Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2024 – Global Legal Action Network u CAN-Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-120/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Global Legal Action Network (Galway, l-Irlanda), Climate Action Network Europe (CAN-Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Leith, Barrister-at-Law)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (“id-deċiżjoni kkontestata”), mibgħuta b’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2023, li permezz tagħha hija ċaħdet talba għal reviżjoni interna datata 23 ta’ Awwissu 2023 ippreżentata mir-rikorrenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus 1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċedura tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta ċaħdet it-Taqsima IV tat-talba għal reviżjoni interna bħala inammissibbli. Kull sejba li r-raġunijiet fit-Taqsima IV tat-talba għal reviżjoni interna ma kienux kapaċi jagħtu sostenn lit-talba għal reviżjoni interna tar-rikorrenti kienet ukoll żbaljata. Dawn l-iżbalji ħarġu mill-applikazzjoni ta’ test legali żbaljat u/jew minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta ċaħdet bħala infondat l-motiv tar-rikorrenti li jitlobu reviżjoni interna tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1319 tat-28 ta’ Ġunju 2023 1 . Dan il-motiv iqajjem erba’ motivi sussidjarji, li juru li t-test legali żbaljat ġie applikat u/jew li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

L-ewwel motiv sussidjarju, li jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta sabet li ma hemmx obbligu legali applikabbli sabiex jiġi evalwat t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra globali li jkunu neċessarji sabiex it-tisħin klimatiku jibqa’ f’1.5oC (li jinvolvi dmir ta’ evalwazzjoni tal-fattibbiltà tad-direzzjoni tal-emissjonijiet biex isir dan, inkluż fir-rigward tal-fattibbiltà ta’ dipendenza fuq teknoloġiji ta’ tneħħija tad-dijossidu tal-karbonju preżunta minn ċerti mogħdijiet). Id-deċiżjoni kkontestata żbaljat ukoll meta ssuġġeriet li kien ittieħed in kunsiderazzjoni sa liema punt hija fattibbli d-dipendenza fuq it-teknoloġija ta’ tneħħija tad-dijossidu tal-karbonju.

It-tieni motiv sussidjarju li jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta sabet li ma hemmx obbligu legali fl-Unjoni Ewropea li jiġu stabbiliti l-miri ta’ emissjonijiet għall-2030 tagħha b’mod konsistenti b’qies raġonevoli tas-sehem ġust tagħha tat-tnaqqis globali tal-emissjonijiet li jkun neċessarju sabiex it-tisħin klimatiku jibqa’ f’1.5oC.

It-tielet motiv sussidjarju li jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta ċaħdet il-bażi tar-reviżjoni interna li ssostni li l-Unjoni għandha d-dmir li tikseb, lejn qies raġonevoli tas-sehem ġust tagħha, il-firxa sħiħa tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li hija tista’ tikseb b’mod domestiku. Id-deċiżjoni kkontestata ma kkontestatx l-eżistenza ta’ dan l-obbligu jew ma ppruvatx turi li l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet kienu ġew stabbiliti skont it-tali obbligu.

Ir-raba’ motiv sussidjarju li jallega li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta ċaħdet il-bażi tar-reviżjoni interna li ssostni li l-evalwazzjoni li tagħti sostenn lill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni drittijiet fundamentali, jew l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali li t-tibdil fil-klima jew il-kontribut għat-tibdil fil-klima li jirriżulta mill-miri ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. Id-deċiżjoni kkontestata rreferiet biss għal kunsiderazzjoni mogħtija f’dik l-evalwazzjoni, lil xi drittijiet fundamentali iżda mhux kollha. Dik l-evalwazzjoni ma tevalwax bl-ebda mod sa liema punt it-tibdil fil-klima (inkluż it-tibdil fil-klima li għaliha jikkontribwixxu l-miri ta’ emissjonijiet tal-Unjoni) jaffetwaw dawk id-drittijiet fundamentali.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 (ĠU 2006, L 264, p. 13).

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1319 tat-28 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2126 biex jiġu riveduti l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2023 sal-2030 (ĠU 2023, L 163, p. 9).