Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 – Aylo Freesites vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-138/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aylo Freesites LTD (Nikosija, Ċipru) (rappreżentanti: C. Thomas, A. Bray, A. Ghalamkarizadeh u J. Beckedorf, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8842 final tal-20 ta’ Diċembru 2023 li tikklassifika Pornhub bħala pjattaforma online kbira ħafna fis-sens tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (id-“deċiżjoni kkontestata”);

tiddikjara li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ma japplikax, inkwantu jeħtieġ li r-repożitorju tar-reklamar isir pubblikament disponibbli; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fil-mod kif applikat l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, li jiddetermina jekk pjattaforma online hijiex eliġibbli sabiex tiġi kklassifikata bħala pjattaforma online kbira ħafna. L-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, jew il-mod kif il-Kummissjoni applikat dik id-dispożizzjoni, jonqos milli josserva l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u żbalji ċari ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fis-sens li, billi ċaħdet il-kalkolu tar-rikorrenti ta’ riċevituri attivi fix-xahar, hija naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal motivazzjoni, billi kklassifikat lir-rikorrenti abbażi ta’ żewġ figuri terzi u metodoloġiji speċifiċi.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 inkwantu fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jagħmlu r-repożitorju tar-reklamar pubblikament disponibbli. Huwa jxekkel inġustament il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għall-proprjetà, u jiddiskrimina kontra r-rikorrenti.

____________

1     Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1)