Language of document : ECLI:EU:C:2020:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ April 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 3(1)(a), Artikolu 8(1), u Artikolu 9(2) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol – Kunċett – Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ persuni omosesswali – Artikolu 11(1), Artikolu 15(1) u Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Difiża tad-drittijiet – Sanzjonijiet – Persuna ġuridika li tirrappreżenta interess kollettiv – Locus standi, mingħajr ma wieħed jaġixxi f’isem lanjant partikolari jew fl-assenza ta’ persuna leża – Dritt li jinkiseb kumpens”

Fil-Kawża C‑507/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

NH

vs

Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI – Rete Lenford,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, P. G. Xuereb u I. Jarukaitis (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal NH, minn C. Taormina u G. Taormina, avvocati,

–        għall-Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI – Rete Lenford, minn A. Guariso, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E.‑M. Mamouna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn NH u l-Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI – Rete Lenford (iktar ’il quddiem l-“Associazione”) dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ NH, magħmula matul xandira fuq ir-radju, li ma jixtieqx jikkollabora, fi ħdan l-uffiċċju legali tiegħu, ma’ persuni omosesswali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        Bit-titolu “Il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-informazzjoni”, l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”

4        L-Artikolu 15 tal-Karta, intitolat “Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.”

5        L-Artikolu 21 tal-Karta, relattiv għan-nondiskriminazzjoni jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

 Id-Direttiva 2000/78

6        Il-premessi 9, 11, 12 u 28 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:

“(9)      L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq […] orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq […] orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni]. […]

[…]

(28)      Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. […]”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

8        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

9        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 3(1)(a):

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni.”

10      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Ħtiġiet minimi” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.”

11      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jaqa’ taħt il-Kapitolu II tagħha, relattiv għar-rimedji u l-eżekuzzjoni tad-dritt. Intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-esekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.”

12      L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-Sanzjonijiet” jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]”

 Id-dritt Taljan

13      Id-decreto legislativo n. 216 – Attuazione della direttiva 2000/78 per la parità di trattamento in materia di occupazione e di condizioni di lavoro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 216, li jittrasponi d-Direttiva 2000/78 għall-Ugwaljanza fit-Trattament fil-Qasam tal-Impjieg u tax-Xogħol), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (GURI Nru 187, tat‑13 ta’ Awwissu 2003, p. 4), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 216”), jipprovdi fl-Artikolu 2(1)(a) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet […], il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal raġuni ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Dan il-prinċipju jfisser li diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kif imfissra iktar ’l isfel, għandha tiġi pprojbita:

(a)      diskriminazzjoni diretta sseħħ meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif hija, kienet jew tkun ittrattata persuna oħra, f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.”

14      L-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej:

“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu japplika mingħajr distinzjoni fuq bażi ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, għall-persuni kollha fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat u għandu jkun intitolat għal protezzjoni ġudizzjarja, skont ir-rekwiżiti formali elenkati fl-Artikolu 4, b’riferiment speċifiku għal dawn l-oqsma li ġejjin:

(a)      aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu jew għal xogħol ieħor, inkluż il-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ.”

15      L-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi:

“1.      Organizzazzjonijiet sindikali, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw id-drittijiet jew l-interessi affettwati, abbażi ta’ mandat, mogħti minn strument pubbliku jew strument iċċertifikat privat, li mingħajru dan il-mandat għandu jkun null, għandu jkollhom locus standi sabiex jiftħu proċeduri skont l-Artikolu 4 f’isem u għan-nom ta’, jew insostenn ta’, persuna li tkun suġġetta għal diskriminazzjoni, kontra l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-aġir jew att diskriminatorju.

2.      Il-persuni msemmija f’paragrafu 1 għandhom ukoll ikollhom locus standi fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni kollettiva fejn ma jkunx awtomatikament u immedjatament possibbli li jiġu identifikati individwi affettwati mid-diskriminazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li NH huwa avukat u li l-Associazione hija assoċjazzjoni ta’ avukati li jiddefendu in judicio d-drittijiet ta’ persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI).

17      Billi qieset li NH kien għamel kummenti li jikkostitwixxu aġir diskriminatorju bbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 216, l-Associazione ressqet lil NH quddiem it-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja).

18      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Awwissu 2014, din il-qorti, li kienet qiegħda taġixxi bħala qorti industrijali, iddikkjarat illegali, inkwantu kien direttament diskriminatorju, l-aġir ta’ NH li, matul intervista li saritlu f’xandira tar-radju, kien iddikkjara li la jrid jirrekluta u lanqas iħaddem persuni omosesswali fl-uffiċċju legali tiegħu. It-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo) ikkundannat lil NH, abbażi ta’ dan, għall-ħlas ta’ EUR 10 000 lill-Associazione bħala kumpens għad-dannu u ordnat il-pubblikazzjoni ta’ estratti ta’ dan id-digriet f’gazzetta nazzjonali.

19      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2015, il-Corte d’appello di Brescia (il-Qorti tal-Appell ta’ Brescia, l-Italja) ċaħdet l-appell mill-imsemmi digriet imressaq minn NH.

20      NH appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, NH allega, b’mod partikolari, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 216, inkwantu l-qorti tal-appell irrikonoxxiet il-locus standi tal-Associazione, kif ukoll ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, minħabba li huwa esprima opinjoni dwar il-professjoni ta’ avukat mhux fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tħaddem iżda bħala sempliċi ċittadin u li d-dikjarazzjonijiet kontenzjużi ma kellhom ebda konnessjoni mal-kuntest professjonali effettiv.

21      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tagħha, il-qorti tal-appell ikkonstatat, minn naħa, li “f’konverżazzjoni li saret matul xandira fuq ir-radju, [NH] lissen sensiela ta’ sentenzi, mitluba gradwalment mill-interlokutur […] insostenn tal-averżjoni ġenerali tiegħu għal kategorija partikolari ta’ persuni, li huwa ma jixtieqx li jkollu madwaru fl-uffiċċju legali tiegħu […] u lanqas fl-għażla ipotetika tal-kollaboraturi tiegħu” u, min-naħa l-oħra, li ebda proċedura ta’ reklutaġġ ma kienet għaddejja dak iż-żmien u lanqas ma kienet ipprogrammata.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk assoċjazzjoni ta’ avukati, bħall-Associazione, tikkostitwixxix entità rappreżentattiva fis-sens tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, b’mod partikolari, li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal‑11 ta’ Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (ĠU 2013, L 201, p. 60) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv” (COM(2013) 401 final) jelenkaw, fost il-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-locus standi ta’ entità f’kawża rappreżentattiva, mhux biss ir-rabta bejn l-għan sanċit mill-Istatuti tal-entità kkonċernata u d-drittijiet li l-ksur tagħhom ikun allegat, iżda wkoll l-assenza ta’ skop ta’ lukru ta’ din l-entità.

23      Fil-każ ineżami, il-locus standi tal-Associazione ġie rrikonoxxut mill-qorti tal-appell fid-dawl tal-istatuti tagħha, li jipprovdu li din l-assoċjazzjoni “għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għat-tixrid tal-kultura u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni” LGBTI, “billi tiġbed l-attenzjoni tad-dinja ġudizzjarja” u “tmexxi t-taħriġ ta’ netwerk ta’ avukati […]; [kif ukoll] tiffavorixxi u tippromwovi d-difiża legali kif ukoll l-użu ta’ strumenti ta’ difiża kollettiva quddiem il-qrati nazzjonali u internazzjonali”.

24      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Taljan, meta d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg ma tkunx saret kontra vittma identifikata, iżda kontra kategorija ta’ persuni, l-Artikolu 5(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 216 ċertament jirrikonoxxi l-locus standi lill-entitajiet li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, li jitqiesu li jirrappreżentaw l-interessi tal-kollettività tal-persuni leżi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk assoċjazzjoni ta’ avukati li l-għan prinċipali tagħha huwa li toffri assistenza ġuridika lil persuni LGBTI tistax, minħabba s-sempliċi fatt li l-istatuti tagħha jipprevedu li għandha wkoll l-għan li tippromwovi r-rispett tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni, tingħata l-locus standi, inkluż sabiex titlob kumpens, kontra d-diskriminazzjonijiet marbuta mal-impjieg abbażi ta’ interess dirett li huwa tagħha stess.

25      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-limiti li l-leġiżlazzjoni li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol timponi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni. Hija tosserva li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni mogħtija mid-Direttiva 2000/78 u mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 216 għandha bħala kamp ta’ applikazzjoni s-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol u taffettwa għalhekk l-inizjattiva ekonomika. Dawn l-atti madankollu jidhrulha estranji għall-libertà tal-espressjoni u ma jidhrux li huma intiżi sabiex jillimitawha. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija atti hija suġġetta għall-eżistenza ta’ riskju effettiv ta’ diskriminazzjoni.

26      Konsegwentement, hija tistaqsi jekk, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata sitwazzjoni ta’ aċċess għall-impjieg li taqa’ taħt id-Direttiva 2000/78 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, huwiex neċessarju li għall-inqas negozjar individwali għal reklutaġġ jew offerta pubblika għal impjieg ikun għaddej u jekk, fl-assenza ta’ tali ċirkustanza, sempliċi dikjarazzjonijiet li ma għandhomx l-inqas karatteristika ta’ offerta pubblika għal impjieg humiex protetti mil-libertà tal-espressjoni.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjoni komposta minn avukati speċjalisti fid-difiża legali ta’ kategorija ta’ persuni li għandha orjentazzjoni sesswali differenti u li għandha bħala għan, skont l-Istatuti tagħha, li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija, għandha awtomatikament interess kollettiv u tikkostitwixxi assoċjazzjoni b’tendenza jew b’konvinzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li għandha locus standi, inkluż għall-kumpens, meta jseħħu fatti meqjusa diskriminatorji kontra dik il-kategorija ta’ persuni?

2)      L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li tipprevedi din id-direttiva tkopri l-espressjoni ta’ opinjoni li tmur kontra l-kategorija ta’ persuni omosesswali magħmula waqt intervista fil-kuntest ta’ xandira ta’ divertiment bir-radju, li fiha l-persuna interrogata ddikjarat li qatt ma kienet ser tirrekluta lanqas ma kienet ser tħaddem dawn il-persuni fl-uffiċċju tagħha, anki jekk ebda proċedura ta’ reklutaġġ ma kienet għaddejja u lanqas ma kienet ipprogrammata minn din il-persuna?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, li jirrigwarda l-kunċett ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll għall-Artikolu 3 tagħha, li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fil-kawża prinċipali l-kwistjoni ma hijiex il-fatt jekk id-dikjarazzjonijiet magħmula minn NH jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni”, kif iddefinit fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda l-fatt jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn id-dikjarazzjonijiet, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva sa fejn din tkopri, fl-Artikolu 3(1)(a), “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ”.

29      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna matul xandira awdjoviżiva, li hija qatt ma ser tirrekluta jew tħaddem persuni ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali fl-impriża tagħha, u dan meta ma kien hemm ebda proċedura ta’ reklutaġġ għaddejja jew ipprogrammata, jaqgħu taħt dan il-kunċett.

30      L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li din tapplika fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ selezzjoni u l-kundizzjonijiet għar-reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni.

31      Din id-direttiva ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”. Madankollu, mir-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma fiha l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandhom jingħataw normalment, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis, C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28, u tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 50).

32      Barra minn hekk, peress li l-imsemmija direttiva ma tiddefinixxix it-termini “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”, dawn għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65).

33      Għal dak li jirrigwarda t-termini tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li l-frażi “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor” tirrigwarda, fil-lingwa ta’ kuljum, ċirkustanzi jew fatti li l-eżistenza tagħhom għandha assolutament tiġi stabbilita sabiex persuna tkun tista’ tikseb impjieg jew xogħol partikolari.

34      Madankollu, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettux, weħidhom, li jiġi ddeterminat jekk dikjarazzjonijiet magħmula barra minn kwalunkwe proċedura ta’ reklutaġġ ta’ persuna għal impjieg jew xogħol partikolari, li tkun għaddejja jew ipprogrammata, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment għall-kuntest li minnu jagħmel parti dan l-Artikolu 3(1)(a) kif ukoll għall-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE li, wara modifika, sar l-Artikolu 19(1) TFUE, li jagħti lill-Unjoni kompetenza sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġġieled kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq l-orjentazzjoni sesswali.

36      Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u hekk kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq l-orjentazzjoni sesswali għal dak li jikkonċerna “l-impjieg u x-xogħol”, sabiex fl-Istati Membri jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi kull persuna tingħata protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      B’mod partikolari, il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tenfasizza li l-impjieg u x-xogħol jikkostitwixxu elementi essenzjali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd u jikkontribwixxu fuq skala kbira għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom. F’dan is-sens ukoll, il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ impjieg u protezzjoni soċjali, li jogħlew il-livell tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali, is-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

38      Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 47).

39      B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-għan u fid-dawl tan-natura tad-drittijiet li d-Direttiva 2000/78 tixtieq tipproteġi kif ukoll tal-valuri fundamentali sottostanti tagħha, il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, ma jistax jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 42).

40      Għaldaqtant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2000/78 hija tali li tapplika f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor, inkluż […] [i]l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. B’mod partikolari, hija qieset li dikjarazzjonijiet pubbliċi li jirrigwardaw politika ta’ reklutaġġ partikolari, magħmula minkejja li s-sistema ta’ reklutaġġ meqjusa ma tkunx ibbażata fuq offerta pubblika jew fuq negozjati diretti sussegwentement għal proċedura ta’ selezzjoni li teħtieġ il-preżentata ta’ kandidaturi u selezzjoni preliminari ta’ dawn il-kandidaturi fid-dawl tal-interess tagħhom għall-persuna li timpjega, huma tali li jaqgħu taħt dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 44 u 45).

41      Hija ddeċidiet ukoll li s-sempliċi fatt li dikjarazzjonijiet li jimplikaw li teżisti politika ta’ reklutaġġ omofobika ma jsirux minn persuna li għandha l-kapaċità legali sabiex tiddefinixxi direttament il-politika ta’ reklutaġġ tal-persuna li timpjega kkonċernata jew saħansitra li torbot jew tirrappreżenta lil din il-persuna tal-aħħar fil-qasam tar-reklutaġġ, ma jipprekludix neċessarjament lil tali dikjarazzjonijiet milli jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol ta’ din il-persuna li timpjega. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-fatt li l-persuna li timpjega ma tkunx ħadet passi, b’mod ċar, sabiex tiddistakka ruħha mid-dikjarazzjonijiet ikkonċernati, l-istess bħall-perċezzjoni tal-pubbliku jew tal-gruppi ta’ nies ikkonċernati, jikkostitwixxu indizji rilevanti li l-qorti adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni globali tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 47 sa 51).

42      Barra minn hekk, il-fatt li ebda negozjar għal reklutaġġ ma kien għaddej meta saru d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati, lanqas ma jeskludi l-possibbiltà li tali dikjarazzjonijiet jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78.

43      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm ċerti ċirkustanzi, bħall-fatt li ma tkunx għaddejja proċedura ta’ reklutaġġ jew li ma tkunx ipproggrammata, ma humiex deċiżivi sabiex jiġi ddeterminat jekk dikjarazzjonijiet jirrigwardawx politika ta’ reklutaġġ partikolari u, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, huwa madankollu neċessarju, sabiex tali dikjarazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, hekk kif inhu ddefinit f’din id-dispożizzjoni, li huma jkunu jistgħu effettivament jiġu konnessi mal-politika ta’ reklutaġġ ta’ persuna li timpjega partikolari, u dan jimponi li din ir-rabta li jkollhom mal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol ma’ din il-persuna li timpjega ma tkunx ipotetika. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tkun evalwata mill-qorti nazzjonali adita fil-kuntest ta’ analiżi globali taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati.

44      Għal dak li jirrigwarda l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif essenzjalment irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 sa 56 tal-konklużjonijiet tagħha, huma b’mod partikolari rilevanti, l-ewwel nett, l-istatus tal-awtur tad-dikjarazzjonijiet meqjusa u l-kwalità li fiha huwa esprima ruħu, li għandhom jistabbilixxu jew li huwa stess huwa persuna li timpjega potenzjali jew li huwa kapaċi, de jure jew de facto, ikollu influwenza determinanti fuq il-politika ta’ reklutaġġ jew deċiżjoni ta’ reklutaġġ, ta’ persuna li timpjega potenzjali jew, tal-inqas, jista’ jkun ipperċepit mill-pubbliku jew mill-gruppi ta’ nies ikkonċernati bħala li huwa kapaċi jkollu tali influwenza, u dan anki jekk ma jkollux il-kapaċità legali sabiex jiddefinixxi l-politika ta’ reklutaġġ tal-persuna li timpjega kkonċernata jew saħansitra li jorbot lil din il-persuna fil-qasam tar-reklutaġġ.

45      Huma rilevanti, it-tieni nett, in-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ikkonċernati. Dawn għandhom ikunu konnessi mal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol mal-persuna li timpjega kkonċernata u jistabbilixxu l-intenzjoni ta’ din il-persuna li timpjega li tiddiskrimina fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji previsti mid-Direttiva 2000/78.

46      It-tielet nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ġew magħmula, b’mod partikolari n-natura pubblika jew privata tagħhom jew saħansitra l-fatt li huma xxandru mal-pubbliku, sew jekk permezz tal-midja tradizzjonali jew permezz tan-netwerk soċjali.

47      Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi invalidata mil-limitazzjoni potenzjali għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni, invokata mill-qorti tar-rinviju, li hija tista’ tikkawża.

48      Huwa minnu li l-libertà tal-espressjoni, bħala bażi essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista li tirrifletti l-valuri li fuqhom l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE, hija bbażata, tikkostitwixxi dritt fundamentali żgurati mill-Artikolu 11 tal-Karta (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 31).

49      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-libertà tal-espressjoni ma huwiex dritt assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkollu limitazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu previsti mil-liġi u li josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li l-limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni jew għall-ħtieġa li d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor jiġu protetti. Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 65 sa 69 tal-konklużjonijiet tagħha, dan huwa l-każ fil-każ ineżami.

50      Fil-fatt, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni li jistgħu jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78 huma tassew previsti mil-liġi, peress li jirriżultaw direttament minn din id-direttiva.

51      Dawn il-limitazzjonijiet josservaw, barra minn hekk, il-kontenut essenzjali tal-libertà tal-espressjoni, peress li japplikaw biss sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol u li jkun hemm livell għoli ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali. Għaldaqstant, dawn huma ġġustifikati minn dawn l-għanijiet.

52      Tali limitazzjonijiet josservaw ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti huma elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kemm ratione materiae kif ukoll ratione personae, huwa ddelimitat mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, u l-indħil fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, billi tipprekludi biss id-dikjarazzjonijiet li jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg jew tax-xogħol.

53      Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni riżultanti mid-Direttiva 2000/78 huma neċessarji sabiex jiġu żgurati d-drittijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol li għandhom il-persuni li jagħmlu parti minn gruppi ta’ persuni kkaratterizzati minn waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

54      B’mod partikolari, jekk, bil-kontra tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”, li tinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 u esposta fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, ċerti dikjarazzjonijiet jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva minħabba s-sempliċi raġuni li jkunu saru barra minn proċedura ta’ reklutaġġ, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ xandira awdjoviżiva ta’ divertiment, jew li huma jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ opinjoni personali tal-awtur tagħhom, hija s-sustanza stess tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol li tista’ ssir illużorja.

55      Fil-fatt, hekk kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 57 tal-konklużjonijiet tagħha, fi kwalunkwe proċess ta’ reklutaġġ, is-selezzjoni kardinali ssir bejn il-persuni li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom u dawk li ma jippreżentawhiex. Issa, l-espressjoni ta’ opinjonijiet diskriminatorji fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, minn persuna li timpjega jew persuna li hija pperċepita bħala kapaċi li jkollha influwenza determinanti fuq il-politika ta’ reklutaġġ ta’ impriża, hija tali li tiddiswadi lill-persuni mmirati milli japplikaw għal impjieg.

56      Konsegwentement, dikjarazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78, bħalma huwa ddefinit fl-Artikolu 3 tagħha, ma jistgħux jevitaw is-sistema ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol stabbilita minn din id-direttiva minħabba li dawn id-dikjarazzjonijiet saru matul xandira awdjoviżiva ta’ divertiment jew jikkostitwixxu wkoll l-espressjoni tal-opinjoni personali tal-awtur tagħhom rigward il-kategorija ta’ persuni li għalihom huma intiżi.

57      Fil-każ ineżami, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxux li r-rabta bejniethom u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol fi ħdan l-uffiċċju legali tal-avukati kkonċernat ma hijiex ipotetika, billi din l-evalwazzjoni hija ta’ natura fattwali u li tapplika fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni l-kriterji identifikati fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza preżenti.

58      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna matul xandira awdjoviżiva, li hija qatt ma ser tirrekluta jew tħaddem persuni ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali fl-impriża tagħha, u dan meta ma kien hemm ebda proċedura ta’ reklutaġġ għaddejja jew ipprogrammata, jaqgħu taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li r-rabta bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol fi ħdan din l-impriża ma tkunx ipotetika.

 Fuq l-ewwel domanda

59      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha assoċjazzjoni ta’ avukati li għandha bħala għan, skont l-istatuti tagħha, id-difiża legali tal-persuni li għandhom, b’mod partikolari, ċerta orjentazzjoni sesswali u li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija ta’ persuni, għandha awtomatikament, minħabba dan il-għan u irrispettivament mill-iskop ta’ lukru potenzjali tagħha, locus standi sabiex tibda proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti minn din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jinkiseb kumpens, meta jseħħu fatti li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni, fis-sens tal-imsemmija direttiva, kontra l-imsemmija kategorija ta’ persuni u meta l-persuna leża ma tkunx identifikabbli.

60      Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-persuni ġuridiċi li, skont kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jkunu osservati jistgħu, għan-nom jew insostenn ta’ lanjant, bl-approvazzjoni tiegħu, jibdew kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi riżultanti minn din id-direttiva.

61      Għaldaqstant, mill-kliem stess ta’ din id-disopżizzjoni jirriżulta li hija ma timponix li assoċjazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata locus standi, fl-Istati Membri, sabiex tibda proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti mid-Direttiva 2000/78, meta ebda persuna leża ma tkun identifikabbli.

62      Madankollu, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-direttiva.

63      Billi bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78 bl-ebda mod ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, id-dritt għall-assoċjazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu li jiżguraw l-osservanza ta’ din id-direttiva, li jressqu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti minn din id-direttiva mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant partikolari jew fl-assenza ta’ lanjant identifikabbli (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 37).

64      Meta Stat Membru jagħti tali għażla, huwa l-obbligu tiegħu li jiddeċiedi taħt liema kundizzjonijiet assoċjazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tibda proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/78 u sabiex tiġi ssanzjonata. Huwa għandu b’mod partikolari l-obbligu li jiddetermina jekk l-iskop ta’ lukru jew le ta’ assoċjazzjoni għandux ikollu influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-locus standi tagħha f’dan is-sens u li jippreċiża l-portata ta’ tali azzjoni, b’mod partikolari s-sanzjonijiet li jistgħu jingħataw wara li tintemm din l-azzjoni, fejn tali sanzjonijiet għandhom, konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi inkuż meta ma jkunx hemm vittma identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 62 u 63).

65      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha assoċjazzjoni ta’ avukati li għandha bħala għan, skont l-istatuti tagħha, id-difiża legali tal-persuni li għandhom, b’mod partikolari, ċerta orjentazzjoni sesswali u li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija ta’ persuni, għandha awtomatikament, minħabba dan il-għan u irrispettivament mill-iskop ta’ lukru potenzjali tagħha, locus standi sabiex tibda proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti minn din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jinkiseb kumpens, meta jseħħu fatti li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni, fis-sens tal-imsemmija direttiva, kontra l-imsemmija kategorija ta’ persuni u meta l-persuna leża ma tkunx identifikabbli.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna matul xandira awdjoviżiva, li hija qatt ma ser tirrekluta jew tħaddem persuni ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali fl-impriża tagħha, u dan meta ma kien hemm ebda proċedura ta’ reklutaġġ għaddejja jew ipprogrammata, jaqgħu taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li r-rabta bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol fi ħdan din l-impriża ma tkunx ipotetika.

2)      Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha assoċjazzjoni ta’ avukati li għandha bħala għan, skont l-istatuti tagħha, id-difiża legali tal-persuni li għandhom, b’mod partikolari, ċerta orjentazzjoni sesswali u li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija ta’ persuni, għandha awtomatikament, minħabba dan il-għan u irrispettivament mill-iskop ta’ lukru potenzjali tagħha, locus standi sabiex tibda proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti minn din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jinkiseb kumpens, meta jseħħu fatti li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni, fis-sens tal-imsemmija direttiva, kontra l-imsemmija kategorija ta’ persuni u meta l-persuna leża ma tkunx identifikabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.