Language of document : ECLI:EU:T:2009:235

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

1 ta’ Lulju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lil produttur tal-azzar – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal‑industrija tal-azzar Pollakka – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ benefiċjarju – Artikolu 14(1) tar‑Regolament Nru (KE) Nru 659/1999”

Fil-Kawża T‑291/06,

Operator ARP sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (Il-Polonja), irrappreżentata inizjalment minn J. Szymanowska, sussegwentement minn J. Szymanowska u P. Rosiak, u fl-aħħar minn P. Rosiak, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba għall-anullament parzjali tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2006/937/KE, tal-5 ta’ Lulju 2005, li tikkonċerna l‑għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur il-produttur tal-azzar Huta Częstochowa S.A. (ĠU 2006, L 366, p. 1), sa fejn din tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni ċerta għajnuna u ordnat lir‑Repubblika tal-Polonja sabiex tipproċedi għall-irkupru tagħha,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 dwar il‑prodotti KEFA tal-Ftehim Ewropew, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 348, p. 2; iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”):

“1.      Hija inkompatibbli mat-tħaddim tajjeb tal-Ftehim, safejn tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Komunità u l-Polonja:

[…]

iii)      l-għajnuna pubblika ta’ kull natura, ħlief għal derogi awtorizzati skont it-Trattat KEFA.

[…]

4.      Il-partijiet jirrikonoxxu li matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u b’deroga mill-paragrafu 1(iii) ir-[Repubblika tal‑Polonja] hija eċċezzjonalment awtorizzata, f’dak li jikkonċerna l‑prodotti ‘azzar KEFA’, tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni, bil-kundizzjoni li:

–        il-programm ta’ ristrutturazzjoni ikun marbut ma’ pjan globali ta’ razzjonalizzazzjoni u ta’ tnaqqis tal-kapaċità fil-Polonja,

–        din l-għajnuna twassal għall-vijabbiltà tal-impriżi benefiċjarji f’kundizzjonijiet normali tas-suq fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni,

–        l-ammont u l-portata ta’ din l-għajnuna jkunu limitati għal-livelli strettament meħtieġa sabiex terġa’ tiġi stabbilita din il-vijabbiltà u jkunu gradwalment imnaqqsa.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tar-[Repubblika tal-Polonja], dwar il-possibbiltà ta’ proroga tal-perijodu ta’ ħames snin previst.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja Nru 3/2002, tat‑23 ta’ Ottubru 2002, li tipproroga l-perijodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 (ĠU 2003, L 186, p. 38) estendiet bi tmien snin addizzjonali, li għandhom jibdew jgħoddu mill-1 ta’ Jannar 1997, jew sad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea, il-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Polonja kienet eċċezzjonalment awtorizzata, f’dak li jikkonċerna l-prodotti “azzar”, tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tal‑Protokoll Nru 2. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi:

“Ir-[Repubblika tal-]Polonja għandha tissottometti lill-Kummissjoni […] programm ta’ ristrutturazzjoni u pjanijiet ta’ negozju li jissodisfaw ir‑rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll [Nru] 2 u li kienu ġew evalwati u aċċettati mill-awtorità nazzjonali tagħha responsabbli għas-sorveljanza tal-għajnuna pubblika (Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u tal-Protezzjoni tal‑Konsumaturi).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Il-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka, anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 948; iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8”), awtorizza lir‑Repubblika tal-Polonja, b’deroga mir-regoli ġenerali dwar l‑għajnuna mill-Istat, tagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-qasam tal‑azzar tagħha abbażi tar-regoli dettaljati stabbiliti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-protokoll. Huwa jipprevedi, b’mod partikolari:

“1.      Minkejja l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, għajnuna mill-Istat mogħtija [mir-Repubblika tal-Polonja] għall-iskopijiet ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] ta’ partijiet speċifiċi ta’ l-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja għandha ti[t]qies bħala kompatibbli mas-suq komuni sakemm:

–        il-perijodu li jipprovdi għalih l-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru. 2 […], ġie estiż sad-data ta’ l-adeżjoni,

–        it-termini stipulati mill-pjan tar-ristrutturar li abbażi tiegħu ġie estiż il-Protokoll imsemmi hawn fuq, jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006,

–        il-kundizzjonijiet stipulati minn dan il-Protokoll jitwettqu, u

–        ma titħallas mill-Istat ebda għajnuna għal ristrutturar lill-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja wara d-data ta’ l-adeżjoni.

2.      […]

3.      Huma biss il-kumpanniji li huma mniżżla fl-Anness 1 (minn hawn ’il quddiem imsejha “il-kumpanniji benefiċċjarji”) li għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mogħtija mill-Istat fil-qafas tal-programm Pollakk tar-ristrutturar ta’ l-azzar.

4.      Kumpannija benefiċċjarja ma tistax:

a)      fil-każ ta’ fużjoni ma’ kumpannija li mhix imniżżla fl-Anness 1, tgħaddi l-benefiċċju ta’ l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija benefiċċjarja;

b)      tassumi l-assi ta’ xi kumpannija li mhix inkluża fl-Anness 1 li hi dikjarata falluta fil-perijodu sal-31 ta' Dicembru 2006.

5.      […]

6.      L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lill-kumpanniji benefiċċjarji għandha tiġi determinita abbażi tal-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan approvat tal-Polonja għar-ristrutturar ta’ l-azzar u fil-pjanijiet ta’ negozju individwali kif approvati mill-Kunsill. Iżda f’kull każ l-għajnuna mħallsa matul il-perijodu 1997-2003 u l-ammont globali tagħha ma għandhomx jaqbżu s-somma ta’ PLN 3 387 070 000.

[…]

L-ebda għajnuna oħra mill-Istat ma għandha tingħata [mir‑Repubblika tal-Polonja] għal skopijiet ta’ ristrutturar ta’ l-industrija ta' l-azzar tal-Polonja.

[…]

10.      Kull bidla sussegwenti fil-pjan globali tar-ristrutturar u l-pjanijiet individwali għandu jkollha l-kunsens tal-Kummissjoni, u fejn ikun il‑każ, tal-Kunsill.

[…]

18.      Jekk il-kontroll juri li:

[…]

ċ)      matul il-perijodu ta’ ristrutturar [ir-Repubblika tal‑Polonja] tkun tat iżjed għajnuna mill-Istat li tkun nkompattibli lill-industrija ta’ l-azzar u lill-kumpanniji benefiċċjarji b’mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f’dan il-Protokoll ikunu bla effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa li jkunu jeħtieġu lil kull kumpannija konċernata tagħti lura kull għajnuna mogħtija bi ksur tal‑kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Protokoll.”

4        Fl-Artikolu uniku tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588/KE, tal-21 ta’ Lulju 2003, dwar l‑osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 (ĠU L 199, p. 17) tipprevedi:

“Il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju ppreżentati lill‑Kummissjoni mir-[Repubblika tal-Polonja] fl-4 ta’ April 2003 skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 […] jissodisfaw ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 8(4) [tal-]Protokoll [Nru 2].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fl-Artikolu 6(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat‑Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1) jistabbilixxi:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskrittt.”

6        L-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni negattiva’).”

7        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi:

“1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna [i]llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill‑benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna [i]llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      […]”

8        Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament:

“Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 w[a]ra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad‑deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Din il-kawża tikkonċerna operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-produttur tal‑azzar Pollakk Huta Częstochowa S.A. (iktar ’il quddiem “HCz”). Ir‑ristrutturazzjoni ta’ HCz saret bejn l-2002 u l-2005. Għal dan il-għan, l‑assi ta’ HCz ġew ittrasferiti lil kumpanniji ġodda:

–        fl-2002, Huta Stali Częstochowa sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HSCz”) twaqqfet sabiex tkompli l-produzzjoni tal-azzar ta’ HCz. HSCz kriet l-impjanti ta’ produzzjoni ta’ HCz lill‑amministratur ġudizzjarju u ħadet il-biċċa l-kbira tal-impjegati. Il‑kumpannija parent ta’ HSCz kienet Towarzystwo Finansowe Silesia sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “TFS”), kumpannija miżmuma 100 % mit-Teżor Pollakk;

–        fl-2004 twaqqfu l-kumpanniji Majątek Hutniczy sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “MH”) u Majątek Hutniczy Plus (iktar ’il quddiem “MH Plus”). L-ishma tagħhom kienu miżmuma 100 % minn HCz. MH ħadet l-assi tal-azzar ta’ HCz u MH Plus ħadet ċerti assi oħra meħtieġa għall-produzzjoni;

–        l-assi mhux marbuta mal-produzzjoni (imsejħa “assi mhux tal‑azzar”) kif ukoll l-istabbiliment tal-enerġija tal-elettriku Elsen ġew ittrasferiti lill-kumpannija Operator ARP sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Operator” jew ir-“rikorrenti”), kumpannija li tiddependi mill-Agencja Rozwoju Przemysłu S.A. (Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali miżmuma mit-Teżor Pollakk, iktar ’il quddiem l-“ARP”), sabiex jiġi kkumpensat id-dejn ta’ dritt pubbliku suġġett għar-ristrutturazzjoni (taxxi u kontribuzzjoni tas‑sigurtà soċjali).

10      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni informat lir‑Repubblika tal-Polonja li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lill‑produttur tal-azzar HCz. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Awwissu 2004 (ĠU C 204, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”) fil-lingwa tal-verżjoni awtentika (il-Pollakk), preċeduta minn sommarju fil-lingwi uffiċjali l-oħra. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-fatti u l-analiżi legali li kienu jinsabu fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Hija rċeviet kummenti mir‑Repubblika tal-Polonja u minn erba’ partijiet interessati.

11      Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, kuntrarjament għad-dubji inizjali tagħha, il-miżuri marbuta mar‑ristrutturazzjoni ta’ HCz skont id-dispożizzjonijiet tal-Ustawa o pomocy publicznej dla przedsiębiorców o szczególnym znaczeniu dla rynku pracy (Liġi dwar l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi ta’ importanza sinjifikattiva għas-suq tax-xogħol tat-30 ta’ Ottubru 2002, Dz. U. Nru 213, pożizzjoni 1800, kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2002”), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li HCz kienet ibbenefikat b’diversi modi minn għajnuna mill-Istat għall-perijodu bejn l‑1997 u l-2002. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna kienet parzjalment kompatibbli mas-suq komuni, iżda eżiġiet il-ħlas lura tal‑parti li hija kkunsidrat li kienet inkompatibbli mas-suq komuni, jiġifieri ammont ta’ 19 699 452 zloty Pollakki (PLN) (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

12      Fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/937/KE, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur il-produttur tal-azzar HCz (ĠU 2006, L 366, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). L-Artikolu 3 tagħha jiddisponi:

“1.      L-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-[Repubblika tal-Polonja] lil [HCz] fl-ammont ta’ PLN 19 699 452, matul il-perijodu mill-1997 sa Mejju 2002, fil-forma ta’ għajnuna għat-tħaddim u ta’ għajnuna għar‑ristrutturazzjoni tax-xogħol, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

2.      [Ir-Repubblika tal-]Polonja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand [HCz], [mingħand] Regionalny Fundusz Gospodarczy, [mingħand MH] u [mingħand Operator] l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, illegalment mogħtija lil [HCz]. L-impriżi msemmija iktar ’il fuq huma obbligati in solidum li jħallsu lura din l-għajnuna.

L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn huma jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. Is-somom li għandhom ikunu rkuprati jinkludu l‑imgħaxijiet mid-data li fiha ngħatat l-għajnuna lil [HCz] sad-data tal‑irkupru tagħhom. L-imgħaxijiet huma kkalkolati skont id‑dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament […] Nru 794/2004.

3.      […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skont ftehim tat-30 ta’ Settembru 2005, li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2005, ISD Polska sp. z o.o. (li f’dak iż-żmien kienet qed taġixxi taħt l‑isem kummerċjali ZPD Steel sp. z o.o.; iktar ’il quddiem “ISD”), kumpannija sussidjarja 100 % ta’ Industrial Union of Donbass Corp. (iktar ’il quddiem l-“IUD”), xtrat mingħand HCz l-ishma kollha ta’ MH u ta’ MH Plus, kif ukoll l-għaxar kumpanniji sussidjarji li kien għad fadal ta’ HCz. Permezz ta’ kuntratt ukoll tat-30 ta’ Settembru 2005 u li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2005, ISD xtrat mingħand TFS l-ishma kollha ta’ HSCz. ISD b’hekk saret proprjetarja ta’ HSCz, ta’ MH, ta’ MH Plus u ta’ għaxar kumpanniji sussidjarji ta’ HCz.

14      Wara l-bejgħ, HCz biddlet l-isem kummerċjali tagħha għal Regionalny Fundusz Gospodarczy S.A. (iktar ’il quddiem “RFG”). RFG għadha teżisti u hija miżmuma kompletament mit-Teżor Pollakk, iżda għandha biss ftit proprjetà immobbli mingħajr konnessjoni mal-industrija tal-azzar.

15      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet lill‑awtoritajiet Pollakki jindikawlha r-rati tal-imgħax għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni mid-debituri in solidum imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni. Fir-risposta tagħhom tat-13 ta’ Marzu 2006, l‑awtoritajiet Pollakki ssuġġerew r-rati tal-imgħax applikabbli għall-irkupru u metodu għall-kalkolu tal-imgħaxijiet. B’mod partikolari, huma ssuġġerew li tittieħed bħala bażi, għall-perijodu mill-1997 sal-1999, ir-rata tal-bonds f’PLN maħruġa mit-Teżor Pollakk b’rata fissa għal ħames snin, u, għall‑perijodu mill-2000 sal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal‑Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ dawn l-istess bonds għal għaxar snin. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq tal-kapital fil‑Polonja f’dak iż-żmien, li kienet ikkaratterizzata minn rati għolja ħafna, iżda li naqqsu malajr, huma talbu li jsir aġġornament annwali ta’ dawn ir-rati u li l-imgħaxijiet ma jkunux ikkalkolati fuq bażi komposta.

16      F’ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, indirizzata lill-awtoritajiet Pollakki, il‑Kummissjoni kkonstatat li r-rata tal-imgħax applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kellha tkun, għall-perijodu kkonċernat kollu, ir-rata għall-bonds f’PLN maħruġa mit-Teżor Pollakk b’rata fissa għal ħames snin, u li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004, din ir-rata ta’ imgħax kellha tiġi applikata fuq bażi komposta.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit‑18 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

18      Wara tiġdid parzjali fil-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan ġie sussegwentement assenjat lit-Tmien Awla u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lilha.

19      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It‑Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, li tagħmel ċerti mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u li tistedinha tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni għamlet dan fit-terminu previst.

20      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008.

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħal infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

23      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li r-Repubblika tal-Polonja kienet irkuprat l-għajnuna inkwistjoni mingħand RFG u mingħand ISD u li dawn ma kinux ressqu proċeduri kontra r-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-ftehim ta’ privatizzazzjoni, IUD iggarantiet il-ħlas lura tal‑għajnuna inkwistjoni minn MH. Għalhekk, ir-rikorrenti ma għad għandha ebda interess ġuridiku.

24      Ir-rikorrenti twieġeb li, skont il-liġi Pollakka, l-entitajiet li effettivament ħallsu lura l-għajnuna illegali jistgħu jduru fuqha u jitolbuha tħallas lura s-somom mħallsa, u dan għal perijodu sa għaxar snin minn meta sar il‑ħlas. Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma tafx jekk hemmx impenn ta’ garanzija minn IUD għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni u li hija ma tistax tibbaża ruħha fuq klawżoli fil-ftehim ta’ privatizzazzjoni bejn il‑Gvern Pollakk u IUD.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

25      Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tiġġustifika interess eżistenti u attwali fl‑annullament tal-att ikkontestat (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 23).

26      Huwa minnu li kien biss fl-istadju tas-seduta li l-Kummissjoni qajmet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ interess ġuridiku, huma eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (digriet Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 25 iktar ’il fuq, punt 22; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. vs Il-Kunsill u KES, 108/86, Ġabra p. 3933, punt 10). Għalhekk, il-Qorti tal‑Prim’Istanza f’kull moment tista’, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, teżamina ex officio jekk ir-rikorrent ikollux interess li jikseb l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 22).

27      F’din il-kawża, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma jistax jiġi miċħud minħabba s-sempliċi fatt li l-għajnuna inkwistjoni tħallset lura minn waħda mill-entitajiet l-oħra indikati fid-Deċiżjoni bħala responsabbli in solidum għall-ħlas lura. Fil-fatt, ir-rikorrenti spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li, skont id-dritt Pollakk, l-entitajiet li effettivament kienu ħallsu lura l-għajnuna illegali jistgħu jinvokaw dritt li jressqu proċeduri kontriha għal perijodu ta’ għaxar snin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti għad għandha interess fl-annullament tad-Deċiżjoni, peress li r-rikors tagħha, jekk jintlaqa’, jista’ jneħħi kull riskju ta’ proċeduri kontra tagħha.

28      Dwar l-impenn ta’ garanzija invokat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fil-proċess m’hemmx id-dokument li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali impenn.

29      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill‑Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

30      Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 659/1999, u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi, fil-prinċipju, mezz adegwat sabiex l-interessati kollha jkunu mgħarrfa bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill‑Istat, huwa madankollu meħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

32      Ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura kienet ifformulata b’tali mod li ma kien ebda raġuni għalxiex kellha tikkunsidra lilha nfisha bħala parti interessata. Id-deċiżjoni tal-ftuħ kienet tirreferi b’mod partikolari għall-produtturi tal-azzar, filwaqt li l‑operatur responsabbli mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku kien deskritt bħala kumpannija li ma tipproduċix l-azzar. Barra minn hekk, kien biss fit-8 ta’ Lulju 2005, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, li r‑rikorrenti tat il-kunsens tagħha sabiex teżerċita l-funzjoni ta’ “operatur”, hekk li ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta l‑kummenti tagħha dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

33      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li d-deskrizzjoni tal-għajnuna inkwistjoni li hemm fid-deċiżjoni tal-ftuħ tirrigwarda esklużivament ir-ristrutturazzjoni li saret wara l-2003, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet fid-Deċiżjoni li ma kienet involuta ebda għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ir‑Repubblika tal-Polonja ma kinitx bagħtet id-deċiżjoni tal-ftuħ lir‑rikorrenti u lanqas ma kienet informatha bil-proċedura li kienet għaddejja.

34      Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-argumenti. Hija tirrileva li l‑motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet suffiċjenti sabiex ir‑rikorrenti, li kienet l-unika entità fil-Polonja awtorizzata sabiex tissodisfa l-funzjoni ta’ “operatur”, tifhem li, bħala entità li ħadet l-assi ta’ HCz, setgħet tkun obbligata tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Istat li jagħmel in-notifika biss, bħala destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jinvoka drittijiet tad-difiża fil-veru sens tal-kelma. Il-partijiet interessati l-oħra, bħar-rikorrenti, huma assoċjati mal-proċedura amministrativa mingħajr madankollu ma jistgħu jinvokaw l-istess drittijiet. Għall‑kuntrarju, huma għandhom id-drittijiet proċedurali rikonoxxuti lill-partijiet interessati mill-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 82, u tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2 vs Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II-2935, punt 137).

36      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fażi ta’ eżami msemmija fl‑Artikolu 88(2) KE hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha tagħrif sħiħ dwar il-fatti kollha tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 38).

37      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni tal-ftuħ għandha tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkluża “stima preliminari” tal-Kummissjoni dwar il-miżura proposta u għandha tispjega r-raġunijiet li jwasslu għal dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l‑kummenti tagħhom.

38      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, l-analiżi tal-Kummissjoni għandha neċessarjament natura preliminari. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l‑Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 85].

39      F’din il-kawża, il-punti 6, 32 u 51 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li t-test bil‑lingwa Pollakka tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, juru b’mod ċar li l-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diversi każijiet ta’ għajnuna mogħtija lil HCz u lil HSCz mill-1997 lil hawn. Fil-fatt, fil-punt 6, hija tikkonstata li “abbażi tat-tagħrif attwalment disponibbli, jidher li HCz ibbenefikat minn diversi każijiet ta’ għajnuna pubblika mill-bidu tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni fl‑1997”. Fil-punt 32, hija tippreċiża li, “fil-kuntest ta’ din il‑proċedura, kull għajnuna mogħtija lil HCz minn wara l-1 ta’ Jannar 1997 għandha tiġi kkunsidrata”. Għalhekk, hija titlob mingħand l-awtoritajiet Pollakki “tagħrif dettaljat dwar l-ammonti u l-assenjazzjoni tal-għajnuna pubblika kollha mogħtija mir-[Repubblika tal-]Polonja lil HCz mill‑1997 lil hawn” (punt 51).

40      Għalhekk, mit-termini ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li l‑Kummissjoni bdiet proċedura eżawrjenti li kienet tkopri l-għajnuna kollha mogħtija lil HCz mill-1997 lil hawn.

41      F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, lir-rikorrenti, huwa kkonstatat fil-punt 18 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li, skont il-Liġi tal-2002, kumpannija sussidjarja tal-ARP, imsejħa “Operator”, hija responsabbli fil-qasam ta’ dejn pubbliku. Imbagħad, fil-punt 19 ta’ din l‑istess deċiżjoni, huwa spjegat li dan jimplika li Operator, bi skambju ta’ trasferiment tad-drittijiet ta’ garanzija tad-dejn pubbliku li jirriżultaw minn dejn pubbliku fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar, se tieħu lura parti mill-assi ta’ HCz, li mhumiex marbuta mal-produzzjoni tal-azzar. Ir-rwol ta’ Operator huwa spjegat ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Fl-aħħar nett, fil-punt 51 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tistaqsi għalxiex l-assi ttrasferiti lil Operator u dawk li baqgħu fil-fondi reġjonali kienu jammontaw għal PLM 203 miljuni u PLM 159 miljun rispettivament.

42      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li ġiet adottata fid-19 ta’ Mejju 2004, ippermettiet lir-rikorrenti, li kienet inħolqot fil-5 ta’ April 2004, li tifhem li, bħala entità li ħadet l-assi ta’ HCz, hija setgħet tkun obbligata tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni.

43      Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kienet l-unika entità fil-Polonja li kienet awtorizzata taqdi l-funzjoni ta’ “operatur” fis-sens tal-Liġi tal-2002, hija ma tistax tinvoka, sabiex turi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, li kien biss fit-8 ta’ Lulju 2005 li hija tat il-kunsens tagħha li teżerċita din il-funzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-president ta’ ARP, li hija 100 % l-proprjetarja tar-rikorrenti, ħa sehem fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali u kien jaf bl-elementi kollha li jikkonċernaw ir-ristrutturazzjoni ta’ HCz.

44      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittitjiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

45      Ir-rikorrenti tirrileva li, fir-rigward tal-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkwalifikaha bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni u, għalhekk bħala debitrċi in solidum tal-obbligu ta’ ħlas lura, id-Deċiżjoni hija xotta u ma tippermettilhiex li, bħala parti interessata, tifhem ir-raġunament li sar.

46      Dan jgħodd iktar u iktar meta, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-valur tal-obbligi ta’ dritt pubbliku meħuda kien jeċċedi l‑patrimonju meħud. Għalhekk, it-teżi tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti kienet ibbenefikat mill-għajnuna inkwistjoni u b’hekk hija obbligata li tagħtiha lura, mhijiex fondata.

47      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ilmenti jikkonċernaw il-fondatezza tad-Deċiżjoni u mhux il-motivazzjoni tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48      Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, għandha ssir distinzjoni bejn l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, u dak ibbażat fuq l-ineżattezza tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni (minħabba żball fuq il-fatti jew fl‑evalwazzjoni ġuridika). Dan l-aspett tal-aħħar jaqa’ fl-eżami tal-legalità fil‑mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u għalhekk ma jistax jagħti lok għal ksur tal-Artikolu 253 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 67, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 47). Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax teżamina, bħala parti mill-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-legalità fil-mertu tal‑motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti maħsuba sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex rilevanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 58 u 59).

49      F’din il-kawża, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 146 tad-Deċiżjoni, li l-assi u d-dejn ta’ HCz kienu tqassmu bejn tliet kumpanniji li kienu s-suċċessuri tagħha, jiġiferi RFG, MH u Operator, u li, għalhekk, il-persuna ġuridika li kisbet l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx għadha l‑persuna ġuridika li tikkostitwixxi HCz biss, iżda kienet tinkludi wkoll dawn l‑entitajiet l-oħra. Għalhekk il-Kummissjoni tat ir-raġuni għalxiex kienet indikat lir-rikorrenti bħala entità obbligata in solidum li tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni minkejja li ma kinitx indikata bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni. Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-eżatezza tal-motivi u l-legalità tad-dispożizzjonijiet deċiżi, l-argumenti tagħha se jkunu eżaminati fil-kuntest tal-motiv sussegwenti.

51      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

–       L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta kkunsidratha bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni.

53      Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti, li ma teżerċitax attivitajiet fil-qasam tal‑azzar, akkwistat ċerti elementi mill-patrimonju tal-impriża benefiċjarja tal‑għajnuna inkwistjoni mhuwiex ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-vantaġġi finanzjarji, li l-impriża li kienet ittrasferietilha dawn l-elementi kienet preċedentement kisbet bis-saħħa tal-għajnuna pubblika li minnha kienet ibbenefikat, kienu ġew akkwistati mir-rikorrenti bl-imsemmija elementi. Sa fejn il-valur tal-obbligi ta’ dritt pubbliku li ħadet ir-rikorrenti huwa ogħla mill-valur fis-suq tal-assi ttrasferiti lilha, m’hemm xejn li jippermetti li jingħad li hija kisbet kwalunkwe vantaġġ finanzjarju, inkluż vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna pubblika. Fil‑fatt, meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali tinxtara bil-prezz tas-suq, ix-xerrej ta’ din l-impriża ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, iktar ’il quddiem is‑“sentenza SMI”).

54      Ir-rikorrenti ssostni li l-eventwali rkupru mingħandha tal-għajnuna inkwistjoni “jimmina” l-bażi tar-ristrutturazzjoni tal-obbligi ta’ dritt pubbliku li kienu ġew ikkalkolati b’reqqa, analizzati u aċċettati mill-Kummissjoni, u jnaqqas b’dan il-mod il-fondi ddestinati għall-finanzjament ta’ dawn l-obbligi ta’ dritt pubbliku.

55      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma akkwistatx l-assi mhux tal-azzar b’applikazzjoni tal-Liġi tal-2002. Skont din il-liġi, jista’ jittieħed biss id-dejn tal-impriża. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li kien biss fit-8 ta’ Lulju 2005 li hija tat il-kunsens tagħha sabiex taqdi l-funzjoni ta’ “operatur” skont il-Liġi tal-2002. Għalhekk, l‑indikazzjoni tar-rikorrenti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kienet prematura peress li, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, dan il-ftehim kien għadu ma jeżistix.

56      Barra minn hekk, kredituri konsegwenti, bi dritt li jiksbu ħlas lura, jistgħu wkoll ifittxu lir-rikorrenti, bħala debitriċi in solidum, għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni kollha kif ukoll tal-imgħaxijiet. Madankollu, ma hemm ebda rabta kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u MH jew IUD li tippermettilha ddur kontrihom għall-ħlas lura tal‑għajnuna inkwistjoni.

57      Il-Kumissjoni tfakkar l-ewwel nett li, għalkemm hija kienet ikkonkludiet li r-ristrutturazzjoni ta’ HCz, abbażi tal-Liġi tal-2002, kienet saret mingħajr għajnuna mill-Istat addizzjonali, peress li hija kienet issodisfat ir-rekwiżiti tat-“test tal-kreditur privat”, hija kkonstatat ukoll li HCz, matul il-perjodu mill-1997 sal-2002, kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni.

58      Il-Kummissjoni ma tistax taqbel mat-teżi li r-rikorrenti akkwistat elementi tal-assi ta’ HCz bil-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, ma jistax jiġi ddeterminat l-ogħla prezz li investitur privat li jaġixxi fis-suq kien lest iħallas għal dawn l-assi. It-tibdil kollu li kien jolqot il-proprjetà li sar fil‑kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ HCz u t-tqassim tal-assi tagħha li rriżulta minnu kienu tranżazzjonijiet ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2002.

59      Dwar l-obbligu in solidum ta’ HCz, ta’ RFG, ta’ MH u tar-rikorrenti, skont il-Kummissjoni, huwa l-Istat Membru li għandu jeżegwixxi, kif jixraq, l-ordni ta’ ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni. Il-Kummissjoni tosserva li l-valur fis-suq inizjali tal-elementi tal-assi meħuda mir‑rikorrenti, kif iċċitat fid-Deċiżjoni, huwa differenti mill-valur ta’ kontabbiltà li jinsab fl-Anness A.5. Kien impossibbli għall‑Kummissjoni li tiffissa l-valur eżatt tal-assi. Fi kwalunkwe każ, Stat Membru li jsibha impossibbli li jeżegwixxi deċiżjoni jista’ jitlob lill-Kummissjoni għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jintgħelbu dawn id-diffikultajiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fis-sustanza, ir-rikorrenti ssostni li kien b’mod żbaljat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidratha bħala entità obbligata in solidum għall‑ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar‑Regolament Nru 659/1999, meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l‑Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-“benefiċjarju” tagħha.

62      Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni enfasizzat li r-rikorrenti ma kinitx benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, hija indikatha bħala li kienet obbligata in solidum għall-ħlas lura tal-għajnuna.

63      Huwa veru li, minn wara d-Deċiżjoni 1999/720/KE, KEFA, tat-8 ta’ Lulju 1999, dwar l-għajnuna mill-Istat eżegwita mill-Ġermanja favur Gröditzer Stahlwerke GmbH u l-kumpannija sussidjarja tagħha Walzwerk Burg GmbH (ĠU L 292, p. 27), li fiha hija ordnat għall-ewwel darba l‑irkupru ta’ għajnuna mingħand impriżi li kienu akkwistaw elementi tal-assi, il-Kummissjoni, f’ċerti każijiet, ikkunsidrat li t-terminu “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, ma jindikax biss il-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna iżda, jekk ikun il-każ, kull impriża li lilha jkunu ġew ittrasferiti elementi tal-assi bl-intenzjoni li tiġi evitata l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordni ta’ rkupru tagħha.

64      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, l-ewwel nett, it-tkabbir taċ-ċirku tal-entitajiet obbligati jħallsu lura l-għajnuna jirrikjedi trasferiment ta’ assi. Issa, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri fil-5 ta’ Lulju 2005, dan it-trasferiment kien effettivament għadu ma seħħx peress li kien biss xi ġranet iktar tard li r-rikorrenti tat il‑kunsens tagħha sabiex teżerċita l-funzjoni ta’ “operatur” fil-proċedura ta’ ristrutturazzjoni ta’ HCz. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il‑legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta ġie adottat l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, France vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u s-sentenza SMI, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

65      Huwa minnu li l-Kummissjoini sostniet, waqt is-seduta, li l-operazzjoni kollha ta’ ristrutturazzjoni ta’ HCz kienet ibbażata fuq il-prinċipju li l-assi kienu se jiġu ttrasferiti lir-rikorrenti u li l-kunsens tagħha kien kwistjoni purament formali. Madankollu, ir-rikorrenti ġustament enfasizzat li, għalkemm il‑Liġi tal-2002 tipprevedi r-rwol ta’ “operatur”, hija ma tispeċifikax min huwa l-“operatur ” u kemm jistgħu jinħolqu “operaturi”. Għalhekk, fid‑data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, l-inklużjoni mingħajr ebda kundizzjoni tar-rikorrenti fiċ‑ċirku tal-entitajiet obbligati in solidum għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni kienet prematura.

66      It-tieni nett, it-tkabbir taċ-ċirku tal-entitajiet obbligati jħallsu lura l‑għajnuna huwa ġustifikat biss jekk it-trasferiment ta’ assi jwassal għar‑riskju li jiġu evitati l-effetti tal-ordni ta’ rkupru, u b’mod partikolari jekk, wara l-akkwist tal-assi, il-benefiċjarju oriġinali jibqa’ bħala “qoxra vojta” li mingħandu ma jkunx possibbli li jinkiseb il-ħlas lura tal-għajnuna illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, T‑324/00, Ġabra p. II‑4309, punti 98 et seq). Barra minn hekk, dan it-tkabbir jista’ jiġi ġustifikat mill-fatt li l-akkwirent tal-assi jibqa’ jgawdi b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal‑għajnuna (sentenza SMI, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 86).

67      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta impriża li kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali tiġi akkwistata bil-prezz tas‑suq, ix-xerrej ma jistax jiġtqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq. Għalhekk ix-xerrej ma jistax jintalab iħallas lura din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SMI, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 80 u 81). B’mod iktar partikolari, fil‑każ tal-akkwist tal-assi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fis-sentenza tagħha CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, li, jekk prezz ta’ xiri konformi mas-suq ikun tħallas mix-xerrej għall-akkwist ta’ elementi tal-assi, dan ma jibqax igawdi b’mod effettiv mill‑vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija lill‑bejjiegħ. F’każ bħal dan, ma jistax jitqies li l-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna jibqa’ bħal “qoxra vojta” li mingħandu ma jkunx possibbli li jinkiseb il-ħlas lura tal-għajnuna illegali (ara, f’dan is-sens, il-punti 99 u 100 tas-sentenza), u lanqas ma jista’ jitqies li x-xerrej baqa’ jgawdi b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna.

68      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, għall-finijiet tal‑verifika tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, rapport tal-esperti li jista’ jkun sar fl-okkażjoni tat-trasferiment (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, Ġabra p. I-8357, punti 59 u 60).

69      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li l-valur tal-obbligi ta’ dritt pubbliku li hija kienet ħadet kien ħafna ogħla mill-valur tal-beni li ġew ittrasferiti lilha. Fil-fatt, mill-premessa 53 tad-Deċiżjoni jirriżulta li rapport ta’ esperti indipendenti kien evalwa l-valur fis-suq tal-assi riċevuti mir-rikorrenti, jiġifieri l-art, l-ishma tal-kumpannija Elsen u krediti, għal PLN 156 miljun (il-figura li tidher fl-Anness A.5 hija biss ftit differenti f’dan ir-rigward). Għall-kuntrarju, il-valur globali tal-obbligi ta’ dritt pubbliku li ġew legalment meħuda mir-rikorrenti kienu jammontaw għal iktar minn PLN 280 miljun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx issostni, mingħajr spjegazzjoni oħra, la l-eżistenza ta’ riskju ta’ evażjoni u lanqas il-fatt li r-rikorrenti kienet qed tgawdi b’mod effettiv minn vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna inkwistjoni. Għall‑inqas, hija kien imissha spjegat ir-raġuni għalxiex hija kkunsidrat bħala mhux rilevanti l-fatt li l-assi kienu ttieħdu bi “prezz” li kien jidher li jeskludi t-tgawdija ta’ tali vantaġġ kompetittiv. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti la hija kumpannija li tappartjeni lill-grupp tal-bejjiegħ u lanqas kumpannija li tinsab fis-suq tal-produzzjoni tal-azzar, iżda taqdi r-rwol ta’ entità li tieħu d-dejn u l-assi ta’ impriżi f’diffikultà sabiex tissodisfa bħala korrispettiv il-krediti tagħhom, il-Kummissjoni kien imissha wriet b’mod iktar speċifiku riskju ta’ evażjoni u t-tgawdija effettiva ta’ vantaġġ kompetittiv marbut mal-għajnuna inkwistjoni min-naħa tar-rikorrenti.

70      Għalhekk, l-inklużjoni tar-rikorrenti fiċ-ċirku ta’ entitajiet responsabbli in solidum għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni kienet żbaljata.

71      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jintlaqa’.

72      Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l‑aħħar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, b’mod konformi mat-talbiet tar‑rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2006/937/KE, tal-5 ta’ Lulju 2005, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur il-produttur tal-azzar Huta Częstochowa S.A., huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Operator ARP sp. z o.o.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.