Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' April 2009 - CESD-Communautaire vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-289/06)1

("Kuntratti pubbliċi - Dikjarazzjoni ta' nuqqas serju ta' eżekuzzjoni - Artikolu 93(1)(f) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 - Rikors għal annullament - Żball ta' fatt u ta' liġi - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza - Interess ġuridiku - Ammissibbiltà - Abbuż ta' poter - Żball manifest ta' evalwazzjoni - Motivazzjoni - Drittijiet tad-difiża")

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre européen pour la statistique et le développement ASBL (CESD-Communautaire) (Lussemburgu, Il-Lussemburgu) (rappreżentanti: D. Grisay u D. Piccininno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Wilms u J.-F. Pasquier, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Awwissu 2006, li biha din infurmat lir-rikorrent li kienet ħadet id-deċiżjoni li tikkonstata, fir-rigward ta' tliet kuntratti msemmija hemmhekk, nuqqas serju ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 93(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Is-Centre européen pour la statistique et le développement ASBL (CESD-Communautaire) huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 310, 16.12.2006.