Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-124/14)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Cattabriga u M. van Beek, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Repubblika Taljana, billi eskludiet il-persunal “eżekuttiv” (jiġifieri t-tobba) tas-servizz tas-saħħa nazzjonali mid-dritt għal tul medju massimu tal-ħin tax-xogħol ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, kif ukoll il-persunal tas-saħħa kollu tal-istess servizz mid-dritt għal 11-il siegħa konsekuttiva ta’ mistrieħ ta’ kuljum mingħajr ma żgurat lil dawn tal-aħħar perijodu ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju, naqset milli tosserva l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 3, 6 u17(2) tad-Direttiva 2003/88/KE 1 ;

tikkundanna lil Ir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE jobbligaw lill-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex, minn naħa, kull ħaddiem jibbenefika, matul kull perijodu ta’ 24 siegħa, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 11-il siegħa konsekuttiva u, min-naħa l-oħra, it-tul medju tal-ħin tax-xogħol, għal kull perijodu ta’ 7 ijiem, ma jeċċedix 48 siegħa, inklużi s-sigħat ta’ sahra. Id-derogi minn tali dispożizzjonijiet, għalkemm ma humiex esklużi għal kollox, huma madankollu suġġetti għal kundizzjonijiet preċiżi.

Meta implementa d-Direttiva 2003/88, il-leġiżlatur Taljan kiser tali dispożizzjonijiet billi eskluda t-tobba “eżekuttivi” tas-servizz tas-saħħa nazzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli relatati mat-tul medju massimu fil-ġimgħa tal-ħin tax-xogħol u l-persunal tas-saħħa kollu ta’ tali servizz mir-regoli relatati mal-mistrieħ ta’ kuljum.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li, fl-ewwel lok, fl-Italja t-tobba kollha li jaħdmu mas-servizz tas-saħħa nazzjonali huma kklassifikati uffiċjalment bħala “eżekuttivi” mil-leġiżlazzjoni u mill-ftehimiet kollettivi nazzjonali relatati ma’ dan is-servizz, mingħajr ma jibbenefikaw neċessarjament minn prerogattivi eżekuttivi jew minn awtonomija fir-rigward tal-ħin tax-xogħol tagħhom. Fit-tieni lok, l-awtoritajiet Taljani ma kinux f’pożizzjoni li juru li, minkejja li huwa eskluż mid-dritt għal mistrieħ ta’ kuljum ta’ 11-il siegħa konsekuttiva, il-persunal tas-saħħa tas-servizz tas-saħħa nazzjonali xorta jibbenefika, immedjatament wara t-tmiem tal-perijodu ta’ xogħol, minn perijodu adegwat ta’ mistrieħ kumpensatorju kontinwattiv.

____________

1  Id-Direttiva 2003/88/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381)