Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 – AF vs Il-Kunsill

(Kawża T-154/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: AF (rappreżentanti: A. Guillerme u F. Patuelli, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni finali għall-2022;

tikkundanna lill-konvenut iħallas kumpens għad-danni materjali u morali mġarrba mir-rikorrenti fir-rigward tat-tnaqqis fil-marki inġustifikat u l-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ marki baxxi mhux iġġustifikati, evalwati ex aequo et bono u provviżorjament għal EUR 30 000, suġġett għal żieda matul il-proċeduri u suġġett għal interessi moratorji, li jibdew mid-data tal-għoti tas-sentenza u jkompli sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi tlieta punti perċentwali u nofs;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għall-2022 huwa bbażat fuq fatti materjalment żbaljati.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għall-2022 jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet foloz jew żbaljati sabiex jiġu ġġustifikati l-marki mogħtija lir-rikorrenti. Fuq il-bażi ta’ provi prodotti mir-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet iddikjarati mill-evalwaturi fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti jidhru li huma bbażati fuq diversi fatti skorretti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni finali huwa vvizzjat minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

Fuq il-bażi tal-provi prodotti mir-rkorrenti, il-konklużjonijiet meħuda mill-evalwaturi ma jistgħux jitqiesu la bħala preċiżi u lanqas konsistenti. Fil-fatt, huma nieqsa minn kull plawżibbiltà, speċjalment fir-rigward tal-provi prodotti sabiex jiġġustifikaw il-marki baxxi mogħtija lir-rikorrenti.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-opportunità li tkun taf u twieġeb għall-allegati fatti speċifiċi li wasslu lill-evalwaturi tagħha sabiex inaqqsu l-marki tagħha. Fix-xenarju kontrofattwali, hija kienet tkun tista’ turi, kif espost fit-tieni motiv, li l-fatti allegati kienu kompletament żbaljati u kienet tispera li tikkonvinċi lill-evalwaturi tagħha sabiex jirrevedu l-evalwazzjoni tagħha ’l fuq qabel ma jiffinalizzawha.

____________