Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2008 - Melli Bank vs Il-Kunsill
(Kawża T-246/08)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Melli Bank plc (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Gordon, QC, J. Stratford, Barrister, R. Gwynne u T. Din, Solicitors)
Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
L-annullament tal-paragrafu 4 tat-taqsima B ta' l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, safejn jikkonċerna lil Melli Bank plc;
tagħti kull rimedju li jidher ġust u xieraq fiċ-ċirkustanzi;
tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-Bank l-ispejjeż ta' dan ir-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
F'din il-kawża r-rikorrent qed jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE tat-23 ta' Ġunju 2008
1 li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
2 safejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skond din id-dispożizzjoni.
Ir-rikorrent qed jitlob l-annullament tal-paragrafu 4 tat-taqsima B ta' l-Anness, safejn jikkonċerna lilu, fuq il-bażi li huwa illegali minn żewġ aspetti.
L-ewwel nett, ir-rikorrent jisħaq li d-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata minħabba li l-iffriżar tal-fondi u ta' l-assi ekonomiċi tar-rikorrent (i) ma għandu l-ebda relazzjoni razzjonali ma' l-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari jew li jiġi evitat il-finanzjament tagħha u (ii) mhuwiex l-inqas mezz restrittiv sabiex tiġi eżerċitata viġilanza kontra r-rikorrent jew sabiex jitħares l-għan li jiġi evitat il-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari.
It-tieni nett, ir-rikorrent jisħaq li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni billi, minn naħa, ir-rikorrent qiegħed fl-istess pożizzjoni bħal sussidjarji Britanniċi oħra tal-banek Iranjani, u qiegħed f'pożizzjoni materjalment komparabbli ma' banek Britanniċi oħra inklużi banek Britanniċi f'kummerċ ma' l-Iran, imma ġie ttrattat b'mod differenti, u min-naħa l-oħra, qiegħed f'sitwazzjoni sinjifikament differenti minn bank ieħor indikat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti imma ġie ttrattat bl-istess mod.
____________1 - ĠU 2008 L 163, p. 292 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta' April 2007 (ĠU 2007 L 103, p. 1)