Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-23 ta’ Jannar 2024 – Proċeduri kriminali kontra GE

(Kawża C-40/24, Derterti 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Rikorrent

GE.

Domandi preliminari

L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-imputat li jkun assistit minn professjonist fil-kuntest ta’ proċedura kriminali huwa fost id-drittijiet sanċiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif ukoll fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni, li l-imsemmi artikolu jirrikonoxxi bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li l-osservanza tagħhom hija imposta mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI 1 tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dritt tal-imputat li jkun assistit minn professjonist fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jista’ madankollu jitqies li huwa rrispettat meta s-sentenza ta’ kundanna tingħata kontra imputat assenti u mhux assistit minn avukat, la maħtur mill-imputat u lanqas innominat ex officio mill-qorti adita, meta din is-sentenza hija suġġetta għad-dritt fakultattiv tal-imputat innifsu li, wara l-konsenja, jikseb ġudizzju ġdid bil-garanziji tad-difiża?

B’konsegwenza ta’ dan, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, introdott bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI 1 tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat li ntalab jikkonsenja għandu l-possibbiltà li jirrifjuta li jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni, anki meta r-rekwiżiti previsti fl-imsemmi Artikolu 4a(1)(d) huma ssodisfatti, iżda meta l-persuna kkonċernata ma ġietx assistita minn avukat maħtur minnha jew innominat ex officio mill-qorti adita?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45

1     ĠU 2009, L 81, p. 24