Language of document : ECLI:EU:T:2022:736

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

30 ta’ Novembru 2022 (*)

“Dritt istituzzjonali – Membru tal-KESE – Proċedura ta’ kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2019 – Riżoluzzjoni tal-Parlament li tindika lir-rikorrent bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Rikors għad-danni – Protezzjoni tad-data personali – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Obbligu ta’ kunfidenzjalità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Proporzjonalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑401/21,

KN, irrappreżentat minn M. Casado García‑Hirschfeld u M. Aboudi, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Crowe, C. Burgos u M. Allik, bħala aġenti,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjoni, minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen (Relatur), C. Mac Eochaidh, T. Pynnä u M. J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: M. L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, KN, talab, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew (UE, Euratom) 2021/1552 tat‑28 ta’ April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2021, L 340, p. 140, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), u tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (UE) 2021/1553 tad‑29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2021, L 340, p. 141, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni kkontestata”) (iktar ’il quddiem, flimkien mad-Deċiżjoni kkontestata, l-“atti kkontestati”), u min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-dannu li huwa sofra minħabba l-atti kkontestati.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent huwa membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa kien President tal-Grupp ta’ Persuni li Jimpjegaw (iktar ’il quddiem il-“Grupp I”) bejn April 2013 u Ottubru 2020.

3        Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, wara li ġie informat b’allegazzjonijiet dwar l-aġir tar-rikorrent fir-rigward ta’ membri oħra tal-KESE u ta’ membri tal-persunal tal-KESE, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni fil-konfront tiegħu.

4        Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Jannar 2020, l-OLAF informa lir-rikorrent bl-għeluq tal-investigazzjoni u bit-trażmissjoni tar-rapport tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”) lill-Prosekutur Federali Belġjan kif ukoll lill-President tal-KESE. Peress li l-OLAF ikkonkluda, b’mod partikolari, li r-rikorrent kien ta fastidju lil żewġ membri tal-persunal tal-KESE, huwa rrakkomanda, minn naħa, lill-KESE jqis il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Membri tal-KESE u jieħu “l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjeni kull każ ġdid ta’ fastidju min-naħa [tar-rikorrent] fuq il-post tax-xogħol”, u min-naħa l-oħra, lill-Prosekutur Federali Belġjan iqis azzjonijiet ġudizzjarji, peress li l-fatti stabbiliti fir-rapport tiegħu setgħu jikkostitwixxu ksur kriminali fis-sens tal-Artikolu 442 bis tal-Kodiċi Kriminali Belġjan.

5        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew (UE) 2020/1984 tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2020, L 417, p. 469), il-Parlament Ewropew iddiferixxa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2018.

6        L-għada, il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni (UE) 2020/1985 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2020, L 417, p. 470). Fil-punt 6 ta’ din ir-riżoluzzjoni, huwa indika, essenzjalment, li l-Parlament jistenna li jkun informat mill-KESE bil-miżuri meħuda sabiex isir segwitu għar-rapport tal-OLAF.

7        Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, il-Bureau tal-KESE adotta diversi miżuri sabiex isir segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. B’mod partikolari, fl-ewwel lok, il-KESE stieden lir-rikorrent jirriżenja mill-kariga tiegħu ta’ President tal-Grupp I kif ukoll jirtira l-kandidatura tiegħu għall-presidenza tal-KESE, u fit-tieni lok, neħħieh minn kull attività maniġerjali u ta’ amministrazzjoni tal-persunal.

8        Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-President tal-KESE informa lill-Parlament bil-miżuri adottati mill-Bureau tal-KESE fid‑9 ta’ Ġunju 2020.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, is-seduta plenarja tal-KESE, fuq talba tal-Awditur tax-Xogħol ta’ Brussell (il-Belġju), neħħiet l-immunità li minnha kien jibbenefika r-rikorrent. Imbagħad, b’deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2020, is-seduta plenarja tal-KESE ddeċidiet li dan il-korp ser ikun parti ċivili fil-proċedura miftuħa kontra r-rikorrent quddiem il-Qorti Kriminali ta’ Brussell.

10      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew (UE) 2020/2046 tal‑20 ta’ Ottubru 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) (ĠU 2020, L 420, p. 16), il-Parlament irrifjuta finalment il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2018. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament esprima b’mod partikolari t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-segwiti mogħtija mill-KESE lir-rapport tal-OLAF.

11      Fil‑25 ta’ Marzu 2021, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Cocobu”), fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2019, ippreżenta rapport li permezz tiegħu rrakkomanda li s-Segretarju Ġenerali tal-KESE jingħata l-kwittanza.

12      Fit‑28 ta’ April 2021, il-Parlament adotta d-Deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ddeċieda li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ dan il-korp għas-sena finanzjarja 2019.

13      L-għada, il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni kkontestata, li b’mod partikolari hija fformulata kif ġej:

“Rifjut tal-kwittanza fl‑2018, kunflitt ta’ interess, fastidju, żvelar ta’ informazzjoni protetta

[Il-Parlament]

66. Ifakkar li diversi membri tal-persunal sofrew atti ta’ fastidju psikoloġiku mill-president ta’ dak iż-żmien tal-Grupp 1 fuq perjodu ta’ żmien twil; jiddispjaċih li l-miżuri stabbiliti kontra l-fastidju fil-Kumitat naqsu milli jindirizzaw u joffru rimedju aktar malajr għal dan il-każ minħabba l-pożizzjoni għolja tal-membru kkonċernat […] jikkundanna t-tul ta’ żmien li l-Kumitat ħa biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jadatta r-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat sabiex tiġi evitata sitwazzjoni bħal din fil-futur […]

68. Jindika li n-nuqqasijiet tal-Kumitat f’dan il-każ wasslu għal telf materjali ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tal-ispejjeż legali, il-liv minħabba mard, il-protezzjoni tal-vittmi, it-tnaqqis fil-produttività, il-laqgħat tal-Bureau u korpi oħra, eċċ.; iqis, għaldaqstant, li dan huwa każ ta’ tħassib rigward l-obbligu ta’ rendikont, il-kontroll baġitarju u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni […]

69. Ifakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat fir-rigward tas-sena finanzjarja 2018, fost raġunijiet oħra minħabba ksur flagranti tad-dmir ta’ diliġenza u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-amministrazzjoni, flimkien mal-konsegwenzi finanzjarji; ifakkar lill-Kumitat li ċ-ċaħda tal-kwittanza hija kwistjoni serja li teħtieġ azzjoni immedjata; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva, b’mod partikolari miżuri ta’ prevenzjoni u dawk riparattivi, li ttieħdet mid-direttur ta’ dak iż-żmien tal-HR u l-finanzi, li issa huwa s-segretarju ġenerali, sar-rifjut tal-kwittanza tal‑2018;

70. Jinnota li matul il-proċeduri ta’ kwittanza tal‑2018 u ta’ parti mill‑2019, is-Segretarju Ġenerali ma setax jipprovdi informazzjoni suffiċjenti, trasparenti u affidabbli lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament […]

75. […] jinsab imħasseb li membru partikolari li nstab responsabbli għal fastidju kien għadu attiv fil-Bureau wara r-rakkomandazzjoni tal-OLAF u rnexxielu jdewwem l-adozzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid għall-membri […]

80. […] madankollu jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-awtur ta’ reat inħatar mill-Kunsill bħala membru għal mandat ġdid, u li l-vittmi u l-informaturi qegħdin jirriskjaw li jiffaċċjaw ritaljazzjoni minnu jew minn dawk li jappoġġjawh fil-Kumitat; jenfasizza l-fatt li huwa ma jirrikonoxxix jew jiddispjaċih għall-irregolaritajiet tiegħu, li juri nuqqas totali ta’ awtoriflessjoni u rispett għall-vittmi kkonċernati […]

83. Jinnota li s-sessjoni plenarja tal-Kumitat tal‑15 u tas‑16 ta’ Lulju 2020 ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bureau tad‑9 ta’ Ġunju 2020 rigward is-sħubija tal-Kumitat bħala parti ċivili fil-proċedura li se tinfetaħ mill-Awditur tax-Xogħol ta’ Brussell quddiem il-Qorti Kriminali ta’ Brussell; jinnota li l-Awditur tax-Xogħol ta’ Brussell ġie infurmat bit-tneħħija tal-immunità tal-membru, iżda sal-lum ma waslet l-ebda informazzjoni oħra dwar il-proċedimenti […]”

 Talbiet talpartijiet

14      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll ir-Riżoluzzjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament iħallas is-somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali tiegħu;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

15      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali joġħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli, u sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors għad-danni bħala inammissibbli, u sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

16      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament jargumenta li t-talbiet għal annullament u għad-danni huma inammissibbli.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal annullament

17      Il-Parlament isostni, minn naħa, li l-atti kkontestati, li d-destinatarju uniku tagħhom huwa l-KESE, ma humiex intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali ta’ terzi persuni. Min-naħa l-oħra, huwa jargumenta li r-rikorrent la huwa direttament u lanqas individwalment ikkonċernat mill-atti kkontestati, b’tali mod li ma għandux locus standi kontrihom.

18      Ir-rikorrent jikkontesta dan l-argument u jargumenta li l-atti kkontestati jikkawżawlu danni sa fejn dawn isemmuh fir-rigward ta’ allegat aġir ta’ fastidju. F’dan ir-rigward, huwa jindika li, fid-dawl tal-pubblikazzjoni tagħhom, dawn l-atti ser jaffettwaw direttament ir-reputazzjoni u d-dinjità tiegħu billi jindividwalizzawh b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tagħhom.

19      Preliminarjament, sa fejn ir-Riżoluzzjoni kkontestata tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni kkontestata, l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament magħmula fir-rigward tal-atti kkontestati, għandha tiġi eżaminata konġuntivament.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jitlobx l-annullament tal-atti kkontestati sa fejn il-Parlament ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ dan il-korp għas-sena finanzjarja 2019, iżda sempliċement sa fejn huwa identifikat jew tal-inqas identifikabbli fir-Riżoluzzjoni kkontestata bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku.

21      Fi kliem ieħor, ir-rikorrent jitlob l-annullament tal-atti kkontestati biss sa fejn huwa jissemma f’ċerti kummenti li jinsabu fir-Riżoluzzjoni kkontestata, li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jikkontesta d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament ta l-kwittanza lill-KESE.

22      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss id-dispożittiv ta’ att li jista’ jipproduċi effetti legali u, konsegwentement, li jikkawża preġudizzju, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom ikun ibbażat dan l-att. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ att ma jistgħux ikunu, fihom innifishom, suġġetti għal rikors għal annullament, u ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni ħlief meta, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/89, EU:T:1992:95, punt 31, u tal‑1 ta’ Frar 2012, Région wallonne vs Il‑Kummissjoni, T‑237/09, EU:T:2012:38, punt 45).

23      Issa, f’dan il-każ, il-kummenti li jinsabu fir-Riżoluzzjoni kkontestata li jirrigwardaw ir-rikorrent ma jikkostitwixxux il-bażi neċessarja tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa indipendentement mill-parti tar-Riżoluzzjoni kkontestata li tippermetti l-identifikazzjoni tar-rikorrent bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku, li l-Parlament iddeċieda li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ dan il-korp għas-sena finanzjarja 2019.

24      Għalhekk, ir-referenza għar-rikorrent bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku, fir-Riżoluzzjoni kkontestata, ma tistax, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżentat minnu, u fi kwalunkwe każ, fl-assenza ta’ possibbiltà li tintrabat mad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata, hija ma tistax tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni.

25      L-argument tar-rikorrent li l-parti tar-Riżoluzzjoni kkontestata li tirrigwardah tikkawżalu preġudizzju ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent ma huwiex imċaħħad minn aċċess għall-qorti, għaliex ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali previst fl-Artikolu 268 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 jibqa’ disponibbli jekk l-aġir inkwistjoni tal-Parlament huwa ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 82).

26      Dwar dan il-punt, sa fejn is-suġġett tat-talba għal annullament jikkoinċidi ma’ dak tat-talba għad-danni, iċ-ċaħda tat-talba għal annullament bħala inammissibbli, minħabba assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat mir-rikorrent, ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Qorti Ġenerali mill-possibbiltà li tirreferi, jekk ikun il-każ, għall-motivi u għall-argumenti mressqa insostenn tagħha sabiex tevalwa l-legalità tal-aġir allegat lill-Parlament fil-kuntest tat-talba għad-danni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, EU:T:2010:506, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għaddanni

28      Filwaqt li jammetti li talba għad-danni kienet tkun ammissibbli li kieku r-rikorrent ma talabx ukoll l-annullament tal-atti kkontestati, il-Parlament isostni madankollu li t-talbiet għad-danni għandhom, f’dan il-każ, jiġu miċħuda bħala inammissibbli b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tipprovdi li t-talbiet intiżi għall-kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta dawn ikollhom rabta stretta mat-talbiet għal annullament li huma stess ġew miċħuda bħala infondati jew inammissibbli.

29      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, jekk talba għad-danni jkollha rabta stretta ma’ talba għal annullament, kif inhu fil-każ inkwistjoni, iċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar bħala inammissibbli jew bħala infondata twassal ukoll għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Martínez Valls vs Il‑Parlament, T‑214/02, EU:T:2003:254, punt 43).

30      Madankollu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-każ tal-inammissibbiltà ta’ talba għal annullament ta’ att, din il-ġurisprudenza ġiet stabbilita f’kawżi li fihom ir-rikorrenti kienu jew naqsu milli jikkontestaw, permezz ta’ rikors għal annullament, l-atti li minnhom kien joriġina d-dannu li huma kienu qegħdin jallegaw li sofrew, jew għamlu dan tardivament (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Cocchi u Falcione vs Il‑Kummissjoni, T‑724/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:759, punt 82). Peress li hija intiża sabiex tevita evażjoni tar-rimedji ġudizzjarji, għalhekk din il-ġurisprudenza hija applikabbli biss fil-każ fejn id-dannu allegat kien jirriżulta esklużivament minn att li sar definittiv, li l-persuna interessata setgħet tikkontesta permezz ta’ rikors għal annullament (ara f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Mejju 2005, Holcim (France) vs Il‑Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 50).

31      Għalhekk, f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, sabiex tiġi eskluża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament, li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, u mhux għaliex ir-rikorrent naqas milli jikkontesta dan l-att jew għamel dan tardivament.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għad-danni huma ammissibbli.

 Fuq ilfondatezza tattalbiet għaddanni

33      L-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għas-sodisfazzjon ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l‑illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 79).

34      Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit li l-Parlament kellu aġir illegali, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, jiġifieri, l-ewwel, id-dritt għall-protezzjoni tad‑data personali, it-tieni, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, it-tielet, il-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u r-raba’, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ proprozjonalità.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għallprotezzjoni taddata personali

36      Ir-rikorrent isostni li l-pubblikazzjoni ta’ data personali li tirrigwardah fir-Riżoluzzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix ipproċessar legali fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

37      B’mod partikolari, huwa jargumenta li l-ipproċessar tad-data personali tiegħu ma kienx meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, peress li l-OLAF kien ikkonkluda fir-rapport tiegħu li l-aġir tar-rikorrent ma kellu ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċernah ma kinitx meħtieġa sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE.

38      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

39      Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, ipproċessar ta’ data personali huwa legali jekk u sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku jew jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 14 TUE, il-Parlament jeżerċita, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji kif ukoll funzjonijiet ta’ kontroll politiku u funzjonijiet konsultattivi, b’konformità mal-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati. Fil-kuntest tal-kontroll demokratiku tal-użu ta’ fondi pubbliċi previst mill-Artikolu 319 TFUE, il-Parlament għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-kummenti li huwa jagħmel dwar il-mod li bih l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni implimentaw it-taqsima tal-baġit li tikkonċernahom.

41      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw sa fejn ipproċessar ta’ data personali jista’ jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li huwa fdat lill-awtoritajiet pubbliċi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Oikonomopoulos vs Il‑Kummissjoni, T‑483/13, EU:T:2016:421, punt 57 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, l-argument tar-rikorrent jimplika li jiġi vverifikat jekk il-Parlament marx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu billi qies li l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrent kien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tiegħu ta’ interess pubbliku li jikkonsisti fil-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-KESE matul is-sena finanzjarja 2019.

43      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, qabelxejn, li waqt il-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, il-Parlament irrifjuta l-kwittanza tal-KESE, b’mod partikolari għaliex qies li l-miżuri meħuda minn dan il-korp sabiex isir segwitu għar-rapport tal-OLAF u jevita r-repetizzjoni ta’ din it-tip ta’ sitwazzjoni fil-futur kienu, essenzjalment, insuffiċjenti.

44      Issa, b’konformità mal-Artikolu 262(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), huwa l-Parlament li għandu jiżgura li jsegwi l-miżuri meħuda mid-destinatarju tal-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza.

45      F’dan il-każ, peress li l-Parlament qies li l-miżuri meħuda mill-KESE għall-implimentazzjoni tal-kummenti li jinsabu fir-riżoluzzjoni dwar is-sena finanzjarja 2018 kienu, essenzjalment, insuffiċjenti, l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrent kien jidher meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2019.

46      It-tieni, il-gravità tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-funzjonament ħażin ikkonstatat mill-Parlament kienu jippermettu wkoll li tiġi stabbilita l-ħtieġa ta’ tali pproċessar.

47      Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-aġir ta’ fastidju psikoloġiku attribwit lir-rikorrent kien l-oriġini ta’ funzjonament ħażin gravi fi ħdan il-KESE, li ġew riflessi fi nfiq li seta’ jiġi evitat u li huwa kkritikat lil dan il-korp fil-punt 68 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, iċċitat fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-Parlament għandu jsemmih.

48      Għalhekk, fid-dawl tar-riskju ta’ rikorrenza ta’ dan l-aġir u tal-effetti tiegħu fuq il-ġestjoni tajba tar-riżorsi umani, l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrent kien jidher meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fil-premessa A tar-Riżoluzzjoni kkontestata, jiġifieri, essenzjalment, it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-promozzjoni, b’mod partikolari, ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi umani.

49      It-tielet, preżunt li r-rikorrent iqis li l-pubblikazzjoni tar-Riżoluzzjoni kkontestata tikkostitwixxi pproċessar tad-data personali tiegħu li huwa kuntrarju għall-Artikolu 5 tar-Regolament 2018/1725, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2018/1046, “[i]l-baġit għandu jkun [is-suġġett ta’] kontijiet ippreżentati b’konformità mal-prinċipju tat-trasparenza”.

50      F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-prinċipju ta’ trasparenza, stabbilit fl‑Artikolu 15 TFUE, jippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 68). Din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni tad-dritt, f’soċjetà demokratika, tal-persuni taxxabbli u l-opinjoni pubblika b’mod ġenerali, li jinżammu informati dwar l-użu tad-dħul pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż għall-persunal. Tali informazzjoni hija ta’ natura li tikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku dwar kwistjoni ta’ interess ġenerali u għaldaqstant isservi l-interess pubbliku (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 85).

51      Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, il-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati hija intiża sabiex issaħħaħ il-kontroll pubbliku tal-implimentazzjoni tal-baġit u tikkontribwixxi għall-użu adattat tal-fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni tal-Unjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Minn dan isegwi li l-pubblikazzjoni tar-Riżoluzzjoni kkontestata kienet meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu ta’ interess pubbliku eżerċitat mill-Parlament.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Parlament ma marx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi qies li kien meħtieġ li tiġi pproċessata d-data personali tar-rikorrent sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-KESE. Għalhekk, l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrent kien legali fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725.

54      L-argument tar-rikorrent, ibbażat fuq il-fatt li fir-rapport tiegħu, l-OLAF indika li l-fatti attribwiti lilu ma kellhom ebda impatt finanzjarju, ma jikkontestax din il-konklużjoni.

55      Fil-fatt, ir-Riżoluzzjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest tal-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-KESE u għalhekk ma għandhiex l-għan li tikkontrolla jew tiddeċiedi dwar l-aġir tar-rikorrent.

56      Ir-Riżoluzzjoni kkontestata hija intiża biss sabiex tesprimi evalwazzjoni dwar il-mod li bih il-KESE implimenta l-baġit tiegħu kif ukoll kummenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ nfiq fil-futur. F’dan ir-rigward, fil-punt 68 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, il-Parlament identifika b’mod ċar il-konsegwenzi finanzjarji li aġir ta’ fastidju psikoloġiku, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, jista’ jkollu fuq il-funzjonament tajjeb tal-korpi u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fid-dawl tal-funzjonament ħażin gravi li ġie kkonstatat, il-fatt li l-OLAF kien qies li l-aġir tar-rikorrent fir-rigward ta’ ċerti membri tal-persunal ma kellux impatt finanzjarju ma jipprekludix għalhekk lill-Parlament milli jsemmih.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Parlament.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju talpreżunzjoni ta’ innoċenza

58      Ir-rikorrent isostni li l-Parlament kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza billi identifikah, fir-Riżoluzzjoni kkontestata, bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku minkejja li ebda qorti ma kienet ikkundannatu għal dawn il-fatti. Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika, f’dan ir-rigward, li meta ġiet adottata r-Riżoluzzjoni kkontestata, il-proċedura kriminali kienet biss fl-istadju tal-“kompilazzjoni” u li l-Awditur tax-Xogħol ta’ Brussell kien għadu jista’, b’mod partikolari, jiddeċiedi li jagħlaq il-każ mingħajr ma tittieħed azzjoni.

59      F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament kienu jirriflettu s-sentiment li r-rikorrent kien ħati jew tal-inqas jinkoraġġixxu lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tiegħu jew anki jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti.

60      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

61      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jeħtieġ li kull persuna akkużata b’reat tkun preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tkun ġiet legalment stabbilita (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn naħa, dan il-prinċipju ma huwiex limitat għal garanzija proċedurali f’materji kriminali, il-portata tiegħu hija iktar estiża u teħtieġ li ebda awtorità pubblika ma tiddikjara li persuna hija ħatja ta’ reat qabel ma l-ħtija tagħha tkun ġiet stabbilita minn qorti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 173 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tista’ tirriżulta mhux biss minn qorti jew tribunal, iżda wkoll minn awtoritajiet pubbliċi oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB u l-Artikolu 48(1) tal-Karta ma jistgħux jipprekludu, fir-rigward, rispettivament, tal-Artikolu 10 tal-KEDB u tal-Artikolu 11 tal-Karta li jiggarantixxu l-libertà ta’ espressjoni, lill-awtoritajiet milli jinformaw lill-pubbliku fuq investigazzjonijiet kriminali li jkunu għaddejjin, iżda jeħtieġu li jagħmlu dan bid-diskrezzjoni kollha u bir-riżervatezza kollha li teħtieġ l-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 212 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, ġie deċiż li sakemm il-persuna akkużata b’reat ma tkunx is-suġġett ta’ kundanna definittiva minn qorti, assemblea parlamentari għandha tosserva l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, u għalhekk, turi diskrezzjoni u riżervatezza meta tesprimi ruħha, f’riżoluzzjoni, fir-rigward tal-fatti li għalihom din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali (ara f’dan is-sens, Qorti EDB, 18 ta’ Frar 2016, Rywin vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2016:0218JUD000609106, punti 207 u 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, huwa stabbilit li fid‑29 ta’ April 2021, data tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni kkontestata, ebda qorti ma kienet stabbilixxiet il-ħtija tar-rikorrent għar-reati allegati lilu. Barra minn hekk, f’din id-data, proċeduri kriminali, miftuħa matul is-sena 2020 mill-awtoritajiet Belġjani, kienu għadhom pendenti. In oltrè, ir-rikorrent indika, mingħajr ma kien kontradett mill-Parlament, li dawn il-proċeduri kriminali kienu għadhom ma ntemmux u li ebda qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu ma kienet għadha ġiet adita sabiex teżamina l-fatti kontenzjużi.

66      Madankollu, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza kien jipprojbixxi lill-Parlament milli jsemmi r-rapport tal-OLAF li kien jindikah bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku mingħajr ma jistenna t-tmiem tal-proċeduri kriminali.

67      Fil-fatt, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn awtorità pubblika wara l-għeluq ta’ investigazzjoni tal-OLAF, diġà ġie deċiż li l-osservanza tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ma tipprekludix li, bil-għan li tinforma lill-pubbliku bl-iktar mod preċiż possibbli, bl-azzjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ eventwali funzjonament ħażin jew frodi, istituzzjoni tal-Unjoni ssemmi, bi kliem ibbilanċjat u mirqum, kif ukoll b’mod essenzjalment fattwali, il-konklużjonijiet prinċipali tar-rapport tal-OLAF fir-rigward ta’ membru ta’ istituzzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punti 175 sa 178).

68      Għalhekk, il-fatt waħdu li fil-punti 66 sa 70, 72, 75, 78, 79 u 82 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, elenkati mir-rikorrent waqt is-seduta, il-Parlament ippermetta li dan tal-aħħar jiġi identifikat bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku, li jikkorrispondi għall-konklużjoni prinċipali tar-rapport tal-OLAF, ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

69      B’mod iktar preċiż, dak li huwa importanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju huwa iktar l-għażla tal-kliem użat fir-Riżoluzzjoni kkontestata.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, apparti l-kwotazzjonijiet tar-Riżoluzzjoni kkontestata mingħajr kummenti fil-parti introduttiva, ir-rikorrent ma identifika ebda punt tal-imsemmija Riżoluzzjoni li, fl-għażla tal-kliem użat, kien jammonta, fil-fehma tiegħu, għal ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, fl-istadju tar-replika, huwa rrefera biss għal ċerti estratti ta’ dokumenti stabbiliti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza relatata mas-sena finanzjarja 2018, jiġifieri s-sena baġitarja preċedenti għas-sena baġitarja kontenzjuża, liema estratti ma jistgħux għalhekk ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-kawża.

71      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkritika biss, b’mod speċifiku, il-punt 75 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 13 iktar ’il fuq, għar-raġuni li fiha hemm indikat li huwa kien “[i]nstab” responsabbli ta’ fastidju, meta ebda sentenza ma kienet għadha ngħatat f’dan ir-rigward.

72      Dwar dan il-punt, fl-assenza ta’ kundanna tar-rikorrent, l-użu tat-terminu “nstab” huwa ċertament mhux preċiż. Barra minn hekk, il-Parlament ammetta waqt is-seduta li din il-formulazzjoni ma kinitx “partikolarment feliċi”.

73      Madankollu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-ġurisprudenza enfasizzat l-importanza li jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens reali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, u mhux il-forma letterali tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn ikunu ġew ifformulati (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni jippermettu li wieħed jifhem li l-użu tal-kelma “jugé”, fil-verżjoni Franċiża tar-Riżoluzzjoni kkontestata, huwa intiż sabiex jirrifletti l-konstatazzjoni tal-OLAF li l-aġir tar-rikorrent fir-rigward ta’ żewġ membri tal-persunal jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali dikjarazzjoni, li tfakkar biss il-konklużjonijiet tal-OLAF, ma tiksirx il-preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ dan tal-aħħar.

75      Din il-konklużjoni hija kkorroborata minn verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-punt 75 tar-Riżoluzzjoni kkontestata li ma jinkludu ebda referenza għal sentenza fis-sens ġudizzjarju tal-kelma, b’mod partikolari fil-verżjoni Ingliża (“was found responsible”), Ġermaniża (“verantwortlich gemacht wurde”), Spanjola (“fue declarado responsable”) jew anki Olandiża (“verantwoordelijk werd bevonden”). Is-sens reali ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huwa għalhekk li jenfasizzaw ir-responsabbiltà tar-rikorrent għal dak li jirrigwarda l-fatti ta’ fastidju psikoloġiku, kif tirriżulta mir-rapport tal-OLAF, mingħajr ebda preġudizzju għall-eventwali ħtija tiegħu fil-kuntest tal-proċedura kriminali pendenti quddiem il-ġustizzja Belġjana.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punt 83 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, il-Parlament fakkar ukoll li ma kien irċieva ebda informazzjoni addizzjonali dwar il-proċeduri kriminali sal-ġurnata tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni. Din l-indikazzjoni hija ta’ natura li tippermetti li tiġi evitata kull konfużjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk ingħatatx “sentenza” fir-rigward tar-rikorrent.

77      Għalhekk, l-użu tal-kelma “jugé” fil-punt 75 tal-verżjoni Franċiża tar-Riżoluzzjoni kkontestata, minkejja li huwa inadegwat u mhux opportun, ma jiksirx il-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent.

78      Peress li r-rikorrent ikkritika biss b’mod speċifiku l-punt 75 tar-Riżoluzzjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tfittex u teżamina jekk siltiet oħra ta’ din ir-riżoluzzjoni setgħux jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza tiegħu.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Parlament.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talkunfidenzjalità talinvestigazzjonijiet talOLAF

80      Minn naħa, ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, li l-OLAF żvela l-kontenut kunfidenzjali tar-rapport tiegħu ta’ investigazzjoni lill-Parlament waqt il-laqgħa tal-Cocobu li nżammet fit‑3 ta’ Frar 2020, li warajha l-Cocobu kien ippreżenta abbozz ta’ rapport dwar il-kwittanza tal-KESE li b’mod partikolari jirreferi għar-rikorrent b’kunjomu. Ir-Riżoluzzjoni kkontestata, ibbażata fuq dan ir-rapport tal-Cocobu, kienet għalhekk ġiet adottata bi ksur tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

81      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jargumenta li l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità kien jipprojbixxi lill-Parlament milli jiżvela l-kontenut ta’ rapport użat fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari jew ġudizzjarja, liema prinċipju kien jirriżulta mill-Artikolu 10 u mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 883/2013.

82      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

83      Minn naħa, sa fejn ir-rikorrent jikkritika lill-OLAF li kiser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiegħu waqt il-laqgħa tal-Cocobu tat‑3 ta’ Frar 2020, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li tali argument huwa inammissibbli, peress li huwa intiż sabiex jistabbilixxi l-illegalità ta’ aġir imputabbli lil dan l-uffiċċju, u mhux lill-konvenut. In oltrè, il-Kummissjoni, li magħha l-OLAF huwa marbut, ma hijiex parti f’din il-proċedura.

84      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrent jikkritika aġir tal-Parlament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità huwa korollarju tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 213).

85      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-prinċipju ma jipprojbixxix lill-Parlament, fil-kuntest tal-kompitu tiegħu ta’ kontroll tal-użu tal-fondi pubbliċi, milli jinvoka l-konklużjonijiet prinċipali tar-rapport tal-OLAF. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkritikat li l-Parlament kiser il-kunfidenzjalità marbuta mar-rapport tal-OLAF, li huwa kellu konoxxenza tiegħu skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 883/2013, billi invoka l-konklużjoni prinċipali ta’ dan ir-rapport fir-Riżoluzzjoni kkontestata.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Parlament.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għal amministrazzjoni tajba u talprinċipju ta’ proporzjonalità

87      Ir-rikorrent jikkritika lill-Parlament li naqas mid-dmir tiegħu ta’ imparzjalità u li kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi identifika persuna fiżika f’dokument indirizzat lill-KESE fir-rigward tal-ġestjoni tal-baġit.

88      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

89      Fir-rigward tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi, ħlief meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi bħad-dritt li dak kollu li jirrigwarda lil individwu jiġi ttrattat b’mod imparzjali, b’mod ġust u fi żmien raġonevoli (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 127). Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ imparzjalità, li r-rikorrent jallega li nkiser mill-Parlament, dan ikopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit ksur mill-Parlament tad-dmir tiegħu ta’ imparzjalità suġġettiva, ir-rikorrent jargumenta biss li r-Riżoluzzjoni kkontestata tinkludi “informazzjoni dwar il-ħtija [tiegħu] abbażi ta’ allegat aġir ippreżentat f’rapport kunfidenzjali tal-OLAF”.

91      Madankollu, il-fatt li r-Riżoluzzjoni kkontestata rrendiet lir-rikorrent identifikabbli bħala l-awtur ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku, li hija waħda mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit li membru tal-Parlament kien wera li ħa pożizzjoni jew għandu preġudizzju personali f’dan ir-rigward.

92      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dmir ta’ imparzjalità oġġettiva, ir-rikorrent jargumenta biss li skont l-OLAF, l-aġir tiegħu ma kellu ebda impatt finanzjarju.

93      Madankollu, tali argument ma huwiex ta’ natura li jippermetti dubju dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-Parlament.

94      Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li l-argument imressaq f’dan ir-rigward ma kienx awtonomu minn dak invokat insostenn tal-ewwel motiv.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-raba’ motiv ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Parlament.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom għalhekk jiġu miċħuda t-talbiet għad-danni fl-intier tagħhom, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra ta’ stabbiliment ta’ responsabbiltà tal-Unjoni humiex issodisfatti. Lanqas ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Parlament li jiġi rtirat mill-fajl tal-kawża l-allegati minuti tal-laqgħa tal-Cocobu tat‑3 ta’ Frar 2020 peress li, sa fejn dawn ġew invokati sabiex jintwera aġir illegali min-naħa tal-OLAF, dan id-dokument huwa nieqes minn kull rilevanza għal din il-kawża.

 Fuq lispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrent tilef, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      KN huwa kkundannat għall-ispejjeż.

van der Woude

Svenningsen

Mac Eochaidh

Pynnä

 

      Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-mifuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Novembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.