit-tranżazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma tiġi kompromessa l-eżistenza jew l-għanijiet tagħha, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari, u dan minkejja li, meqjusa waħidha, restrizzjoni simili tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE (sentenza MasterCard et vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2201, punt 90).

99      Għalhekk, il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari jkopri kull restrizzjoni li hija direttament marbuta u neċessarja għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/99, Ġabra, EU:T:2001:215, punt 104, u tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, Ġabra, EU:T:2012:332, punt 62).

100    Bil-kliem restrizzjoni direttament marbuta mal-implementazzjoni ta’ tranżazzjoni prinċipali, għandha tinftiehem kull restrizzjoni li l‑importanza tagħha hija sekondarja meta mqabbla mal‑implementazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni u li fiha rabta diretta magħha (sentenzi M6 et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2001:215, punt 105, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 63).

101    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni, din timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tat-tranżazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk hijiex proporzjonali għaliha (sentenzi M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2001:215, punt 106, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 64).

102    Fir-rigward tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn l-eżistenza ta’ regola ta’ raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi aċċettata, ikun żbaljat li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tar-restrizzjonijiet anċillari, ir-rekwiżit tan-neċessità oġġettiva jiġi interpretat bħala li jimplika l-bżonn li jiġu bbilanċjati l-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ ftehim (sentenzi M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2001:215, punt 107, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 65).

103    Din il-pożizzjoni hija ġġustifikata mhux biss sabiex tinżamm l‑effettività tal-Artikolu 101(3) TFUE, iżda anki għal raġunijiet ta’ konsistenza. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 101(1) TFUE ma jeħtieġx analiżi tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ restrizzjoni prinċipali fuq il‑kompetizzjoni, l-istess konstatazzjoni hija meħtieġa fir-rigward tal‑analiżi tar-restrizzjonijiet li jakkumpanjawhom (sentenzi M6 et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2001:215, punt 108, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 66).

104    Konsegwentement, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni prinċipali ma tistax biss tkun relattivament astratta. Ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tat-tranżazzjoni prinċipali iżda sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest speċifiku tat-tranżazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex meħtieġa sabiex tiġi implementata dik it‑tranżazzjoni. Jekk, fin-nuqqas tar-restrizzjoni, it-tranżazzjoni prinċipali tirriżulta diffiċli jew saħansitra impossibbli li tiġi implementata, ir‑restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha (sentenzi M6 et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2001:215, punt 109, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 67).

105    Fejn restrizzjoni hija oġġettivament meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ tranżazzjoni prinċipali, xorta huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku tagħha jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi implementata din it-tranżazzjoni. Jekk it-tul jew il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex tiġi implementata t-tranżazzjoni, din għandha tiġi analizzata separatament fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE (sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 68).

106    Għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ ftehim partikolari fir-rigward ta’ tranżazzjoni prinċipali tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-konvenuta, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni jillimita ruħu għall-verifika tal‑osservanza tar-regoli proċedurali, għan-natura adegwata tal‑motivazzjoni u għall-eżattezza materjali tal-fatti, għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u għall-abbuż ta’ poter (sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 69).

107    Jekk jiġi stabbilit li restrizzjoni hija direttament marbuta u meħtieġa sabiex tiġi implementata tranżazzjoni prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata ma’ dik tat-tranżazzjoni prinċipali. Għaldaqstant, jekk it-tranżazzjoni prinċipali ma taqax fi ħdan il-kamp tal-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 101(1) TFUE, l-istess ikun jgħodd għar-restrizzjonijiet direttament marbuta u meħtieġa għal din it-tranżazzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tibbenefika minn eżenzjoni taħt l‑Artikolu 101(3) TFUE, din l-eżenzjoni tkopri wkoll l-imsemmija restrizzjonijiet anċillari (sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 70).

108    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra, EU:C:1985:327, punti 17 sa 20), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni inkluża f’kuntratt ta’ bejgħ ta’ impriża. Wara li kkonstatat li s-sempliċi fatt li jkunu inklużi f’kuntratt ta’ bejgħ ta’ impriża ma kienx, fih innifsu, biżżejjed sabiex klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex tevalwa jekk tali klawżoli kinux jaqgħu jew le taħt il-projbizzjoni f’dan l-artikolu, kien hemm lok li jiġi eżaminat kif tkun il-kompetizzjoni fl‑assenza tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, f’tali każ, jekk il‑venditur u x-xerrej jibqgħu kompetituri wara l-bejgħ, il-ftehim ta’ bejgħ ta’ impriża ma jistax ikollu effett, peress li l-venditur, li jkollu konoxxenza partikolarment tajba tal-karatteristiċi tal-impriża ttrasferita, iżomm il-possibbiltà li jiġbed għalih innifsu l-ex klijenti tiegħu, b’tali mod li, f’tali sitwazzjoni, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kellhom, bħala regola, il-benefiċċju li jiżguraw il-possibbiltà u l‑effettività tal-bejgħ, filwaqt li madankollu għandhom ikunu meħtieġa għat-trasferiment tal-impriża mibjugħa u li l-portata u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandhom ikunu strettament limitati għal dan il‑għan.

109    Fir-rigward tal-għażla ta’ xiri u tat-tluq tal-membri tal-Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, għandu jiġi nnotat li r‑rikorrenti tiddikjara, fil-punti 20 u 76 tar-rikors, li l-klawżola kellha, fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ elementi, għan paragunabbli ma’ dak tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni inklużi fil-ftehim ta’ bejgħ ta’ impriżi jiġifieri li tipprekludi lil Telefónica milli tuża informazzjoni miksuba bis-saħħa tal-preżenza tagħha fil-Bord tad-Diretturi ta’ PT sabiex tikkompeti ma’ PT.

110    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għażla ta’ xiri, hemm lok li jiġi rrilevat li din ma tidhirx iktar fil-verżjoni finali tal-ftehim, b’tali mod li ma tistax tiġġustifika l-klawżola, u din kienet, barra minn hekk, ir‑raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-klawżola setgħetx tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari tal-għażla ta’ xiri (ara l-premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti llimitat ruħha, l‑ewwel nett, sabiex targumenta li “l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien fl-interess ta’ PT u tipiku ta’ akkwist ta’ attiv bil‑karatteristiċi tagħha li jirriżultaw mill‑eżekuzzjoni tal-għażla ta’ xiri, speċjalment ta’ akkwist li jwassal għal tisħiħ tal-kontroll, li jimplika investiment sinjifikattiv u r-riskju li min qed ibigħ jista’ jopera fis-settur mibjugħ, li tiegħu għandu konoxxenza tajba”, it-tieni nett, sabiex tenfasizza d-daqs tas-sehem tagħha li kellu jkun is-suġġett tal-għażla ta’ xiri (10 %) u, it-tielet nett, sabiex issostni li “PT kienet imdorrija tassoċja dan it-tip ta’ klawżoli ma’ ftehim ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ ishma, sakemm ikunu limitati fiż-żmien u ma jippreġudikawx l-attivitajiet li jkunu għaddejjin” u li “PT kellha interess li tipproteġi lilha nnifsha għal żmien qasir wara l-eżerċizzju tal-għażla ta’ xiri”.

111    Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn u kif, f’dan il-każ, b’mod konkret, il-bejgħ minn Telefónica, ta’ azzjonijiet ta’ PT li hija kellha, seta’ jwassal għar-riskju li min ibigħ ikompli jopera fis-settur kkonċernat li tiegħu huwa kellu konoxxenza tajba, u lanqas kif, konkretament, hija kellha tipproteġi lilha nnifisha minħabba l-eżerċizzju tal-għażla ta’ xiri.

112    Barra minn hekk, filwaqt li insistiet dwar il-fatt li l-għażla ta’ xiri u l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni dehru fl-istess ħin fil-kuntest tat-tieni offerta, li kien jissuġġerixxi li kien hemm rabta bejn it-tnejn, ir-rikorrenti ma turix li l-introduzzjoni tat-tnejn kienet relatata. B’hekk, ir‑rikorrenti tillimita ruħha sabiex tiddikjara li l-fatt li l-klawżola kienet marbuta mal-għażla ta’ xiri jirriżulta mill-iskambju ta’ korrispondenza bejn Telefónica u PT li sar fl-1 ta’ Ġunju 2010 bejn is-2:53 u l-17:00, li wassal għaż-żieda fil-prezz tat-tieni offerta. L-imsemmija korrispondenza, prodotta mill-Kummissjoni bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, tikkonsisti fi skambju ta’ posta elettronika bejn Telefónica u PT li kienu jinkludu r-reviżjonijiet suċċessivi tat-test tal-ftehim bl-emendi jidhru. Anki jekk dawn il-verżjonijiet tal-ftehim jinkludu b’mod ċar l-għażla ta’ xiri u l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, madankollu huma ma jippermettux li tiġi dedotta rabta ta’ dipendenza ta’ din tal-aħħar fil-konfront tal-għażla ta’ xiri.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma għandux ikun sostnut li l-klawżola setgħet tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri.

114    F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, it-tluq tal-membri tal-Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, ir-rikorrenti tinsisti dwar il-fatt li dawn seta’ jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva mingħajr madankollu ma turi li kien hemm riskju reali li Telefónica tuża l-informazzjoni miksuba mill-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minnha għad-detriment ta’ PS wara t-tluq ta’ dawn il‑membri.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tista’ tikkonfuta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil‑premessi 391 sa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li l‑klawżola ma tistax tkun iġġustifikata bħal restrizzjoni anċillari għat‑tluq tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica.

116    Il-Kummissjoni b’hekk iddikjarat, b’mod partikolari, li d-dritt tal‑kumpanniji Portugiżi u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 64, 254 u 398 tal-Kodiċi Kummerċjali Portugiż jimponu fuq il-membri ta’ Bord tad-Diretturi l-obbligu li ma jużawx l-informazzjoni li għaliha kellhom aċċess f’dan il-kuntest għal finijiet differenti minn dawk meħtieġa għall‑amministrazzjoni tajba tal-kumpannija (premessa 395 tad‑deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax għaliex, fil‑preżenza ta’ tali obbligu legali, il-klawżola kienet neċessarja sabiex tipproteġi l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-membri tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica wara t-tluq tagħhom mill-imsemmi Bord tad- Diretturi.

117    Bl-istess mod, il-Kummissjoni nnotat, f’dak li jirrigwarda l-allegata neċessità li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali li għaliha kellhom aċċess il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, li l-imsemmija informazzjoni kienet tqiegħdet għad‑dispożizzjoni ta’ dawn il-membri qabel it-tranżazzjoni Vivo, li ebda ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kien ikkunsidrat bħala neċessarju f’dak il-mument u li l-partijiet ma kinux stabbilixxew għaliex it-tluq ta’ Telefónica mill-Bord tad-Diretturi ta’ PT wassal għall-ħtieġa li jiġi adottat ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessi 393 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-klawżola kienet restrizzjoni anċillari għat-tluq tal‑membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti lanqas ma kkontradixxiet il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil‑premessi 402 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li, anki jekk ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jitqies li kien neċessarju għall-implementazzjoni tat-tluq mill-Bord tad-Diretturi ta’ PT tal-membri nnominati minn Telefónica, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-imsemmi organu, tali ftehim kellu jillimita ruħu għal dak li huwa strettament neċessarju, li ma huwiex il-każ tal-klawżola, li għandha natura bilaterali u għalhekk ma tipprojbixxix biss lil Telefónica milli tikkompeti ma’ PT, iżda wkoll lil PT milli tikkompeti ma’ Telefónica.

120    Finalment, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kwistjoni li jkun magħruf jekk restrizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħal anċillari għandha tiġi eżaminata fil-konfront tal‑obbligu prinċipali. Issa, f’dan il-każ, it-tranżazzjoni prinċipali li fil‑konfront tagħha għandha tiġi evalwata l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni la hija l-għażla ta’ xiri mill-ġdid u lanqas it-tluq tal-membri nnominati minn Telefónica mill-Bord tad-Diretturi ta’ PT, iżda t-tranżazzjoni Vivo. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova sabiex turi li l-klawżola kienet neċessarja sabiex tippermetti l‑implementazzjoni tal-imsemmija tranżazzjoni.

121    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxiliex turi li l-klawżola kellha tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri tant li din kienet tidher fil-ftehim, fatt li kellu jiġi kkunsidrat waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-ftehim. Bl‑istess mod, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-klawżola kienet restrizzjoni anċillari għat-tluq tal-membri innominati minn Telefónica tal-Bord tad‑Diretturi ta’ PT, prevista fil-verżjoni finali tal-ftehim, b’tali mod li minħabba f’hekk hija ma kinitx taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 101 TFUE.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola kellha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola ma kien fiha l-ebda obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE: l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni stabbilit mill-klawżola kien suġġett għall‑kundizzjoni tal-evalwazzjoni tagħha u tal-validazzjoni tagħha miż-żewġ partijiet u, sa fejn din l-evalwazzjoni tkun seħħet jew fejn ikun ġie konkluż li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kienx ammissibbli, dan kien jispiċċa mingħajr qatt ma jkun ipproduċa effett. Fi kwalunkwe każ, din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija l-iktar waħda plawżibbli.

123    Skont ir-rikorrenti, minħabba li ssemmi “safejn huwa permess mil-liġi”, il-klawżola fir-realtà kellha żewġ obbligi, jiġifieri, obbligu, sekondarju, ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u obbligu, prinċipali, ta’ awtoevalwazzjoni, li jimponi fuq il-partijiet il-ħtieġa li jevalwaw il‑legalità tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u jekk l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni previst mill-klawżola jkollu bħala riżultat li l‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kienx legali, dan isir awtomatikament null.

124    Waqt il-konferenzi telefoniċi tas-26 u tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-partijiet wettqu l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni previst fil-klawżola u wasslu għall-konklużjoni li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma kinitx ammissibbli. Huma għalhekk eżaminaw il-kwistjoni dwar jekk kellhiex tiġi abrogata l-klawżola, iżda tali soluzzjoni ftit kienet tidher kompatibbli mal-eżistenza tal-obbligu ta’ awtoevalwazzjoni li issa kien jinsab fil-klawżola. PT għalhekk aċċettat li l-obbligu impost bil‑klawżola kien issodisfatt bit-twettiq tal-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u li l-awtoritajiet kompetenti kellhom jiġu informati bir-riżultat tal-imsemmi eżerċizzju. Kien f’dan il-kuntest li kellu jiġi mifhum il-ftehim bejn il-partijiet fl-4 ta’ Frar 2011, li elimina l‑klawżola u kkonferma li din ma kienet qatt imponiet obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq xi waħda mill-partijiet.

125    Finalment, l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma setax jipproduċi effetti qabel ma jiġi vvalidat u ma setax, konsegwentement, jiġi kklassifikat bħal restrizzjoni minħabba l-għan. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dan kien il-każ, huwa sar null fid-29 ta’ Ottubru 2010, data li fiha kien sar ċar għaż-żewġ partijiet li huma ma setgħux jinvokaw il-ftehim sabiex ma jikkompetux bejniethom.

126    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta xi konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma tipproduċi elementi konkreti jew, tal-inqas, argumenti rilevanti li jikkontestawhom. Ir-rikorrenti ssemmi, essenzjalment, il‑punti segwenti fil-kuntest tal-argument tagħha: l-ewwel nett, il‑konklużjoni li tinsab fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-kliem tal-klawżola juri n-natura antikompetittiva tagħha hija żbaljata, it-tieni nett, il-partijiet kellhom raġun ikollhom dubju dwar il-possibbiltà li l-klawżola setgħet kienet legali bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri jew għat-tluq tal-membri tal-Bord tad‑Diretturi nnominati minn Telefónica, it-tielet nett, il-kundizzjonijiet tan-negozjati tal-ftehim kienu jiġġustifikaw li l-eżami ta’ din il‑possibbiltà jiġi pospost għal iktar tard, ir-raba’ nett, il-konferenzi bl‑awdjo ta’ Ottubru 2010 jipprovaw li l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni previst mill‑klawżola kien seħħ, il-ħames nett, il‑ftehim ta’ abrogazzjoni tal-klawżola konkluż fl-4 ta’ Frar 2011 kien jikkonferma li l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni kien seħħ u li l‑klawżola qatt ma kellha l-iċken effett, is-sitt nett, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-risposti ta’ PT għat-talba għal informazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2011 u, finalment, is-seba’ nett, il-partijiet fi kwalunkwe każ kellhom biżżejjed argumenti sabiex ma josservawx il-klawżola.

127    Fl-ewwel lok, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-konklużjoni li tinsab fil‑premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata hija relatata mal-argument tagħha li jispjega li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija ma tanalizzax il-klawżola bħala sempliċi obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, iżda ssostni li l-klawżola kien fiha żewġ obbligi, wieħed preliminari, l-ieħor finali: l-obbligu preliminari ta’ awtoevalwazzjoni kien li jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienx possibbli, filwaqt li dan tal-aħħar ma setax jiġi kkostitwit mingħajr ma l-partijiet ikunu vverifikaw li kien possibbli. Iż‑żieda tal-kliem “safejn huwa permess mil-liġi” fil-fatt fissret li l-ebda waħda mill-partijiet ma kellha d-dritt li titlob lill-oħra tastjeni milli tikkompeti mingħajr ma qabel ma tkun ivvalidat il-legalità ta’ dan l‑aġir, peress li l-obbligu li ma jkunx hemm kompetizzjoni kien jiddependi mill-osservanza tal-obbligu li tiġi evalwata l-legalità ta’ din ir-restrizzjoni.

128    L-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni għalhekk ma għandux jitħallat mal-obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u r-riżultat tal‑awtoevalwazzjoni, waqt il-konferenza awdjo ta’ Ottubru 2010, kien li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kienx legali. Il-ftehim ta’ abrogazzjoni kellu l-għan li jelimina l-klawżola sabiex ineħħi d-dubju u jwarrab b’mod definittiv l-idea li bejn il-partijiet kien hemm xi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, u mhux sabiex ineħħi l-obbligu ta’ awtoevalwazzjoni.

129    Għandu jiġi nnotat, skont il-Kummissjoni, li l-allegata differenza li saret mir-rikorrenti bejn id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 76 tad‑deċiżjoni kkontestata li “il-partijiet issostnu li minflok ma imponiet obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, il-klawżola tipprovdi biss għal sempliċi obbligu ta’ awtoevalwazzjoni tal-legalità u tal-portata tal‑ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni” u d-dikjarazzjoni li “il-klawżola kellha obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li l-legalità tagħha kienet tiddependi minn validazzjoni mill-partijiet” ma hijiex rilevanti. Iż-żewġ dikjarazzjonijiet, essenzjalment, jallegaw li, bis-saħħa tal-kliem “safejn huwa permess mil-liġi”, l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni previst bil-klawżola ma setax ikollu effett qabel ma l-legalità tiegħu tiġi analizzata mill-partijiet. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li qed targumenta r-rikorrenti, l-allegata spjegazzjoni li l-klawżola ma kienx fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, iżda obbligu preliminari ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu sussegwenti ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kinitx tippermetti li jiġu kkonfutati l-argumenti tal‑Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

130    Għal dak li jirrigwarda, għalhekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegata spjegazzjoni tar-rikorrenti li l-klawżola ma kienx fiha biss, fl-opinjoni tagħha, obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, iżda wkoll obbligu – sekondarju – ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma jibdel xejn mill-fatt li, manifestament, il-kliem tal-klawżola ma jagħmel l-ebda riferiment għal xi eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u għalhekk ma għandu jsostni l-ebda argument tal-partijiet li l-klawżola kellha obbligu sabiex verament isir tali eżerċizzju.

131    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Mill-eżami tal-elementi mressqa mir‑rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jirriżulta li din ma rnexxilhiex tikkonfuta b’mod validu l-analiżi tal-Kummissjoni, li tgħid li l-idea li l‑klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, li tali awtoevalwazzjoni kienet seħħet u li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kien qatt sar effettiv, b’tali mod li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ma tistax tintlaqa’. Ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tallega li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien issuġġettat għall-verifika tal-possibbiltà tiegħu, iżda ma tressqet l‑ebda prova li tista’ tikkontesta l-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi li ma kien hemm xejn x’jindika li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni li fuqu kien jiddependi d-dħul fis-seħħ tal‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.

132    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tressaq provi intiżi sabiex turi li l‑interpretazzjoni li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni tal-legalità tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni hija msaħħa bil-fatt li kien hemm dubju raġjonevoli fir-rigward tal-possibbiltà li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri jew għat-tluq tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica. Ir-rikorrenti ssostni b’hekk li, fid-dawl tal-kuntest u tal-pressjoni tan-negozjati, kien jidhrilha raġjonevoli li jitwarrab l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni sakemm issir il-verifika tal-konsegwenzi tal-eliminazzjoni tal-għażla ta’ xiri u taż-żamma tal‑obbligu tar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica.

133    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

134    Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għażla ta’ xiri, għandu jitfakkar li din hija prevista fit-tieni u fit-tielet offerti (premessi 41 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ma baqgħetx tidher fir-raba’ offerta, peress li sadattant Telefónica kienet biegħet il-maġġoranza tas-sehem tagħha f’PT, li kienet inizjalment telgħet għal madwar 10 % (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Huwa għalhekk li r-rikorrenti ssostni li, minħabba ż-żmien qasir bejn il‑wasla tar-raba’ offerta u l-firma tal-ftehim, jiġifieri 24 siegħa, il‑partijiet ma kellhomx il-ħin jivverifikaw jekk il-klawżola setgħetx tibqa’ legali mingħajr l-għażla ta’ xiri, b’tali mod li huma biddlu l‑klawżola fi klawżola ta’ awtoevalwazzjoni sabiex jipposponu għal iktar tard l-eżami tal-legalità tagħha.

136    Madankollu, minn dak li ġie kkonstatat fil-punti 110 sa 113 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova li l-klawżola setgħet tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri fil‑mument li din kienet tidher fil-ftehim jew li seta’ jeżisti dubju raġjonevoli f’dan ir-rigward, b’tali mod li kull argument ibbażat fuq din l-idea ma għandux jintlaqa’.

137    F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, it-tluq tal-membri tal-Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, previst fil-ftehim, ġie wkoll ikkonstatat fil-punti 114 sa 118 iktar ’il fuq li ma kienx stabbilit li l‑klawżola kienet restrizzjoni anċillari għall-imsemmija riżenja, b’tali mod li allegat dubju f’dan ir-rigward ma għandux ikun bażi għall‑argument li l-klawżola fir-realtà stabbilixxiet obbligu ta’ awtoevalwazzjoni tal-legalità ta’ tali restrizzjoni.

138    F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jiġi nnotat li, kif irrilevat il‑Kummissjoni fil-premessa 376(b) tad-deċiżjoni kkontestata, l‑argument tar-rikorrenti huwa vvizzjat minn kontradizzjoni, sa fejn il‑kunsiderazzjonijiet li l-klawżola setgħet tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni anċillari għat-tluq tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, minn naħa, u li l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni seta’ jippermetti li jiġi stabbilit li l-klawżola ma kinitx konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, huma inkompatibbli, peress li, jekk il-klawżola kienet legali bħala restrizzjoni anċillari għat-tluq tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, l-allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni ma setax iwassal għall-konklużjoni li l-klawżola kienet illegali.

139    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li tinsisti fuq l-allegata diffikultà tal-kwistjoni ġuridika li jkun magħruf jekk il-klawżola setgħetx tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari tar-riżenja tal‑membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica, ir‑rikorrenti, kif ġustament tirrilevah il-Kummissjoni, qatt ma sostniet li l-allegata evalwazzjoni tal-legalità tal-klawżola waqt il-konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010 kienu twal jew diffiċli, filwaqt li għall-kuntrarju sostniet li żewġ telefonati kienu biżżejjed sabiex il-partijiet jiftehmu dwar il-kwistjoni.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegata kumplessità ġuridika tal-kwistjonijiet marbuta mal-possibbiltà li l-klawżola tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għall-għażla ta’ xiri jew għar‑riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica ma tistax tintuża bħala prova favur l-argument li l-kliem “safejn huwa permess mil-liġi” introduċa obbligu ta’ awtoevalwazzjoni tal-legalità tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-klawżola.

141    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet tan-negozjati tal‑ftehim iġġustifikaw iż-żieda ta’ obbligu ta’ awtoevalwazzjoni qabel l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Waqt l-eżami tar-raba’ offerta, il-partijiet ma xtaqux jeżaminaw mill-ġdid il-klawżoli li kienu ġejjin minn offerti preċedenti u ma emendawhomx ħlief jekk dan kien indispensabbli sabiex jadattaw il-proposta għall-karatteristiċi essenzjali tat-tranżazzjoni. Iż-żieda tal-kliem “safejn huwa permess mil-liġi” għalhekk kien dovut għall-fatt li ċ-ċirkustanzi kienu nbidlu bit-tneħħija tal-għażla ta’ xiri, iżda li ma kienx possibbli, fid-dawl ta’ diversi restrizzjonijiet tan-negozjar, li tiġi vvalidata a priori l‑legalità taż‑żamma tal-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fit-termini inizjalment previsti.

142    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ftehim ġie ffirmat inqas minn 24 siegħa wara li kienet riċevuta r-raba’ offerta. F’dan il-perijodu, peress li kien hemm involuta l-konklużjoni tal-akkwist ta’ Vivo u ta’ Oi, il-klawżola kienet l-aħħar ħsieb ta’ PT, xejn ma kien juri li l-partijiet kienu ddiskutew ir-redazzjoni finali tal-klawżola u kollox jindika li dan ma għamluhx.

143    Dan l-argument lanqas ma huwa konvinċenti.

144    Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-għażla ta’ xiri, għandu jitfakkar li kien mit-23 ta’ Ġunju 2010 li Telefónica ħabbret li kienet naqqset is-sehem tagħha f’PT bi kważi 2 %, b’tali mod li, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, kien minn dik id-data, jiġifieri iktar minn xahar qabel ma ntbagħtet ir-raba’ offerta fis-27 ta’ Lulju u l-firma tal‑ftehim fit-28 ta’ Lulju 2010, li l-partijiet kienu jafu li ma kinitx għadha teżisti l-allegata rabta bejn l-għażla ta’ xiri u l-klawżola. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni li l-partijiet kellhom biss terminu ta’ 24 siegħa sabiex jevalwaw il-konsegwenzi tat-tneħħija tal‑għażla ta’ xiri.

145    Imbagħad, hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrenti ma tikkonfutax il-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi li l-partijiet emendaw it-termini tal-ftehim sa tmiem in-negozjati, jiġifieri il-fatt li l-klawżoli 6 u 7 tal‑ftehim kellhom emendi bejn il-preżentazzjoni tar-raba’ offerta u l‑firma tal-ftehim u li l-klawżola fiha nnifisha kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet u ta’ emendi fir-rigward tal-portata tagħha sa ftit qabel l‑iffirmar tal-ftehim. Hija tillimita ruħha sabiex tiddikjara li “xejn ma jipprova li l-partijiet iddiskutew ir-redazzjoni finali tal-[klawżola] u kollox jindika li dan ma għamluhx”. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-punt 34 tar-risposta, li l-emenda tal-klawżola li kienet tikkonsisti sabiex id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha tinbidel mid-“data tal-firma tal-preżenti” għad-“data [tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni]” kienet bidla ta’ sempliċi loġika, jiġifieri korrezzjoni awtomatika, ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, il-kliem “id-data tal-firma tal‑preżenti” kien ifisser li l-klawżola tieħu effett mill-mument tal‑iffirmar tal-ftehim, jiġifieri fit-28 ta’ Lulju 2010, filwaqt li l-kliem “id-data tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni” ifisser li l-klawżola tieħu effett mill-mument tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punti 22 u 25 iktar ’il fuq).

146    Finalment, b’mod iktar ġenerali, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l‑allegata diffikultà tal-kundizzjonijiet ta’ negozjar għandu jiġi miċħud. B’hekk, il-Kummissjoni ġustament tiddikjara fil-premessa 249 tad‑deċiżjoni kkontestata u fil-punt 49 tar-risposta li sempliċement mhux kredibbli li impriżi bħal Telefónica u PT, li għandhom aċċess u l‑potenzjal li jużaw pariri legali professjonali, “ma għalqux b’suċċess” id-diskussjoni u l-emenda tal-kliem tal-ftehim u, b’mod partikolari, tal‑klawżola. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkonfuta bl-ebda mod din id-dikjarazzjoni u tillimita ruħha għal darb’oħra sabiex tiddikjara li “il-probabbiltà li, xi darba, il-partijiet kellhom aċċess u l-possibbiltà li jużaw pariri legali professjonali kienet, tallinqas, inċerta u oġġettivament redotta”.

147    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni allegatament previst bil-klawżola sar waqt il-konferenzi awdjo li seħħew fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010. Sa fejn, madankollu, ir‑rikorrenti ma tikkontestax mill-ġdid l-analiżi magħmula mill‑Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 102 sa 124 tad‑deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-provi prodotti mill-partijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li n-“nullità” tal-klawżola b’effett mid‑29 ta’ Ottubru 2010 ġiet ipprovata, li l-awtoevalwazzjoni kienet prevista mill-klawżola jew li din l-allegata awtoevalwazzjoni kellha xi effett (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata), l-allegazzjonijiet tagħha għandhom għal darb’oħra jiġu miċħuda. Ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tiddikjara li “il-prova tal-kuntatti u l-prova tal-portata tagħhom huma l-istess u jaqblu”, li “ma jidhirx raġonevoli li jitwemmen li l‑konferenzi awdjo kellhom għan ieħor minbarra dak li jiddiskutu l‑klawżola u li minn dan irriżultat il-konferma li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien legali”, li “l-ebda prova ma hija favur argument tant assurd” u li, “għall-kuntrarju, kollox jindika li r-riflessjoni komuni ma setgħetx twassal ħlief għal konklużjoni waħda, jiġifieri dik li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien illegali u ineffikaċi”.

148    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tikkonfutax l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li, jekk il-klawżola kienet verament ipprevediet obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, kien ikun loġiku mhux biss li hija tagħmel riferiment għalih, iżda wkoll li hija tipprevedi data għalih u mhux data stabbilita ta’ dħul fis-seħħ, jew, fin-nuqqas, li l-partijiet jipproċedu tal-inqas għal din l-awtoevalwazzjoni kemm jista’ jkun malajr wara l-firma tal-ftehim u, fi kwalunkwe każ, qabel id-dħul fis-seħħ previst tal-klawżola fil‑mument tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010 (premessi 250 sa 255 u 309 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata). Sa fejn ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex turi li “il‑partijiet jistgħu jiddeċiedu li huwa neċessarju li jistabbilixxu terminu, kif jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux wieħed”, li, peress li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni previst bil-klawżola ma kienx vinkolanti peress li l-legalità tiegħu ma kinitx ġiet ivvalidata, PT ma kkunsidratx li kien urġenti tikkjarifika l-kwistjoni, peress li s-suġġett kien “intesa”, u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, “jista’ jiġi mifhum li l‑partijiet ma kellhomx xi ħeġġa eċċessiva sabiex jikkjarifikaw il-kwistjoni”, għandu jiġi kkonstatat li hija baqgħet ma spjegatx la l-assenza ta’ data għall-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u lanqas id-dewmien fl‑allegata implementazzjoni tiegħu.

149    Id-dikjarazzjoni taħt ġurament ta’ M. R. S. S. N., responsabbli mid‑Direttorat tal-kompetizzjoni ta’ PT fid-data tal-konklużjoni tal‑ftehim kif ukoll tal-ftehim ta’ abrogazzjoni tal-klawżola, li l‑Kummissjoni pproduċiet bħala Anness B.1 fir-risposta tagħha, ma tibdilx din il-konstatazzjoni. Ċertament M. R. S. S. N. tiddikjara f’din id‑dikjarazzjoni li, waqt il-konferenzi telefoniċi bejn Telefónica u PT fix-xahar ta’ Ottubru 2010, l-aċċettabbiltà tal-klawżola fir-rigward tad‑dritt tal-kompetizzjoni ġiet evalwata, li minnha ġie konkluż li l‑partijiet ma setgħux jidħlu fit-termini kif inizjalment previsti u li minn dawn il-konferenzi kien jirriżulta wkoll li l-obbligu previst mill‑klawżola seta’ jiġi kkunsidrat bħala eżegwit b’effett mill-mument li fih il-partijiet ipproċedew bl-eżami tal-legalità tiegħu u kkonkludew dwar l-impossibbiltà tal-għan tiegħu (ara wkoll il-premessa 117 tad‑deċiżjoni kkontestata). Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni (premessi 120 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata), din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix prova kontemporanja tal-kontenut tal-konverżazzjonijiet ta’ Ottubru 2010, fatt, li jagħtiha valur probatorju ogħla (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra, EU:T:1999:54, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 181). Barra minn hekk, anki jekk xhieda mogħtija permezz ta’ xhieda diretta taċ-ċirkustanzi li jkunu ġew esposti għandha bħala regola tiġi kklassifikata bħala prova b’valur probatorju għoli (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, Ġabra, EU:T:2011:68, punt 75), għandu xorta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ġiet mogħtija minn persuna li seta’ kellha interess dirett fil-kawża u li ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala indipendenti mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:68, punti 69 u 70).

150    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-provi kollha preżenti, din id‑dikjarazzjoni bħala l-unika prova ma hijiex biżżejjed sabiex turi li l‑klawżola kienet tinkludi obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, filwaqt li jitfakkar li, fir-rigward tal-valur ta’ prova li għandu jingħata lill-provi differenti, l-unika kriterju rilevanti biex jiġu evalwati l-provi mressqa jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra, EU:T:2004:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra, EU:T:2004:220, punt 72, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 273) u li, skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi ta’ kif inħadem, mid-destinatarju tiegħu u min-natura raġjonevoli u affidabbli tal-kontenut tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 1053).

151    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (premessi 313 sa 323 tad-deċiżjoni kkontestata) fir-rigward tal-ftehim ta’ abrogazzjoni tal-klawżola (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Skont il‑Kummissjoni, essenzjalment, il-ftehim ta’ abrogazzjoni ma jippermettix li jintlaqa’ l-argument li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni li saret waqt konverżazzjonijiet bit-telefon f’Ottubru 2010, b’mod partikolari għaliex l-ebda terminu tal-ftehim ta’ abrogazzjoni ma jippermetti li jkun hemm rabta bejn id-deċiżjoni ta’ abrogazzjoni tal-klawżola u obbligu ta’ awtoevalwazzjoni (premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-premessi tal-ftehim ta’ abrogazzjoni jispjegaw iċ-ċirkustanzi li fihom il-partijiet wasslu għad‑deċiżjoni li “titneħħa” il-klawżola, mingħajr madankollu ma jagħmlu riferiment għall-konverżazzjonijiet bit-telefon tax-xahar ta’ Ottubru (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata), u t-termini tal-ftehim ta’ abrogazzjoni jindikaw preċiżament li l-klawżola kienet tinkludi obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u mhux obbligu ta’ awtoevalwazzjoni (premessi 317 sa 322 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni titlaq mill‑premessa żbaljata li l-partijiet sostnew li l-klawżola kien fiha biss obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, filwaqt li PT dejjem sostniet li l-klawżola kien fiha żewġ obbligi, obbligu preliminari ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu sekondarju ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ tali interpretazzjoni, il-ftehim ta’ abrogazzjoni ma kien bl-ebda mod jikkontradixxi l-idea li l-klawżola kienet stabbilixxiet obbligu ta’ awtoevalwazzjoni.

153    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Anki kieku kien hemm lok li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni miġbur fil-qosor fil-punt 151 iktar ’il fuq jibqa’ validu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex issostni li l-ftehim ta’ abrogazzjoni “jikkonferma” l‑interpretazzjoni tal-partijiet waqt il-konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010 u li d-dikjarazzjoni li tinsab fl-imsemmi ftehim, li tipprovdi li l‑klawżola “ma tistax tiġi eżegwita u fl-ebda mument ma ġiet eżegwita”, ma tidhirx li hija inkoerenti ħlief jekk il-klawżola tiġi ristretta għal obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, peress li huwa inkoerenti li jiġi ddikjarat li l-obbligu ma jistax jiġi eżegwit u qatt ma ġie eżegwit filwaqt li l‑partijiet ġustament isostnu li l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni allegatament previst mill-klawżola seħħ, iżda mhux jekk jiġi aċċettat li l-klawżola kienet tinkludi obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni peress li, f’dan il-każ, dan ma jkunx inkoerenti li jiġi ddikjarat li l-obbligu previst mill-klawżola ma jistax jiġi eżegwit u lanqas qatt ma ġie eżegwit.

154    Issa, dan l-argument ma jibdel xejn mill-fatt li l-ftehim ma jagħmel l‑ebda riferiment għall-konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010, għal allegata interpretazzjoni tal-klawżola mogħtija waqt dawn il-konferenzi awdjo, mill-fatt li jikkonferma allegat riżultat tal-imsemmija konferenzi jew, b’mod ġenerali, mill-fatt li l-klawżola fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni. Anki jekk jiġi ammess li l-allegata differenza magħmula minn PT bejn il-fatt li ssostni li l-klawżola tinkludi obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u l-fatt li ssostni li kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, it-termini tal‑ftehim ta’ abrogazzjoni u, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni li l-klawżola ma tistax tiġi eżegwita u qatt ma ġiet eżegwita jibqgħu inkoerenti fir-rigward ta’ tali interpretazzjoni.

155    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tiżbalja meta tiddikjara, fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-risposta ta’ PT għat-talba ta’ informazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2011 ma ssemmix li l-klawżola kellha tiġi interpretata bħala li tinkludi l-obbligu li jsir eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u meta hija tirrileva, fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata, li, qabel ir-risposti tagħhom għad‑dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-partijiet ma invokawx li l‑klawżola kienet tipprevedi obbligu li ssir awtoevalwazzjoni.

156    Għandu jiġi nnotat li, fil-punti 30, 31 u 32 tar-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, PT iddikjarat li “il-fatt huwa li, minkejja li l‑eżistenza tal-imsemmija dispożizzjoni tħabbret pubblikament [minnha] stess fid-9 ta’ Ġunju 2010 (ara l-Anness 10), hija intesiet, peress li l-impriża ma ħassithiex iktar marbuta u ma kinitx qed tippjana titlob li kwalunkwe aġir ta’ Telefónica jkun konformi mad‑dispożizzjonijiet tagħha, tallinqas mhux qabel ma tkun għamlet evalwazzjoni tal-legalità tad-dispożizzjoni”. Hija żiedet li “s-suġġett ma sarx sors ta’ tħassib ħlief bl-aħbarijiet li dehru fil-ġurnali tat-23 u tal‑24 ta’ Awwissu u tad-19 ta’ Ottubru 2010”, li “wara dawn il‑pubblikazzjonijiet, hija tat struzzjonijiet lill-avukati tagħha sabiex jikkuntattjaw lill-avukati ta’ Telefónica sabiex jikkjarifikaw il‑kwistjoni” u li “żewġ konferenzi awdjo seħħew fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010 u kkonkludew li ma kienx hemm ġustifikazzjoni biżżejjed għall-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u li hija ma kellha l-ebda utilità, b’tali mod li kien preferibbli li tiġi abrogata”.

157    Għalhekk, għalkemm PT ma indikatx b’mod espliċitu li l-obbligu prinċipali introdott permezz tal-klawżola kien obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, hija xorta iddikjarat li “hija ma ħassithiex iktar marbuta bil-klawżola u ma kinitx qed tippjana li titlob li kwalunkwe aġir ta’ Telefónica jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha, tallinqas mhux qabel ma tkun għamlet evalwazzjoni tal-legalità tad-dispożizzjoni”, li jimplika l-idea ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-klawżola qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

158    Madankollu, anki jekk id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li, qabel ir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il‑partijiet ma invokawx li l-klawżola kienet tipprevedi obbligu li ssir awtoevalwazzjoni, kienet sabiex jinħeba l-fatt, mhux biss li d‑dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma jiddikjarawx li l-klawżola kienet saret nulla wara l-allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni, iżda, barra minn hekk, il-fatt li PT kienet diġà tat x’tifhem fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2011 li l-legalità tal-klawżola kellha tiġi vvalidata qabel id-dħul fis-seħħ tagħha ma jibdel xejn mill-fatt li r‑rikorrenti ma urietx, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u lanqas li l-klawżola kienet saret nulla wara l-allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni f’Ottubru 2010.

159    Finalment, is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-klawżola kienet ineffikaċi, għaliex il-partijiet kellhom biżżejjed argumenti sabiex ma josservawx l‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. B’hekk, skont ir-rikorrenti, huwa evidenti, wara l-qari tal-kjarifiki mogħtija minn Telefónica u PT, li l-partijiet ma kellhomx l-istess interessi fir-rigward tal-klawżola, peress li Telefónica tallega li hija aċċettatha sabiex tkun tista’ ssir it‑tranżazzjoni Vivo, filwaqt li PT kellha interess fiha sabiex tipproteġi lilha nnifisha minħabba l-għażla ta’ xiri. Għalhekk, iż-żewġ partijiet ma qablux dwar dak li kien permess bil-liġi u għalhekk kellhom biżżejjed argumenti kontra xulxin sabiex ma josservawx l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.

160    Dan l-argument għandu jiġi miċħud mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati r-raġunijiet li allegatament jiffavorixxu l-fatt li l-partijiet kellhom biżżejjed argumenti sabiex ma josservawx l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(2) TFUE, il-ftehim ipprojbiti skont l-imsemmi artikolu huma nulli fid-dritt, b’tali mod li l-ebda impriża ma tista’ tkun obbligata tirrispettahom. Fil-fatt, peress li n-nullità msemmija fl‑Artikolu 101(2) TFUE hija ta’ natura assoluta, ftehim li jkun null bis‑saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huwa bla effett fir-relazzjonijiet bejn il-kontraenti u ma jistax jiġi infurzat kontra terzi (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, Ġabra, EU:C:1971:113, punt 29). Il-fatt li, allegatament, kellhom “argumenti sabiex ma josservawx l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni” ma jistax għalhekk iwassal sabiex ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni inkluża fl-Artikolu 101 TFUE.

161    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola kellha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali

162    Ir-rikorrenti issostni li l-Kummissjoni wettqet żball billi naqset milli tipproċedi għal eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali bil-għan li tivverifika jekk, fir-rigward tal-istruttura tas-swieq rilevanti u tal-kuntest ekonomiku-ġuridiku, kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li Telefónica u PT kienu f’kompetizzjoni reċiproka fis-swieq rilevanti allegatament imsemmija fil-klawżola. Issa, il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni tiddependi wkoll fuq il-kapaċità tagħha li tipproduċi effetti restrittivi.

163    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-ostakoli legali u regolatorji fid-dħul u fit-tkabbir tas-suq Portugiż tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tal-ostakoli inerenti fl-istruttura nnifisha, fil‑karatteristiċi u fl-ispeċifiċitajiet tas-swieq inkwistjoni, il-partijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala kompetituri potenzjali.

164    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li injorat, fid‑deċiżjoni kkontestata, l-analiżi eżawrjenti, li hija użat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Portugall u tal-ostakoli li jrendu l‑kompetizzjoni f’dawn is-swieq impossibbli, billi llimitat ruħha b’argument ġenerali li mhux konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza u naqset milli tikkonfuta parti kbira mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti.

165    Fl-ewwel lok, mill-argument tar-rikorrenti jirriżulta li hija proprjament ma tikkontestax il-motivazzjoni formali tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fatt li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat fl-opinjoni tagħha, li tipproċedi għal studju tal-istruttura ta’ swieq affettwati u ta’ possibbiltajiet reali ta’ kompetizzjoni mill-partijiet f’dawn is-swieq.

166    Fi kwalunkwe każ, kien jidher, fid-dawl tal-premessi 265 sa 278 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx ikkunsidrat li kien meħtieġ li tipproċedi għal analiżi ddettaljata tal-istruttura tas-swieq affettwati u li hija rrispondiet għall-argumenti magħmula mill-partijiet fir-risposti tagħhom għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom, kif ġabrithom fil-qosor fil‑premessi 268 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jkun mifhum fis-sens li hija tikkritika, b’mod ġenerali, allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, hija ma tistax tirnexxi.

167    B’mod iktar preċiż, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 136 u 318 tar-rikors, li l-Kummissjoni naqset milli tikkonfuta, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argument, riprodott fil-premessa 169 tagħha, li, jekk ċerti swieq bl-imnut kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑klawżola, is-swieq bl-ingrossa korrispondenti kellhom ikunu esklużi wkoll, peress li l-kompetizzjoni reali jew potenzjali fis-swieq bl-imnut kienet tikkundizzjona l-kompetizzjoni fis-swieq bl-ingrossa u li, jekk dawk tal‑ewwel ma kinux inklużi fl-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, it‑tieni ma kinux lanqas. Issa, mill-qari tal-premessi 153, 154 u 169 tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l‑partijiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali fis‑swieq kollha tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tas‑servizzi tat-televiżjoni u li, għaldaqstant, sa fejn hija ma aċċettatx il‑premessa li ċerti swieq bl-imnut kellhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, l-argument li s-swieq bl-ingrossa li jikkorrispondu ma’ dawn is-swieq bl-imnut, kumplementari magħhom, kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ma jistax jiġi kkonfutat.

168    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ftit jew xejn riflessjoni dwar il-kwistjoni dwar liema swieq setgħu effettivament ikunu s-suġġett tal-ftehim inkwistjoni. Sa fejn din il-kritika ssemmi wkoll l-osservanza, mill-Kummissjoni, tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandha tkun irrifjutata, għaliex, fit-taqsima 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 186 sa 197), il‑Kummissjoni esponiet “is-swieq rilevanti tal-prodotti”, billi rreferiet, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, mhux biss għall‑orjentazzjonijiet identifikati fir-rakkomandazzjoni tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2007 li tikkonċerna s-swieq rilevanti tal-prodotti u tas‑servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal regolament ex ante skont id-Direttiva 2002/21/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349) iżda wkoll għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha u għall-ġurisprudenza (premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fit‑taqsima 5.5 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 200 sa 233 tad‑deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni analizzat il-“preżenza tal‑partijiet fis-swieq inkwistjoni”. Finalment, hija ddikjarat li, fid-dawl tal-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, il-konfini eżatti ta’ kull suq rilevanti setgħu jibqgħu miftuħa.

169    Fit-tieni lok, dwar l-ilment ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal‑“kapaċità” tal-klawżola li tirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn PT u Telefónica minħabba l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, hija ma kinitx obbligata tagħmel analiżi ddettaljata tal-istruttura tas-swieq ikkonċernati, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu rrilevati tliet elementi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkonkludi li l-ebda analiżi ddettaljata tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet ma dehret li kienet neċessarja fir-rigward ta’ kull suq speċifiku sabiex ikun evalwat jekk il-ftehim kienx jikkonsisti f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (premessa 278 tad‑deċiżjoni kkontestata).

170    L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-fatt li tikkonkludi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, jew li tipprevedi l-bżonn li tipproċedi għal awtoevalwazzjoni tal-legalità u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni anċillari, jekk tingħata l-interpretazzjoni tal‑klawżola proposta mill-partijiet, jikkostitwixxi rikonoxximent, minn dawn tal-aħħar, tal-fatt li huma kienu, mill-inqas, kompetituri potenzjali fir-rigward ta’ ċerti servizzi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali, ma hemmx lok li jiġi konkluż xi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jkun xi jkun, jew li jkun previst it-twettiq ta’ awtoevalwazzjoni li tikkonċerna obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Imbagħad, il-Kummissjoni nnotat li l-klawżola kellha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, peress li kienet tapplika għas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għas-servizzi tat-televiżjoni (premessi 141, 265 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-imsemmija servizzi kienu ġew liberalizzati skont il-qafas regolatorju tal-Unjoni, li kien jippermetti u li jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni fost l-operaturi (premessa 265 tad‑deċiżjoni kkontestata), u li dan il-kuntest liberalizzat, li fih il‑kompetizzjoni kienet possibbli u inkoraġġita, kellu jikkostitwixxi l‑punt tat-tluq tal-evalwazzjoni tal-klawżola (premessa 267 tad‑deċiżjoni kkontestata).

173    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, ċertament, sabiex ikollu għan antikompetittiv, ftehim għandu jkun jista’ jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, jiġifieri li jkun jista’ b’mod konkret jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et C-32/11, Ġabra, EU:C:2013:160, punt 38).

174    Barra minn hekk, għandu jitfakkar mill-ġdid (ara l-punt 90 iktar ’il fuq) li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi, jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jiġi kkunsidrat li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis‑sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-qafas tal‑evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Madankollu, għalkemm, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kuntest ta’ ftehim, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni, il-Kummissjoni ma hijiex dejjem obbligata li tipproċedi għal definizzjoni preċiża tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni. Fil-fatt, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha rwol differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 101 TFUE jew 102 TFUE. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u tiġi qabel id‑deċiżjoni dwar aġir allegatament antikompetittiv (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T‑78/89, Ġabra, EU:T:1992:38, punt 159, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T-61/99, Ġabra, EU:T:2003:335, punt 27), peress li, qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, li jippresupponi li s-suq kien delimitat minn qabel. Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil‑kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, huwa biex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jekk għandux bħala għan jew bħala effett li jipprevjeni, jirrestrinġi jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li għandu jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T-29/92, Ġabra, EU:T:1995:34, punt 74, u Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2003:335, punt 27, ara, ukoll, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T-30/05, EU:T:2007:267, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    B’hekk, fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, definizzjoni preliminari tas-suq rilevanti ma hijiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni minnu nnifsu jkollu għan antikompetittiv, jiġifieri meta l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi, mingħajr definizzjoni preliminari tas‑suq, li l-ftehim inkwistjoni kien iwassal għal distorsjoni tal‑kompetizzjoni u li kien jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il‑kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, espliċitament ipprojbiti bl‑Artikolu 101(1)(a) sa (e) TFUE (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi magħquda Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:192, punti 168 sa 175). Jekk l-għan stess ta’ ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni permezz tat-“tqassim tas-swieq”, ma huwiex tant meħtieġ li jiġu definiti bi preċiżjoni s-swieq inkwistjoni, peress li l‑kompetizzjoni reali jew potenzjali bilfors li tkun ġiet ristretta (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 132).

177    Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat li l‑klawżola ssanzjonata mid-deċiżjoni kkontestata kellha bħala għan it‑tqassim tas-swieq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li analiżi ddettaljata tas-swieq ikkonċernati kienet neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk il‑klawżola kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

178    Fil-fatt, impriżi li jikkonkludu ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l‑kompetizzjoni ma jistgħux, bħala regola, jiskartaw l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE billi jsostnu li l-ftehim tagħhom ma kellux ikollu effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 130). L-eżistenza tal-ftehim issanzjonat f’dan il‑każ konsistenti fi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, iddefinita mill-partijiet bħala applikabbli għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku” ma kinitx tagħmel sens jekk ma jkunx hemm kompetizzjoni li tista’ tiġi ristretta (sentenzi Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 131, u tal‑21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T-519/09, EU :T:2014:263, punt 231).

179    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-eżistenza ta’ allegat ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet ma huwiex rilevanti.

180    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konklużjoni ta’ tali ftehim tikkostitwixxi tal-inqas indizju qawwi tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Toshiba vs Il‑Kummissjoni, punt 178, iktar ’il fuq, EU:T:2014:263, punt 231). Kif korrettament issostni l-Kummissjoni fil-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li jiġi konkluż ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi rikonoxximent mill-partijiet tal-fatt li huma, tal-inqas, huma kompetituri potenzjali fir-rigward ta’ ċerti servizzi. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni hija biss wieħed mill-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li teżisti kompetizzjoni potenzjali bejn il‑partijiet (ara l-punti 169 sa 172 iktar ’il fuq u l-punt 182 iktar ’il quddiem).

181    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari, li fil‑preżenza ta’ suq liberalizzat bħal dan inkwistjoni f’dan il-każ, il‑Kummissjoni ma għandhiex tipproċedi għal analiżi tal-istruttura tas‑suq ikkonċernat u għall-kwistjoni dwar jekk id-dħul f’dan is-suq jikkorrispondix, għal kull waħda mill-partijiet, ma’ strateġija ekonomika vijabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punti 89 sa 93) iżda li hija għandha teżamina jekk jeżistux ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq, li jeskludu kull kompetizzjoni potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2014:263, punt 230).

182    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss ikkonstatat li s-suq tas‑servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tat-televiżjoni fi Spanja u fil‑Portugall kien kompletament liberalizzat (ara l-punt 172 iktar ’il fuq), iżda hija indikat ukoll li, kif iddikjaraw il-partijiet stess, dawn tal-aħħar kienu preżenti fis-swieq ta’ provvista ta’ servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni kif ukoll f’dawk ta’ servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa, fis-suq Iberiku kollu (premessi 173, 174 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata); li huma ma pprovawx li l-perijodu tal‑applikazzjoni previst mill-klawżola kien wera li ma kienx biżżejjed sabiex isir l-akkwist ta’ operatur ta’ telekomunikazzjoni eżistenti, bħala mezz sabiex isir is‑sid ta’ ċerti netwerks mingħajr ma jkun użahom (premessa 273 tad‑deċiżjoni kkontestata); li s-sitwazzjoni reali tas-suq Spanjol u Portugiż ma setgħetx tkun invokata sabiex teskludi l-possibbiltà ta’ investiment fis-settur, sa fejn, minkejja l-kriżi, l-investimenti kienu rreġistraw tkabbir jew kienu, tal-inqas, baqgħu stabbli (premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata); u, finalment, li Telefónica stess kienet ammettiet li t-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri ta’ kumpannija bħal PT kienet prevedibbli, fl-okkażjoni tan-negozjati relatati mat-tranżazzjoni Vivo, b’tali mod li l-akkwist ta’ kompetitur ta’ PT seta’ jkun possibbli wkoll (premessi 37 u 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tista’ turi li, minkejja dawn l-elementi, kienet meħtieġa analiżi ddettaljata tas-swieq inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-klawżola kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew sabiex jiġi stabbilit li l-ebda barriera insurmontabbli ma tellfet lill-partijiet milli jidħlu fis‑swieq viċini rispettivi tagħhom.

184    Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, minbarra l-argument tagħha diġà diskuss fil‑punti 162 sa 181 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex, fis‑sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tikkontesta l-argument tal‑Kummissjoni miġbur fil-qosor fil-punt 182 iktar ’il fuq, mingħajr ma din il‑kontestazzjoni ma tidher tali li tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, hija ma kinitx obbligata tipproċedi għal analiżi ddettaljata tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fis-swieq ikkonċernati mill-klawżola.

185    Bl-istess mod, l-argument addizzjonali tar-rikorrenti, li tressaq provi intiżi sabiex juru li dħul fis-swieq ikkonċernati ma kienx jikkorrispondi mal-prijoritajiet strateġiċi tal-partijiet jew ma kienx ekonomikament vantaġġuż jew attraenti, ma jistax jintlaqa’.

186    Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat fid-dettall dan l‑argument, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, jekk l-intenzjoni li impriża għandha li tintegra suq hija eventwalment rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk hija tistax titqies bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit mill-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq (ara s-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Finalment, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti fejn tallega li, manifestament, ma hemm xejn fil-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li jipprekludi lil Telefónica milli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’Zon u li kien għalhekk improbabbli ħafna li Telefónica tiżviluppa iktar infrastruttura tagħha nnifisha fis-suq Portugiż, għaliex dan kien jippreġudika l-attività ta’ Zon, minn naħa, għandu jiġi nnotat li, kif il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument li l-klawżola ma kinitx tipprekludi lil Telefónica milli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’Zon ma jistax jintlaqa’, peress li l‑klawżola litteralment tinkludi l-projbizzjoni li “tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni”, li tinkludi, ukoll, iż-żieda minn Telefónica tas-sehem tagħha f’Zon. Min-naħa l‑oħra, il-fatt li Telefónica għandha diġà sehem minoritarju f’Zon, li ż‑żieda tiegħu kienet ipprojbita mill-klawżola, ma huwiex ta’ natura li jindika li Telefónica ma kinitx kompetitur potenzjali fis-suq Portugiż, iżda jindika li Telefónica setgħet, fl-assenza tal-klawżola, iżżid dan is-sehem jew takkwista oħrajn f’operaturi oħra.

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi ddikjarat li, minkejja l-fatt li l-eżistenza stess tal-klawżola hija indizju qawwi ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet, li l-għan tagħha kien jikkonsisti fi ftehim ta’ tqassim tas-swieq, li kellha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u li hija kienet tidħol f’kuntest ekonomiku liberalizzat, il-Kummissjoni kellha tipproċedi għal analiżi dettaljata tal-istruttura tas-swieq ikkonċernati u tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fuq dawn is-swieq sabiex tikkonkludi li l-klawżola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. L‑argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effetti

189    Ir-rikorrenti ssostni li peress li l-klawżola ma għandha l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni lanqas ma indikat la li l-klawżola kienet ipproduċiet effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u lanqas li hija kienet tista’ tipproduċi tali effetti.

190    Sa fejn mill-eżami tal-argumenti tar-rikorrenti li jidhru fil‑punti 93 sa 188 iktar ’il fuq jirriżulta li hija ma tindikax li l-konklużjoni tal‑Kummissjoni li tgħid li l-klawżola tikkostitwixxi restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan hija żbaljata, l-argument tagħha mqassar fil-punt 189 iktar ’il fuq huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l‑aġir inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u għalhekk jista’ biss jiġi miċħud. Mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-ftehim bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, meta l‑għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni jkun stabbilit (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, T-122/07 sa T-124/07, Ġabra EU:T:2011:70, punt 75, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

191    Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti sakemm ikun jidher li għandu l-għan li jirrestrinġi, li jfixkel jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall‑iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, Ġabra EU:C:2011:816, punt 75).

192    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni, filwaqt li ddikjarat li l-fatt li l-partijiet ma għamlux użu minn attivitajiet ġodda fi Spanja jew fil-Portugall huwa indizju mhux konklużiv ta’ applikazzjoni tal-klawżola (premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata), titlob mingħand il-partijiet “prova diabolika” li dan in‑nuqqas ta’ attivitajiet ġodda ma kienx dovut għall-klawżola. Sa fejn il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq dan l-element sabiex tindika li l‑klawżola tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, iżda fuq il-fatt li l-klawżola għandha natura ta’ ksur minħabba l-għan, u sa fejn, fuq kollox, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li l-partijiet ma għamlux użu minn attivitajiet ġodda fis-swieq inkwistjoni huwa “indizju mhux konklużiv” ta’ dak li l-klawżola setgħet ġiet eżegwita, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli din talbet xi prova dijabolika mingħand il‑partijiet.

193    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti tal-klawżola għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-konklużjonijiet dwar l-ammont tal-multa

194    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u ssostni li dan għandu jitnaqqas, għax, anki jekk il‑klawżola setgħet tipproduċi effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, il‑Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed il-qies ta’ dawn l-effetti u t-tul tagħhom meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa, u b’hekk kisret il‑prinċipji relatati mal-kalkolu tal-multi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

a)     Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq il-prinċipji relatati mal-kalkolu tal-multi

195    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji gwida, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, Ġabra, EU:C:2009:500, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ‑ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra, EU:C:2009:166, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 54).

197    Hekk kif ġie espost fil-punt 52 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil‑Linji gwida.

198    Għalkemm dawn il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal‑prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l‑amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tat-trattament ugwali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra, EU:T:2008:416, punt 70).

199    Meta tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u meta tħabbar, permezz tal‑pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dakinhar ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal‑prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, EU:T:2008:416, punt 71).

200    Barra minn hekk, dawn il-Linji gwida jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl‑astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, b’analoġija, is‑sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 211 u 213).

201    Il-punti 4 u 5 tal-Linji gwida huma fformulati kif ġej:

“4. Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101 TFUE] jew [102 TFUE] tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha t-Trattat. Din il-funzjoni ma tinkludix biss il-kompitu li tinvestiga u li tissanzjona ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Għal dan il-għan, il‑Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva. Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101 TFUE] jew [102 TFUE], tista’ tkun neċessarja l‑impożizzjoni ta’ multa fuq dawk li jkunu kisru d‑dispożizzjonijiet legali. Il-multi għandhom jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, mhux biss bil-għan li jiġu ssanzjonati l‑impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll bil-għan li impriżi oħra jiġu dissważi milli jwettqu aġir li jmur kontra l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] jew li jissoktaw b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).

5. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, huwa xieraq li l-Kummissjoni tirreferi, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-multi, għall-valur tal-oġġetti jew tas-servizzi mibjugħa kkonċernati mill‑ksur. It-tul tal-ksur ukoll għandu jkollu rwol importanti fid‑determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. It-tul tal-ksur għandu neċessarjament impatt fuq il-konsegwenzi potenzjali tal-ksur fis-suq. B’hekk jitqies importanti li l‑multa għandha tirrifletti n-numru ta’ snin li matulhom impriża tkun ipparteċipat fi ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

202    Il-Linji gwida jagħtu definizzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu li jinkludi żewġ stadji (punt 9 tal-Linji gwida). Huma jipprovdu, bħala l-ewwel stadju ta’ kalkolu, li l-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata u tinkludi, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“12. L-ammont bażiku għandu jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ skont il-metodu li ġej.

[…]

13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.

21. Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

22. Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal‑partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

23. Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l‑limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l‑iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl‑iskala.

24. Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża għall-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ (ara l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

25. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit‑Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

203    Il-Linji gwida jipprovdu, bħala t-tieni stadju tal-kalkolu, li l‑Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku, ’il fuq jew ’l isfel, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti (punti 11 u 27 tal-Linji gwida).

204    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 29 tal-Linji gwida jipprovdi li ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħalma huma:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il‑ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan mhux applikabbli għal ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur matul perijodu iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà riflessa fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal‑Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġit mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

205    Fl-aħħar nett, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq (EU:C:2011:816, punt 129), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-272/09 P, Ġabra, EU:C:2011:810, punt 102), hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità impost fuqha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq il‑marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl‑applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ iddettaljat kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt.

206    L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet ġiet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), u li issa hija rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 31 tar‑Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il‑ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal‑legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il‑multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, EU:C:2011:810, punt 103).

 Id-deċiżjoni kkontestata

207    Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatti deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur kien imwettaq intenzjonalment u kien ikkostitwit minn ftehim, mingħajr dubju illegali, ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi Spanjol u Portugiż bejn il-partijiet. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ ksur evidenti, il-partijiet ma jistgħux jinvokaw li huma ma aġixxewx b’mod intenzjonat (premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

208    Għal dak li jirrigwarda l-valur ta’ bejgħ li jservi ta’ referenza sabiex ikun iffissat l-ammont bażiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għas-servizzi kollha ta’ komunikazzjoni elettroniċi kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni pprovduti fi Spanja jew fil-Portugall, bl-eċċezzjoni tas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjoni internazzjonali, li għalihom il-partijiet kienu f’kompetizzjoni fil-peniżola Iberika fid-data tal-iffirmar tal-ftehim, u li minħabba dan il-fatt kienu esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-klawżola kienet teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha kull investiment u kull attività li kienet diġà għaddejja matul id-data tal-ftehim li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri ta’ attivitajiet u ta’ investimenti tal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, għal kull waħda mill-partijiet, ħlief il-valur tal-bejgħ proprju fil-pajjiż tal-oriġini tagħha. Hija ma kkunsidratx għalhekk, b’mod partikolari, il-valur tal-bejgħ ta’ kull parti fil-pajjiż tal‑oriġini tal-parti l-oħra, sa fejn dawn l-ammonti kienu jikkorrispondu, bħala regola, ma’ attivitajiet pre-eżistenti, mhux koperti mill-klawżola. Dan jimplika li, f’dak li jikkonċerna lil Telefónica, il‑valur tal-bejgħ kien stabbilit mill-Kummissjoni billi kkunsidrat il-valur tal-bejgħ ta’ din l-aħħar kumpannija fi Spanja, filwaqt, li f’dak li jikkonċerna lil PT, l-imsemmi valur kien stabbilit billi kkunsidrat il-valur tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija fil-Portugall (premessi 482 u 483 tad-deċiżjoni kkontestata).

209    Il-Kummissjoni mbagħad indikat li, ġeneralment, hija kienet tikkunsidra l-bejgħ imwettaq mill-impriżi matul l-aħħar sena sħiħa tal‑parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Peress li kienet taf, f’dan il-każ, li l-ksur kien dam inqas minn sena u li dan sar bejn l-2010 u l‑2011, il‑Kummissjoni użat il-bejgħ tal-impriżi matul is-sena 2011, li kien inqas mill-bejgħ irreġistrat mill-partijiet fl-2010 (premessa 484 tad‑deċiżjoni kkontestata).

210    Dwar il-gravità tal-ksur, li tistabbilixxi l-perċentwal tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex ikun iffissat l-ammont tal-multa, il‑Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, il-ksur kien ikkostitwit minn ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ televiżjoni Spanjol u Portugiż bejn il-partijiet u li Telefónica u PT kienu l-operaturi storiċi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom (premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    Il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat il-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta mill-partijiet, mill-mument tal-introduzzjoni tagħha, għall-ewwel darba, fl-offerta tal-1 ta’ Ġunju 2010. Fil-fatt, u kif jidher fil-premessi 128 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni offerta li kienet tinkludi l-ewwel abbozz ta’ klawżola kienet ġiet ippubblikata mill-partijiet fuq is-siti tal-internet rispettivi tagħhom u mibgħuta lill‑awtoritajiet tal-Borża ta’ Spanja u tal-Portugall, li kienu ppubblikawhom, minn naħa tagħhom, fuq is-siti tal-internet tagħhom. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Ġunju 2010, PT qassmet fuljett li jispjega t‑tranżazzjoni u l-klawżola lill-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il‑ftehim li kien jinkludi l-verżjoni finali tal-klawżola kien jifforma parti integrali mill-fajl ippreżentat minn Telefónica u PT skont l-Anatel u CADE. Finalment, f’artikolu ppubblikat minn Jornal de Negócios fit-23 ta’ Awwissu 2010, Telefónica kkonfermat li l-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata).

212    Għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li dan dam mis-27 ta’ Settembru 2010, data tal-att notarili u, għalhekk, tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni, sal-4 ta’ Frar 2011, data tal‑ftehim tal-partijiet li ġab fi tmiem il-klawżola (premessa 492 tad‑deċiżjoni kkontestata).

213    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tad-daqs tal-impriżi u tal-perijodu qasir tal‑ftehim restrittiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, kien proporzjonat u biżżejjed f’termini ta’ dissważjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni perċentwali żgħir tal-valur tal‑bejgħ sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multi. Il‑Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun ta’ 2 % għaż-żewġ impriżi kkonċernati (premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑perċentwali tal-valur tal-bejgħ użat għal kull impriża kien immultiplikat mill-koeffiċjent użat skont it-tul, jiġifieri 0.33, li jikkorrispondi għal erba’ xhur ta’ sena sħiħa.

214    Il-Kummissjoni użat l-ammonti kkalkolati b’dan il-mod bħala ammonti bażiċi finali, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma żiditx ammont fiss ta’ dissważjoni (ammont stabbilit) f’dan il-każ, kif inhu previst fil-punt 25 tal-Linji gwida (ara l-punt 202 iktar ’il fuq), kif hija kkonfermat, barra minn hekk, waqt is-seduta.

215    Għal dak li jikkonċerna l-aġġustament tal-ammont bażiku, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti f’dan il-każ (premessa 496 tad-deċiżjoni kkontestata).

216    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet kienu ddeċidew li jneħħu l-klawżola fl-4 ta’ Frar 2011, biex b’hekk temmew il-prattika antikompetittiva inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-klawżola twaqqfet sittax-il jum biss wara li l-Kummissjoni pproċediet bil-ftuħ tal-proċedura u 30 jum wara li l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni lill-partijiet u li l-klawżola ma kinitx sigrieta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tneħħija msemmija kienet tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li kellha tiġi applikata għaż-żewġ partijiet (premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata).

217    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l‑ammont bażiku tal-multa li kellu jiġi impost fuq il-partijiet kellu jitnaqqas b’20 % (premessa 501 tad-deċiżjoni kkontestata) u ċaħdet l‑argumenti kollha tal-partijiet li jinvokaw ċirkustanzi attenwanti oħra (premessi 502 sa 507 tad-deċiżjoni kkontestata).

218    Konsegwentement, l-ammonti finali tal-multi jammontaw għal EUR 66 894 400 għal Telefónica u għal EUR 12 290 400 għal PT.

b)     Fuq il-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal‑multa

219    Ir-rikorrenti tikkritika l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il‑kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola u ssostni li, sa fejn l-esklużjoni ta’ ċerti attivitajiet ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni jwassal għal tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa, l-ammont tal‑multa li kien impost fuqha għandu jitnaqqas. Il-Kummissjoni injorat l-analiżi eżawrjenti tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil‑Portugall magħmula mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u la laqgħet u lanqas ċaħdet parti kbira mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti.

 Fuq il-motivazzjoni

220    Sa fejn dan l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem bħala li jikkritika n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal‑miżura meħuda u tal-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandhiex tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 78 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    F’dak li jikkonċerna l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal‑ksur”. F’dan ir-rigward, il-Linji gwida kif ukoll l-Avviż dwar l-immunità mill‑multi u t-tnaqqas tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17) fihom regoli indikattivi dwar l-elementi ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra sabiex tkejjel il‑gravità u t-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra, EU:T:2003:193, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l‑Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija kkunsidrat skont il-Linji gwida u, jekk ikun il-każ, skont l-Avviż tagħha dwar l-immunità mill‑multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji u li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, EU:T:2003:193, punt 218).

223    F’dan il-każ, fit-taqsimiet 5 u 6.3.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari fil-premessi 153, 184, 185 u 278 tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet kellhom jiġu kkunsidrati, tal-inqas, bħala konkorrenti potenzjali fis-swieq kollha tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ servizzi tat-televiżjoni fi Spanja u fil-Portugall, li l-argumenti tagħhom sabiex tinkiseb l-esklużjoni ta’ ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ma setgħux jintlaqgħu u li, fid-dawl taċ-ċaħda tal-argumenti tal-partijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom u fid-dawl tal‑kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-klawżola, l-ebda analiżi ddettaljata dwar jekk il-partijiet kinux kompetituri potenzjali ma kienet tidher neċessarja f’dan il-każ fir-rigward ta’ kull suq speċifiku sabiex ikun evalwat jekk il-ftehim kellux jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan. Sussegwentement, il-Kummissjoni nnotat, fil‑premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Il-valur tal‑bejgħ”, li hija kkunsidrat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għal kull tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni, ħlief għas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali u li, għalhekk, is-servizzi kollha pprovduti fi Spanja jew fil-Portugall u li jiffurmaw parti sħiħa mis-swieq identifikati fit-taqsima 5.3, ħlief is-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, kienu direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur.

224    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tat spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar il-mod li bih hija stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa u għar-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat kull servizz li għalih ir-rikorrenti kienet talbet l-esklużjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Sa fejn l‑argument tar-rikorrenti jista’ jitqies bħala bbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, dan għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

225    Ir-rikorrenti ssostni li l-valur ta’ ċertu bejgħ għandu jiġi eskluż mill‑kalkolu tal-multa, jiġifieri l-bejgħ imwettaq fis-swieq li fihom il‑partijiet ma kinux kompetituri potenzjali, il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet kurrenti u l-bejgħ imwettaq barra mill-peniżola Iberika.

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi ma’ attivitajiet li ma jistgħux jiġu suġġetti għal kompetizzjoni

226    Għal dak li jikkonċerna l-bejgħ imwettaq fi swieq jew b’servizzi mhux suġġetti, skont ir-rikorrenti, għal kompetizzjoni potenzjali, fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 478 tad‑deċiżjoni kkontestata, għall-punt 12 tal-Linji gwida, li jiddikjara li l‑ammont bażiku tal-multa kellu jiġi stabbilit b’riferiment għall-valur tal‑bejgħ skont il-metodoloġija esposta fil-punti li ġejjin. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni barra minn hekk spjegat li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-impriżi kellu jkun stabbilit b’riferiment għall‑valur tal-bejgħ tal-beni jew servizzi, imwettqa mill-impriżi, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Fil-premessa 482 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 208 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kompliet billi indikat li hija kienet tikkunsidra li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għal kull tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għal servizzi ta’ televiżjoni, minbarra s-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi bl‑ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali u li, għalhekk, is-servizzi kollha pprovduti fi Spanja jew fil-Portugall u li kienu jiffurmaw parti integrali tas-swieq imsemmija fit-taqsima 5.3, ħlief is‑servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, kienu direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur.

227    Fis-seduta, il-Kummissjoni, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, spjegat li, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna tal-klawżola, hija ma kellhiex għalfejn tanalizza l-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet għal kull wieħed mis-servizzi invokati mir‑rikorrenti sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-kuntest ta’ ksur minħabba l-għan bħal f’dan il-każ, fejn tali eżerċizzju ma kienx mitlub għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur, l-imsemmi eżerċizzju ma għandux ikun impost sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa.

228    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

229    Fil-fatt, il-klawżola kienet applikabbli, skont il-kliem tagħha, għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku”. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni użat, sabiex tikkalkola l-multa, il-valur tal-bejgħ tal‑attivitajiet li saru, fl-opinjoni tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑klawżola u eskludiet il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet kurrenti, esklużi, skont il-kliem tal-klawżola, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-bejgħ li jikkorrispondi għal attivitajiet li ma jistgħux ikunu f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-klawżola, esklużi wkoll mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola bis-saħħa tal-kliem tagħha, kellhom ikunu wkoll esklużi għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

230    Minn dan isegwi, anki jekk il-Kummissjoni ma kellhiex tevalwa l‑kompetizzjoni potenzjali fir-rigward ta’ kull servizz invokat mir‑rikorrenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur (ara l-punti 169 sa 188 iktar ’il fuq), hija kellha madankollu teżamina jekk ir-rikorrenti kellhiex bażi sabiex issostni li l-valur tal-bejgħ tas-servizzi inkwistjoni kellu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali tal-partijiet fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

231    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ partikolari u fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi jittieħed inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li fih twettaq dan il-ksur (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punt 25; tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 53, u tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, Ġabra, EU:C:2015:258, punt 49).

232    Huwa mixtieq, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 121; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 54, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 50).

233    Għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 iħalli lill‑Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu huwa jillimita l‑eżerċizzju billi joħloq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal‑multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll mir-regoli ta’ kondotta li l‑Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-Linji gwida għall‑kalkolu tal-multi (sentenzi Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 55, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 51).

234    Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, kif ġara f’dan il-każ, l-ammont bażiku tal-multa skont il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida, hija għandha tkun konformi mal-imsemmija metodoloġija.

235    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal‑2006, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE”. Dawn l-istess Linji gwida jippreċiżaw, fil-punt 6 tagħhom, li “[i]l-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul [tagħha] huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

236    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti mid-dħul mill‑bejgħ provenjenti minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat, peress li d-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 121; tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra, EU:T:1999:52, punt 643, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑50/03, EU:T:2008:252, punt 84).

237    Il-punt 13 tal-Linji gwida għalhekk għandu l-għan li jieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l‑importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 57, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 53).

238    Konsegwentement, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il‑punt 13 jinkludi l-bejgħ imwettaq fis-suq ikkonċernat permezz tal‑ksur fiż-ŻEE, mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit jekk dan il-bejgħ huwiex affettwat realment minn dan il-ksur, bil-parti tad-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-bejgħ ta’ prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur tkun l-aħjar sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 237 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punti 75 sa 78; is-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punti 57 sa 59; tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, Ġabra, EU:C:2015:184, punti 148 sa 149, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punti 53 sa 58 u 64).

239    Madankollu, filwaqt li huwa minnu li l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ppreġudikat jekk il-kunċett tal-valur tal‑bejgħ hemm imsemmi jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill‑bejgħ li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit li ġie effettivament affettwat mill-akkordju inkwistjoni, madankollu dan il-kunċett ma għandux jestendi għall-bejgħ tal-impriża inkwistjoni li ma jaqax, b’mod dirett jew indirett, fil-parametri ta’ dan l-akkordju (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 237 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punt 76, u Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 238 iktar ’il fuq, EU:C:2015:184, punt 148).

240    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li ma għandux, ċertament, ikun mitlub mill-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan kif ġara f’dan il-każ, li hija twettaq ex officio eżami tal‑kompetizzjoni potenzjali għas-swieq kollha u s-servizzi kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur, taħt piena li tidderoga mill‑prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitati fil-punti 175, 176 u 178 iktar ’il fuq u li tintroduċi, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-multa, l‑obbligu li tkun eżaminata l-kompetizzjoni potenzjali meta eżerċizzju tali ma huwiex mitlub fil-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l‑punt 177 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet, f’każ bħal dan irregolat mill-Linji gwida għall-kalkolu tal‑multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3), li, fil-każ ta’ ksur li jikkonsisti fi tqassim tas-swieq, interpretazzjoni li għandha bħala konsegwenza li timponi lill‑Kummissjoni, bis-saħħa tal-metodu tal-kalkolu tal-multi, obbligu li hija ma hijiex marbuta bih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, meta dan il-ksur inkwistjoni għandu għan antikompetittiv, ma għandhiex tiġi aċċettata (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, EU:C:2009:505, punt 64).

241    Is-soluzzjoni mogħtija f’dan il-każ ma hijiex dik li timponi fuq il‑Kummissjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont dal-multa, obbligu li ma hijiex marbuta bih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ ksur li għandu għan antikompetittiv, iżda li tislet il-konsegwenzi mill-fatt li l-valur tal‑bejgħ għandu jkun relatat direttament jew indirettament mal-ksur skont il-punt 13 tal-Linji gwida u ma għandux jinkludi bejgħ li ma jirriżultax, direttament jew indirettament, mill-parametru tal-ksur issanzjonat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 239 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, mill-mument fejn il-Kummissjoni tagħżel li tibbaża ruħha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, fuq il-valur tal-bejgħ b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, hija għandha tiddetermina dan il-valur b’mod preċiż.

242    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fid-dawl tal‑kliem tal-klawżola, li jirreferi espressament għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl‑esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal‑parti l-oħra fis-suq Iberiku”, u tal-fatt li r-rikorrenti ressqet, fir‑risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, provi fattwali bil-għan li jindikaw il-valur tal-bejgħ ta’ ċerti servizzi hekk imsemmija kellu jiġi eskluż għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni bejn il-partijiet, il-Kummissjoni kellha tipproċedi għall-eżami ta’ dawn il-provi sabiex tistabbilixxi l-valur tal‑bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur.

243    B’hekk, f’dan il-każ, sa fejn il-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur huwa bejgħ ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, jiġifieri l-bejgħ ta’ kull proġett li jaqa’ fis-settur tat‑telekomunikazzjoni, ħlief l-attivitajiet attwali, li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra tas-suq Iberiku, il-Kummissjoni kellha, sabiex tistabbilixxi l-valur ta’ dan il-bejgħ, tistabbilixxi s-servizzi li għalihom il-partijiet ma kinux f’kompetizzjoni potenzjali fuq is-suq Iberiku, billi teżamina l-provi ppreżentati minn dawn tal-aħħar fir‑risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex juru n‑nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom fir-rigward ta’ ċerti servizzi matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-klawżola. Kien biss abbażi ta’ tali analiżi fattwali u ġuridika li kien possibbli li jiġi stabbilit il-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur li l-valur tiegħu kellu jservi bħala ammont tat-tluq għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

244    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li ssostni li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT li tikkonċerna ċerti servizzi, il-valur tal-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur u li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat, f’dak li jirrigwarda biss l-iffissar tal-ammont tal-multa abbażi tal-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni.

245    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri skont l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal‑atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, bl‑eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, Ġabra EU:C:2014:2062, punt 42). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-illegalità kkonstatata tikkonċerna l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti u, għalhekk, il-bażi stess tal-kalkolu tagħha.

246    F’dan il-kuntest, huwa utli li jitfakkar mill-ġdid li l-Kummissjoni ma pproċedietx, skont il-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, għal analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet għas-servizzi msemmija mir-rikorrenti. Barra min hekk, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fis-seduta intiża għall-ksib mingħand il‑Kummissjoni ta’ elementi ta’ risposta għall-argumenti tar-rikorrenti rigward il-preżunt nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT li tikkonċerna ċerti servizzi fil-Portugall, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrepeti l-pożizzjoni tagħha li hija ma kellhiex għalfejn tanalizza l-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa u barra minn hekk hija llimitat ruħha li tirrispondi għall-argumenti kollha tar-rikorrenti billi tikkonferma li Telefónica kienet kompetitur potenzjali ta’ PT fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, peress li setgħet tipparteċipa f’sejħiet għal offerti jew tixtri operatur eżistenti.

247    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi l-ammont finali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

248    Huwa minnu li l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill‑qorti, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tibdel l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pproċedietx għall-analiżi tal-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fir-rigward ta’ ċerti servizzi sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Id‑determinazzjoni tal-valur ta’ dan il-bejgħ mill-Qorti Ġenerali timplika għalhekk li din timla lakuna fl-investigazzjoni tal-każ.

249    Issa, l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi għall-investigazzjoni tali, li tmur lil hinn mis-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tal-Kummissjoni, peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija l-unika u l-ewwel evalwazzjoni tal-provi li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur skont il-punt 13 tal-Linji gwida u li l-analiżi tagħha taqa’ f’idejn il-Kummissjoni.

250    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li ma hemmx lok li tkun eżerċitata l‑kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-konsegwenzi kollha tal‑illegalità kkonstatata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u li tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li jkunu eżaminati l-motivi l-oħra relatati mal-ammont tal-multa.

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet pre-eżistenti

251    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-kliem tal-klawżola, il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet pre-eżistenti għandu jiġi eskluż għall‑finijiet tal-kalkolu tal-multa.

252    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-premessi 482 u 483 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-valur tal-bejgħ tas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjoni internazzjonali, li għalihom il-partijiet kienu kompetituri effettivi fid-data tal-iffirmar tal-ftehim, ma ġiex ikkunsidrat fil-kalkolu tal-multa.

253    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-valur tal-bejgħ tas-servizzi ta’ PT li jikkorrispondi mas-servizzi pprovduti minn Zon, jiġifieri t-telefonija fissa, l-internet broadband u t-televiżjoni bi ħlas, għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, peress li, sa fejn Telefónica kienet iżżomm ishma minn din il-kumpannija kompetitriċi ta’ PT attiva fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), is-servizzi pprovduti minn Zon jidħlu fil-kategorija ta’ “kwalunkwe investiment jew […] kull attività attwali fil-jum tal-firma tagħha” (ara punt 1 iktar ’il fuq), esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola.

254    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinnota li d-deċiżjoni kkontestata tagħti ftit jew l-ebda spjegazzjoni fir-rigward ta’ ċertu kritika tad-destinatarji tagħha u li, fir-rigward tal-preżenza ta’ Telefónica fil-kapital ta’ Zon u l-influwenza li dan kien jippermettilha li jkollha, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tirrepeti l-argument li din il-parteċipazzjoni ma kienet tagħti l-ebda setgħa ta’ kontroll lil Telefónica. Sa fejn din ir-rimarka tista’ tinftiehem bħala l-allegazzjoni ta’ ksur, mill-Kummissjoni, tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, tali allegazzjoni għandha tiġi miċħuda.

255    Fil-fatt jidher li l-Kummissjoni rrispondiet għall-argument tal-partijiet li jikkonċerna l-esklużjoni tas-servizzi ta’ Zon mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, billi ppreċiżat li hija ma tistax taċċetta d-dikjarazzjoni li l-attivitajiet ta’ Zon kellhom jiġi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑klawżola, peress li, jekk il-partijiet riedu juru li huma kienu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fil-Portugall, permezz tal-parteċipazzjoni ta’ Telefónica f’Zon, huma kellhom juru li Telefónica kienet tikkontrolla l-attivitajiet ta’ dan l-operatur, liema ħaġa ma għamlux, filwaqt li mill-kontijiet annwali tal-2011 kien jirriżulta li Telefónica ma kinitx tikkontrolla l-operatur Portugiż. B’dan il-mod, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar ir-raġuni li għaliha hija kkunsidrat li l-attivitajiet ta’ Zon ma kellhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola kif ukoll ir-raġuni li għaliha hija kkonkludiet li Telefónica ma kinitx tikkontrolla lil din l-aħħar kumpannija, b’tali mod li ma tista’ tiġi kkritikata għal ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

256    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat ukoll fil-premessi 156 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata li, jekk l-attività eżerċitata minn kumpannija li fiha waħda mill-partijiet kellha azzjonijiet iżda li hija ma kinitx tikkontrolla kienet rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, din tal-aħħar kellha tindika li hija kienet tapplika għall-attivitajiet tal-kumpanniji li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal‑partijiet. Barra minn hekk, jekk tali attivitajiet kienu rilevanti għad‑determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, huma kellhom ikunu rilevanti wkoll għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li l-bidu tal-attività pprojbita minn kumpannija mhux ikkontrollata, li fiha waħda mill-partijiet kienet iżżomm parteċipazzjoni minoritarja tikkostitwixxi ksur tal-klawżola. Il-Kummissjoni kompliet fuq dan il-punt billi kkonfermat li l-partijiet ma setgħux jippretendu li kisbu xi obbligu f’isem il-kumpanniji li fihom huma kellhom parteċipazzjoni minoritarja, iżda li huma ma kinux jikkontrollaw, sa fejn huma ma kinux f’pożizzjoni li jiggarantixxu osservanza għal tali obbligu. Konsegwentement, sabiex attività tkun tista’ tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, hija kellha titwettaq direttament minn waħda mill-partijiet, jew indirettament minn waħda mill-impriżi kkontrollati minn dawn tal-aħħar.

257    It-tieni nett, fir-rigward tal-mertu, ir-rikorrenti ma tikkontesta la l‑argument li għadu kif ġie espost u lanqas il-konstatazzjoni tal‑Kummissjoni li Telefónica ma kellhiex ħlief, matul il-perijodu rilevanti, parteċipazzjoni minoritarja f’Zon (5.46 %) (premessa 19 tad‑deċiżjoni kkontestata) u għalhekk ma kinitx tikkontrolla lil din il-kumpannija, b’tali mod li s-servizzi pprovduti minn Zon ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi pprovduti minn Telefónica u, għaldaqstant, bħala servizzi li għalihom Telefónica u PT kienu f’kompetizzjoni u li kellhom, minħabba dan il-fatt, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola. Minn dan isegwi li r-rikorrenti baqgħet ma pprovatx għalfejn, fl-opinjoni tagħha, minkejja l-fatt li Telefónica kellha biss parteċipazzjoni minoritarja f’Zon, is-servizzi pprovduti minn din l‑aħħar kumpannija kellhom jitqiesu bħala servizzi pprovduti minn Telefónica u, għaldaqstant, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet imwettqa lil hinn mill‑peniżola Iberika

258    Ir-rikorrenti tikkontesta l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal‑klawżola kif stabbilit mill-Kummissjoni, filwaqt li ssostni li, sa fejn il-ftehim jirreferi espressament għas-suq Iberiku u mhux għall-Portugall u għal Spanja, għandu jiġi konkluż li l-partijiet riedu jirreferu għat‑territorji li jiffurmaw il-peniżola Iberika u mhux it-territorji li jiffurmaw ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, it-territorji li jikkorrispondu mar-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira, li kienu jirrappreżentaw fl-2011 dħul mill‑bejgħ, ta’ EUR 36,992,000 u ta’ EUR 23,492,000, rispettivament, kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal‑klawżola, b’mod li l-valur tal-bejgħ ta’ PT ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa u, konsegwentement, l-ammont tagħha għandhom jiġu aġġustati.

259    Din l-allegazzjoni ma tistax tintlaqa’. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kliem tal-klawżola ma jirreferix litteralment għall‑“peniżola Iberika”, iżda għas-“suq Iberiku”. Issa, jidher li r‑riferiment għas-“suq Iberiku” għandu jinftiehem mhux fis-sens strettament ġeografiku, bħala riferiment għall-peniżola Iberika biss, iżda bħala riferiment għas-swieq ta’ Spanja u tal-Portugall, li jinkludu s‑swieq tat-territorji tagħhom li ma jinstabux fil-peniżola Iberika. Ma hemmx indizji, u r-rikorrenti lanqas ma tressaq argumenti sabiex turi li t-territorji ta’ dawn l-Istati li jinstabu barra mill-peniżola Iberika kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola.

260    F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tikkritika l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola użata mill-Kummissjoni, iżda li ma tressaq l-ebda argument li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qasam tal-applikazzjoni ġeografika tal-klawżola, esposti fil‑premessi 175 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet tagħha ma jistgħux jintlaqgħu.

261    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, l-argument tar‑rikorrenti relatat mal-bejgħ ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal‑multa għandu jintlaqa’ inkwantu li, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal‑bejgħ tar-rikorrenti li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal‑ammont tal-multa, il-Kummissjoni kellha teżamina l-argumenti tar‑rikorrenti li juru n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT dwar ċerti servizzi (ara l-punti 226 sa 250 iktar ’il fuq) u l-kumplament għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq it-tul tal-ksur

262    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod żbaljat it-tul tal-ksur, peress li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kienx jista’ jipproduċi effetti qabel ma jiġi vvalidat, b’mod li ma kellux jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l-għan intiż sabiex japplika b’mod obbligatorju mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri d-data tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010, u li, fi kwalunkwe każ, anki jekk tiġi injorata l-kundizzjoni espressa ta’ validazzjoni minn qabel, il-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni skada fid-29 ta’ Ottubru 2010 minħabba l-konklużjonijiet li ntlaħqu bil-konferenzi permezz tal-telefon tas-26 u tad-29 ta’ Ottubru 2010.

263    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tul ta’ żmien tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma ħatja ta’ ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni.

264    Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 202 iktar ’il fuq, il-punt 24 tal‑Linji gwida jipprovdi li sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l‑ammont stabbilit skont il-valur tal-bejgħ għandu jiġi mmultiplikat bin‑numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u li l-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena filwaqt li l-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

265    Fir-rigward tat-tul tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 454 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 51 iktar ’il fuq, li dan huwa daqs il-perijodu li beda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni, jiġifieri s-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), u ntemm fid-data li fiha l-klawżola ġiet imħassra, jiġifieri l-4 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

266    B’dan l-ilment, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-legalità tad‑deċiżjoni kkontestata inkwantu tistabbilixxi, kif inhu indikat fl‑ewwel artikolu tad-dispożittiv tagħha, li l-ksur dam għaddej fuq perijodu mill-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010 sal-4 ta’ Frar 2011. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat, permezz ta’ dan l-ilment dwar it-tul, li r-rikorrenti titlob mhux biss it-tnaqqis tal-multa, iżda wkoll l-annullament parzjali tad‑deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, tal-ewwel artikolu tad-dispożittiv tagħha, inkwantu l-Kummissjoni tikkonstata fih li l-ksur dam għaddej mis-27 ta’ Settembru 2010 sal-4 ta’ Frar 2011.

267    Issa, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tressaq l-ebda prova addizzjonali li tikkonċerna b’mod speċifiku t-tul tal-ksur u tillimita lilha nnifisha sabiex tirreferi għal kritika li diġà saret fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dritt relatat mal‑applikazzjoni tiegħu, li kienet diġà ġiet eżaminata u rrifjutata f’dan il-kuntest (ara l-punti 122 sa 161 iktar ’il fuq). Sa fejn ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien suġġett għal obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u lanqas li l-konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010 kienu wasslu għall-abrogazzjoni tal-klawżola, it-talba tagħha għat-tnaqqis tat-tul tal-ksur ikkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa għandha tiġi miċħuda.

d)     Fuq ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

268    Ir-rikorrenti ssostni li l-iffissar tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha minħabba l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ hija vvizzjata bi ksur ta’ prinċipju ta’ proporzjonalità.

269    Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi ssostni li l‑allegat motiv ta’ annullament għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti tillimita ruħha, fit-tliet linji tar-rikors li jitkellmu dwar dan, sabiex tikkritika li, “wara li kkunsidrat kollox, [hija] konvinta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża u tal-kriterji li għandhom jiġu segwiti sabiex ikunu imposti multi, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità”.

270    Minn naħa, għandu jitfakkar li, kif kien diġà indikat fil-punti 68 et seq. iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1992, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li r-rikors ikun ibbażat fuqhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara d-digriet TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, EU:T:2008:155, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

271    Għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-allegat motiv ibbażat fuq il‑ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir‑rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti identifikati, b’tali mod li l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tidher li hija fondata u li l-allegat motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

272    Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat bil‑kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni bl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rikonoxxuta bl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

273    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal‑kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal‑Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il‑motivi (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 272 iktar 'il fuq, EU:C:2011:815, punt 64).

274    Dan ir-rekwiżit ta’ natura proċedurali ma jmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq il-provi tal-ksur li tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li tidentifika l-elementi kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata, tifformula ilmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi, li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji, intiżi sabiex juru li l-ilmenti tagħha huma fondati (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 272 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 65).

275    In-nuqqas ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio investigazzjoni ġdida u sħiħa tal-fajl (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 272 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 66).

276    L-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika għaldaqstant li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt u li hija għandha s‑setgħa li tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u temenda l‑ammont tal-multi. B’hekk ma jidhirx li l-istħarriġ tal-legalità previst fl‑Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, imur kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 272 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 67).

277    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ argumenti u provi ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tal-allegat motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali ma hijiex mistennija li teżamina ex officio, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-osservanza tal-imsemmi prinċipju mill‑Kummissjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

3.     Fuq it-talba għas-smigħ tax-xhieda

278    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li tisma’ bħala xhud lil M. R. S. S. N., responsabbli mit-taqsima tal-kompetizzjoni ta’ PT fi żmien il‑konklużjoni tal-ftehim kif ukoll fi żmien il-ftehim tal-abrogazzjoni tal-klawżola.

279    Il-Kummissjoni ssostni li din it-talba għandha tiġi miċħuda minħabba li hija inutli u żejda, peress li d-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ M. R. S. S. N. dwar il-fatti li hija kienet taf dwarhom kienet diġà fil-proċess.

280    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara d-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, C‑498/09 P, EU:C:2010:338, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

281    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest ta’ kawża dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, anki jekk talba għall-eżami ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li teżamina x-xhieda ċċitati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 323 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

282    Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk indikat li din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet taqbel mad-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB). Fil‑fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħtix dritt assolut lill-akkużat li jikseb id-dehra ta’ xhieda quddiem qorti u, bħala regola, hija l‑qorti li għandha tiddeċiedi l-bżonn jew l-opportunità li ssejjaħ xhud. L-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma jimponix is-smigħ tax-xhieda kollha iżda huwa intiż sabiex jingħataw opportunitajiet ugwali għall‑partijiet billi jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, toffri lill-akkużat opportunità adegwata u sodisfaċenti biex jikkontesta l-akkużi miġjuba kontrih (ara s-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 281 iktar ’il fuq, EU:C:2013:866, punti 324 u 325 u l-ġurisprudenza ċċitata).

283    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda ta’ impriża rikorrenti meta d‑dikjarazzjonijiet li din kellha l-intenzjoni li tikseb permezz ta’ tali smigħ ta’ xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali kienu diġà saru quddiem il-Kummissjoni, li kienu ġew ikkunsidrati li ma kinux sostnuti minn provi dokumentati u saħansitra kontradetti minn ċerti provi oħra tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, Thyssen Krupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra, EU:T:2011:364, punti 152 u 154).

284    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkompleta l-elementi tal-informazzjoni li hija għandha hija ineffettiva meta, anki jekk il-Qorti Ġenerali tilqa’ tali talba, is-sens tad-deċiżjoni tagħha ma jkunx inbidel (ara, f’dan is-sens, id-digriet Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, punt 280 iktar ’il fuq, EU:C:2010:338, punt 141).

285    Għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tesprimi ruħha b’mod utli dwar il-bażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati matul il-fażi kemm miktuba kif ukoll orali tal-proċedura u fid-dawl tad-dokumenti prodotti, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba ta’ smigħ ta’ xhud, imressqa mir-rikorrenti, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali għandha tiġġustifika b’motivazzjoni speċifika l-evalwazzjoni tagħha għan-nuqqas ta’ bżonn li tfittex provi addizzjonali (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2005, Marlines vs Il-Kummissjoni, C‑112/04 P, EU:C:2005:554, punt 39, u s‑sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, Ġabra, EU:T:2009:317, punt 218).

286    Madankollu, għalkemm huwa minnu li parti ma tistax titlob lill-qorti tal-Unjoni sabiex din tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti ma għandhiex tislet konsegwenzi min-nuqqas, fil-fajl, ta’ ċerti provi peress li ma tkunx eżawriet il-motivi previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qorti sabiex tikseb il-produzzjoni tagħha mill-parti inkwistjoni (ara d-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2013, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑597/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:542, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

287    F’dan il-każ, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ M. R. S. S. N. dwar il-fatti li hija kienet taf dwarhom kienu diġà jinsabu fil-proċess, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda mressqa mir-rikorrenti.

288    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif kien diġà indikat fil-punt 283 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda ta’ impriża rikorrenti meta d-dikjarazzjonijiet li din kellha l-intenzjoni tikseb permezz ta’ tali xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali kienu diġà saru quddiem il-Kummissjoni, li hija kienet diġà kkunsidrat bħala li ma humiex sostnuti minn provi dokumentati u anki kontradetti minn ċerti provi tal-proċess.

289    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni indikat, kif dan diġà kien innotat fil-punti 149 u 150 iktar ’il fuq, li hija kienet ikkunsidrat id‑dikjarazzjoni inkwistjoni u li hija kienet evalwatha skont il-prinċipji applikabbli fil-qasam ta’ evalwazzjoni tal-prova. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat il-fatt li din id-dikjarazzjoni kienet saret minn persuna li seta’ kellha interess dirett fil-kawża (premessa 122 tad‑deċiżjoni kkontestata) u wettqet evalwazzjoni bbilanċjata ta’ din il-prova meta mqabbla ma’ provi oħra disponibbli (premessi 121, 124 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni fl-ebda mument ma ħolqot dubju dwar il-fatt li l-persuna li għamlet l-imsemmija dikjarazzjoni kienet effettivament esprimiet ruħha bil-mod mitlub minnha f’din id-dikjarazzjoni.

290    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba intiża biex tinstema’ l-persuna awtriċi tal-imsemmija dikjarazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tiġi miċħuda, peress li l-provi li kienu jinsabu fil-proċess kienu biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il‑konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thyssen Krupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, EU:T:2011:364, punti 152 u 154; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra, EU:C:2004:592, punt 77).

291    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mid-dikjarazzjoni tar‑rikorrenti li tgħid li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prossimità jew ta’ immedjatezza, is-smigħ tax-xhieda mill-Qorti Ġenerali jippreżenta bla ebda dubju valur miżjud meta mqabbel mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dikjarazzjoni magħmula bil-miktub. Fil-fatt, sa fejn il-kontenut tad‑dikjarazzjoni ma jiġix ikkontestat u sa fejn jirrigwarda biss li din il-prova tinftiehem meta mqabbla mal-provi kollha, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fis-seduta ma għandhomx ipoġġu indiskussjoni l-konstatazzjoni li s-smigħ tal-awtur tad-dikjarazzjoni inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali huwa żejjed.

292    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal smigħ ta’ xhieda għandha tiġi miċħuda.

293    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-argument tar‑rikorrenti relatat mal-bejgħ ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal‑multa għandu jiġi parzjalment milqugħ inkwantu, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kienet obbligata teżamina l‑argumenti tar-rikorrenti intiżi biex juru nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT fejn jikkonċernaw ċerti servizzi. Għaldaqstant, l‑Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, f’dak li jirrigwarda biss l-iffissar tal-ammont tal-multa abbażi tal-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

294    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l‑oħra.

295    Peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment biss, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha kif ukoll kwart ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il‑Kummissjoni għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart tal‑ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l‑Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom), huwa annullat inkwantu jistabbilixxi l‑ammont tal-multa imposta fuq Portugal Telecom SGPS, SA għal EUR 12 290 000, inkwantu dan l-ammont huwa ffissat abbażi tal-valur ta’ bejgħ użat mill-Kummissjoni Ewropea.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Portugal Telecom SGPS għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart ta’ dawk ta’ Portugal Telecom SGPS.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Preżentazzjoni ta’ PT u ta’ Telefónica

B –  In-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim

C –  Fatti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim

D –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

a)  Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

b)  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u d-dritt relatat mal-applikazzjoni tiegħu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola kienet marbuta mal‑għażla ta’ xiri jew mar-riżenja tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica

Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola kellha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni

Fuq l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali

Fuq l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effetti

2.  Fuq il-konklużjonijiet dwar l-ammont tal-multa

a)  Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-prinċipji relatati mal-kalkolu tal-multi

Id-deċiżjoni kkontestata

b)  Fuq il-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal‑multa

Fuq il-motivazzjoni

Fuq il-mertu

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi ma’ attivitajiet li ma jistgħux jiġu suġġetti għal kompetizzjoni

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet pre-eżistenti

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet imwettqa lil hinn mill‑peniżola Iberika

c)  Fuq it-tul tal-ksur

d)  Fuq ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

3.  Fuq it-talba għas-smigħ tax-xhieda

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.