Language of document : ECLI:EU:T:2011:236

Kawża T-250/08

Edward William Batchelor

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti skambjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ miżuri meħuda fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti — Implikazzjonijiet proċedurali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (5))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(3))

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

(Artikolu 10 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u Artikolu 4(5))

6.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2);Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

1.      Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li taqa’ fuq l-istituzzjoni destinatarja ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ppreżentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tiddependi mid-definizzjoni tal-konsegwenzi legali marbuta mar-rifjut mogħti minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument skont l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament.

F’dan ir-rigward, interpretazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonali sabiex jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni Komunitarja minħabba l-fatt biss li l‑imsemmi dokument huwa mibgħut minn dan l-Istat Membru ma hijiex kompatibbli mal-għan li tittejjeb it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jimmotiva l-oppożizzjoni eventwali tiegħu b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta l-Istat Membru jwieġeb għal dan l-obbligu, l-istituzzjoni ssib ruħha obbligata li tiċħad l-applikazzjoni għal aċċess, iżda għandha tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tesponi, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru sabiex tagħmel riferiment għall-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li huma intiżi li jħarsu l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li jippruvaw jagħtu lill-Artikolu 4(5) tiegħu kontenut normattiv adegwat u distint minn dak tal-paragrafu 4 tal-istess dispożizzjoni, li, wara li kkonstatat li l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru fiha r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħu, id-dokumenti inkwistjoni huma koperti minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, l-istituzzjoni kkonċernata ma għandhiex għalfejn tesponi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni.

(ara l-punti 44-47)

2.      Meta Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà li hija miftuħa lilu permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jitlob li dokument mibgħut minn dan l-Istat ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu u jressaq motivi ta’ rifjut, ibbażati fuq l-eċċezzjonijiet, elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, fuq it-talba tal-persuna kkonċernata li lilha ġie rrifjutat l-aċċess mill-istituzzjoni mitluba, jekk dan ir-rifjut setax jiġi validament fondat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan minkejja l-fatt li dan ir-rifjut ma jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess, iżda mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din il-persuna kkonċernata, l-intervent tal-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni mogħtija ulterjorment mill-istituzzjoni bħala tweġiba għall-applikazzjoni għal aċċess li ġiet ippreżentata quddiemha f’dak li jikkonċerna dokument li hija żżomm.

(ara l-punt 67)

3.      Dokumenti mibgħuta lil istituzzjoni minn persuna jew entità esterna fid-dawl ta’ skambju ta’ ideat mal-istituzzjoni inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dispożizzjoni li għandha bħala għan li tipproteġi ċerti tipi ta’ dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura, fejn l-iżvelar tagħhom, anki wara li din il-proċedura tintemm, serjament jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata.

Fil-fatt, l-ewwel nett, jekk id-dokumenti li jsir riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni għandhom ikollhom “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkonċernat li jiġi kkunsidrat”, li jiġi kkunsidrat li dokument huwa intiż għall-użu intern ta’ istituzzjoni mill-uniku fatt li din hija d-destinatarja huwa ekwivalenti li lil din il- kundizzjoni jitneħħilha s-sens tagħha, peress li kull dokument li tirċievi istituzzjoni jissodisfa din il-kundizzjoni. It-tieni nett, tali interpretazzjoni ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn id-deliberazzjonijiet jew konsultazzjonijiet preliminari għandhom, skont din l-istess dispożizzjoni, iseħħu “fl-istituzzjoni”.

Mhux talli ma humiex ir-riżultat ta’ sempliċi interpretazzjoni grammatikali, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati strettament. Minbarra dan, dawn il-kunsiderazzjonijiet iżommu l-effettività tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, il-loġika tal-eżistenza ta’ żewġ subparagrafi distinti fi ħdan din id-dispożizzjoni, l-ewwel wieħed li jikkonċerna l-perijodu sakemm jiġi konkluż il-proċess deċiżjonali, it-tieni wieħed li jikkonċerna l-perijodu anki wara l-konklużjoni ta’ dan il-proċess.

Minn naħa, fil-fatt, li jiġi kkunsidrat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi għal kull dokument mibgħut lil istituzzjoni minn persuna esterna, li fih “opinjoni” fis-sens l-iktar wiesa’ tat-terminu u li jista’ jwassal għal tweġiba, filwaqt li ssir “konsultazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu bħala konsegwenza li dan it-tieni subparagrafu jirreferi għal “dokumenti” fis-sens daqstant wiesa’ bħall-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, peress li dawn il-kategoriji ta’ dokumenti jistgħu jiġu protetti f’kundizzjonijiet identiċi, jiġifieri li l-iżvelar tagħhom serjament jippreġudika l-proċess deċiżjonali, l-ewwel subparagrafu isir superfluwu, peress li t-tieni wieħed ikopri l-perijodu li jestendi kemm qabel kif ukoll wara li jiġi konkluż dan il-proċess.

(ara l-punti 68-70, 73-76)

4.      L-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti ppreżentata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Tali applikazzjoni tista’ bħala prinċipju tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel jekk l-aċċess għad-dokument seta’ jippreġudika l-interess protett b’mod konkret u effettiv. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat.

(ara l-punt 78)

5.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jinvoka r-riluttanza tiegħu sabiex jikkoopera ma’ istituzzjoni fil-każ fejn dokument huwa żvelat skont dan ir-regolament, sabiex validament isostni preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata.

Fil-fatt, li tiġi rikonoxxuta l-eventwali dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li biha dan juri b’mod manifest ir-riluttanza tiegħu sabiex jikkoopera mal-istituzzjoni, fil-każ fejn din tal-aħħar tagħti aċċess għal dokument, bħala bażi ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iwassal sabiex lill-Istati Membri jingħata dritt diskrezzjonali fil-qasam jew, tal-inqas, jissuġġetta l-politika ta’ aċċess għad-dokumenti implementata minn dan ir-regolament għall-politika nazzjonali relatata magħha. Issa, dan ma huwiex kompatibbli la mas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita minn dan ir-regolament u lanqas mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet li jaqa’ fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 10 KE.

(ara l-punti 80, 81)

6.      L-eċċezzjoni dwar id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li tikkonċerna l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ ispezzjoni jew ta’ investigazzjoni, ma tapplikax għal dokumenti skambjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal- miżuri adottati minn Stat Membru fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt Komunitarju, li jikkostitwixxi l-għan tal-investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, ma huwiex ipperikolat fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jixtieqx jikkoopera fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri li huwa jadotta jew li għandu l-intenzjoni li jadotta mad-dritt Komunitarju. F’tali ipotesi, dawn il-miżuri ma humiex eżaminati mill-Kummissjoni, ma jibbenefikawx minn rikonoxximent reċiproku u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt primarju tapplika pjenament.

(ara l-punti 91, 92, 95)