Language of document : ECLI:EU:T:2015:864

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Novembru 2015 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw miċ-Ċina – Rifjut parzjali ta’ rimbors tad-dazji antidumping imħallsa – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Tnaqqis tad-dazji antidumping – Modulazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑74/12,

Mecafer, stabbilita f’Valence (Franza), irrappreżentata minn R. MacLean, solicitor, u A. Bochon, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Stobiecka-Kuik, K. Talabér-Ritz u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 8804 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2011, dwar talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tannulla l-imsemmija deċiżjoni, għaż-żamma fis-seħħ tal-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sakemm il-Kummissjoni tkun adottat il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tingħata,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Mecafer, timporta kompressuri tal-arja, lejn l-Unjoni Ewropea, iffabbrikati minn Nu Air (Shanghai) Compressors and Tools Co. Ltd (iktar ’il quddiem, “Nu Air Shanghai” jew il-“produttur-esportatur”), kumpannija stabbilita fiċ-Ċina. Barra minn hekk, hija tiddistribwixxi u tbigħ kompressuri tal-arja ffabbrikati minn Nu Air Compressors and Tools SpA, kumpannija Taljana f’ras il-grupp Nu Air, li jagħmel parti minnu l-produttur-esportatur. Fiż-żmien tal-fatti kkonċernati f’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet tagħmel parti mill-grupp Nu Air u għaldaqstant kienet marbuta mal-produttur-esportatur.

2        Permezz tar-Regolament (KE) Nru 261/2008, tas-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 81, p. 1). Ġie applikat fuq il-kompressuri ffabbrikati minn Nu Air Shanghai, koperti mir-Regolament Nru 261/2008 (iktar ’il quddiem, il-“prodott ikkonċernat”) dazju antidumping ta’ 13.7 %.

3        Bejn Ġunju 2009 u Lulju 2010, ir-rikorrenti ressqet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat [issostitwit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem, ir-“regolament bażiku”)], ħames talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping definittivi stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 261/2008, li kienet ħallset fuq l-importazzjonijiet ta’ kompressuri ffabbrikati minn Nu Air Shanghai, għal ammont totali ta’ EUR 576 474.76. Dawn it-talbiet tressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea bl-intermedjarju tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinsabu fi Franza.

4        Il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fuq perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem, il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”).

5        Fis-6 ta’ April 2011, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni li jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kienet qed tipproponi li tiffissa għal 11.2 % il-marġni ta’ dumping rivedut għal Nu Air Shanghai u li tagħti favur ir-rikorrenti rimbors parzjali.

6        Fl-istess jum, il-Kummissjoni indirizzat dokument lill-grupp Nu Air Shanghai fejn spjegat il-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping rivedut ta’ Nu Air Shanghai.

7        Fis-26 ta’ April 2011, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-metodu użat għall-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping. B’mod partikolari, hija kkontestat it-tnaqqis tad-dazji antidumping mill-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni billi invokat l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tismagħha fuq dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest ta’ seduta formali.

8        Din is-seduta nżammet fil-31 ta’ Mejju 2011.

9        Permezz ta’ posta elettronika, tas-26 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tibgħatilha l-kalkoli li hija kienet ibbażat ruħha fuqhom sabiex tnaqqas id-dazji antidumping mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku. Dawn il-kalkoli ntbagħtu lir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum.

10      Fit-28 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni posta elettronika sabiex tikseb spjegazzjonijiet dwar il-mod kif din kienet interpretat ir-riżultati tal-kalkoli msemmija hawn fuq, u hija rrispondiet għal din b’posta elettronika tal-istess jum

11      Fis-17 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali li jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kienet qed tipprevedi li tirrevedi l-marġni ta’ dumping applikabbli għall-prodott ikkonċernat u li tagħti lir-rikorrenti rimbors parzjali tad-dazji antidumping imħallsa.

12      Permezz ta’ posta elettronika tal-20 u tal-21 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-metodu użat minnha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni. Il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ din it-talba u rreferiet lir-rikorrenti għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-posta elettronika preċedenti tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011.

13      Fil-31 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali.

14      Fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2011) 8804 finali (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha hija, minn naħa, iffissat il-marġni ta’ dumping rivedut ta’ Nu Air Shanghai għal 10.7 % u, min-naħa l-oħra, tat lir-rikorrenti rimbors parzjali tad-dazji antidumping imħallsa indebitament abbażi tad-differenza bejn il-marġni ta’ dumping inizjali (13.7 %) u l-marġni ta’ dumping rivedut (10.7 %).

15      Sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping rivedut, il-valur normali tal-prodott ikkonċernat inbena skont l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku.

16      Barra minn hekk, għall-bejgħ bl-esportazzjoni lejn l-Unjoni mwettaq direttament lil xerrejja indipendenti jew permezz ta’ kumpannija marbuta stabbilita barra mill-Unjoni, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu għall-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku.

17      Għall-bejgħ bl-esportazzjoni lejn l-Unjoni mwettaq permezz tal-intermedjarju ta’ kumpanniji marbuta stabbiliti fl-Unjoni, li jkunu eżerċitaw il-funzjonijiet kollha ta’ importazzjoni relatati mal-prodott ikkonċernat, bħall-importatur marbut mal-produttur-esportatur, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie ddeterminat, skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, abbażi tal-prezzijiet li bihom il-prodotti importati nbiegћu mill-ġdid gћall-ewwel darba lil xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni. Sabiex jinkiseb prezz ta’ esportazzjoni affidabbli, saru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha sostnuti bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll il-profitti magħmula.

18      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, id-dazji antidumping imħallsa tnaqqsu mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni, peress li r-rikorrenti ma kinitx uriet li dawn kienu ġew mgħoddija debitament fuq il-prezzijiet kollha ta’ bejgħ mill-ġdid. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti skont liema d-dħul mill-bejgħ totali tagħha marbut mal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat wera żieda ogħla mill-ammont totali tad-dazji mħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott ġie miċħud, għaliex ma kienx jikkontesta l-konklużjoni skont liema d-dazju antidumping ma kienx ġie mgħoddi debitament fuq il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ numru kbir ta’ tipi tal-prodott ikkonċernat u, għaldaqstant, li l-politika fil-qasam tal-prezzijiet ma nbidlitx b’mod li jirrifletti d-dazji antidumping imħallsa.

19      Fl-aħħar nett, il-marġni ta’ dumping ta’ 10.70 % ġie kkalkolat billi tqabbel il-valur normali medju għal tip ta’ prodott mal-prezz ta’ esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

20      Bħala konklużjoni, fid-deċiżjoni C (2011) 8804 finali, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għal rimbors tar-rikorrenti għal ammont ta’ EUR 126 235.35 u ċaħditha għall-bqija, jiġifieri għas-somma ta’ EUR 450 239.41.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini stabbiliti.

23      B’digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Novembru 2014, din il-kawża ġiet magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali mal-Kawżi Nu Air Polska vs Il-Kummissjoni (T‑75/12) u Nu Air Compressors and Tools vs Il-Kummissjoni (T‑76/12), skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

24      B’ittra tas-27 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti, minn naħa, talbet li tiġi awtorizzata tuża ċerti mezzi tekniċi waqt is-seduta u, min-naħa l-oħra, tipproduċi provi ġodda. L-ittra tas-27 ta’ Novembru 2014 u l-provi l-ġodda li kienu annessi magħha tqiegħdu fil-proċess b’deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2014.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2014.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jagħtiha biss rimbors parzjali tad-dazji antidumping li hija ħallset;

–        tordna ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tingħata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrenti fis-27 ta’ Novembru 2014

28      Skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991:

“Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi jkunu ġew prodotti tard.”

29      Dan l-artikolu jawtorizza li jingħataw provi barra, b’mod partikolari, mis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. B’mod analogu, il-Qorti Ġenerali tammetti li ċerti provi jiġu ppreżentati wara l-kontroreplika, jekk il-persuna li tkun qed toffri l-provi ma setgħetx, qabel l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ikollha l-provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjonijiet tardivi tal-avversarju tagħha jiġġustifikaw li l-proċess jiġi kkompletat b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tal-14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, EU:C:2005:238, punt 32).

30      Peress li huwa eċċezzjoni mir-regoli li jirregolaw il-preżentata ta’ provi, l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jobbliga lill‑partijiet jimmotivaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi tagħhom. Tali obbligu jimplika li l-qorti tingħata s-setgħa li tistħarreġ il-fondatezza tal-motivi għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi u, skont il-każ, il‑kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma tkunx fondata b’mod suffiċjenti fid-dritt, is-setgħa li ma tikkunsidrahomx. Dan japplika wkoll a fortiori f’dak li jikkonċerna l-provi prodotti wara l-preżentata tal-kontroreplika (sentenza Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2005:238, punt 33).

31      F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet, f’anness mal-ittra tas-27 ta’ Novembru 2014, disa’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri oħra ta’ rimbors ta’ dazji antidumping, li ġew adottati, tmienja minnhom, qabel it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u, fil-każ tal-aħħar waħda, wara l-għeluq tagħha. Sabiex tiġġustifika d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi, ir-rikorrenti indikat fost l-oħrajn li d-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq ma kinux ġew ippubblikati u li għaldaqstant hija kellha tagħmel diversi talbiet għal aċċess għal dawn id-dokumenti quddiem il-Kummissjoni, li din tal-aħħar laqgħet f’data posterjuri għal dik tal-preżentata tar-replika.

32      Il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx f’dan ir-rigward.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli l-provi prodotti mir-rikorrenti f’anness mal-ittra tas-27 ta’ Novembru 2014.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-preżentazzjoni “power point” magħmula mir-rikorrenti waqt is-seduta kemm fil-verżjoni elettronika tagħha kif ukoll fil-verżjoni karta tagħha

34      Bl-ittra tas-27 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti talbet ukoll li l-Qorti Ġenerali tawtorizzaha tagħmel preżentazzjoni “power point” fis-seduta, filwaqt li speċifikat li din ser tkun limitata għal deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

35      Peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba, waqt is-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti, minn naħa, għamlet il-preżentazzjoni “power point” imsemmija fil-punt 34 hawn fuq u, min-naħa l-oħra, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ikkomunikat kopja karta tal-imsemmija preżentazzjoni.

36      Il-Kummissjoni qajmet oġġezzjoni fir-rigward tal-preżentazzjoni “power point” tar-rikorrenti għaliex, essenzjalment, il-kontenut ta’ din kien imur lil hinn minn sempliċi deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat u, għaldaqstant, ma kienx jikkorrispondi ma’ dak imsemmi fit-talba tagħha għal awtorizzazzjoni, indirizzata lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2014.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kritiki tal-Kummissjoni huma fondati biss f’dak li jirrigwarda l-aħħar żewġ slides tal-preżentazzjoni “power point” tar-rikorrenti. Madankollu, is-slides imsemmija hawn fuq sempliċement ifakkru argumenti invokati mir-rikorrenti fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali jew jirriproduċu estratti tat-tabelli li din kienet diġà pproduċiet fl-Anness C.12 tar-replika.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentazzjoni “power point” tar-rikorrenti, li ma tikkostitwixxix produzzjoni ta’ prova tardiva, hija ammissibbli kemm fil-verżjoni elettronika tagħha kif ukoll fil-verżjoni karta tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokument prodott mill-Kummissjoni waqt is-seduta

39      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ slides minn preżentazzjoni “power point” interna għas-servizzi tagħha, konnessa ma’ din il-kawża. Fil-fehma tagħha, il-preżentata tad-dokument inkwistjoni hija ġġustifikata, essenzjalment, bin-neċessità li tingħata risposta għall-preżentazzjoni “power point” tar-rikorrenti, li l-kontenut tagħha kien imur lil hinn mis-sempliċi deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat u, għaldaqstant, li jiġi żgurat il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

40      Għandu jitfakkar li, fil-preżentazzjoni “power point” magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma ppreżentatx biss il-prodott ikkonċernat u l-mod kif il-Kummissjoni pproċediet għal klassifikazzjoni ta’ dan f’diversi numri ta’ kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem, “NKP”), iżda spjegat ukoll, essenzjalment, ir-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tagħha, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tivverifika jekk ir-rikorrenti u l-kumpanniji importaturi l-oħra marbuta mal-produttur-esportatur, stabbiliti fl-Unjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“importaturi marbuta”), kinux għaddew id-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni, jippreġudika n-natura unika tal-prodott ikkonċernat u jwassal, f’dan il-każ, għal marġni ta’ dumping rivedut żbaljat.

41      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-argumenti ċċitati iktar ’il fuq ma kinux ġodda, għaliex diġà kienu ġew invokati mir-rikorrenti kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika (punt 37 hawn fuq) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tirrispondi għalihom u li tippreżenta provi insostenn fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali.

42      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-prinċipju tal-osservanza ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet sabiex tiġġustifika l-produzzjoni taż-żewġ slides imsemmija fil-punt 39 hawn fuq fis-seduta, li jikkostitwixxu produzzjoni ta’ prova tardiva.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma indikatx lill-Qorti Ġenerali r-raġunijiet għalfejn hija kienet fl-impossibbiltà li tipproduċi l-prova msemmija hawn fuq qabel it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, peress li huwa speċifikat, f’dan ir-rigward, li din tikkonsisti fi grafika u f’tabella stabbiliti abbażi ta’ data li l-Kummissjoni kienet taf bihom sa mill-investigazzjoni ta’ rimbors.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 hawn fuq, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli l-produzzjoni ta’ prova mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

 Fuq il-mertu

45      Ir-rikorrenti titlob, minn naħa, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, iż-żamma provviżorja tal-effetti tal-imsemmija deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 264 TFUE.

 Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

46      Fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni laqgħet biss parzjalment it-talbiet tagħha għal rimbors tad-dazji antidumping u, għaldaqstant, ma tathiex rimbors lil hinn mill-ammonti msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

47      Insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-marġni tal-profitt li tnaqqas mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku u li kisret l-Artikolu 2(9) u l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqqset l-ammont tad-dazji antidumping imħallsa mill-importaturi marbuta mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni u, għaldaqstant, naqset milli tistabbilixxi prezz ta’ esportazzjoni u marġni ta’ dumping affidabbli, bi ksur tal-Artikolu 2(9) u (11) u tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku. Fil-kuntest tat-tielet motiv, hija teċċepixxi ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

48      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv, imqajjem insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet, qabel l-ewwel u t-tielet motivi.

49      Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka ħames partijiet, ibbażati, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, sa fejn hija qieset li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping kellha tiġi kkonstatata għal kull tip ta’ kompressuri tal-arja, it-tieni waħda, fuq in-natura dannuża ta’ dan l-approċċ għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ prezz ta’ esportazzjoni u ta’ marġni ta’ dumping medju ponderat affidabbli, it-tielet waħda, fuq ksur tal-ġurisprudenza tal-korp ta’ appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ waħda, fuq l-importanza eċċessiva mogħtija lil dan l-approċċ fil-kuntest tal-analiżi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u, fl-aħħar nett, il-ħames waħda, fuq in-natura arbitrarja ta’ din.

50      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox teżamina l-ewwel parti tat-tieni motiv u mbagħad it-tielet, ir-raba’, il-ħames u t-tieni parti.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

51      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi sa fejn, sabiex tevalwa jekk id-dazji antidumping kinux ġew mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni, hija applikat metodu ta’ analiżi NKP b’NKP (iktar ’il quddiem, il-“metodu NKP b’NKP”), li la huwa bbażat fuq ir-regolament bażiku u lanqas fuq il-ġurisprudenza. Skont ir-rikorrenti, dan il-metodu jmur kontra interpretazzjoni litterali u teleoloġika tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, skont liema r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għandha tiġi evalwata skont l-istess regoli u metodi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, li għalih jirreferi b’mod espliċitu l-Artikolu 11(10) tal-imsemmi regolament u, għaldaqstant, b’mod globali, jiġifieri għall-prodott ikkonċernat, u mhux għal kull wieħed min-numri ta’ kontroll ta’ prodotti (iktar ’il quddiem, l-“NKP”) li jikkomponuh. Hija tgħid ukoll li l-metodu NKP b’NKP jistabbilixxi ostakolu addizzjonali għan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni u, għaldaqstant, li huwa jmur kontra l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”) li jinsab fl-Anness 1 A tal-ftehim li jistabbilixxi d-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 3), li huwa t-traspożizzjoni tiegħu.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

53      B’mod preliminari, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-qasam tal-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, il-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“istituzzjonijiet”) għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra, EU:T:1998:184, punt 32, u tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑190/08, Ġabra, EU:T:2011:618, punt 38). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq dawn l-evalwazzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑156/87, Ġabra, EU:C:1990:116, punt 63; Thai Bicycle vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1998:184, punt 33, u tas-7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il-Kunsill, T‑84/07, Ġabra, EU:T:2013:64, punt 32).

54      Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku jipprevedi li l-prezz ta’ esportazzjoni huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, meta ma jkunx hemm prezz ta’ esportazzjoni jew meta jidher li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni jew ta’ arranġament ta’ tpaċija bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ esportazzjoni jista’ jinbena fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti jew, jekk il-prodotti ma jinbigħux mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew ma jinbigħux mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew importati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra (sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 25).

55      Għalhekk, mill‑Artikolu 2(9) tar‑regolament bażiku jirriżulta li l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw li l‑prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terz jew minħabba arranġament ta’ tpaċija bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terz. Minbarra dawn il-każijiet, l-istituzzjonijiet huma marbuta, meta jkun hemm prezz ta’ esportazzjoni, li jibbażaw ruħhom fuq dan għad-determinazzjoni tad-dumping (sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 26).

56      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑regolament bażiku, meta l‑prezz ta’ esportazzjoni jinbena fuq il‑bażi tal‑prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu għall‑ewwel darba lil xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, għandhom isiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l‑ispejjeż kollha inkorsi bejn l‑importazzjoni u l‑bejgħ mill‑ġdid, inklużi d-dazji u t-taxxi, u l-profitti, sabiex jiġi stabbilit prezz ta’ esportazzjoni affidabbli fuq il-livell tal‑fruntiera tal-Unjoni. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku jipprevedi li l-ispejjeż li għalihom isir aġġustament jinkludu marġni raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra u l-profitt (sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 27).

57      Għandu jingħad ukoll li l-aġġustamenti previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku jsiru ex officio mill-istituzzjonijiet (ara, b’mod analogu, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, Ġabra, EU:C:1987:203, punt 33; Minebea vs Il-Kunsill, 260/84, Ġabra, EU:C:1987:206, punt 43, u tal-14 ta’ Settembru 1995, Descom Scales vs Il-Kunsill, T‑171/94, Ġabra, EU:T:1995:164, punt 66).

58      It-tielet nett, mill-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku jirriżulta li, fi proċedura ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ rimbors ta’ dazji antidumping, jekk jiġi deċiż li jinbena l-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tikkalkola l-prezz ta’ esportazzjoni mingħajr ma tnaqqas l-ammont tad-dazji antidumping imħallsa, meta provi konklużivi jkunu preżenti skont liema d-dazju huwa mgħoddi debitament fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

59      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli evalwat l-eżistenza tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP u mhux b’mod globali, jiġifieri b’teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda tad-dħul mill-bejgħ marbut mal-bejgħ tal-mudelli kollha tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-importaturi marbuta, li ġie kkonstatat bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni għamlet tali analiżi, hija kienet tikkonstata li d-dħul mill-bejgħ, kif iddefinit preċedentement, kien żdied b’ammont ogħla minn dak tad-dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet tal-imsemmi prodott, espress f’perċentwali tal-valur prezz, spejjeż, assigurazzjoni u nol tal-importazzjonijiet magħmula matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors.

60      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv.

61      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka argument testwali insostenn tal-metodu deskritt fil-punt 59 hawn fuq, skont liema, essenzjalment, mill-espressjoni “rifless kif suppost [mgħoddija debitament]”, użata fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, jirriżulta li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għandha tiġi evalwata skont dak li huwa mitlub jew xieraq, jiġifieri, fil-fehma tagħha, billi jiġu applikati r-regoli u l-metodi msemmija fl-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, li huma intiżi sabiex jistabbilixxu marġni ta’ dumping individwali u uniku għal kull produttur-esportatur, indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ diversi mudelli tal-prodott ikkonċernat.

62      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

63      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, minkejja r-riferiment doppju għall-Artikolu 2 tar-regolament bażiku magħmul mill-Artikolu 11(10) tal-istess regolament, l-avverbju “kif suppost [debitament]” ma jirreferix għal metodu ta’ eżami jew għal regola msemmija fl-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, iżda għall-għan tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ipprattikati mill-kumpanniji marbuta mal-produttur-esportatur fir-rigward tal-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni, jiġifieri l-modifika tal-aġir tal-imsemmija kumpanniji wara l-istabbiliment tad-dazji antidumping, jew, fl-aħħar mill-aħħar, l-eliminazzjoni tal-marġni ta’ dumping ikkonstatat inizjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra, EU:T:1996:71, punti 76 sa 81).

64      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku ma jistabbilixxix metodu sabiex jiġi evalwat jekk il-provi prodotti mill-importaturi li jitolbu r-rimbors tad-dazji antidumping humiex “konklużivi” u jekk id-dazju antidumping ġiex “rifless kif suppost [mgħoddi debitament]” fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti fl-Unjoni.

65      Għaldaqstant, għandu jitqies li ma jeżistix metodu wieħed, iżda diversi metodi li jippermettu li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku humiex issodisfatti.

66      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, li jillimita b’tant l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq tali evalwazzjoni (ara, b’mod analogu, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra, EU:C:1987:202, punt 19; Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, punt 57 iktar ’il fuq, EU:C:1987:203, punt 21, u NMB France et vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:1996:71, punt 72).

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta hija tagħżel il-metodu skont liema għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku humiex issodisfatti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali hija mitluba teżerċita, f’dan il-qasam, biss stħarriġ ġudizzjarju ristrett (punt 53 hawn fuq).

68      B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għandha tiġi evalwata b’mod globali.

69      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

70      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-metodu ta’ eżami bbażat fuq iż-żieda globali tad-dħul mill-bejgħ huwa ġġustifikat bil-fatt li jeżisti biss prodott wieħed ikkonċernat, li għandu jitqies bħala intier. Fil-fatt, f’dan il-każ, minkejja l-eżistenza ta’ diversi mudelli ta’ kompressuri tal-arja suġġetti għad-dazju antidumping fis-seħħ, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 261/2008 tindika b’mod espliċitu li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu prodott wieħed għall-finijiet tal-investigazzjoni antidumping inizjali. In-natura unitarja tal-prodott ikkonċernat hija barra minn hekk ikkonfermata, fil-fehma tagħhom, permezz tal-premessa 20 tar-regolament bażiku kif ukoll permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il-Kunsill (T‑113/06, EU:T:2012:135).

71      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-evalwazzjoni tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP ma tippreġudikax in-natura unika tal-prodott ikkonċernat, peress li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx marġni ta’ dumping permezz ta’ NKP, iżda marġni ta’ dumping uniku għall-prodott ikkonċernat.

73      Imbagħad, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, il-prodott ikkonċernat huwa prodott kumpless, li l-mudelli differenti tiegħu għandhom karatteristiċi tekniċi differenti u prezzijiet li jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli. Għaldaqstant il-metodu NKP b’NKP, li huwa intiż sabiex iqabbel NKP li l-karatteristici u l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid taghhom huma simili, jidher iktar xieraq sabiex tigi eżaminata l-evoluzzjoni tal-prezz ta’ bejgħ mill-gdid tal-prodott ikkonċernat bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors, u dan ġie, barra minn hekk, ammess mir-rikorrenti nnifisha matul l-investigazzjoni ta’ rimbors, fl-ittra li hija indirizzat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 2011.

74      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ġustament, waqt is-seduta, id-dħul mill-bejgħ totali magħmul mill-bejgħ tal-mudelli kollha tal-prodott ikkonċernat ma jagħti l-ebda indikazzjoni preċiża dwar il-prezz unitarju tad-diversi mudelli tal-imsemmi prodott. Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-metodu ta’ analiżi bbażat fuq iż-żieda globali tad-dħul mill-bejgħ ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk l-importaturi marbuta effettivament immodifikawx l-aġir tagħhom fis-suq jew jekk, bil-kontra, huma implementawx politika ta’ prezzijiet li tippermettilhom jikkumpensaw il-mudelli l-inqas mibjugħa b’dawk l-iktar mibjugħa, billi jintervjenu b’dan il-mod fuq il-marġnijiet magħmula.

75      Barra minn hekk, il-premessa 20 tar-regolament bażiku tipprevedi, b’mod partikolari, li, “jiġi stabbilit li fi kwalunkwe kalkolu mill-ġdid ta’ dumping li jeħtieġ kostruzzjoni mill-ġdid ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, id-dazji ma għandhomx jiġu meqjusa bħala spiża minfuqa bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill‑ġdid, fejn id-dazju rilevanti ikun rifless fil-prezzijiet tal-prodotti soġġetti [suġġetti] għall-miżuri f[l-Unjoni]”.

76      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-espressjoni “prodotti suġġetti għall-miżuri”, użata fil-premessa 20 tar-regolament bażiku, li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għandha tiġi evalwata għall-prodott ikkonċernat meqjus bħala intier. Fil-fatt, il-premessa 20 tar-regolament bażiku l-istess bħall-Artikolu 11(10) tal-imsemmi regolament jirreferu għall-“prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid”, għall-“prezzijiet għall-bejgħ sussegwenti” u għall-“prodotti suġġetti għall-miżuri f[l-Unjoni]” fil-plural. B’dan il-mod, skont interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi eżaminata r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għal kull prezz tal-bejgħ u, għaldaqstant, pjuttost skont metodu tranżazzjoni bi tranżazzjoni jew saħansitra, fejn xieraq, skont metodu mudell b’mudell jew metodu NKP b’NKP.

77      Fl-aħħar nett, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għas-sentenza Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il-Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq (EU:T:2012:135), ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, għaliex il-kontestazzjoni magħmula quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, f’dan il-każ, kien iktar xieraq li jsir eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP u mhux skont metodu globali bbażat fuq iż-żieda tad-dħul mill-bejgħ bejn l-investigazzjoni inizjali u l-investigazzjoni ta’ rimbors.

79      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti.

80      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-metodu NKP b’NKP adottat mill-Kummissjoni jmur kontra l-għan tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping.

81      B’mod preliminari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-ftehim antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra, EU:C:2003:4, punt 57, u tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, T‑633/11, EU:T:2014:271, punt 38).

82      Fil-fatt, l-Unjoni adottat ir-regolament bażiku sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-ftehim antidumping (sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 81 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 56). Barra minn hekk, bl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa l-obbligi partikolari li jinvolvi l-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping. Għaldaqstant, l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping jipprevedi li, “[w]aqt li wieħed jiddeterminna jekk u sa liema punt għandu jsir rimbors meta l-prezz tal-esportazzjoni huwa mibni skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2 [tal-ftehim antidumping], l-awtoritajiet għandhom iqisu kwalunkwe bidla fil-valur normali, [u kull moviment fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid li jkun rifless debitament fil-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti,] kull bidla fil-prezzijiet imħallsa bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għandhom jikkalkulaw l-prezz tal-esportazzjoni mingħajr ma’ jiddeduċu l-ammont ta’ dazju kontra d-damping li jitħallsu meta hija ndikata evidenza konklussiva ta’ dan”.

84      Barra minn hekk, l-Artikolu 2.3 tal-ftehim antidumping jipprevedi li, “[f]’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli”.

85      Fl-aħħar nett, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping tistabbilixxi li, “[f]il-każ indikat fil-paragrafu 3, sussidji għall-ispejjeż, inklużi dwana u taxxi, li ntefqu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għandhom isiru wkoll għall-profitti li jiżdiedu […]”.

86      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping tistabbilixxi, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, il-prinċipju tad-“dazju assimilat għal spiża”, skont liema d-dazji u t-taxxi inkorsi bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, fosthom id-dazji antidumping imħallsa, huma spejjeż li għandhom jitnaqqsu fil-bini tal-prezz ta’ esportazzjoni (sentenza NMB France et vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:1996:71, punt 104).

87      F’dan il-kuntest, għandu jitqies li n-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping skont l-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping huwa eċċezzjoni fir-rigward tar-regola “dazju assimilat għal spiża”, inkluża fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-imsemmi ftehim. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping, stabbilit fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, huwa eċċezzjoni fir-rigward tar-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

88      Madankollu, bħal kull eċċezzjoni minn regola ġenerali, in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shangai Excell M&E Enterprise u Shangai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra, EU:T:2009:72, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-metodu bbażat fuq iż-żieda tad-dħul mill-bejgħ, difiż mir-rikorrenti, iwassal sabiex jiġi kkonstatat li d-dazji antidumping ġew mgħoddija globalment fuq il-klijenti tal-importatur marbut. Madankollu, skont il-metodu NKP b’NKP, il-Kummissjoni setgħet turi li din ir-riperkussjoni ma seħħitx għal diversi mudelli tal-prodott ikkonċernat.

90      Għalhekk, il-metodu NKP b’NKP, li jwassal, f’każ bħal dak inkwistjoni, sabiex tiġi evalwata b’mod iktar strett ir-riperkussjoni tad-dazji antidumping, huwa iktar konformi ma’ interpretazzjoni litterali u teleoloġika tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku u, għaldaqstant, għandu jiġi pprivileġġjat fuq approċċ ibbażat fuq iż-żieda globali tad-dħul mill-bejgħ bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors.

91      L-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li titwaqqa’ din il-konklużjoni.

92      Qabel kollox, ir-rikorrenti tallega li mill-użu tas-singular fl-espressjoni “kull moviment fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid”, li tinsab fl-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping, jiġi dedott li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping għandha tiġi eżaminata b’mod globali.

93      Madankollu, l-espressjoni “kull moviment fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid” hija immedjatament segwita bl-użu tal-plural bl-espressjoni “li jkun rifless debitament fil-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti”. Barra minn hekk, l-espressjonijiet “kull bidla” u “kull moviment”, użati fl-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping, huma, min-natura tagħhom, indeterminati.

94      Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-metodu NKP b’NKP imur kontra l-għan tal-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping, jiġifieri l-limitazzjoni tal-ostakoli għan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping. Fil-fatt, dan il-metodu jsaħħaħ l-ostakolu tad-“double jump”, skont liema importatur marbut jista’ jikseb ir-rimbors totali tad-dazji antidumping imħallsa biss jekk juri li żied il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni b’ammont ugwali għal darbtejn il-marġni ta’ dumping, jew jipprova jilleġittima ostakolu ġdid, it-“triple jump”.

95      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-punti 86 sa 88 hawn fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-bejgħ imwettaq mill-intermedjarju ta’ importatur marbut, il-prezz ta’ esportazzjoni għandu jiġi kkalkolat billi jitnaqqsu d-dazji antidumping imħallsa, skont ir-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping, previst fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, jikkostitwixxi deroga minn din ir-regola ta’ prinċipju u għaldaqstant għandu jiġi interpretat b’mod strett (punt 88 hawn fuq). B’dan il-mod, l-ostakolu tad-“double jump”, imsemmi mir-rikorrenti, huwa l-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku ma humiex issodisfatti u, għaldaqstant, tal-applikazzjoni tar-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”.

96      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-użu tal-metodu NKP b’NKP, sakemm dan jiġi applikat b’mod koerenti fl-istadji kollha tal-eżami tat-talba għal rimbors, ma jimplikax li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali għar-rimbors totali tad-dazji antidumping imħallsa, iżda biss li l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku tiġi vverifikata mal-livell tal-NKP individwali, pjuttost milli mal-livell tal-prodott ikkonċernat fil-globalità tiegħu.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tallega b’mod żbaljat li l-metodu NKP b’NKP isaħħaħ l-ostakolu tad-“double jump”, jew saħansitra li jipprova jilleġittima ostakolu ġdid għan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping.

98      Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li l-metodu NKP b’NKP ma jmurx kontra interpretazzjoni litterali u teleoloġika tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku.

99      L-argument tar-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

100    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball, minn naħa, meta qieset li, f’dan il-każ, il-metodu bbażat fuq iż-żieda globali tad-dħul mill-bejgħ, difiża mir-rikorrenti, ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit b’mod konklużiv li l-importaturi marbuta kienu għaddew debitament id-dazji antidumping tiegħu fuq il-klijenti proprji tagħhom stabbiliti fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, meta qieset li l-metodu NKP b’NKP kien l-iktar wieħed xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tan-natura kumplessa tal-prodott ikkonċernat.

101    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

102    Ir-rikorrenti tallega li l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping NKP b’NKP huwa simili ħafna għall-prattika tat-“tnaqqis għal żero” u, għaldaqstant, li jmur kontra r-rapport tal-korp ta’ appell tad-WTO “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ materjal għas-sodod magħmul mill-qoton li joriġina mill-Indja” (WT/DS141/AB/R), adottat fl-1 ta’ Marzu 2001, u kontra s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, Ġabra, EU:C:2007:547).

103    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

104    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-prattika tat-“tnaqqis għal żero”, issanzjonata mill-korp ta’ appell tad-WTO u mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet applikata mill-Kummissjoni biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping globali. Din kienet tikkonsisti, essenzjalment, f’każ fejn il-prodott ikkonċernat kien jinvolvi diversi mudelli, minn naħa, li jingħadd biss l-ammont tad-dumping li kien jikkonċerna l-mudelli kollha li fir-rigward tagħhom kien ġie stabbilit marġni ta’ dumping pożittiv u, min-naħa l-oħra, li jinġabu għal żero l-marġnijiet ta’ dumping negattivi kollha. L-ammont globali tad-dumping ikkalkolat b’dan il-mod kien imbagħad espress f’perċentwali tal-valur akkumulat tat-tranżazzjonijiet kollha fl-esportazzjoni tal-mudelli kollha, kemm jekk kienu s-suġġett ta’ dumping jew le.

105    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, iżda dak applikat mill-Kummissjoni sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku kinux issodisfatti. Il-metodu NKP b’NKP, ikkontestat mir-rikorrenti, iseħħ fi stadju preċedenti għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għandu għan differenti.

106    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha bbażata fuq ix-xebh bejn il-prattika tat-“tnaqqis għal żero” u l-metodu NKP b’NKP.

107    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prattika tat-“tnaqqis għal żero” u l-metodu NKP b’NKP.

108    Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti speċifikat l-argument tagħha billi indikat, essenzjalment, li huwa l-effett tal-prattika tat-“tnaqqis għal żero”, jiġifieri l-bidla fil-prezz ta’ esportazzjoni u, għaldaqstant, fil-marġni ta’ dumping, li, fil-fehma tagħha, huwa simili għal dak tal-metodu NKP b’NKP.

109    Ġie indikat preċedentement li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta evalwat ir-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien dak li jippermetti li jiġi eżaminat bl-ikbar preċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku kinux issodisfatti (punti 73, 89 u 90 hawn fuq).

110    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-metodu NKP b’NKP applikat mill-Kummissjoni kellu bħala effett id-distorsjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-marġni ta’ dumping rivedut ta’ Nu Air Shanghai.

111    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-użu ta’ analiżi NKP b’NKP hija nieqsa minn kwalunkwe bażi legali.

113    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

114    Il-fatt li l-approċċ NKP b’NKP ma jissemma mkien fir-regolament bażiku ma jfissirx li huwa illegali jew manifestament żbaljat.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ammettiet hija nnifisha li l-analiżi NKP b’NKP hija teknika amministrattiva li hija ġġustifikata fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping medju ponderat skont l-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku, għaliex hija tippermetti li jiġi żgurat tqabbil ekwu bejn id-diversi mudelli jew tipi ta’ merkanzija li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni li għandhom karatteristiċi differenti.

116    Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax x’jippermetti l-kunsiderazzjoni tal-approċċ NKP b’NKP jew mudell b’mudell bħala xieraq fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u mhux għall-finijiet tal-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping.

117    F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, fil-prattika, l-użu tal-metodu msemmi hawn fuq mill-istituzzjonijiet ma huwiex limitat għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari approvat il-metodu mudell b’mudell għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu li taħtu bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur għandu jiġi injorat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il-Kunsill, 277/85 u 300/85, Ġabra, EU:C:1988:467, punt 14).

118    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tat-tieni motiv

119    Ir-rikorrenti tallega li l-metodu NKP b’NKP adottat mill-Kummissjoni huwa arbitrarju għaliex, f’kawżi oħra, din tal-aħħar ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku kienu ssodisfatti billi aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid medji ponderati fl-Unjoni, jew saħansitra billi ammettiet livell ta’ prova iktar baxx minn dak mitlub fil-każ hawnhekk.

120    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

121    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal rimbors, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex teżamina jekk il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni humiex issodisfatti (punt 67 hawn fuq). Din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata każ b’każ abbażi tal-fatti kollha rilevanti (ara, b’mod analogu, is-sentenza Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:1990:116, punt 43).

122    It-tieni nett, il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping mill-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl, minn naħa, tal-provi prodotti mill-importaturi li jitolbu n-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull kawża.

123    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-natura arbitrarja tal-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati meta mqabbel mal-prattika preċedenti, jew posterjuri, tagħha ma jistax jintlaqa’ (ara, b’mod analogu, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra, EU:C:1991:186, punt 119; tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il-Kummissjoni, T‑369/08, Ġabra, EU:T:2010:549, punt 93, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill, T‑150/09, EU:T:2012:529, punti 119 u 120).

124    F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’din il-kawża kienu strettament identiċi għal dawk inkwistjoni fil-proċeduri l-oħra għal rimbors ta’ dazji antidumping jew ta’ eżami mill-ġdid li hija qajmet insostenn tal-argument tagħha bbażat fuq in-natura arbitrarja tal-metodu NKP b’NKP.

125    B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’din il-kawża huma differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 60/2012, tas-16 ta’ Jannar 2012, li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (ĠU L 22, p. 1), prodott mir-rikorrenti f’anness għar-rikors, u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2012, rigward talbiet għal rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġina mir-Russja, prodotti mir-rikorrenti f’anness tal-ittra tal-24 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem, il-“kawżi msejħa ‘tal-ferrosilikon li joriġina mir-Russja’”). Fil-fatt, fil-kontroreplika u waqt is-seduta, minn naħa, il-Kummissjoni spjegat li, fil-kawżi msejħa “tal-ferrosilikon li joriġina mir-Russja”, hija ġabret il-prodott ikkonċernat f’erba’ NKP u, għaldaqstant, eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku kinux issodisfatti għal kull NKP. Min-naħa l-oħra, hija kienet ikkonstatat li r-riperkussjoni tad-dazji antidumping kienet fil-fatt saret għal wieħed mill-erba’ NKP, li kien jirrappreżenta iktar minn 80 % mit-tranżazzjonijiet ikkonċernati, li kien suffiċjenti, fil-fehma tagħha, sabiex tilqa’ t-talba għal nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku.

126    Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li għal ħamsa mill-għaxar NKP l-iktar mibjugħa, ma ntweriex li d-dazji antidumping kienu ġew mgħoddija fuq il-klijenti tal-importaturi marbuta.

127    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli, f’kull każ, ma adottax l-istess soluzzjoni bħal fil-kawżi msejħa “tal-ferrosilikon li joriġina mir-Russja”.

128    Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

129    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tnaqqis integrali tad-dazji antidumping mill-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni huwa sproporzjonat meta huwa jinkludi d-dazji mħallsa fuq il-mudelli jew NKP li għalihom kien hemm riperkussjoni fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid sussegwenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għaldaqstant naqset milli tistabbilixxi prezz ta’ esportazzjoni u marġni ta’ dumping medju ponderat affidabbli.

130    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

131    B’mod preliminari, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tal-istess regolament. Il-possibbiltà li ma jitnaqqsux id-dazji antidumping mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod strett (punti 87 u 88 hawn fuq).

132    Min-naħa l-oħra, wara l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping NKP b’NKP, il-Kummissjoni kkonstatat li, għal numru kbir ta’ NKP, ma kienx intwera li d-dazji antidumping kienu ġew mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ fl-Unjoni.

133    Madankollu, l-analiżi NKP b’NKP imwettqa mill-Kummissjoni żvelat ukoll li għal ħamsa mill-għaxar NKP l-iktar mibjugħa, il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ipprattikati mill-importaturi marbuta mal-klijenti indipendenti stabbiliti fl-Unjoni kienu jirriflettu d-dazji antidumping imħallsa. Kif jirriżulta mill-ispreadsheet stabbilita mill-Kummissjoni, mehmuża mal-posta elettronika tagħha tas-26 ta’ Lulju 2011 u prodotta mir-rikorrenti fl-Anness A. 14 tar-rikors, il-ħames NKP imsemmija hawn fuq jikkorrispondu, minn naħa, għal volum ta’ 119 523 kompressuri tal-arja mibjugħa minn volum totali ta’ 229 239 kompressuri tal-arja mibjugħa matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors mill-kumpanniji importatriċi marbuta mal-produttur-esportatur, stabbiliti fl-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, għal iktar minn 50 % mill-valur prezz, spejjeż, assigurazzjoni u nol totali tal-imsemmi bejgħ.

134    Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir u kjarifiki li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni u, għaldaqstant, kisritx l-Artikolu 2(9) u (11), u l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, billi naqqset id-dazji antidumping imħallsa mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni, minkejja li din ir-riperkussjoni kienet effettivament saret għal ċerti NKP.

135    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat, kif tallega, ġustament, ir-rikorrenti, li teżisti rabta li ma tistax tiġi miċħuda bejn l-Artikolu 2(9) u l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku.

136    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku jagħmel b’mod espliċitu riferiment doppju għall-Artikolu 2 u għall-Artikolu 2(9) tal-istess regolament.

137    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura għal eżami mill-ġdid jew għal rimbors ta’ dazji antidumping, l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-klijenti ta’ importatur marbut, previst fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, huwa stadju fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni abbażi tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, skont ir-riżultat miksub wara dan l-eżami, id-dazji antidumping jitnaqqsu mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni u, għaldaqstant, ikollhom impatt dirett fuq l-ammont ta’ dan, sa fejn ikun neċessarjament inqas għoli milli kieku d-dazji antidumping ma kinux imnaqqsa.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, iktar ma l-prezz ta’ esportazzjoni jkun baxx, iktar id-differenza mal-valur normali tkun kbira u l-marġni ta’ dumping rivedut ikun għoli.

139    L-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku jagħmel għaldaqstant parti mill-bini tal-prezz ta’ esportazzjoni u, indirettament, mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping rivedut.

140    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tadotta metodi koerenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) u (11), u tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku.

141    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni, meta l-prodott ikkonċernat ġie mibjugħ fl-Unjoni bl-intermedjarju tal-importaturi marbuta, il-Kummissjoni qieset iktar xieraq, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tal-prodott ikkonċernat, li tivverfika jekk ir-riperkussjoni tad-dazji antidumping kinitx saret għal kull NKP.

142    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet din l-analiżi NKP b’NKP, minn naħa, billi kkalkolat prezz ta’ esportazzjoni medju ponderat uniku u valur normali medju ponderat uniku għal kull NKP u, min-naħa l-oħra, billi kkalkolat marġni ta’ dumping għal kull NKP qabel ma kkalkolat il-marġni ta’ dumping uniku għall-prodott ikkonċernat.

143    Madankollu, il-Kummissjoni ma ddeduċietx il-konsegwenzi kollha tal-metodu NKP b’NKP li hija kienet, hija nnifisha, iddeċidiet li tapplika, għaliex irrifjutat in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-NKP li għalihom id-dazji antidumping kienu madankollu ġew mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. Għaldaqstant, hija naqqset l-integralità tad-dazji antidumping imħallsa mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, u b’hekk naqqset b’mod artifiċjali l-prezz ta’ esportazzjoni medju ponderat uniku għal kull NKP u, konsegwentement, billi żiedet ir-rata tal-marġni ta’ dumping rivedut ta’ Nu Air Shanghai.

144    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li għandu impatt fuq ir-rata tal-marġni ta’ dumping rivedut u, għaldaqstant, fuq l-ammont tad-dazji antidumping li għandu jiġi rrimborsat lir-rikorrenti, filwaqt li jitfakkar li dan l-ammont jirriżulta mid-differenza bejn il-marġni ta’ dumping inizjali u l-marġni ta’ dumping rivedut (punt 14 hawn fuq).

145    L-argumenti mqajma mill-Kummissjoni ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni preċedenti.

146    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li, skont interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, ma huwiex possibbli li jitnaqqsu d-dazji antidumping imħallsa biss għal ċerti tranżazzjonijiet, mudelli jew NKP u mhux għal oħrajn, għaliex dan ma jippermettix li jiġi eskluż ir-riskju li jiġi evitat id-dritt jew li l-prezzijiet jiġu mmanipulati u għaldaqstant imur kontra l-għan tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku, li huwa li tiġi eskluża kull possibbiltà ta’ distorsjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u tal-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti li tirriżulta minn prattika ta’ dumping. Fil-fatt, kieku n-nuqqas ta’ tnaqqis parzjali tad-dazji antidumping jiġi aċċettat, l-importatur marbut ikun jista’ jistabbilixxi mekkaniżmi kumpensatorji interni, pereżempju, billi jgħaddi d-dazji antidumping fuq il-prezz tal-NKP li għalihom id-domanda ma tantx hija elastika, iżda mhux fuq NKP oħra li għalihom it-talba hija elastika ħafna.

147    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku ma jistabbilixxix metodu sabiex jiġi evalwat jekk id-dazji antidumping ġewx mgħoddija debitament fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha, f’dan il-qasam, setgħa diskrezzjonali wiesgħa (punti 64 sa 67 hawn fuq). Bl-istess mod, bil-kontra ta’ dak li ssostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku ma jobbligahiex li tnaqqas b’mod sistematiku t-totalità tad-dazji antidumping imħallsa f’każ bħal dak inkwistjoni hawnhekk, fejn l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP ma ppermettiex il-konklużjoni li din ir-riperkussjoni kienet saret għall-NKP kollha, iżda biss għal x’uħud fosthom.

148    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma wrietx li, f’dan il-każ, l-importatur marbut kien evita d-dritt billi stabbilixxa mekkaniżmi kumpensatorji bejn in-NKP l-iktar mibjugħa u l-NKP l-inqas mibjugħa, jew bejn l-NKP li għalihom id-domanda ma tantx kienet elastika u dawk li għalihom id-domanda kienet elastika ħafna.

149    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

150    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ tnaqqis parzjali tad-dazji antidumping għandu jiġi eskluż, għaliex, fil-prattika, ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-prodotti l-ġodda. Fil-fatt, fl-assenza ta’ prodotti komparabbli mibjugħa fl-investigazzjoni inizjali, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom żdidux f’miżura li tippermetti li jiġu riflessi d-dazji antidumping imħallsa.

151    Madankollu, l-unika kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku hija li l-importatur marbut jagħti provi konklużivi tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

152    F’dan il-kuntest, sakemm tkun “konklużiva”, il-prova tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tista’ tinġab b’kull mezz u mhux biss bit-tqabbil bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ ipprattikati qabel l-impożizzjoni tad-dazji antidumping u dawk ipprattikati wara.

153    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

154    It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti skont liema, kieku d-dazji antidumping ma kinux tnaqqsu mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni għall-ħames NKP li għalihom il-metodu NKP b’NKP kien ippermetta li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riperkussjoni fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti, il-marġni ta’ dumping rivedut kien ikun ta’ 4.28 % minflok ta’ 10.7 %. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-marġni ta’ dumping kkalkolat għal tnejn mill-ħames NKP imsemmija hawn fuq kien, fir-realtà, ogħla mill-marġni ta’ dumping globali stabbilit, kemm matul l-investigazzjoni inizjali kif ukoll matul l-investigazzjoni marbuta mar-rimbors. Għalhekk, hija tqis li ma huwiex ġustifikat li dan il-bejgħ, li huwa s-suġġett ta’ dumping ogħla mill-medja, jitħalla jibbenefika min-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping.

155    Madankollu, kif tosserva, ġustament, ir-rikorrenti, huwa minħabba li d-dazji antidumping tnaqqsu mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni għat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt iż-żewġ NKP imsemmija fil-punt 154 hawn fuq li l-marġni ta’ dumping ta’ dawn tal-aħħar huwa ogħla mill-medja.

156    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

157    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqqset globalment id-dazji antidumping u mhux biss mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-NKP li għalihom hija kienet ikkonstatat, wara analiżi NKP b’NKP, li d-dazji ma kinux ġew mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni u, għaldaqstant, kisret l-Artikolu 2(9) u (11), u l-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku.

158    Ma huwiex ikkontestat li, fl-assenza tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, l-ammont tad-dazji antidumping li għandu jiġi rrimborsat lir-rikorrenti kien ikun ogħla minn dak imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

159    Konsegwentement, għandha tintlaqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, l-ewwel kap ta’ talbiet intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti rimbors tad-dazji antidumping imħallsa indebitament lil hinn mis-somom imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motiv invokati insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet.

 Fuq it-tieni kap ta’ talbiet, intiż għaż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 264 TFUE

160    Essenzjalment, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex, jekk jintlaqa’ l-ewwel kap ta’ talbiet, tuża’ s-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 264 TFUE u, għaldaqstant, tordna ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Kummissjoni tkun adottat il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tingħata. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, jekk id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata, dan jobbligaha tħallas lura lill-awtoritajiet kompetenti t-totalità tas-somom li ġew irrimborsati lilha abbażi tal-imsemmija deċiżjoni. It-tieni nett, huma jispeċifikaw li hija titlob biss ir-rettifika tad-deċiżjoni kkontestata u mhux l-annullament tagħha fuq il-punti kollha, għaliex din hija, parzjalment, favorevoli għaliha.

161    Il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni kontra t-tieni kap ta’ talbiet.

162    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat parzjalment li tilqa’ t-talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imressqa mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ma tathiex rimbors lil hinn mis-somom imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, somom li hija l-Kummissjoni li għandha tikkalkola l-ammont eżatt tagħhom.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma jimplikax li r-rikorrenti hija marbuta tħallas lura lill-awtoritajiet kompetenti s-somom li ġew irrimborsati lilha abbażi tal-imsemmija deċiżjoni.

164    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni kap ta’ talbiet.

 Fuq l-ispejjeż

165    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tat-talbiet essenzjali tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 8804 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2011, dwar talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat sa fejn ma jagħtix lil Mecafer rimbors tad-dazji antidumping imħallsa indebitament lil hinn mill-ammonti msemmija fih.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.