Language of document : ECLI:EU:T:2011:236

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Mejju 2001 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti skambjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ miżuri meħuda fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali –Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki”

Fil-Kawża T‑250/08,

Edward William Batchelor, residenti fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentat minn F. Young, solicitor, A. Barav, barrister, u D. Reymond, avukat, sussegwentement minn M. Barav, Reymond u F. Carlin, barrister,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh u S. Juul Jørgensen, bħala aġenti,

intervenjent

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Docksey, C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, sussegwentement minn C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, L. Seeboruth u I. Rao, bħala aġenti, sussegwentement minn I. Rao, assistita minn G. Facenna u T. de la Mare, barristers,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti skambjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fuq il-bażi tal-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonjiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li tiċħad l-istess talba meqjusa bħala li ġiet adottata fid-9 ta’ April 2008.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE.

2        Skont l-Artikolu 4(2) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il‑proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il‑biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

3        Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001:

“1.      Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f'dak il‑perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali [...]

3.      Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id‑dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

4        L-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonjiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif miżjud bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li jemenda d-Direttiva [98/552] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321), jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru jista jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f'dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista’ ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ mportanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l‑avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l‑miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jeżerċitawx id‑drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu ”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2005, Infront WM AG, kumanpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, li teżerċita attività ta’ xiri, ta’ amministrazzjoni u ta’ kummerċjalizzzazzjoni ta’ drittijiet ta’ trasmiżżjoni televiżiva ta’ avvenimenti sportivi, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward miżuri adottati mir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

6        B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrent, Edward William Batchelor, indirizza ruħu quddiem il-Kummissjoni bħala kunsill tal-kumpannija Infront WM, u għamel osservazzjonijiet dwar ittra li l-Kummissjoni kienet bagħtet lil Infront WM fis-27 ta’ Settembru 2006 fil-kuntest tal-eżami tal-ilment. Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna, permezz tal-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2006, li tikkomunika kull dokument dwar skambju ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet tar-Renju Unit sa minn meta tressaq l-ilment kif ukoll l-istatistiċi u data kollha li jinsabu fid-dokumenti kkomunikati minn dan l-Istat Membru f’dan il-kuntest.

7        B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2007, id-Direttur tad-Direttorat “Awdjoviżjoni, Midja, Internet” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja” wieġeb li huwa fehem it-talba għal aċċess għad-dokumenti fformulata fl-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2006 bħala li tagħmel riferiment għal ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2006 u żewġ ittri tal-awtoritajiet tar-Renju Unit rispettivament tal-5 ta’ Settembru u tal-15 ta’ Novembru 2006. Madankollu dawn id-dokumenti kienu, skont l-awtur tal-ittra tas-16 ta’ Jannar 2007, koperti bl-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjoni, peress li l-eżami tal-ilment mill-Kummissjoni seta’ jagħti lok għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

8        Fis-16 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/730/KE dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l‑Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] (ĠU L 295, p. 12). Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/730, il-Kummissjoni ddikjarat il-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, li huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

9        B’ittra tas-7 ta’ Frar 2008, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Soċjetà tal-Informazzjoni u l‑Midja” informa lir-rikorrent bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730 kif ukoll bil-pożizzjoni tad-diviżjoni tiegħu, fejn, skont din id-deċiżjoni u fid-dawl tal-motivi li jinsabu fl-ittra tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2006, l-ilment ma weriex ksur tad-dritt Komunitarju min-naħa tar-Renju Unit.

10      B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent stieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha sostnuta fl-ittra tas-16 ta’ Jannar 2007 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) billi ħa inkunsiderazzjoni l-għeluq tal-investigazzjoni dwar il‑kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mad-dritt Komunitarju. Minbarra dan, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, li tidentifika u li tagħtih aċċess għal kull dokument ippreżentat mir-Renju Unit wara s-16 ta’ Jannar 2007 kif ukoll kull informazzjoni mhux kunfidenzjali li tinsab fil-korrispondenza li tikkonċerna l-kontenut tal-lista ta’ avvenimenti adottata mir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

11      B’ittra tas-7 ta’ Frar 2008, id-Direttur tad-Direttorat “Awdjoviżjoni, Midja, Internet” tad-DĠ “Soċjetà tal-Informazzjoni u l‑Midja” informa lir-rikorrent li d-dokumenti li dan tal-aħħar talab l-aċċess ma setgħux jiġu żvelati lilu għar-raġuni li huma kienu koperti bl-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati u pariri legali, peress li l-kawża Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P), bejn il-Kummissjoni u Infront WM rigward miżuri adottati mir-Renju Unit kienet għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

12      B’ittra tal-21 ta’ Frar 2008, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħand is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni. B’ittra tal-14 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li t‑terminu previst fil-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni kien ġie estiż bi 15-il jum utli.

13      B’ittra tas-16 ta’ Mejju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita”), is‑Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni ddeċieda dwar l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrent. Is-Segretarjat Ġenerali espona, l-ewwel nett, li tliet dokumenti kienu involuti fit-talba tar-rikorrent, jiġifieri ittra tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja” lir-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit tat-2 ta’ Awwissu 2006, ittra tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2006 u ittra tar-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2007 li tinkludi ħames annessi.

14      Fir-rigward tal-ittri tal-5 ta’ Settembru 2006 u tad-19 ta’ Frar 2007, il‑Kummissjoni indikat li kkonsultat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li għamlu użu mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi opponew l-iżvelar tagħhom abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Iktar partikolarment, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru sostnew li dawn id-dokumenti kien fihom il-pożizzjonijiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma fl-ilment, li kienu ġew esposti kunfidenzjalment. L-iżvelar tagħhom kien serjament jippreġudika l-proċess ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-ilment, li min-naħa tiegħu jinfluwenza l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Minbarra dan, l-annessi tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2007 kien fihom informazzjoni kunfidenzjali relatata ma’ interessi kummerċjali ta’ xandara kif ukoll ta’ detenturi tad-drittijiet oħra ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid ta’ diversi attivitajiet sportivi. Għalhekk dawn l-annessi jagqħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subinċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

15      Il-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni espliċita, li, minħabba l-oppożizzjoni motivata tal-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea għall-iżvelar tal-ittri inkwisjtoni, hija kellha tirrifjuta l-aċċess mitluba mir-rikorrent, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389).

16      Fir-rigward tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar tagħha serjament jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li joħloq riskju li tiltaqa’ ma’ rifjut ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552. Il-kunfidenzjalità ta’ dan id-dokument kellha, skont il‑Kummissjoni, tinżamm sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar ir‑rikorsi ppreżentati mill-Fédération internationale de football association (FIFA) u l-Union des associations européennes de football (UEFA) (rispettivament Kawżi T‑68/08 u T‑55/08) kontra d-Deċiżjoni 2007/730.

17      Il-Kummissjoni rrifjutat ukoll li tagħti aċċess parzjali għall-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006 għar-raġuni li hija kienet koperta kollha kemm hi bl-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, il‑Kummissjoni qieset li ebda element ma indika l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti li għalihom ir-rikorrent kien talab aċċess.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

19      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2008, ir‑Renju Unit talab li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. B’digriet tat-2 ta’ Diċembru 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. Ir-Renju Unit ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan fit-termini mogħtija.

20      B’digriet tal-4 ta’ Awwissu 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ordna, abbażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummisjoni tipproduċi kopji tad-dokumenti kollha li kienet irrifjutat l-aċċess tagħhom.

21      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

22      B’ittra tas-6 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni kkonformat ma’ din il-miżura istruttorja

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni, li din tal-aħħar wieġbet għaliha b’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2010.

25      Ir‑rikorrent jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li seħħet fid-9 ta’ April 2008, kif ukoll id-deċiżjoni espliċita;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda bħala inammissibbli;

–        tiċħad il-motivi mqajma kontra d-deċiżjoni espliċita bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

27      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni espliċita bħala infondat.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-ksur tal-Artikolu 255 KE flimkien mal-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita

 L-argumenti tal-partijiet

29      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, issostni li r-rikorent ma għandux interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni impliċita kkunsidrata li ġiet adottata fid-9 ta’ April 2008, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita”). Fil-fatt, peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita seħħet f’data qabel il-preżentata tar-rikors, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni impliċita ma jagħtihix vantaġġ differenti minn dak li jagħtih l‑annullament possibbli tad-deċiżjoni espliċita.

30      Ir-rikorrent isostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tagħti lok għal sitwazzjoni assurda, skont liema l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita barra mit-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 tagħmel impossibbli l-istħarriġ ġuridiku ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, li għaldaqstant tikkostitwixxi att mhux motivat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita ta’ rifjut wara t-terminu stabbilit mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l‑applikant ma għandux iktar interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni impliċita meqjusa li ġiet adottata mill-fatt li skada dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 45, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑359/09, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 40). Fil-fatt, il-konsegwenzi legali fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti kkonċernati minħabba l-iskadenza tat-terminu ma jibqgħux applikabbli mill-mument tal-adozjoni ta’ deċiżjoni espliċita.

32      L-interess invokat mir-rikorrent waqt is-seduta jikkonsisti fil-possibbiltà li jiġi ppreżentat ulterjorment rikors għad-danni abbażi tal-iskadenza tat-terminu inkwistjoni ma jqajjimx dubju dwar l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 31 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-annullament preċedenti tad-deċiżjoni impliċita ma huwiex kundizzjoni għall-preżentata ta’ tali rikors.

33      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa magħmul kontra d-deċiżjoni impliċita.

2.     Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni espliċita

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

34      Fir-rigward tad-deċiżjoni espliċita, l-ewwel nett, ir-rikorrent jesponi li ma huwiex fil-pożizzjoni li jkun jaf jekk, barra d-dokumenti identifikati mill-Kummissjoni, jeżistu oħrajn li huma relatati mal-applikazzjoni tiegħu. Sussegwentement, ir‑rikorrent isostni li l-oppożizzjoni motivata min-naħa ta’ Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament  Nru 1049/2001 ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżerċita kontroll sħiħ fuq il‑validità tal-motivi invokati minn dan l-Istat Membru u li tesponi l-motivazzjoni tagħha stess f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan l-approċċ huwa kkonfermat minn diversi punti tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro f’din is-sentenza (Ġabra p. I‑11394), kif ukoll mill-proposta tal-Kummissjoni dwar l-emenda tar-Regolament Nru 1049/2001, li tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament, hekk kif huwa fis-seħħ.

35      Minbarra dan, li l-Kummissjoni tiġi obbligata taġixxi skont l-opinjoni negattiva motivata tal-Istat Membru kkonsultat jikkostitwixxi nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħmel riferiment għal “talba” tal-Istat inkwistjoni, u huwa ekwivalenti li tiġi intorodotta mill-ġdid ir-regola tal-awtur tad-dokument, imħassra bir-Regolament Nru 1049/2001.

36      L-inkoerenza tal-argument difiż mill-Kummissjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li wassal sabiex f’dan il-każ hija tirrifjuta l-aċċess stess għal dokumenti li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku, bħal-lista ta’ logħbiet tat-Tazza tad-Dijna tal-futbol tal-1994, tal-1998 u tal-2002 li ma ġewx trażmessi mill-ġdid fuq televiżjoni mingħajr ħlas, kif ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal dokument li l‑awtoritajiet tar-Renju Unit kienu aċċettaw li jiżvelaw.

37      Issa, barra aċċettazzjoni inkondizzjonata ta‘ evalwazzjoni tar-Renju Unit, id‑deċiżjoni espliċita ma fihiex raġunament li abbażi tiegħu il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet bil-validità tal-motivi invokati minn dan l-Istat Membru jew bin-nuqqas ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Iċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq turi wkoll li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-validità tar-raġunijiet invokati mir-Renju Unit. Minbarra dan, id-deċiżjoni espliċita ma fihiex raġunijiet għal rifjut invokati f’dan ir-rigward mir-Renju Unit fil-kuntest tan-nota ta’ invervent tiegħu.

38      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni espliċita ma fiha ebda evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

39      Għaldaqstant, skont ir-rikorrent, billi bbażat esklużivament fuq ir-rifjut motivat tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti li huwa fformula u billi naqset milli teżamina l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba f’din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

40      Fir-rigward tal-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrent isostni li l-affermazzjoni li l-iżvelar tagħha jimpedixxi lill-Istati Membri milli jikkoopera u li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt Komunitarju hija purament ipotetika u ma hijiex sostnuta minn provi, b’mod li hija ma tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti.

41      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l‑qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari rigward il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 93).

43      L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li ma huwiex fil-pożizzjoni li jkun jaf jekk jeżistux dokumenti oħra li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tiegħu li ma humiex identifikati fid-deċiżjoni espliċita, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hemmhekk esponiet b’mod ċar liema huma d-dokumenti kkonċernati mill-applikazzjoni tar-rikorrent. Id-deċiżjoni espliċita hija għalhekk motivata suffiċjentement fid-dritt dwar din il-kwistjoni.

44      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li taqa’ fuq il-Kummissjoni tiddependi mid-definizzjoni tal-konsegwenzi legali marbuta mar-rifjut mogħti minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument skont l‑Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonali sabiex jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni Komunitarja minħabba l-fatt biss li l‑imsemmi dokument huwa mibgħut minn dan l-Istat Membru ma huwiex kompatibbli mal-għan li tittejjeb it-trasparenza tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonjiet tal-Unjoni Ewropea. Fl-ipotesi ta’ tali interpretazzjoni, kategorija partikolarment sinjifikattiva ta’ dokumenti li jistgħu jkunu l-bażi ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet Komunitajra u li jkunu jistgħu jiċċarawh ma jaqgħux taħt id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-dritt ta’ aċċess pubbliku konsegwentement huwa mfixkel b’mod korrispondenti u mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punti 58 sa 60, 62 u 64).

46      Għalhekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jimmotiva l‑oppożizzjoni eventwali tiegħu b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta l-Istat Membru jwieġeb għal dan l-obbligu, l-istituzzjoni ssib ruħha obbligata li tiċħad l-applikazzjoni għal aċċess, iżda għandha tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tesponi, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru sabiex tagħmel riferiment għal waħda mill-eċċezzjonijiet għal applikazzjoni għal aċċess previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punti 87, 89 u 90).

47      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li huma intiżi li jħarsu l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li jippruvaw jagħtu lill-Artikolu 4(5) tiegħu kontenut normattiv adegwat u distint minn dak tal-paragrafu 4 tal-istess dispożizzjoni, li, wara li kkonstatat li l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru fiha r‑raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħu, id-dokumenti inkwistjoni huma koperti minn eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tesponi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni.

48      F’dan il-każ, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mir-Renju Unit, il-Kummissjoni esponiet, fil-punt 2 tad-deċiżjoni espliċita, ir-raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru u indikat li dawn ir-raġunijiet huma fformulati b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3)tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni għalhekk issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

49      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2006, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li huwa differenti mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, ħaġa li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 94).

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrent f’dan ir-rigward sabiex isostnu l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni espliċita fir-realtà jikkonċernaw il-fondatezza tal-motivi tagħha, fejn l-eżami ser isir fil-kuntest tat-tieni motiv. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni espliċita fiha, fil-punt 3.1, sunt tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tal-ittra inkwistjoni jippreġudika l-għanijiet tal-investigazzjoni u għandu, għalhekk, jiġi rrifjutat skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 255 KE flimkien mal-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1049/2001

 Fuq id-dokumenti li joriġinaw mir-Renju Unit

–       L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrent isostni li, skont il-ġurisprudenza, kull eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess għad-dokumenti għandha tiġi interpretata restrittivament, fejn l-aċċess għandu jiġi ppreżervat inkwantu prinċipju.

53      Fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ir-rikorrent josserva li f’dan il-każ Stat Membru invoka dispożizzjoni intiża sabex tippreżerva l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u dan f’kawżi futuri. Fil-fatt, waqt l‑adozzjoni kemm tad-deċiżjoni impliċita kif ukoll tad-deċiżjoni espliċita l‑Kummissjoni kienet diġà adottat id-Deċiżjoni 2007/730 u għalqet il-fajl dwar l‑ilment (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq). Issa, minħabba n-natura tagħha esklużivament marbuta mal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, l‑invokazzjoni ta’ din l-eċċeżżjoni hija rriżervata għalihom. F’dan il-kuntest, il‑fatt li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kinux bagħtu d-dokumenti identifikati fid-deċiżjoni espliċita sabiex dawn tal-aħħar isiru pubbliċi hija irrilevanti, bħall-kunsiderazzjoni li dawn id-dokumenti wkoll kienu ġew eżaminati fil-kuntest tal-ilment.

54      Minbarra dan, il-kunsiderazzjoni li l-iżvelar tad-dokuemnti inkwistjoni jaffettwa l‑volontà tal-Istati Membri li jikkooperaw mal-Kummissjoni tirrigwarda ċirkustanza li ma hijiex raġonevolment prevedibbli, iżda hija purament ipotetika. L-Istati Membri barra minn hekk għandhom l-obbligu li jikkooperaw mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 KE u ma jistgħux jiksru dan l-obbligu għar-raġuni li l-Kummissjoni tat aċċess għal dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni stess fir-rigward tal-eżami tal-miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li hija ser tagħmel l-eżami inkwisjtoni unikament jekk informazzjoni suffiċjenti hija ppprovduta mill-Istat Membru fir-rigward tal-importanza ta’ kull avveniment għas-soċjetà u fir-rigward tal-proċeduri segwiti għall-għażla tal-avvenimenti inkwistjoni. Nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 huwa għalhekk inkonċepibbli.

55      Ir-rikorrent ifakkar l-obbligu tal-Istati Membri li jistabblixxu l-eventwali lista’ ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà skont proċedura ċara u trasparenti skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, b’mod li l-iżvelar tad-dokumenti relatati ppreżentati lill-Kummissjoni ma jistax jiġi rrifjutat anki wara t-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-lista mad-dritt Komunitarju għar-raġuni li l‑Istat Membru jirrifjuta li jikkoopera fil-futur. Anki jekk il-Kummissjoni rċeviet id-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet tar-Renju Unit bħala risposta għal talba għal informazzjoni li hija kienet indirizzat lihom f’dak li jikkonċerna l-ilment, id-Deċiżjoni 2007/730 kienet fondata fuq din l-informazzjoni.

56      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent isostni li, skont il-Kummissjoni stess, l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit fil-kuntest tal-eżami tal-ilment kienet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mad-dritt Komunitarju u li, skont l-ittra tas-7 ta’ Frar 2008 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), l‑adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730 tat lok għall-klassifikazzjoni tal-ilment. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet, fid-deċiżjoni espliċita, li d‑dokumenti inkwistjoni kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrent, li kienet tikkonċerna d-dokumenti dwar l-eżami tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(2) tad‑Direttiva 89/552. Minn dan jirriżulta li l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ dawn il‑miżuri u l-eżami tal-ilment ikkoinċidew u li l-argumenti tal-Kummissjoni, ippreżentati għall-ewwel darba fir-risposta, ibbażati fuq distinzjoni bejn iż-żewġ proċeduri, għandhom jiġu miċħuda. Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li, skont id-deċiżjoni espliċita, l-ittra tad-19 ta’ Frar 2007 fiha l-opinjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti mistoqsijiet relatati mal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

57      Minbarra dan, l-argument dwar il-possibbiltà li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit wara annullament tad-Deċiżjoni 2007/730 mill-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi aċċettat, peress li jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar ta’ kull dokument ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni.

58      Għaldaqstant, meta invokat l-eċċezzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-Renju Unit, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi.

59      Minbarra dan, ir-rikorrent jesponi li, meta naqset milli teżamina l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-deċiżjoni espliċita ma tindikax barra minn hekk li l-Kummissjoni kienet stiednet lir-Renju Unit sabiex jimmotiva l-pożizzjoni tiegħu fuq eventwali aċċess parzjali jew li tali motivazzjoni effettivament kienet ġiet ipprovduta.

60      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-setgħa tagħha hija limitata għall-verifika li l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru huma fondati fuq l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li huma ma humiex manifestament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Korrelattivament, il-kontroll eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tagħha għandu jiġi limitat sabiex jiġi verfikat li hija effettivament għamlitx dan l-eżami.

61      Sussegwentement, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), il‑Kummissjoni tesponi li d-dokumenti pprovduti mir-Renju Unit kienu hekk ipprovudti fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti u kienu jinkludu l-opinjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit ippreżentati fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet preliminari mal-Kummissjoni. Sostnuta mir-Renju Unit, il-Kummissjoni ssostni li, kuntarjament għal dak li jsosnti r-rikorrent, Stat Membru li jipparteċipa għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni għandu d-dritt li jinvoka l-eċċezzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiż sabiex jipproteġi l-“ispazju ta’ riflessjoni” li huwa parti minn dan il-proċess. F’dan il-każ, ir-riskju ta’ dannu għal dan il‑proċess, li jimplika verifika ta’ natura simili kemm fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa raġonevolment prevedibbli, minkejja l-għeluq tal-investigazzjoni inkwistjoni, peress li l-legalità tad-Deċiżjoni 2007/730 hija kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawżi T‑55/08, UEFA vs Il‑Kummissjoni, u T‑68/08, FIFA vs Il‑Kummissjoni. Fil-fatt, dawn id-dokumenti, li għalihom il‑Kummissjoni kellha rikors kemm għall-finijiet tal-eżami tagħha skont l‑Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 kif ukoll fir-rigward tal-ilment, għandhom rwol ċentrali fil-kuntest ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mad-dritt Komunitarju f’każ ta’ annullament sostanzjali tad-Deċiżjoni 2007/730. Issa, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom mill-ġdid ikunu jistgħu jikkooperaw f’kunfidenza sħiħa mal-Kummissjoni sakemm il-kawża tkun definittivament magħluqa, u fin-nuqqas ta’ dan il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu tkun serjament ippreġudikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunament segwit mir-Renju Unit ma huwiex manifestament inadegwat.

62      Il-Kummissjoni żżid li l-obbligu ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-Artikolu 10 KE ma jipprekludix li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li ċerti elementi jinżammu kunfidenzjali. L-obbligu ta’ kooperazzjoni fuq l-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 huwa, barra minn hekk, irrilevanti f’dan il‑każ, peress li d-dokumenti inkwistjoni kienu ġew prodotti fil-kuntest tal-eżami ta’ lment u ma jagħmlux parti min-notifikazzjoni li r-Renju Unit wettaq fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

63      Ir-Renju Unit isostni li, anki jekk ċerta informazzjoni li tinsab fl-annessi iv) sa vi) tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2007 ma hijiex kunfidenzjali, l-istruttura tal-preżentazzjoni tagħha turi ċerti elementi li ma jistgħux jiġu żvelati mingħajr dannu għall-fiduċja reċiproka li għandha tirregola l-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Stat Membru fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

64      Għandu jiġi sostnut l-ewwel nett li, wara spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha kif ukoll fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2010, skont liema hija ma opponietx iktar l-iżvelar tal-ewwel żewġ annessi tal-ittra tar-rappreżentant permanenti tar-Renju Unit, bla ħsara għal ċerta data li fir-rigward tagħha l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet ġiet invokata (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ddikjara, waqt is-seduta, li ma jikkontestax iktar l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni espliċita fir-rigward tad-data inkwistjoni.

65      Għalhekk, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mir-Renju Unit, ir-rikorrent essenzjalment iqajjem motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      F’dan ir-rigward, għandha l-ewwel nett tiġi miċħuda l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

67      Fil-fatt, meta Stat Membru jinvoka l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jressaq motivi ta’ rifjut elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, fuq it-talba tal-persuna kkonċernata li lilha ġie rrifjutat l-aċċess mill-istituzzjoni mitluba, jekk dan ir-rifjut setax jiġi validament fondat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan minkejja l-fatt li dan ir-rifjut ma jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess, iżda mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ din il-persuna kkonċernata, l-intervent tal-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni mogħtija ulterjorment mill-istituzzoni bħala tweġiba għal applikazzjoni għal aċċess li ġiet ippreżentata quddiemha f’dak li jikkonċerna dokument li hija żżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punt 94).

68      Minbarra dan, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1049/2001, l‑eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tiegħu għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, l-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 36).

69      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tipproteġi ċerti tipi ta’ dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura, fejn l-iżvelar tagħhom, anki wara li din il-proċedura tintemm, serjament jippreġudika il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata.

70      Dawn id-dokumenti għandhom ikun fihom “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat[a]”.

71      Skont il-punt 2 tad-deċiżjoni espliċita, id-dokumenti li joriġinaw mir-Renju Unit jirrispondu għal din id-definizzjoni, peress li fihom l-“opinjonijiet” tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru “għall-użu intern” tal-Kummissjoni “bħala parti minn konsultazzjonijiet preliminarji bejn il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet”.

72      Minbarra dan, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni esponiet li, fil-fehma tagħha, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikopri wkoll dokumenti li joriġinaw minn entitajiet esterni għall-istituzzjoni kkonċernata, peress li, anki jekk huma għandhom bħala għan li jipprovdu informazzjoni, huma jesponu, anki impliċitament, l-opinjoni tal-awtur tagħhom fuq l-eżattezza jew ir-rilevanza tal-informazzjoni inkwistjoni.

73      Issa, it-termini li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod daqshekk wiesa’. Fil-fatt, l‑ewwel nett, li jiġi kkunsidrat li dokument huwa intiż għall-użu intern ta’ istituzzjoni mill-uniku fatt li din hija d-destinatarja huwa ekwivalenti li lil din il‑kundizzjoni jitneħħilha s-sens tagħha, peress li kull dokument li tirċievi istituzzjoni jissodisfa din il-kundizzjoni. It-tieni nett, l-interpretazzjoni mogħtija mill-pożizzjoni esposta fid-deċiżjoni espliċita ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deliberazzjonijet jew konsultazzjonijiet preliminari għandhom, skont din l-istess dispożizzjoni, iseħħu “fl-istituzzjoni”. Issa, fid-deċiżjoni espliċita, isir riferiment għal konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, li għalhekk ma seħħux “fl-istituzzjoni”.

74      Mhux talli ma humiex ir-riżultat ta’ sempliċi interpretazzjoni grammatikali, dawn il‑kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-prinċipju stabbillit fil-punt 68 iktar ’il fuq, li ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni fil-pożizzjoni difiża fid-deċiżjoni espliċita u żviluppata mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Minbarra dan, dawn il‑kunsiderazzjonijiet iżommu l-effettività tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, konsegwentement, il-loġika tal-eżistenza ta’ żewġ subparagrafi distinti fi ħdan din id-dispożizzjoni, l-ewwel wieħed li jikkonċerna l-perijodu sakemm jiġi konkluż il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet , it-tieni wieħed li jikkonċerna l-perijodu anki wara l-konklużjoni ta’ dan il-proċess.

75      Fil-fatt, l-ewwel nett, li jiġi kkunsidrat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi għal kull dokument mibgħut lil istituzzjoni minn persuna esterna, li fih “opinjoni” fis-sens l-iktar wiesa’ tat-terminu u li jista’ jwassal għal tweġiba, filwaqt li ssir “konsultazzjoni” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, għandu bħala konsegwenza li dan it-tieni subparagrafu jirreferi għal “dokumenti” fis-sens daqstant wiesa’ bħall-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni. Sussegwentement, peress li dawn il-kategoriji ta’ dokumenti jistgħu jiġu protetti f’kundizzjonijiet identiċi, jiġifieri li l-iżvelar tagħhom serjament jippreġudika l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-ewwel subparagrafu isir superfluwu, peress li t-tieni wieħed ikopri l-perijodu li jestendi kemm qabel kif ukoll wara li jiġi konkluż dan il-proċess.

76      Dokumenti mibgħuta lil istituzzjoni minn persuna jew entità esterna fid-dawl ta’ skambju ta’ ideat mal-istituzzjoni inkwistjoni għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Isegwi li r-Renju Unit ma setax validament jibbaża ruħu fuq din id-dispżozzjoni sabiex jitlob lill-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti aċċess għall-ittri inkwistjoni. Għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanza li, fis-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li Stat Membru jista’ jinvoka l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-ebda mod ma tista’ tikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, ir‑rifermiment li sar mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza għall-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkun spjegat bl-eżistenza tal-ewwel subparagrafu tagħha, li huwa intiż ukoll għad-dokumenti rċevuti minn istituzzjoni.

77      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ dgħufija serja għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ma hijiex sodisfatta f’dan il-każ.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Tali applikazzjoni tista’ bħala prinċipju tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel jekk l-aċċess għad-dokument seta’ jippreġudika l-interess protett b’mod konkret u effettiv. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T-166/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għandu wkoll jitfakkar li d-dokumenti inkwistjoni kienu ġew ipprovduti mir-Renju Unit bħala tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2006, li kienet intbagħtet lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru wara li tressaq l-ilment. Hekk kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-punt 2 tad-deċiżjoni espliċita, ir-Renju Unit iqis li l-iżvelar ta’ dawn l-ittri jippreġudika l-kooperazzjoni leali tiegħu mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ lment għal ksur tad-dritt Komunitarju, peress li huwa jiġi prekluż milli jwieġeb b’mod sinċier għat-talbiet tal-Kummissjoni. Din iċ-ċirkustanza tipperikola l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissoni għal ksur tad-dritt Komunitarju.

80      Din l-evalwazzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, li tiġi rikonoxxuta l-eventwali dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li biha dan juri b’mod manifest ir-riluttanza tiegħu sabiex jikkoopera mal-istituzzjoni, fil-każ fejn din tal-aħħar tagħti aċċess għal dokument, bħala bażi ta’ preġudizzju serju għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iwassal sabiex lill-Istati Membri jingħata dritt diskrezzjonali fil-qasam jew, tal-inqas, jissuġġetta l-politika ta’ aċċess għad-dokumenti implementata minn dan ir‑regolament għall-politika nazzjonali relatata magħha. Issa, dan ma huwiex kompatibbli la mas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punti 58 u 65), u lanqas mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummmssjoni li jaqa’ fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 10 KE.

81      Minn dan jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jinvoka l-riluttanza tiegħu sabiex jikkoopera mal-Kummissjoni fil-każ fejn dokument huwa żvelat skont l-Artikolu 1049/2001, sabiex validament isostni preġudizzju serju għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonjiet tal-istituzzjoni kkonċernata.

82      Għaldaqstant, id-deċiżjoni espliċita għandha tiġi annullata f’dak li jikkonċerna r‑rifjut ta’ aċċess għall-ittri tal-5 ta’ Settembru 2006 u tad-19 ta’ Frar 2007, ħlief sa fejn hija tikkonċerna d-data inkluża fl-ewwel żewġ annessi tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2007, li fir-rigward tagħhom l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġiet invokata.

 Fuq id-dokument tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrent ifakkar li ċ-ċirkustanza li dokument jikkonċerna attività ta’ ispezzjoni jew ta’ investigazzjoni ma tistax, waħedha, tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-obbligu li turi, fil-kuntest tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha, li l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat jippreġudika konkretament u b’mod raġonevolemnt prevedibbli l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjoni jew ta’ investigazzjoni.

84      Minbarra dan, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni inkwantu tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, b’mod li s-suġġett ta’ din id‑dispożizzjoni ma jkunx jista’ jiġi ppreġudikat wara l-għeluq tal-investigazzjoni inkwistjoni.

85      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx spjegat kif l-iżvelar tal-ittra tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2006 jista’ jwassal lill-awtoritajiet tar-Renju Unit li ma jipprovdux informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li għaliha l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkooperaw magħha u li, f’dan il-każ, kienet diġà ngħalqet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tannulla d‑Deċiżjoni 2007/730 tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala ċirkustanza ipotetika, futura u probabbilment distanti.

86      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, barra minn hekk, fid-deċiżjoni espliċita, għal informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru, meta l-ittra inkwistjoni hija miktuba minnha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l‑eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni u li jirrispondi għal bżonn ta’ trasparenza ikbar u ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadin għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Minn dan jirriżulta li meta invokat, fir-rigward tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006, l-eċċezzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni wettqet żball, b’mod li d-deċiżjoni espliċita għandha tiġi annullata.

87      Il-Kummissjoni ssostni li hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id‑dokumenti li jagħmlu parti min-notifika tar-Renju Unit fil-kuntest tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti li kienu ġew ippreżentati lilha fil-kuntest ta’ investigazzjoni li nbdiet wara tressaq l-ilment, li jikkostitwixxi proċedura differenti minn dik tan-notifika. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-investigazzjoni li fir-rigward tagħha ġiet invokata l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija dik li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552. Minbarra dan, hija kienet għamlet eżami individwali tad-dokument fid-dawl tal-eċċezzjoni invokata u kienet ikkonkludiet, permezz ta’ motivazzjoni suffiċjenti u korretta, bl-eżistenza ta’ riskju raġonevolament prevedibbli ta’ dannu għall-għan tal-investigazzjoni kkonċernata. F’dan ir-rigward, hekk kif huwa sostnut fid-deċiżjoni espliċita, annullament tad-Deċiżjoni 2007/730 fuq il-mertu fil-kuntest tal-Kawżi T‑55/08, UEFA vs Il‑Kummissjoni u T‑66/08, FIFA vs Il‑Kummissjoni, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, jimplika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u evalwazzjoni mill-ġdid tal-informazzjoni miġbura qabel l-adozzjoni tagħha, inkluża dik li tinsab fid-dokumenti li għalihom ġie rrifjutat l-aċċess.

88      Il-Kummissjoni tispjega, minbarra dan, li ma bbażatx ruħha fuq l-eċċezzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, f’dak li jikkonċerna l-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006.

89      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad kemm l-allegazzjoni tar-rikorrent li hija naqset milli teżamina l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għar-raġuni li hija għamlet evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni fir-rigward tad-dokument individwali kkonċernat kif ukoll l-argument li hija ma kinitx ikkunsidrat interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrent isostni li hemm żball dwar l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni espliċita, li l-ittra inkwistjoni fiha informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, filwaqt li din kienet l-ewwel ittra mibgħuta mill-Kummissjoni wara li tressaq l-ilment. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 3.1 tad-deċiżjoni espliċita, il-Kummissjoni ġġustifikat in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dan id-dokument b’riferiment għar-riskju li l-Istati Membru ma jkunux jixtiequ iktar jikkooperaw fil-kuntest tal-proċeduri tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, jekk huma jkunu jafu li l-informazzjoni li huma jitrażmettu tista’ tiġi kkomunikata ulterjorment lil terzi. Issa, jirriżulta mill-qari tal-ittra inkwistjoni, prodotta mill-Kummmissjoni fil-kuntest tal-miżuri istruttorji (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq), li din ma fihiex informazzjoni li toriġina mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. L-ittra inkwistjoni tikkostitwixxi sintesi tal-ilment u għandha bħala għan li titlob l-opinjoni tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fuq l-allegazzjonijiet ta’ Infront WM. L-uniku riferimenti għal elementi pprovduti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkonċerna ċ-ċifri tas-seduta, li madankollu kienu ġew ikkritikati fl-ilment u għalhekk kienu diġà fil-pussess tar-rikorrent inkwantu kunsill legali ta’ Infront WM (ara l-punti 5 u 6 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li r-raġuni invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni espliċita sabiex tiġġustifika n‑nuqqas ta’ żvelar tad-dokument inkwistjoni ma tikkorrispondix mal-kontenut tiegħu.

91      F’kull każ, anki jekk ma jsirx riferiment għal din iċ-ċirkustanza, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni espliċita ma humiex biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni (ara l-punt 87 iktar ’il fuq), l-investigazzjoni li fir-rigward tagħha hija invokata l-eċċezzjoni inkwistjoni tikkonsisti fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mad-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

93      Issa, l-intervent tal-Kummissjoni f’din il-proċedura għandu bħala għan li jivverifika jekk il-mekkaniżmu previst mill-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni iwassalx għal obbligi għall-Istati Membri l-oħra u jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistax, f’dan il-każ, jiġi inizjat. Minbarra dan, jekk, wara li jitressaq l-ilment, il-Kummissjoni tkun talbet lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru kjarifiki u informazzjoni addizzjonali, dan ikun manifestament minħabba li dawn kienu neċessarji għaliha għall-evalwazzjoni tagħha.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, jekk Stat Membru ma jixtieqx jitrażmetti lill-Kummissjoni d-dokumenti neċessarji għall-evalwazzjoni tagħha, għar-raġuni li jopponi l-iżvelar eventwali tagħhom mill-Kummissjoni lil terzi skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-unika konsegwenza tkun li l-istituzzjoni ma tipproċedix, fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Drettiva 89/552, għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mad-dritt Komunitarju u li d-dritt primarju jiġi applikat totalment. Għandu jingħad ukoll f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, il-Kummissjoni ma timplementax politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ aċċess pubbliku għall-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, iżda tillimita ruħha sabiex toffri strument kontra l-evitar tal-eventwali miżuri nazzjonali relatati magħhom, meta dawn huma konformi mad-dritt Komunitarju. Minbarra dan, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk huma jixtiqux jimplementaw politika fil-qasam ta’ avenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà tagħhom, kif juri l-użu tal-kelma “jista’” fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

95      Għaldaqstant, l-għan tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex li tagħti l‑aċċess għall-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà fuq televiżjoni mingħajr ħlas, iżda li tiżgura r-rispett tad-dritt Komunitarju fil-każ fejn Stat Membru jixtieq jibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li huwa jadotta fil-kuntest ta’ politika fil-qasam. Issa, l-għan tar-rispett tad-dritt Komunitarju ma huwiex ipperikolat fil-każ fejn Stat Membru ma jixtieqx jikkoopera fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri li huwa jadotta jew li għandu l-intenzjoni li jadotta mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, f’tali ipotesi, dawn il-miżuri ma humiex eżaminati mill-Kummissjoni, ma jibbenefikawx minn rikonoxximent reċiproku u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt primarju tapplika pjenament.

96      Isegwi li, billi invokat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-iżvelar tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006 lir-rikorrent, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

97      Id-deċiżjoni espliċita għandha, konsegwentement, tiġi annullata, ħlief sa fejn tikkonċerna l-informazzjoni inkluża fl-ewwel żewġ annessi tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2007, li fir-rigward tagħha l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġiet invokata.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet il‑parti essenzjali tat-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skont kif mitlub mir-rikorrent, bl-esklużjoni tal-ispejjeż ikkawżati lilu bl-intervent tar-Renju Unit. F’dan il-kuntest, hemm lok ukoll li r-Renju Unit jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent minħabba l-intervent tiegħu, skont it-talbiet tar-rikorrent.

99      Ir-Renju Unit u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda meqjusa bħala li ġiet adottata fid-9 ta’ April 2008 huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Id-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Marzu 2008 hija annullata, ħlief sa fejn hija tikkonċerna d-data inkluża fl-ewwel żewġ annessi tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2007, li fir-rigward tagħhom l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġiet invokata.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Edward William Batchelor.

4)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn E. W. Batchelor minħabba l-intervent tiegħu.

5)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Mejju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.