Language of document : ECLI:EU:T:2016:368

Kawża T-208/13

Portugall Telecom SGPS, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq tat-telekomunikazzjoni tal-Portugall u ta’ Spanja – Klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq Iberiku inserita fil-kuntratt għax-xiri minn Telefónica tas-sehem ta’ Portugal Telecom fl-operatur Brażiljan ta’ telefonija mobbli Vivo – Protezzjoni legali ‘sa fejn awtorizzat mil-liġi’ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur skont is-suġġett – Restrizzjoni anċillari – Kompetizzjoni potenzjali – Ksur minħabba r-riżultat – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Talba għas-smigħ tax-xhieda”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motivi ta’ dritt li ma ġewx ippreżentati fir-rikors – Espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet mhux preċiżi li jwasslu lill-istituzzjoni konvenuta u lill-qorti tal-Unjoni għal konġetturi u deduzzjonijiet – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

2.      Rikors għal annullament – Motivi – Kunċett – Elementi ta’ rikors għal annullament li jinsabu fil-parti ddedikata għas-sunt tad-deċiżjoni – Inklużjoni – Kundizzjoni – Kontestazzjoni ċara u inekwivoka tal-validità tal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata – Rikors mill-Qorti Ġenerali għal motivazzjoni impliċita – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

6.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kontenut u għan ta’ akkordju kif ukoll kuntest ekonomiku u ġuridiku ta’ żvilupp tiegħu – Distinzjoni bejn ksur minħabba l-għan u ksur minħabba r-riżultat – Intenzjoni tal-partijiet li jilħqu ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni – Kriterju mhux neċessarju – Ksur skont is-suġġett – Livell suffiċjenti ta’ ħsara – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 101(1) TFUE)

7.      Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni – Klawżola kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari – Kunċett ta’ restrizzjoni anċillari – Portata – Restrizzjoni direttament relatata mal-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali – Natura oġġettiva u proporzjonata – Evalwazzjoni ekonomika kumplessa – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni

(Artikolu 101(1) u (3) TFUE)

8.      Akkordji – Ftehimiet bejn impriżi – Prova tal-ksur – Evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi differenti – Kriterji – Dikjarazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju

(Artikolu 101 TFUE)

9.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq – Assenza fil-każ ta’ ftehim intiż għat-tqassim tas-swieq

(Artikolu 101 TFUE)

10.    Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kwalifika ta’ impriża bħala kompetitur potenzjali – Kriterji

(Artikolu 101(1) TFUE)

11.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Assenza ta’ lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji – Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat lill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

12.    Atti tal-istituzzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Natura ġuridika – Regola ta’ kondotta indikattiva li tinvolvi awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2006/C 210/02)

13.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata

(Artikolu 261 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17 u Nru 1/2003, Artikolu 31)

14.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li timponi multi – Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur – Indikazzjoni suffiċjenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2006/C 210/02 u 2006/C 298/11)

15.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata – Dħul mill-bejgħ imwettaq bl-oġġetti li huma s-suġġett tal-ksur – Teħid inkunsiderazzjoni rispettiv – Limiti – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ imwettaq b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur – Kriterji

(Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 6 u 13)

16.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni – Stħarriġ tal-legalità u ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt – Ksur – Assenza

(Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

17.    Proċedura ġudizzjarja – Miżuri istruttorji – Smigħ ta’ xhieda – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Effett tal-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68-70, 270)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 71)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 75)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 78)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78, 220)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86-91, 173, 174, 178, 190, 191)

7.      Jekk tranżazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fil-livell tal-kompetizzjoni, lanqas restrizzjoni tal‑awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant jew ta’ diversi parteċipanti f’din it-tranżazzjoni jew f’din l-attività ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni jew ta’ din l‑attività u proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra

Fil-fatt, fejn ma huwiex possibbli li tali restrizzjoni tinżamm distinta mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma tiġi kompromessa l-eżistenza u l-għanijiet tagħha, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari, u dan minkejja li, meqjusa waħidha, restrizzjoni simili tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari fid-dritt tal-kompetizzjoni jkopri kwalunkwe restrizzjoni li hija direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali.

Restrizzjoni direttament relatata mal-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali għandha tinftiehem li hija kwalunkwe restrizzjoni li għandha importanza subordinata fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dik l-operazzjoni u li għandha rabta evidenti magħha.

Il-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk din hijiex proporzjonali għaliha. L-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni prinċipali jista’ biss ikun relattivament astratt. Din ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali, iżda sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest partikolari tal-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex meħtieġa sabiex tiġi implementata din l-operazzjoni. Jekk, mingħajr ir-restrizzjoni l-operazzjoni prinċipali tkun tirriżulta diffiċli jew anki impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ tiġi meqjusa bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha.

Fejn restrizzjoni hija oġġettivament meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali, huwa xorta waħda meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografika tagħha jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi implementata din l-operazzjoni. F’każ ta’ tali eċċess, l-operazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ analiżi separata fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE.

Barra minn hekk, sa fejn din l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ operazzjoni timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni u tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

Finalment, jekk jiġi stabbilit li restrizzjoni hija direttament relatata u meħtieġa sabiex tinkiseb operazzjoni prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ dik ir-restrizzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata ma’ dik tal-operazzjoni prinċipali. Għaldaqstant, jekk l-operazzjoni prinċipali ma taqax fi ħdan il-kamp tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, l-istess ikun jgħodd għar-restrizzjonijiet direttament marbuta u meħtieġa għal din l-operazzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-operazzjoni prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni skont din id-dispożizzjoni iżda tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE, dik l-eżenzjoni tkopri wkoll l-imsemmija restrizzjonijiet anċillari.

(ara l-punti 97-101, 104-107)

8.      Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, anki jekk xhieda mogħtija permezz ta’ xhieda diretta taċ-ċirkustanzi li jkunu ġew esposti għandha bħala regola tiġi kklassifikata bħala prova b’valur probatorju għoli, għandu xorta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjoni ġiet mogħtija minn persuna li seta’ kellha interess dirett fil-kawża u li ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala indipendenti mir-rikorrenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-valur ta’ prova li għandu jingħata lill-provi differenti, l-unika kriterju rilevanti biex jiġu evalwati l-provi mressqa jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi ta’ kif inħadem, mid-destinatarju tiegħu u min-natura raġjonevoli u affidabbli tal-kontenut tiegħu.

(ara l-punti 149, 150)

9.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex dejjem obbligata li tipproċedi għal definizzjoni preċiża tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni. Fil-fatt, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha rwol differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 102 TFUE. B’hekk, fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, definizzjoni preliminari tas-suq rilevanti ma hijiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni minnu nnifsu jkollu għan antikompetittiv, jiġifieri meta l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi, mingħajr definizzjoni preliminari tas‑suq, li l-ftehim inkwistjoni kien iwassal għal distorsjoni tal‑kompetizzjoni u li kien jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il‑kummerċ bejn l-Istati Membri. Jekk l-għan stess ta’ ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni permezz tat-tqassim tas-swieq, ma huwiex tant meħtieġ li jiġu definiti bi preċiżjoni s-swieq inkwistjoni, peress li l‑kompetizzjoni reali jew potenzjali bilfors li tkun ġiet ristretta.

(ara l-punti 175, 176)

10.    Il-fatt li jiġi konkluż ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi rikonoxximent mill-partijiet tal-fatt li huma, tal-inqas, huma kompetituri potenzjali fir-rigward ta’ ċerti servizzi F’dan ir-rigward, fil‑preżenza ta’ suq liberalizzat, bħal dak tas-settur tal-komunikazzjoni, il‑Kummissjoni ma għandhiex tipproċedi għal analiżi tal-istruttura tas‑suq ikkonċernat u għall-kwistjoni dwar jekk id-dħul f’dan is-suq jikkorrispondix, għal kull waħda mill-partijiet, ma’ strateġija ekonomika vijabbli, iżda hija għandha teżamina jekk jeżistux ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq, li jeskludu kull kompetizzjoni potenzjali

Jekk l-intenzjoni li impriża għandha li tintegra suq hija eventwalment rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk hija tistax titqies bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit mill-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq.

(ara l-punti 180, 181, 186)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 195, 196)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 197-200)

13.    F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti miħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti.

Għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi. Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati.

(ara l-punti 205, 206, 272-274)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 220-222)

15.    F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu l-għan li jieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l‑importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih. Konsegwentement, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il‑punt 13 tal-linji gwida msemmija jinkludi l-bejgħ imwettaq fis-suq ikkonċernat permezz tal‑ksur fiż-Żona Ekonomika Ewropea, mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit jekk dan il-bejgħ huwiex affettwat realment minn dan il-ksur, bil-parti tad-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-bejgħ tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur tkun l-aħjar sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur.

Madankollu, filwaqt li huwa minnu li l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ppreġudikat jekk il-kunċett tal-valur tal‑bejgħ hemm imsemmi jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill‑bejgħ li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit li ġie effettivament affettwat mill-akkordju inkwistjoni, madankollu dan il-kunċett ma għandux jestendi għall-bejgħ tal-impriża inkwistjoni li ma jaqax, b’mod dirett jew indirett, fil-parametri ta’ dan l-akkordju.

F’dan il-kuntest, ma għandux ikun mitlub mill-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, li hija twettaq ex officio eżami tal‑kompetizzjoni potenzjali għas-swieq kollha u s-servizzi kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur, taħt piena li tintroduċi, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-multa, l‑obbligu li tkun eżaminata l-kompetizzjoni potenzjali meta eżerċizzju tali ma huwiex mitlub fil-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

Madankollu, l-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni li tiddetermina l-bejgħ b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur ma tfissirx li jiġi impost fuqha, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, obbligu li hija ma tkunx marbuta bih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ ksur li għandu għan antikompetittiv. Tali sitwazzjoni effettivament twassal biss biex tislet il-konsegwenzi mill-fatt li l-valur tal‑bejgħ għandu jkun relatat direttament jew indirettament mal-ksur skont il-punt 13 tal-Linji gwida u ma għandux jinkludi bejgħ li ma jirriżultax, direttament jew indirettament, mill-parametru tal-ksur issanzjonat. Isegwi li, mill-mument fejn il-Kummissjoni tagħżel li tibbaża ruħha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, fuq il-valur tal-bejgħ b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, hija għandha tiddetermina dan il-valur b’mod preċiż.

(ara l-punti 237-241)

16.    In-nuqqas ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni appellata kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali tkun marbuta li tipproċedi ex officio għal investigazzjoni kompleta ġdida tal-fajl.

Fil-fatt, l-istħarriġ previst mit-trattati tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk ma jidhirx li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ argumenti u provi ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tal-allegat motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali ma hijiex mistennija li teżamina ex officio, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-osservanza tal-imsemmi prinċipju mill‑Kummissjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 245, 275-277)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 280-286)