Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fit-3 ta’ Ottubru 2023 – Finanzamt für Großbetriebe

(Kawża C-602/23, Finanzamt für Großbetriebe)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt für Großbetriebe

Parti oħra fil-proċedura: Franklin Mutual Series Funds - Franklin Mutual European Fund

Domandi preliminari

Dispożizzjoni bħall-Artikolu 188 tal-Investmentfondsgesetz (il-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment) (iktar ’il quddiem l-“InvFG 2011”) 1 , li għandha bħala effett li teskludi lil entitajiet barranin komparabbli għal persuna ġuridika Awstrijaka mir-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul tal-kapital fl-Awstrija, jekk ikunu jikkorrispondu sostanzjalment għal UCITS 2 fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) 3 , u li għalhekk ma jistgħux joperaw fl-Awstrija bħala persuna ġuridika, peress li fl-Awstrija tali entitajiet jista’ jkollhom biss il-forma ġuridika ta’ fondi speċjali trasparenti, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda: teżisti sitwazzjoni oġġettivament komparabbli bejn, minn naħa, persuna ġuridika Awstrijaka li tinvesti l-fondi tagħha skont il-prinċipji tad-diversifikazzjoni tar-riskji, iżda li, peress li ma tiġborx fondi mingħand il-pubbliku, ma tikkostitwixxix UCITS, u għalhekk hija awtorizzata topera bħala persuna ġuridika fl-Awstrija u, min-naħa l-oħra, kumpannija ta’ investiment barranija li, peress li tiġbor fondi mingħand il-pubbliku, tikkostitwixxi UCITS skont il-prinċipji nazzjonali, u għalhekk ma hijiex awtorizzata topera bħala persuna ġuridika fl-Awstrija?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda: ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata miż-żamma tat-tqassim ibbilanċjat tal-poter ta’ impożizzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-Artikoli 186 u 188 tal-InvFG 2011 huma intiżi sabiex jiggarantixxu li la fond mutwu nazzjonali u lanqas fond mutwu barrani ma jistgħu jipproduċu effett ta’ skrin fiskali fir-rigward tal-proprjetarji tal-partijiet u li għalhekk, il-proprjetarji tal-partijiet ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-kapital ħlief fil-każ fejn l-Awstrija tkun irtirat il-poter ta’ impożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ ftehim kontra t-taxxa doppja?

____________

1     Österreichisches Bundesgesetz über Investmentfonds (BGBl. I Nr. 77/2011 fil-verżjoni tal-BGBl. I Nr. 111/2023).

1     Impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli.

1     ĠU 2009 L 302, p. 32