Language of document : ECLI:EU:T:2004:328

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

10 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' Oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali ARCOL – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti CAPOL – Firxa ta' l-eżami mwettaq mill-Bord ta' Appell – Evalwazzjoni ta' provi ppreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell"

Fil-kawża T-164/02,

Kaul GmbH, stabbilita f'Elmshorn (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li hija

Bayer AG, stabbilita f'Leverkusen (Il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Marzu 2002 (Każ R 782/2000-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Kaul GmbH u Bayer AG,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, M. Vilaras u I. Wiszniewska-Bialecka, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1        Fit-3 ta' April 1996, il-kumpannija Atlantic Richfield (Atlantic Richfield Co.) ressqet applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ARCOL.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 1, 17 u 20 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Fost il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 1 jinsabu l-"prodotti kimiki intiżi għall-konservazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel".

4        Fl-20 ta' Lulju 1998, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji.

5        Fl-20 ta' Ottubru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-rigward tal-"prodotti kimiċi intiżi għall-konservazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel", li jaqgħu fil-klassi 1. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta' trade mark Komunitarja preċedenti, irreġistrata fl-24 ta' Frar 1998, bin-numru 49106. Din it-trade mark tikkonsisti fis-sinjal verbali CAPOL u tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 1 u li huma deskritti bħala "prodotti kimiċi għall-konservazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel, jiġifieri materjali mhux ipproċessati użati sabiex ikessħu u jikkonservaw il-prodotti ta' l-ikel lesti, b'mod partikolari l-ħelu". In sostenn ta' l-oppożizzjoni, ir-rikorrenti invokat ir-raġuni għal rifjut imsemmija mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6        Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2000, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, minkejja li aċċettat li l-prodotti kienu identiċi, ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li setgħet tiġi eskluża kull probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni minħabba d-differenzi viżivi u fonetiċi bejniethom.

7        Fl-24 ta' Lulju 2000 ir-rikorrenti ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

8        Permezz ta' ittra tas-17 ta' Lulju 2000, li kienet riċevuta fl-24 ta' Lulju 2000, l-UASI ġie informat mill-kumpannija Bayer (Bayer AG) dwar it-trasferiment, favur din il-kumpannija ta' l-aħħar, ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ARCOL ippreżentata minn Atlantic Richfield Co. It-trasferiment kien iskritt fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji fis-17 ta' Novembru 2000, skond l-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 40/94.

9        Fit-30 ta' Ottubru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat lill-UASI n-nota tagħha li tispjega l-motivi ta' l-appell, kif mitlub mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

10      Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Marzu 2002, li kienet innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta' Marzu 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-allegat karattru distintiv ħafna tat-trade mark preċedenti, dovut għall-fatt li kienet magħrufa sew, ma setax jittieħed aktar in kunsiderazzjoni peress li r-rikorrenti kienet biss invokat dan il-fatt fl-istadju ta' l-appell. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell osserva li, fil-fatt, ir-rikorrenti, aktar milli ssottomettiet argument ġdid, kienet pjuttost bidlet il-bażi legali ta' l-oppożizzjoni tagħha għall-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade marks magħrufa sew. Minbarra dan, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, minkejja n-natura identika tal-prodotti, meta jitqiesu d-differenzi konsiderevoli bejniethom fuq il-livell viżiv u l-livell fonetiku, il-karattru speċjalizzat ħafna tas-suq tal-prodotti kkonċernati u tal-kompetenza probabbli tal-konsumatur tipiku ta' dawn il-prodotti, ma hemm l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali verbali in kwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti introduċiet din il-kawża. L-UASI ppreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta' Ottubru 2002.

12      Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika.

13      Fl-20 ta' Novembru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li jsir skambju ieħor ta' noti peress li r-rikorrenti setgħet tiżviluppa l-motivi u l-argumenti tagħha u twieġeb għar-risposta ta' l-UASI matul il-proċedura orali.

14      Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

15      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta pubblika tat-30 ta' Ġunju 2004.

16      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

17      L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

18      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tinvoka erba' motivi bbażati rispettivament fuq, fl-ewwel lok, il-ksur ta' l-obbligu li jiġu eżaminati l-provi mressqa minnha quddiem il-Bord ta' l-Appell, fit-tieni lok, il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipji tad-dritt proċedurali aċċettati fl-Istati Membri u tar-regoli ta' proċedura applikabbli quddiem l-UASI u, fir-raba' lok, il-ksur ta' l-obbligu li tingħata motivazzjoni.

19      Qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

20      Skond ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li wara, li jintemmu l-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fatti ġodda ma jkunux aktar ammissibbli quddiemu tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-funzjoni tal-bordijiet ta' l-appell. Għall-kuntrarju, il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell għandha titqies bħala t-tieni istanza fuq il-mertu li, fil-kuntest tagħha, il-partijiet jistgħu jressqu fatti ġodda. Għaldaqstant, f'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell inġustament irrifjuta li jeżamina, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, il-provi ppreżentati mir-rikorrenti fin-nota tagħha tat-30 ta' Ottubru 2000, dwar il-karattru sostanzjalment distintiv tat-trade mark preċedenti CAPOL, li kienu jikkonsistu f'dikjarazzjoni maħlufa tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti flimkien mal-lista tal-klijenti tagħha. B'hekk, skondha, l-UASI kiser id-dritt tagħha għal smigħ.

21      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' l-UASI, bl-ebda mod ma abbandunat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bħala bażi ta' l-oppożizzjoni tagħha favur l-Artikolu 8(2)(ċ) ta' l-istess Regolament. Id-dokumenti ppreżentati fin-nota tat-30 ta' Ottubru 2000 ma kinux intiżi sabiex jippreżentaw fatti ġodda iżda pjuttost sabiex jikkompletaw l-argumenti li kienu diġà tressqu matul il-proċedimenti ta' oppożizzjoni.

22      L-UASI jwieġeb li l-pożizzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni ħażina tas-sistema ta' protezzjoni ġuridika stabbilita mir-Regolament Nru 40/94 u applikata permezz ta' "ġurisprudenza stabbilita" tal-bordijiet ta' l-appell. Il-kontinwità funzjonali tal-bordijiet ta' l-appell fil-konfront tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni għandha l-konsegwenza li ma jkunx biżżejjed li jiġi introdott appell sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rispett tat-termini stabbiliti mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. Għaldaqstant, l-UASI jsostni li, apparti xi eċċezzjonijiet, il-bordijiet ta' l-appell dejjem jirrifjutaw li jieħdu in kunsiderazzjoni dikjarazzjoni ġdida tal-fatti jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata f'dawn it-termini.

23      Kien quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-pożizzjoni predominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-preparazzjonijiet kimiċi għall-konservazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel u l-fatt li t-trade mark CAPOL hija magħrufa sew mill-pubbliku kkonċernat kienu invokati għall-ewwel darba. Dawn huma fatti ġodda u, safejn ir-rikorrenti tuża l-esprezzjoni "magħrufa sew", saħansitra jammontaw għal bidla, favur l-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tal-bażi legali ta' l-oppożizzjoni tagħha.

24      Barra minn hekk, skond l-UASI, anki jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq u t-tisħiħ korrispondenti tal-karattru distintiv tat-trade mark tagħha, dan ma jwassalx għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

25      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell jikkonsistu f'dikjarazzjoni maħlufa tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti u f'lista tal-klijenti tar-rikorrenti.

26      Dawn id-dokumenti, li jikkonċernaw l-intensità ta' l-użu tat-trade mark tar-rikorrenti, ġew ippreżentati minn din ta' l-aħħar in sostenn ta' l-argumenti li kienu diġà tqajmu quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni – u għalhekk ibbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' karattru deskrittiv tat-trade mark tar-rikorrenti – u li skondhom din it-trade mark tgawdi minn karattru sostanzjalment distintiv u għalhekk għandha tgawdi minn protezzjoni aktar għolja.

27      Il-Bord ta' l-Appell, fil-punti 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, u sussegwentament l-UASI, fil-punt 30 tar-risposta tiegħu, ikkunsidraw li din id-dikjarazzjoni ġdida tal-fatti ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni peress li kienet saret wara li skadew it-termini stabbiliti mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

28      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-pożizzjoni mhijiex kompatibbli mal-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-dipartimenti ta' l-UASI kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Prim'Istanza kemm fir-rigward tal-proċedura ex parte [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punti 38 sa 44, li ma kinitx invalidata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Procter & Gamble vs L-UASI (Forma ta' sapuna), T-63/01, Ġabra p. II-5255, punt 21] u kemm fir-rigward tal-proċedura inter partes [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 24 sa 32].

29      Fil-fatt, ġie deċiż li mill-kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti ta' l-UASI jirriżulta li, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell huwa marbut li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi fattwali u legali kollha li l-parti kkonċernata tkun introduċiet jew fil-proċedura quddiem id-dipartiment li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza jew inkella, bla ħsara għall-Artikolu 74(2), fil-proċedura ta' l-appell (sentenza 'KLEENCARE', iċċitata aktar 'il fuq, punt 32). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qiegħed isostni l-UASI, fir-rigward tal-proċedura inter partes, il-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-diversi dipartimenti ta' l-UASI ma twassalx għall-konsegwenza li parti li, quddiem id-dipartiment li jiddeċiedi fl-ewwel istanza, ma pproduċietx quddiem dan id-dipartiment ċerti elementi fattwali jew legali fit-termini stabbiliti, tkun prekluża, taħt l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, milli tagħmel użu minn dawn l-elementi quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għall-kuntrarju, il-kontinwità funzjonali għandha l-konsegwenza li parti bħal din tista' tagħmel użu minn dawn l-elementi quddiem il-Bord ta' l-Appell bil-kundizzjoni li, quddiem din l-istanza, tirrispetta l-Artikolu 74(2) ta' l-imsemmi regolament.

30      Għaldaqstant, f'dan il-każ, peress li l-elementi fattwali kontenzjużi ma kinux prodotti tard, fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, iżda kienu prodotti f'anness tan-nota ppreżentata mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell fit-30 ta' Ottubru 2000, jiġifieri fit-terminu ta' erba' xhur preskritt mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ma setax jirrifjuta li jikkunsidra dawn l-elementi.

31      Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell, filwaqt li adotta l-allegazzjoni magħmula mill-applikanta għat-trade mark fin-nota tagħha tas-27 ta' Diċembru 2000 fis-sens li r-rikorrenti kienet fil-fatt qiegħda tipprova tressaq prova li t-trade mark tagħha hija trade mark li għandha reputazzjoni jew li hija magħrufa sew, allega fl-alternattiv, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet bidlet il-bażi legali ta' l-oppożizzjoni tagħha mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għall-Artikolu 8(2)(ċ) ta' dan ir-regolament.

32      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan l-argument alternattiv ma jistax jiġi aċċettat.

33      Fil-fatt, ir-rikorrenti, fl-ebda stadju tal-proċedura, ma allegat li hija kienet qiegħda tibbaża l-oppożizzjoni tagħha fuq xi dispożizzjoni oħra minbarra l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għall-kuntrarju, matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u sussegwentament quddiem il-Bord ta' l-Appell, kien fuq din il-bażi legali li r-rikorrenti invokat il-karattru sostanzjalment distintiv tat-trade mark tagħha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza ta' din il-kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma setax, mingħajr ma jmur kontra l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, jirrifjuta li jeżamina l-elementi fattwali ppreżentati mir-rikorrenti fin-nota tagħha tat-30 ta' Ottubru 2000 bil-għan li tipprova kemm huwa sostanzjali l-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, livell li jirriżulta mill-użu, allegat mir-rikorrenti, ta' din it-trade mark fuq is-suq.

35      Skond il-ġurisprudenza, peress li aktar ma jirriżulta li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa wieħed sostanzjali aktar tiżdied il-probabbiltà ta' konfużjoni, it-trade marks li għandhom karattru sostanzjalment distintiv, jew intrinsikament jew inkella minħabba r-reputazzjoni tagħhom fis-suq, igawdu minn protezzjoni aktar wiesgħa minn dawk li għandhom karratru distintiv dgħajjef. Għaldaqstant, tista' teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, minkejja li jkun hemm xebh żgħir bejn it-trade marks, meta jkun hemm xebh kbir bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minnhom u meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun wieħed sostanzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punti 20 u 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk, safejn, f'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li l-prodotti koperti mis-sinjali konfliġġenti kienu identiċi u li jeżistu ċerti elementi ta' xebh bejn dawn is-sinjali, huwa ma setax jiddeċiedi, kif fil-fatt għamel, dwar l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ta' evalwazzjoni rilevanti kollha, fosthom l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti u intiżi sabiex jiġi stabbilit il-livell sostanzjali tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

37      Minn dan isegwi li billi ma kkunsidrax l-elementi ppreżentati quddiemu mir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell naqas mill-obbligi li għandu fil-kuntest ta' l-eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tieħu post l-UASI fl-evalwazzjoni ta' l-elementi in kwistjoni, huwa l-UASI li għandu jagħmel din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

38      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi l-konvenut tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-rikorrenti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) ta' l-4 ta' Marzu 2002 (Każ R 782/2000-3) hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Legal

Vilaras

 Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.