Language of document : ECLI:EU:T:2011:287

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ġunju 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet – Tqassim tas-suq – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Ksur uniku u kontinwu – Kunċett ta’ impriża – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 – Gravità – Tul”

Fil-Kawżi magħquda T-208/08 u T-209/08,

Gosselin Group NV, li kienet Gosselin World Wide Moving NV, stabbilita f’Deurne (il-Belġju), irrappreżentata minn F. Wijckmans u S. De Keer, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-208/08,

Stichting Administratiekantoor Portielje, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l‑Baxxi), irrappreżentata minn D. Van hove, avukat,

rikorrenti fil-Kawża T-209/08,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5810 finali, tal-24 ta’ Lulju 2009, kif ukoll, sussidjarjament, talba għall‑annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1.     Is-suġġett

1        Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 188 p. 16), Gosselin Group NV ipparteċipat f’akkordju fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet, b’mod dirett u indirett, it-tqassim tas-suq u l‑manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti. Il-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej issostni li l-akkordju tħaddem għal kważi 19-il sena (minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003). Il-membri tiegħu ffissaw il-prezzijiet, ippreżentaw kwotazzjonijiet foloz (magħrufa bħala “kwotazzjoni ta’ konvenjenza”, iktar ’il quddiem il-“KTK”) lill-klijenti u għamlu tajjeb għal xulxin fil-każ ta’ offerti miċħuda permezz ta’ sistema ta’ kumpensi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kummissjonijiet”).

2.     Ir-rikorrenti

2        Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑208/08, Gosselin Group (iktar ’il quddiem “Gosselin”) twaqqfet fl-1983 u topera taħt dan l-isem mill-20 ta’ Diċembru 2007. 92 % tal‑azzjonijiet ta’ Gosselin huma miżmuma mir-rikorrenti fil-Kawża T‑209/08, Stichting Administratiekantoor Portielje (iktar ’il quddiem “Portielje”), u 8 % huma miżmuma minn Vivet en Gosselin NV. 99.87 % ta’ din tal-aħħar tappartjeni lil Portielje, fondazzjoni li ma teżerċita l-ebda attività kummerċjali u li tlaqqa’ flimkien azzjonisti membri tal-istess familja sabiex tiġi żgurata l-għaqda fit‑tmexxija.

3        Matul is-sena li ntemmet fit-30 ta’ Ġunju 2006, Gosselin kellha dħul mill-bejgħ dinji kkonsolidat ta’ EUR 143 639 000 u Portielje kellha dħul mill-bejgħ dinji kkonsolidat ta’ EUR 0.

3.     Il-proċedura amministrattiva

4        Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess minħabba li kellha informazzjoni li tindika li xi kumpanniji Belġjani attivi fis‑settur tal-ġarr internazzjonali kienu involuti fi ftehim li huma suxxettibbli li jaqgħu taħt il-projbizzjoni fl-Artikolu 81 KE.

5        Għalhekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), twettqu verifiki għand Allied Arthur Pierre NV, Interdean NV, Transworld International NV u Ziegler SA f’Settembru 2003. Insegwitu għal dawn il-verifiki, Allied Arthur Pierre ressqet applikazzjoni għal immunità jew tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002”). Allied Arthur Pierre ammettiet il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, elenkat il‑kompetituri involuti, b’mod partikolari kompetitur li preċedentement ma kienx magħruf mill‑Kummissjoni, u ssottomettiet dokumenti li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet orali tagħha.

6        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), diversi talbiet bil-miktub, għal informazzjoni, ġew indirizzati lill-impriżi involuti fil-ftehim antikompetittiv, kif ukoll lil organizzazzjoni professjonali. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lil numru ta’ kumpanniji. Id-destinatarji kollha wieġbu. Ir-rappreżentanti tagħhom, ħlief għal dawk ta’ Amertranseuro International Holdings Ltd, ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje, ta’ Team Relocations Ltd u ta’ Trans Euro Ltd, invokaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Ġew mogħtija aċċess mis-6 sad-29 ta’ Novembru 2006. Is-seduta saret fit-22 ta’ Marzu 2007.

7        Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Marzu 2008.

4.     Id-deċiżjoni

8        Il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji tad-Deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jew inżammu responsabbli ta’ dan. Il-parteċipanti fl-akkordju ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003. Bħala riżultat, huma wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

9        Skont il-Kummissjoni, is-servizzi kkonċernati jinkludu kemm il-ġarr ta’ beni ta’ persuna fiżika, li huma individwi jew impjegati ta’ impriża jew ta’ istituzzjoni pubblika, kif ukoll il-ġarr ta’ beni ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Dan il-ġarr huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju huwa l-punt ta’ oriġini jew id-destinazzjoni. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-kumpanniji internazzjonali tal-ġarr inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju jsir fil-Belġju, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju bħala li kien il-Belġju.

10      Id-dħul mill-bejgħ kollu tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002. Billi hija qieset li d-daqs tas-settur huwa ta’ madwar EUR 83 miljun, il-parti tas-suq tal-kumpanniji involuti ġie stabbilit għal madwar 50 %.

11      Il-Kummissjoni tiddikjara li, b’mod partikolari, l-akkordju kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin u sabiex fl-istess ħin, jew iktar tard, jitqassam is-suq f’modi differenti: ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (il-KTK) u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

12      Il-Kummissjoni tqis li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-kummissjonijiet u l-KTK ġew introdotti. Kummissjoni hija element moħbi fil-prezz finali li l-konsumatur kellu jħallas mingħajr ma jirċievi xi benefiċċju ekwivalenti. Fil-fatt, din tirrappreżenta somma ta’ flus li l-kumpannija tal-ġarr li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali għandha tħallas lill-kompetituri li ma jiksbux il-kuntratt, kemm jekk dawn ikunu ressqu offerta jew jekk ikunu astjenew milli jagħmlu dan. Din għalhekk hija tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpanniji tal-ġarr li ma jiksbux il-kuntratt. Il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti. Il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika għandha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

13      Il-membri ta’ dan l-akkordju kkooperaw ukoll sabiex jippreżentaw KTK, li jħallu lill-klijenti jaħsbu, jiġifieri dawk li qed iħallsu għall-ġarr, li huma jistgħu jagħżlu skont kriterji bbażati fuq il-kompetizzjoni. KTK hija kwotazzjoni inkorretta mogħtija lill-klijent jew lill-persuna li ser iġġorr permezz ta’ kumpannija tal-ġarr li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-ġarr. Billi tipprovdi KTK, il-kumpannija tal-ġarr li riedet tirbaħ il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li talbet għal KTK”) kienet tiżgura li l-istituzzjoni jew l-impriża tirċievi numru ta’ kwotazzjonijiet, kemm direttament jew indirettament permezz tal-persuna li bi ħsieba ġġorr. Għal dan il-għan, il-kumpannija li talbet għal KTK tindika lill-kompetituri l-prezz, ir-rati ta’ assigurazzjoni u l-ispejjeż għall-ħażna li huma kellhom jitolbu għas-servizz. Dan il-prezz ogħla mill-prezz propost mill-kumpannija li talbet għal KTK, kien sussegwentement indikat fil-KTK. Skont il-Kummissjoni, billi l-persuna li bi ħsieba ġġorr normalment tagħżel il-kumpannija tal-ġarr li toffri l-iktar prezz baxx, il-kumpanniji involuti fl-istess ġarr internazzjonali, fil-prinċipju jafu minn qabel liema minnhom tista’ tirbaħ il-kuntratt għal dan il-ġarr.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-prezz mitlub mill-kumpannija li talbet għal KTK jista’ jkun ogħla milli kieku kien ikun għaliex il-kumpanniji l-oħra involuti fl-istess ġarr ippreżentaw KTK li inkludew prezz speċifikat mill-kumpannija li talbet għal KTK. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, għal posta elettronika interna ta’ Allied Arthur Pierre, datata 11 ta’ Lulju 1997 li tgħid: “[I]l-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli”. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ KTK lill-klijenti kienet manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’mod li l-prezzijiet fl-offerti kienu deliberatament ogħla mill-prezz tal-kumpannija li talbet għal KTK, u għola milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

15      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003. Hija tqis li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

16      Għalhekk, fl-aħħar nett il-Kummissjoni adottat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni, fejn l-Artikolu 1 huwa fformulat hekk kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [CE] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura tas-sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

c)      [Gosselin], mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002; flimkien ma’ [Portielje], mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 4.5 miljun lil Gosselin, li EUR 370 000 minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Portielje.

18      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

19      Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2009) 5810 finali li temenda d-Deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku impost lil Gosselin u lil Portielje. Konsegwentement, il-multa imposta lil Gosselin ġiet imnaqqsa għal EUR 3.28 miljun, li EUR 270 000 minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Portielje.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikorsi ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi T‑208/08 u T‑209/08 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ April 2010.

23      Fil-Kawża T‑208/08, Gosselin titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni fil-parti indirizzata kontriha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, fil-parti indirizzata kontriha, sa fejn il-ksur kontinwu li jikkonċernaha mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002 huwa kkunsidrat, u tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2, sa fejn huwa indirizzat kontriha, b’mod konformi mat-tul hekk adattat;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni, fil-parti indirizzata kontriha, u konsegwentement tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Fil-Kawża T‑209/08, Portielje titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni fil-parti li tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni, fil-parti li tikkonċernaha, u konsegwentement tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Fil-Kawżi T‑208/08 u T‑209/08, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tagħhom, eventwalment flimkien ma’ parti xierqa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

 Id-dritt

26      Gosselin tressaq tliet motivi għall-annullament tad-Deċiżjoni u t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa. Portielje, li ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala l-kumpannija parent ta’ Gosselin, tressaq żewġ motivi addizzjonali relatati mal-kunċett ta’ impriża u mar-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn Gosselin. Għall-bqija, il-motivi mressqa minn Portielje huma identiċi għal dawk invokati minn Gosselin.

27      Bħala osservazzjoni preliminari dwar it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, Portielje tinnota li l-atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ġew mwettqa biss minn Gosselin u li hija nnifisha ma tistax tinżamm responsabbli ħlief jekk Gosselin tinżamm responsabbli taħt id-dritt tal-kompetizzjoni.

1.     Fuq l-ewwel u t-tieni motivi ta’ Portielje, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

28      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Portielje ssostni li ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju. Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija ssostni li hija ma tistax tinżamm bħala responsabbli in solidum għall-atti mwettqa minn Gosselin.

 L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Portielje

29      Portielje targumenta li hija ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, billi hija ma teżerċita l-ebda attività ekonomika. F’dan ir-rigward hija tindika li hija ma topera fuq l-ebda suq ta’ prodotti jew servizzi u li hija biss trustee tal-azzjonijiet li qabel kienu miżmuma mill-azzjonisti tal-familja stess. Dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jiġu ppreżentati fi kwalunkwe suq għan-negozju tagħhom u Portielje lanqas ma tipproponi li b’xi mod tmexxi l-azzjonijiet ta’ terzi. Għalhekk, is-“stichting” (fondazzjoni) Portielje ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji jew għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fil-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dan isegwi, skont Portielje, li ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ kumpannija parent/sussidjarja bejnha u Gosselin.

30      Fir-replika, Portielje tqis li dan il-motiv huwa pjuttost distint mit-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ Portielje għal ksur mwettaq minn Gosselin.

31      Fir-rigward ta’ din it-tieni domanda, Portielje targumenta li l-impożizzjoni ta’ aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha għandu dejjem jiddependi fuq il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ tmexxija. Madankollu, hija qatt ma eżerċitat xi influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali jew strateġika ta’ Gosselin. L-ewwel nett, hija tosserva li l-bord tagħha (bestuur) iltaqa’ għall-ewwel darba fil-5 ta’ Novembru 2004, jiġifieri żmien twil wara li ntemm il-ksur. Fin-nuqqas ta’ laqgħa tal-bord tagħha matul il-perijodu inkwistjoni, huwa fiżikament impossibbli għal Portielje li teżerċita influwenza fuq Gosselin. It-tieni nett, l-unika attività ta’ Portielje kienet tikkonsisti f’li jiġi eżerċitat id-drittijiet tal-vot marbuta mal-azzjonijiet inkwistjoni matul il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin. Il-possibbiltà biss (indirettament) sabiex Portielje tinfluwenza l-politika ta’ Gosselin kien għalhekk l-użu tad-drittijiet tagħha li tivvota fil-laqgħa ġenerali ta’ dik il-kumpannija. Madankollu, huwa stabbilit li matul il-perijodu rilevanti (mill-1 ta’ Jannar sat-18 ta’ Settembru 2002), ma nżammet l-ebda laqgħa tal-azzjonisti ta’ Gosselin. It-tielet nett, Portielje bl-ebda mod ma kellha influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin matul il-perijodu inkwistjoni. Il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin kienu diġà diretturi qabel ma’ Portielje, bħala trustee, kisbet l-azzjonijiet ta’ Gosselin.

32      Konsegwentement, Portielje tqis li, anki jekk il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-preżunzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-parteċipazzjoni 100 % (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, T‑354/94, Ġabra p. II‑2111, punt 79), din għandha tkun miċħuda minħabba fid-data stabbilita.

33      Fir-replika tagħha, hija żżid li l-bordijiet tad-diretturi ta’ Portielje u ta’ Gosselin huma biss parzjalment komposti mill-istess membri. Minn sitt persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Portielje, huma biss nofs dawn li jservu wkoll fuq il-bord ta’ Gosselin. Barra minn hekk, Portieltje aġixxiet skont l-istatuti tagħha, minħabba li r-rapport annwali tas-sena 2002 ġie stabbilit permezz tal-kitba.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

34      Il-Kummissjoni spjegat li r-raġuni għalfejn tikkunsidra lil Portielje bħala responsabbli konġunta għall-atti mwettqa minn Gosselin hija fl-eżistenza ta’ rabtiet importanti ta’ natura organika u funzjonali bejn dawn iż-żewġ entitajiet. Madankollu, hija ma kkunsidratx lil Portielje bħala impriża fiha nnifisha, iżda pjuttost bħala komponent tal-impriża li wettqet il-ksur. Is-separazzjoni formali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet, li jirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma jistax jipprekludi l-unità fl-aġir tagħhom fis-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

35      Il-Kummissjoni tiddikjara li hija bbażat primarjament ir-responsabbiltà konġunta ta’ Portielje fuq preżunzjoni ta’ prova, dedotta mill-fatt li din l-entità kellha kważi il-kapital kollu ta’ Gosselin. Il-pretensjoni ta’ Portielje, li tgħid li l-bord tad-diretturi tagħha ltaqgħu għall-ewwel darba biss fil-5 ta’ Novembru 2004, wara li ntemm il-ksur, tmur kontra t-testi tal-istatuti tagħha stess. Barra minn hekk, dan il-fatt ma jfissirx li Portielje ma eżerċitax influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali jew strateġika ta’ Gosselin. Anki fin-nuqqas tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi tagħha, hija setgħet teżerċita influwenza diretta fuq din il-politika, minħabba li t-tliet membri prinċipali tal-bord tagħha fl-istess ħin kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

36      Minkejja li l-Kummissjoni ttrattat iż-żewġ motivi ta’ Portielje flimkien, huwa meħtieġ li dawn jiġu eżaminati separatament.

 Fuq l-ewwel motiv

37      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Portielje ssostni li ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-Artikolu 81 KE kif ukoll l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 japplikaw biss għall-aġir tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59).

38      Madankollu, il-Kummissjoni stess tammetti, fir-risposta tagħha, li Portielje ma hijiex “impriża fiha nnifisha”.

39      Ċertament, il-Kummissjoni qed tallega wkoll li Portielje hija “komponent tal-impriża li wettqet il-ksur” u li s-separazzjoni formali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet, li jirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma jistax jipprekludi l-unità fl-aġir tagħhom fis-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan ir-raġunament jgħaqqad żewġ kunċetti distinti, jiġifieri dak ta’ impriża u dak tal-impożizzjoni ta’ aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha.

40      Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ impriża, meta fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem li jfisser unità ekonomika mill-perspettiva tal-għan tal-ftehim ikkonċernat, anki jekk mill-perspettiva ġuridika din l-unità ekonomika hija magħmula minn numru ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11). Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed biex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi attribwit lill-kumpannija parent, b’mod partikolari ladarba s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 26).

41      Fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, huwa madankollu stabbilit li l-kumpannija parent kienet impriża, anki jekk hija ma kinitx ipparteċipat fl-aġir issanzjonat. Il-kunċett ta’ unità ekonomika, li jista’ jinkludi diversi entitajiet legali distinti, ġie introdott sabiex jippermetti li jattribwixxu l-aġir ta’ entità ġuridika (is-sussidjarja) lil oħra (il-kumpannija parent) u mhux sabiex issostni l-kwalità tal-kumpannija parent. Il-kunċett ta’ unità ekonomika konsegwentement ma jistax iwarrab in-nuqqas ta’ kwalità ta’ impriża tal-kumpannija parent.

42      Minn dan isegwi li l-kumpannija parent ta’ impriża li tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE, jekk din ma tkunx hija stess impriża.

43      Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk Portielje hijiex kumpannija.

44      Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi, skont il-ġurisprudenza, kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21).

45      F’dan il-każ, hija biss il-kwistjoni dwar jekk Portielje twettaqx attività ekonomika li hija kkontestata.

46      Huwa stabbilit li Portielje ma eżerċitatx attività ekonomika diretta. F’dan ir-rigward, hija indikat li ma topera fuq l-ebda suq ta’ prodotti jew servizzi, li hija biss trustee tal-azzjonijiet li qabel kienu miżmuma mill-azzjonisti tal-familja stess, li dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jiġu ppreżentati fi kwalunkwe suq għan-negozju tagħhom u li hija lanqas ma tipproponi li b’xi mod tmexxi l-azzjonijiet ta’ terzi. Il-Kummissjoni ma kkontestatx dawn il-pretensjonijiet.

47      Madankollu, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tafferma li, indirettament, Portielje tipparteċipa fl-attività ekonomika ta’ Gosselin. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li entità li għandha kontroll ta’ parti minn kumpannija u li effettivament teżerċita dan il-kontroll billi tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha, għandha titqies bħala li qed tieħu parti fl-attività ekonomika tal-kumpannija kkontrollata u għalhekk għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, is-sempliċi pussess ta’ azzjonijiet, anki jekk ta’ kontroll, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizzaw attività ekonomika tal-entità li għandha pussess ta’ azzjonijiet, billi dan jagħti biss lok għall-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ membru, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-ġbir ta’ dividendi, sempliċi frott ta’ proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 111 sa 113).

48      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk Portielje kinitx “tindaħal direttament jew indirettament” fit-tmexxija ta’ Gosselin. Din il-problema hija simili ħafna għal dik fuq il-kriterju determinanti fit-tieni motiv, dwar l-attribuzzjoni lil Portielje tal-aġir ta’ Gosselin. Fil-fatt, jekk wieħed jassumi li Portielje hija impriża, sabiex l-aġir ta’ Gosselin jista’ jiġi attribwiti lilha, jibqa l-fatt li jrid jiġi eżaminat jekk eżerċitatx influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Kuntrarjament għal dak li hija għamlet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni tal-aħħar (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxitx preżunzjoni konfutabbli ta’ “interferenza” fis-sens tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 47 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’din is-sentenza, hija sempliċement tipprovdi gwida lill-qorti tar-rinviju sabiex din tkun tista’ tevalwa, minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’din il-kawża, interferenza possibbli fil-fondazzjonijiet bankarji fit-tmexxija ta’ dawn il-kumpanniji bankarji. Għalhekk, f’dan il-każ, l-oneru tal-prova ta’ “interferenza” huwa għall-Kummissjoni.

49      F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-Kummissjoni sempliċement osservat li Portielje għandha kważi l-kapital kollu ta’ Gosselin u li t-tliet membri ewlenin tal-bord tagħha kienu wkoll membri tal-bord ta’ diretturi ta’ Gosselin. Fi kliem ieħor, hija rreferiet biss għall-argumenti strutturali, li huma relatati wkoll mal-kunċett – distint – tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Hija madankollu ma ressqet l-ebda prova konkreta li turi li Portielje kienet effettivament involuta fit-tmexxija ta’ Gosselin.

50      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx li Portielje kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li, għalhekk, hemm lok li l-motiv imressaq minn din ir-rikorrenti għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv

51      Sussidjarjament, għandu jiġi eżaminat, jekk wieħed jassumi li Portielje hija impriża, jekk l-aġir ta’ Gosselin jista’ jiġi attribwit lilha minħabba li eżerċitat “influwenza determinanti” fuq din tal-aħħar.

52      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tgħid li fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal‑kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l‑imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l‑aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50). Għaldaqstant hija l‑kumpannija parent li, quddiem il‑qorti Komunitarja, tkun qegħda tikkontesta deċiżjoni tal‑Kummissjoni li timponi fuqha multa għall‑aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha, li għandha tikkonfuta din il‑preżunzjoni billi tressaq provi li juru l‑awtonomija ta’ din tal‑aħħar (ara s-sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, Portielje għandha kważi l-kapital kollu ta’ Gosselin. Madankollu, hija effettivament irnexxilha tirribatti l-preżunzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq Gosselin.

54      L-ewwel nett, Portielje tqis li l-bord tad-diretturi tagħha ltaqa’ għall-ewwel darba fil-5 ta’ Novembru 2004, u għalhekk iktar minn sentejn wara t-tmiem tal-ksur, fit-18 ta’ Settembru 2002. Il-Kummissjoni ssostni li, billi Portielje twaqqfet f’Ġunju 2001 u li l-istatuti tagħha jipprovdu għal mill-inqas laqgħa waħda kull sena tal-bord tad-diretturi, tali aġir imur kontra t-test tal-istatuti tagħha stess. Madankollu, il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ Gosselin lill-fondazzjoni seħħ biss fil-11 ta’ Diċembru 2002. Barra minn hekk, l-Artikolu 5.2 tal-Istatut ta’ Portielje jippermetti wkoll teħid ta’ deċiżjonijiet bil-miktub. Skont Portielje, li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, qabel il-laqgħa tal-5 ta’ Novembru 2004, każ bħal dan seħħ biss darba, jiġifieri fl-10 ta’ Marzu 2003 għar-rapport annwali tas-sena 2002. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li Portielje aġixxiet skont l-istatuti tagħha u li kemm il-proċedura bil-miktub tal-10 ta’ Marzu 2003 kif ukoll il-laqgħa formali tal-5 ta’ Novembru 2004 kienu miżmuma wara t-tmiem tal-ksur. L-eżerċizzju minn Portielje ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha huwa għalhekk eskluż għal din ir-raġuni biss.

55      It-tieni nett, l-unika attività ta’ Portielje tikkonsisti f’li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot marbuta mal-azzjonijiet inkwistjoni matul il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin. L-unika possibbiltà għal Portielje sabiex tinfluwenza l-politika ta’ Gosselin kien għalhekk li tagħmel użu minn dawn id-drittijiet għall-vot fil-laqgħa ġenerali ta’ din tal-aħħar. Madankollu, huwa stabbilit li matul il-perijodu rilevanti (l-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002), ma seħħet l-ebda laqgħa tal-azzjonisti ta’ Gosselin.

56      It-tielet nett, Portielje tqis li hija ma kellha ebda influwenza fil-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin matul il-perijodu inkwistjoni. Il-Kummissjoni ssostni li, anki fin-nuqqas tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi tagħha, Portielje kellha l-opportunità li teżerċita influwenza diretta fuq il-politika kummerċjali u strateġika ta’ Gosselin, għaliex it-tliet membri prinċipali tal-bord tad-diretturi tagħha kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin. Madankollu, Portielje ġustament osservat li l-bord tad-diretturi tagħha u dak ta’ Gosselin huma biss parzjalment komposti mill-istess membri. Mis-sitt persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Portielje, nofs biss kienu wkoll fuq il-bord ta’ Gosselin. Matul il-perijodu inkwistjoni, Portielje ma biddlitx il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin. Il-bord tad-diretturi ta’ Gosselin kienu diġà diretturi tal-kumpannija qabel Portielje kisbet l-azzjonijiet ta’ Gosselin, bħala trustee. Dan juri li l-preżenza tagħhom fuq il-bord tad-diretturi ma hijiex espressjoni ta’ influwenza ta’ Portielje.

57      Barra minn hekk, il-pretensjoni li tgħid li tliet persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, iżda li jikkostitwixxu biss nofs il-bord tad-diretturi ta’ Portielje, jeżerċitaw kontroll fuq Gosselin mhux fil-kapaċità tagħhom bħala diretturi iżda permezz tal-influwenza eżerċitata minn Portielje fil-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-Kummissjoni tammetti li jkun “ferm artifiċjali” li d-diretturi prinċipali ta’ Portielje, jeżerċitaw influwenza, permezz tal-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin, fuq il-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, korp li jippresjedu fih huma stess. Fi kwalunkwe każ, identiċità parzjali fil-membri tal-bord tad-diretturi ma jimplikax li l-kumpanniji kollha li fihom tliet membri tal-bord ta’ Gosselin f’dan l-istess rwol għandhom jiġu kkunsidrati, għaldaqstant, bħala kumpanniji parent ta’ Gosselin. F’dan il-każ, it-tliet diretturi ta’ Gosselin kienu fost il-proprjetarji ta’ Portielje, li kien strument għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jassumi li dawn it-tlieta min-nies mhux biss aġixxew bħala diretturi ta’ Gosselin, ikun iktar probabbli li jkunu aġixxew fl-interessi tagħhom stess.

58      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Portielje pprovdiet provi li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Gosselin, li fil-fatt hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza. Għaldaqstant, hija rnexxielha tikkonfuta din il-preżunzjoni li tirriżulta mis-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq.

59      Minn dan isegwi li hemm lok li l-ewwel u t-tieni motiv ta’ Portielje għandhom jiġu milqugħa u li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata f’dak illi jirrigwarda din ir-rikorrenti.

2.     Fuq it-tielet motiv ta’ Portielje u l-ewwel motiv ta’ Gosselin, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

60      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti, Portielje u Gosselin jikkontestaw l-argument li l-prattiki tagħhom wasslu għal restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jikkontestaw l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ restrizzjoni sinjifikattiva ta’ kompetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

61      Il-rikorrenti jaffermaw li Gosselin bl-ebda mod ma kienet involuta fil-ftehim fuq il-prezzijiet u li għalhekk ma hijiex imsemmija fil-premessi tad-Deċiżjoni dwar dan. Gosselin ma tikkontestax li f’numru ta’ każijiet, hija rċeviet jew ħallset kummissjonijiet u li dan kien xi tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpannija tal-ġarr li ma kinitx kisbet il-kuntratt. Madankollu, hija targumenta li hija rċeviet kummissjonijiet biss għal dak il-ġarr li għalih hija kienet effettivament ippreżentat kwotazzjoni. Għalhekk, fir-rigward ta’ Gosselin, is-sistema tal-kummissjonijiet ma kinitx tmur id f’id ma’ sistema ta’ tqassim ta’ klijenti. Bl-istess mod, hija lanqas ma applikat prezzijiet minimi.

62      Gosselin ma tikkontestax li talbet u pprovdiet KTK iżda hija tgħid li dawn il-KTK kienu ġiet mitluba jew maħruġa meta hija ħasset li ma setgħetx tirbaħ il-kuntratt inkwistjoni. Gosselin issostni li hija ma kinitx taf bi KTK li ġew mitluba jew maħruġa mingħajr mal-klijent li kien bi ħsiebu juża’ s-servizzi ta’ ġarr – li kien diġà għamel għażla favur kumpannija partikolari – ma jkun talab dan. Hija qatt ma ħarġet kummissjonijiet u KTK għall-istess ġarr.

63      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni ma tipprovax li l-kummissjonijiet u l-KTK kellhom effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni sinjifikattiva. Barra minn hekk, huma jsostnu li Gosselin ma tistax tinżamm responsabbli għal aġir li ma kellhiex. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li Gosselin ma pparteċipat fl-ebda laqgħa tal-akkordju u li hija ma kinitx taf bil-ftehim fuq il-prezzijiet.

64      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma kinitx marbuta li turi l-eżistenza effettiva ta’ effetti antikompetittivi. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-pretensjonijiet tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li – kuntrarjament għal dak li t-titolu tagħha tissuġġerixxi – l-ewwel parti tal-motiv ma tirreferix għall-prinċipju de minimis, jiġifieri għall-fatt li l-ftehim ta’ importanza minuri jevitaw il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, billi dawn jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod insinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, Ġabra p. 337, 360, u tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7), jew għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata magħha, jiġifieri n-notifika dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (de minimis) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malt, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125).

66      Ir-rikorrenti jinvokaw pjuttost in-nuqqas ta’ provi ta’ effetti antikompetittivi, fil-fatt ta’ kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, huma jikkontestaw ir-responsabbiltà ta’ Gosselin għall-aġir li skontha ma seħħx.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni

67      Sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw il-kwalifika tal-kummissjonijiet u tal-KTK bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-prattiki kienu maħsuba għat-tqassim tal-klijenti u sabiex jiġu mmanipulati l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti, jiġifieri żewġ restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, sabiex jistabbilixxu KTK, l-impriżi tal-ġarr ikkonċernati kienu jiskambjaw informazzjoni, bħad-data eżatta u d-dettalji tal-ġarr li għandu jitwettaq u l-prezz ta’ dan is-servizz, sabiex il-kumpannija li toħroġ KTK deliberatament tirrinunzja għal kompetizzjoni reali mal-impriża li tkun talbet din il-kwotazzjoni. Ir-riżultat kien sistema sofistikata li tinvolvi żieda artifiċjali fil-prezzijiet.

68      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni weriet fid-Deċiżjoni, għall-persuna li qed iġġorr, l-interess li tirċievi KTK jinsab fil-fatt li hija ma għandhiex għalfejn tistaqsi għall-istabbiliment ta’ numru offerti. Jekk il-ġarr huwa mħallas minn min iħaddem, huwa improbabbli li din il-persuna mbagħad ser tmur għand kumpanniji oħra tal-ġarr għal kwotazzjonijiet realistiċi. B’hekk, l-impriża mitluba kwotazzjoni ma għandhiex għalfejn tistenna l-ebda kompetizzjoni minn impriżi oħra tal-ġarr involuti fl-akkordju b’mod li tista’ tapplika prezzijiet ogħla. L-istituzzjoni jew l-impriża li tħallas il-ġarr ma tistax tgawdi milll-kompetizzjoni, minkejja li kien preċiżament għalhekk li hija talbet għall-kwotazzjoni. Din il-konklużjoni tirriżulta b’mod espliċitu mill-posta interna ta’ Allied Arthur Pierre, iċċitata fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, fejn jirriżulta li “il-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

69      Bl-istess mod, il-kummissjonijiet inevitabbilment żiedu l-livell tal-prezzijiet, minħabba li l-ispejjeż iġġenerati minnhom ġew mgħoddija lill-klijenti. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, dawn il-prattiki kienu hekk imfassla sabiex joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

70      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-persuna li bi ħsieba ġġorr u li tkun f’kuntatt mal-fornitur ma hijiex il-klijent reali tal-kumpanniji tal-ġarr. Fil-premessa 264 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tinnota li hija l-impriża jew l-istituzzjoni pubblika li tħallas il-ġarr li tagħżel il-kumpannija tal-ġarr. Huwa preċiżament sabiex ifittxu l-għażla li ħafna kumpanniji u istituzzjonijiet pubbliċi jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ numru ta’ offerti. Għalhekk, l-argumenti li l-KTK kienu maħruġa b’risposta għat-talba li kien hemm fis-suq, jew li kienu jiġu ippreżentati biss wara li l-“klijent” kien għamel l-għażla tiegħu, għandhom jiġi miċħuda.

71      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma jistax jintlaqa’.

–       Fuq il-prova ta’ effetti antikompetittivi

72      F’dak li jirrigwarda l-prova ta’ effetti antikompetittivi, għandu jiġi osservat li, b’mod ġenerali, l-evalwazzjoni ta’ ftehim taħt l-Artikolu 81(1) KE għandu jikkunsidra l-kuntest reali li jeffettwa, u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tas-servizzi koperti minn dan il-ftehim kif ukoll il-kundizzjonijiet operattivi attwali u l-istruttura tas-suq rilevanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998 European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament osservat, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim ma huwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 30). Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ ftehim taħt l-Artikolu 81(1) KE ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li jeffettwa, jekk dan jirrigwarda ftehim li jkollu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq jew il-kontroll tas-swieq (ara, f’dan is-sens, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 136).

74      F’dan il-każ, il-prattiki ta’ Gosselin jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprova effetti antikompetittivi.

–       Fuq ir-responsabbiltà għall-ftehim bil-miktub

75      Ir-rikorrenti jsostnu li Gosselin ma tistax tinżamm responsabbli għal atti li ma pparteċipatx fihom.

76      F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li Gosselin ipparteċipat fi tnejn mit-tliet prattiki deskritti fid-Deċiżjoni, jiġifieri l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-ftehim fuq il-KTK. Madankollu, hija qatt ma pparteċipat fil-ftehim bil-miktub fuq il-prezzijiet. Madankollu, jekk impriża involuta fi ksur minħabba f’aġir tagħha, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, dan huwa minnu biss għall-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 83). Għalhekk, Gosselin ma tistax tinżamm responsabbli għal aġir li waqaf qabel l-adeżjoni tagħha għall-akkordju.

77      Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat ksur ta’ Gosselin fl-Artikolu 81(1) KE għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002. Għalhekk, fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni fl-akkordju, il-Kummissjoni kkunsidrat kif dovut il-fatt li hija pparteċipat fl-akkordju mill-1992. Fir-rigward tal-gravità, il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-punti 134 et seq iktar ’il quddiem.

78      Għal din l-istess raġuni, l-allegazzjoni ta’ Gosselin li tgħid li hija ma kinitx taf bil-ftehim bil-miktub hija nieqsa minn kull rilevanza, billi l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha, tikkunsidraha bħala responsabbli tal-ksur minn din id-data.

79      Dwar il-KTK u l-kummissjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li Gosselin bilfors kellha tkun taf bl-aġir illegali ta’ parteċipanti oħra, billi dawn iż-żewġ prattiki kienu bbażati kull darba fuq il-kooperazzjoni reċiproka ma’ msieħba differenti. Fil-fatt, din is-sistema kienet ibbażata fuq il-prinċipju “do ut des” sa fejn kull impriża li tħallas kummissjoni jew KTK kienet mistennija, fil-futur, tibbenefika minn din l-istess sistema u tikseb kummissjonijiet jew KTK. Għaldaqstant, dawn il-mekkaniżmi ma kinux iżolati iżda kumplimentari.

80      Konsegwentement, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

 L-argumenti tal-partijiet

81      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-provvista ta’ servizzi, li jimplika li l-proprjetà tal-klijent taqsam il-fruntiera, ma tistax tiġi assimilata mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni ta’ prodotti.

82      Insegwitu, ir-rikorrenti jikkontestaw l-pretensjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-dħul mill-bejgħ tal-partijiet jaqbeż, bis-servizzi inkwistjoni, il-limitu ta’ EUR 40 miljun ipprovdut fil-paragrafu 53 tal-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2004”). Huma b’mod partikolari jinnotaw li l-bejgħ totali msemmi fil-punt 540 huwa ta’ EUR 21 323 734, jew kważi nofs dan il-limitu. Fir-rigward tal-limitu ta’ 5 % tal-parti tas-suq, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, meta l-Kummissjoni tixtieq tinvoka l-parti tas-suq hija għandha tiddefinixxi s-suq rilevanti. Madankollu, id-Deċiżjoni tagħti “deskrizzjoni tas-suq”, iżda ma toffri l-ebda analiżi jew raġunament li jippermetti li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni b’mod ġuridikament korrett. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw ukoll li huma ma setgħu josservaw l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-influwenza, sinjifikattiva jew le, fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, bejn il-perijodu preċedenti u l-perijodu sussegwenti għall-ksur.

83      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni ma taqbilx mal-metodu ta’ ħidma deskritt fil-paragrafi 78 sa 82 tal-linji gwida tal-2004, li speċifikament jindirizzaw il-qagħda tas-sitwazzjoni tal-akkordji li jkopru Stat Membru wieħed.

84      Fir-rigward tal-limiti previsti fil-linji gwida tal-2004, il-Kummissjoni tinnota li dawn tal-aħħar stabbilixxew preżunzjoni pożittiva konfutabbli li l-effett fuq il-kummerċ huwa sinjifikattiv meta d-dħul mill-bejgħ akkumulat jeċċedi EUR 40 miljun jew meta s-suq akkumulat huwa ta’ iktar minn 5 %. Skont il-Kummissjoni, il-parteċipanti fl-akkordju kisbu, fl-2002, dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ madwar EUR 41 miljun fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali. Barra minn hekk, ibbażat fuq kontrolli ta’ kemm dan is-suq huwa estiż, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-parti tas-suq totali tal-parteċipanti fl-akkordju kien ta’ madwar 50 %. Min-naħa l-oħra, il-premessa 540 tad-Deċiżjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża.

85      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li jekk ir-rikorrenti jiddubitaw l-eżattezza tal-kalkolu tas-suq akkumulat ta’ madwar 50 %, dawn ma jikkontestawx li din il-parti tas-suq kienet iktar minn 5 %. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddefinixxi s-suq billi kkonstatat li l-ftehim kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq komuni u li kien, minn natura, suxxettibbli li jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

86      Fir-rigward, l-ewwel nett, l-ilmenti meħuda fid-dawl tad-differenza possibbli fis-servizzi ta’ ġarr internazzjonali u fl-attivitajiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ beni, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-differenzi ma humiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “kummerċ bejn Stati Membri” huwa kunċett wiesa’ li jinkludi kull attività ekonomika. Anki ftehim li jkopru biss it-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1981, Züchner, 172/80, Ġabra p. 2021, punt 18, u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-aħħar sitwazzjoni hija espliċitament imsemmija fil-paragrafi 78 sa 82 tal-linji gwida tal-2004. Filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida tagħha stess f’dan ir-rigward, huma madankollu ma jispeċifikawx l-allegat ksur ta’ dawn ir-regoli.

87      Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq u, konsegwentement, tal-allegazzjoni tagħha li l-limiti previsti fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004 kienu sodisfatti, huwa irrilevanti.

88      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

89      Ċertament, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn turi l-effetti antikompetittivi reali tal-ftehim jew tal-prattiki li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, u sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 30, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punti 12 sa 15 ).

90      Xorta jibqa’ l-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk l-effett tal-akkordju fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni ma jkunx “sinjifikattiv”. Fil-fatt, ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 81(1) KE, meta ma jkunx jillimita l-kompetizzjoni jew jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri biss b’mod insinjifikattiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja LTM, punt 65 iktar ’il fuq; Völk, punt 65 iktar ’il fuq, punt 7, u tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 u 17; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003 CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 207).

91      Konsegwentement, l-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq f’Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE hija imposta lill-Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax teffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 230).

92      Issa, hija l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, peress li d-definizzjoni u d-daqs tas-suq kif ukoll tal-partijiet tas-suq miżmuma huma effettivament sempliċi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il‑Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punt 75).

93      Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex tistabbilixxi l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, fuq il-linji gwida tagħha tal-2004 li jindikaw limiti minimi għall-partijiet tas-suq u għad-dħul mill-bejgħ kkonsolidati tal-impriżi kkonċernati. Issa, skont il-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 5 % tal-partijiet tas-suq previst fil-paragrafi 52 u 53 tagħhom timplika determinazzjoni minn qabel tas-suq inkwistjoni.

94      Konsegwentement, l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni, evalwazzjoni żbaljata tad-daqs tiegħu kif ukoll tal-partijiet tas-suq tal-impriżi kkonċernati, sa fejn jirreferu għall-evalwazzjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u b’mod partikolari għal-limitu ta’ 5 %, huma irrilevanti.

95      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, jekk ir-rikorrenti jikkontestaw il-preċiżjoni tal-kalkolu tal-parti tas-suq akkumulat ta’ madwar 50 %, dawn ma jikkontestawx espliċitament li din il-parti tas-suq hija iktar minn 5 %. Minħabba li fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux iqegħdu fid-dubju l-konstatazzjoni tagħha li dan l-aġir illegali huwa suxxettibbli li jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Ir-rikorrenti jinnnotaw li meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq parti mis-suq, hija għandha tfisser b’mod ekonomikament sostanzjat is-suq rilevanti. Għalhekk, huma jikkontestaw, indirettament, il-qbiż tal-limitu ta’ 5 %.

96      Għalhekk, jaqbel li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, fid-Deċiżjoni, effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

–       Fuq in-natura transkonfinali

97      Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li n-natura transkonfinali tal-ġarr kienet tkun biżżejjed sabiex tistabbilixxi effett fuq il-kummerċ. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din in-natura, li ma hijiex ikkontestata, ma hijiex biżżejjed minnha nnifisha sabiex turi n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

98      Fil-fatt, kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament suxxettibbli li jeffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jispiċċa mingħajr valur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li anki fil-każ ta’ ksur minħabba l-għan, huwa neċessarju li l-ksur ikun suxxettibbli li jeffettwa l-iskambji intra-Komunitarji b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, dan jirriżulta mil-linji gwida tal-2004, peress li l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-paragrafu 53 tagħhom, tapplika biss għall-ftehim jew għall-prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jeffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

99      Matul is-seduta, il-Kummissjoni għaldaqstant invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1987, Vereniging van Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801), sabiex issostni t-teżi tagħha li tgħid li n-natura transkonfinali tal-ġarr kienet tkun biżżejjed minnha nnifisha sabiex il-kompetenza tagħha tkun fondata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza, u b’mod partikolari l-punt 18 tagħha, ma tidħolx fil-problema tan-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ. Fil-fatt, dan it-terminu lanqas biss huwa msemmi f’din is-sentenza.

100    Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni ma tinkludi l-ebda motiv li huwa bbażat unikament fuq in-natura transkonfinali tal-ġarr inkwistjoni. B’mod partikolari, kemm mill-formulazzjoni tagħha kif ukoll mill-kuntest jirriżulta li l-premessa 372 tad-Deċiżjoni, li ma ssemmix is-sentenza van Vlaamse Reisbureaus, punt 99 iktar ’il fuq, ma hijiex intiża sabiex turi n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ.

–       Fuq il-limitu ta’ EUR 40 miljun

101    Fir-rigward tal-limitu ta’ EUR 40 miljun, previst fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, ir-rikorrenti ġustament iqisu li hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala subkuntrattur u d-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala kumpannija li jkollha l-kontroll ta’ ġarr internazzjonali. Fil-fatt, sabiex ma tiġix inkluża darbtejn l-istess ċifra fil-kalkoli tal-bejgħ ikkonċernati, huwa meħtieġ li jitnaqqas mid-dħul mill-bejgħ imwettaq bis-servizzi inkwistjoni d-dħul mill-bejgħ mwettaq bħala subkuntrattur. Jekk ma jsirx dan, għal ġarr wieħed, din l-aħħar ċifra tkun inkluża l-ewwel darba fid-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija li tikkontrolla s-servizz u t-tieni darba fid-dħul mill-bejgħ tas-subkuntrattur. Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ tas-subkuntrattur ma twettaqx fuq is-suq tas-servizzi ta’ ġarr intiżi għall-konsumatur finali.

102    L-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessa 530 tad-Deċiżjoni sabiex tiġġustifika l-għażla tagħha li teskludi dawn il-bejgħ mill-kuntest tal-kalkolu tal-multa huwa barra minn hekk konvinċenti. Għaldaqstant, hija ma tistax tispjega għalfejn jaqbel li tiġi inkluża darbtejn l-istess ċifra fil-kalkolu tad-daqs tas-suq sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ. Dan il-kalkolu u dak tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju huma vvizzjati bi żball manifest.

103    Din il-konklużjoni hija sostnuta mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi orali u bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

104    Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ipprovat targumenta abbażi tal-paragrafu 54 tal-linji gwida tal-2004. Issa, din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex teskludi l-bejgħ bejn kumpanniji tal-istess grupp imma mkien ma tikkunsidra l-kwistjoni tas-subkuntrattar. B’mod partikolari din ma tistax tkun il-bażi għall-argument kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni jidher li ssostni.

105    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni fir-risposta tagħha bil-miktub li l-approċċ tagħha ma jwassalx “neċessarjament” għal kalkolu doppju tal-istess ġarr, peress li, minn naħa, ċertu numru ta’ kumpanniji Belġjani tal-ġarr ma kinux parti mill-akkordju, u, min-naħa l-oħra, is-subkuntratti kienu f’ċertu każijiet isiru f’isem kumpanni barranin tal-ġarr. Il-Kummissjoni għalhekk impliċitament tikkonċedi li għall-każijiet l-oħra dan l-approċċ wassal sabiex jiġu inklużi darbtejn id-dħul mill-bejgħ imwettqa bħala subkuntrattur. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm kalkolu doppju fir-rigward tas-subkuntrattar li sar bejn żewġ parteċipanti fil-kartell. Barra minn hekk, hija ammettiet li jekk il-metodoloġija tagħha tiġi korretta fuq dan il-punt, il-limitu ta’ EUR 40 miljun ma jibqax milħuq.

106    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-limitu ta’ EUR 40 miljun kien intlaħaq f’dan il-każ.

–       Fuq il-limitu ta’ 5 %

107    Fir-rigward tal-limitu ta’ 5 %, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiddefinixxi s-suq sabiex tkun tista’ ssostni l-qbiż tiegħu.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kalkolu ta’ parti tas-suq jimplika, bħala loġika preliminari, id-definizzjoni ta’ dan is-suq. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali diġà rrelevat fil-punt 50 iktar ’il fuq), il-paragrafu 55 tal-linji gwida tal-2004 jirrikonoxxi espliċitament li “[s]abiex jiġi applikat il-limitu ta’ parti mis-suq, huwa neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni, li jinkludi s-suq tal-prodotti inkwistjoni u s-suq ġeografiku inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan l-obbligu jirriżulta b’mod iktar ċar minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan il-punt (pereżempju bl-Ingliż: “it is necessary” u bil-Ġermaniż: “muss”).

109    Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li, billi adottat tali regoli ta’ kondotta u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211).

110    Issa, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu fil-paragrafu 55 tal-linji gwida tal-2004. Fil-kitbiet tagħha u waqt is-seduta, hija insistiet mhux biss fuq il-fatt li ma kellhiex obbligu tiddefinixxi s-suq ikkonċernat imma wkoll li ma kinitx għamlet dan. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-limitu ta’ 5 % intlaħaq, bħala prinċipju, ma għandhiex tintlaqa’.

111    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni madankollu stabbiliet kif meħtieġ mil-liġi li t-tieni kundizzjoni alternattiva intiża fil-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004 kienet sodisfatta.

112    Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet, fil-premessi 88 sa 94 tad-Deċiżjoni, deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika. Għalhekk, il-Kummissjoni ddelimitat b’mod preċiż is-servizzi kkonċernati kif ukoll is-suq. Il-Qorti Ġenerali tqis li tali deskrizzjoni tas-settur tista’ tkun biżżejjed sa fejn hija ddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-pretensjonijiet bażiċi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti il-limitu ta’ 5 %.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju. Il-Kummissjoni rrelevat ġustament li l-akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur tal-ġarr internazzjonali lejn jew mill-Belġju. Fil-fatt, il-ġarr inkwistjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq jew il-punt ta’ destinazzjoni, li l-kumpanniji tal-ġarr kollha inkwistjoni kienu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju kienet issir fil-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tagħha d-daqs tas-suq kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji barranin fuq dan is-suq.

114    It-tieni nett, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat id-daqs tas-suq għal EUR 83 miljun u l-parti tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju għal madwar 50 %. Dawn iċ-ċifri għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni C (2009) 5810 (punt 19 iktar ’il fuq) u l-esklużjoni tal-bejgħ li sar b’subkuntratt (punt 102 iktar ’il fuq), li jwassal, skont il-Kummissjoni, għal dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ iktar minn EUR 20 miljun u parti mis-suq akkumulat ta’ madwar 30 %. Din il-parti tas-suq għaldaqstant tinsab dejjem lil hinn mil-limitu ta’ 5 %.

115    It-tielet nett, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, Gosselin ikkonstatat hi stess, matul is-seduta, li, sabiex il-limitu ta’ 5 % ma jinqabiżx, id-daqs tas-suq għandu jkun ħafna ikbar. Fil-fatt, id-daqs tas-suq għandu jkun ta’ iktar minn EUR 400 miljun. Issa, l-unika possibbiltà sabiex wieħed jasal għal tali daqs tas-suq hija li wieħed jitlaq minn suq ħafna ikbar minn dak tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, suq li għaldaqstant ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni.

116    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li, eċċezzjonalment, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004 mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida.

117    Fl-aħħar nett, kif irrelevat ġustament il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

118    Minn dak kollu msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, għandu jiġi miċħud.

119    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.     Fuq ir-raba’ motiv ta’ Portielje u t-tieni motiv ta’ Gosselin, dwar tnaqqis tal-multa

120    Dan il-motiv jinqasam f’erba’ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 23(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida tal-2006 fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Il-partijiet l-oħra jirrigwardaw ksur ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet meta jkun iddeterminat it-tul tal-ksur (it-tieni parti, invokata biss minn Gosselin), meta jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (rispettivament, it-tieni u t-tielet parti) u meta jiġu miċħuda ċ-ċirkustanzi attenwanti (rispettivament, it-tielet u r-raba’ parti).

 Fuq il-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti jsostnu li hemm distinzjoni kwalitattiva importanti bejn il-kumpanniji tal-ġarr li pparteċipaw fl-akkordju “klassiku” fuq il-prezz, li kien assoċjat mal-laqgħat u l-ftehim bil-miktub, u l-kumpanniji l-oħra (bħal Gosselin) li ma kinux involuti fil-kummissjonijiet u l-KTK. Il-ftehim “klassiku” pprovda qafas għall-aġir fis-suq tal-parteċipanti fl-akkordju filwaqt li l-kummissjonijiet u l-KTK ġew applikati fuq bażi ta’ każ każ.

122    Madankollu, il-Kummissjoni applikat l-istess rata ta’ 17 % għall-kumpanniji kollha involuti, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni każ b’każ u billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, kif previst fil-paragrafu 20 tal-linji gwida tal-2006. Għalhekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li għall-inqas tiffissa, il-perċentwali rilevanti għall-kalkolu tal-multa għal livell inqas minn 17 %.

123    Skont il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti jistrieħ fuq l-idea żbaljata li l-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK huma inqas gravi mill-ftehim dwar il-prezzijiet minimi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

124    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ u li hemm distinzjoni kwalitattiva importanti bejn l-akkordju fuq il-prezzijiet u l-prattiki l-oħra.

–       Fuq l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal‑kawża

125    Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jingħad li, fil-premessa 542 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li ftehim jew prattiki miftiehma jimplikaw it-tip ta’ restrizzjoni kkonstatata f’dan il-każ jistgħu jiġi kkwalifikati, sempliċement abbażi tan-natura intrinsika tagħhom, bħala “gravi ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn estensjoni ġeografika jew impatt partikolari. Insostenn ta’ din il-pretensjoni, il-Kummissjoni tiċċita, kemm fid-Deċiżjoni kif ukoll fid-difiża, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni (T‑241/01, Ġabra p. II‑2917).

126    F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-gravità kellha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, li l-gravità tal-ksur setgħat tiġi stabbilita b’referenza għan-natura u tal-għan tal-aġir abbużiv, u li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li elementi li jiffurmaw parti mill-iskop ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tagħhom (ara l-punt 83 tas-sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    F’dan il-każ, il-ksur kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq. Tali ksur evidenti tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, min-natura tiegħu, partikolarment gravi.

128    Barra minn hekk, kuntrarjament għal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 171) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”), il-linji gwida “multi” tal-2006 lanqas ma jsemmu n-neċessità, sabiex tiġi evalwata l-gravita, li tittieħed inkunsiderazzjoni “il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra”, u lanqas “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

129    Issa, il-linji gwida tal-2006 jipprovdu espliċitament, fil-paragrafu 20, li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-linji gwida tal-2006 wasslu għal bidla fundamentali ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni fi tliet kategoriji (“ftit gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tħassret u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jkun iffissat għal livell li jista’ jilħaq sa 30 %” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (paragrafu 21 tal-linji gwida).

130    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u għalhekk tiddetermina r-rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Għalhekk, il-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-parti tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

131    Din id-diffikultà li jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment meħud għal livell li jinsab “fl-għoli tal-iskala”. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %.

132    F’dan il-każ, ma hemmx lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni f’dan ir-rigward minħabba l-fatt li r-rata ta’ 17 % ġiet stabbilita sempliċement abbażi tan-natura intrinsikament gravi tal-ksur. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk għandha tinżamm ir-rata iktar għolja. F’dan ir-rigward, Gosselin ċertament ma ssostnix li l-Kummissjoni kellha tadotta rata iktar għolja u l-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti Ġenerali żżid l-ammont tal-multa.

133    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq id-determinazzjoni astratta tal-gravità tal-ksur għandha tiġi miċħuda

–       Fuq l-allegata distinzjoni kwalitattiva importanti

134    F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq allegata distinzjoni kwalitattiva importanti bejn l-akkordju fuq il-prezzijiet u l-prattiki l-oħra, ilment li jsostni l-ħames motiv ta’ Portielje bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, jipprojbixxi mhux biss li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Christ-Clemen et vs Il‑Kummissjoni, 91/85, Ġabra p. 2853, punt 10, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I‑2681, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni effettivament ma ttrattatx b’mod differenti l-parteċipanti fl-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat, imma applikat rata uniformi ta’ 17 % lill-impriżi kollha kkonċernati. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan l-approċċ minħabba l-fatt li dan huwa ksur uniku u kontinwu.

136    Għalhekk tqum il-problema dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza, kellhiex raġun il-Kummissjoni tirrinunċa għal kull differenzjazzjoni bejn il-parteċipanti għall-ksur u għal kull teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur imwettaq minn Gosselin.

137    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 150). Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 119).

138    Barra minn hekk, min-numru kbir ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-gravità tal-ksur għandha tkun suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, il-fatti partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106; sentenza Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punti 83 et seq). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li impriża ma pparteċipatx għall-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti fejn hi pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, skont il-każ, tad-determinazzjoni tal-multa (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 429, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Madankollu, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjoni tal-fatti individwali jsir mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri meta jsir l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, imma fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punti 100 et seq, ikkonfermata fl-appell fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

140    Din il-ġurisprudenza hija konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi, it-terminu “gravità” intuża b’mod ġenerali sabiex jiddeskrivi l-intensità tal-ksur, u mhux fis-sens tekniku tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet ħielsa li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tal-“gravità” fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti u mhux fil-kuntest tal-“gravità” fis-sens tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

141    Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-evalwazzjoni tal-gravità dwar il-parteċipazzjoni għal ksur uniku u kontinwu mwettqa minn diversi impriżi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fir-rigward tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”), li l-gravità dwar il-parteċipazzjoni għall-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eventwali applikazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 27). Fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu, il-kunċett ta’ “ksur”, hekk kif użat fil-linji gwida tal-1998, jirreferi għalhekk għall-ksur globali li jimplika diversi impriżi, u l-“gravità” ta’ dan il-ksur uniku hija l-istess għall-parteċipanti kollha.

142    Is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, tikkonċerna l-linji gwida tal-1998. Il-linji gwida tal-2006, hekk kif diġà ssemma fil-punt 129 iktar ’il fuq, wasslu għal bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. L-ewwel nett, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“ftit gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet. Is-sistema attwali, li tinkludi skala li tmur minn 0 sa 30 %, tippermetti differenzjazzjoni iktar fina skont il-gravità tal-ksur.

143    It-tieni nett, l-ammonti fil-forma ta’ somma f’daqqa ġew aboliti. Minn dak iż-żmien, l-ammont bażiku huwa kkalkolat skont il-valuri tal-bejgħ, imwettaq minn kull impriża individwali, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur. Dan il-metodu ġdid jippermetti għalhekk li tittieħed inkunsiderazzjoni iktar faċilment l-estensjoni tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull impriża għall-ksur fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħha. Hija tippermetti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni eventwali tnaqqis tal-gravità ta’ ksur uniku fiż-żmien.

144    It-tielet nett, matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li fil-prattika deċiżjonali tagħha, hija ma kinitx neċessarjament tapplika rata unika għall-parteċipanti kollha għal tali ksur. Fil-fatt, fid-deċiżjonijiet “Candle waxes”, C (2008) 5476, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xama’ għal xemgħa), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-4 ta’ Diċembru 2009 (ĠU C 295, p. 17), u “Heat stabilisers”, C (2009) 8682, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.589 – Stabilizzanti għas-sħana), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tat-12 ta’ Novembru 2010 (ĠU C 307, p. 9), il-Kummissjoni applikat żewġ rati differenti għad-diversi kategoriji ta’ partiċipanti għall-akkordji inkwistjoni skont il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur. B’mod partikolari, f’dan l-aħħar każ, ġiet stabbilita rata iktar għolja għall-impriżi li kienu pparteċipaw mhux biss għall-iffissar tal-prezzijiet iżda wkoll għat-tqassim tal-klijentela u/jew tas-suq.

145    Madankollu, il-metodoloġija l-ġdida ma timponix tali approċċ. Għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq tindika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tal-ksur u l-fatti partikolari tal-kawża, il-Kummissjoni xorta tista’, skont il-linji gwida tal-2006, tipproċedi għal tali kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew l-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. Fil-każ fejn dan l-aħħar approċċ huwa użat mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti għandha għaldaqstant tippermetti kunsiderazzjoni adegwata tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni għal ksur uniku, kif ukoll eventwali varjazzjoni ta’ din il-gravità fiż-żmien.

146    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat rata unika ta’ 17 % għall-impriżi kollha inkwistjoni. Sa fejn Gosselin issostni li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha hija inqas importanti minn dik ta’ impriżi oħra involuti u li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi speċifiċi jew inabitwali, l-argument tagħha żviluppat insostenn ta’ din l-allegazzjoni għandu għalhekk jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ilmenti bbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti mill-Kummissjoni.

147    Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti ta’ Gosselin fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ parti. (punti 181 et seq iktar ’il quddiem).

 Fuq it-tul tal-ksur

148    Din il-parti tal-motiv hija invokata biss minn Gosselin.

 L-argumenti tal-partijiet

149    Gosselin nnutat li l-Kummissjoni espressament tirrikonoxxi, fil-premessa 379 tad-Deċiżjoni, li l-fajl ma fih l-ebda dokument li jipprova l-implementazzjoni minnha tal-ftehim antikompetittivi għall-perijodu li jkopri iktar minn tliet snin sħaħ, jiġifieri mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996.

150    Skont Gosselin, dan in-nuqqas ta’ prova ma jistax jitwarrab permezz tal-pretensjoni li tirrigwarda ksur uniku u kontinwu, jew li hija fl-ebda ħin ma weriet nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ dan il-ksur. Fir-rigward tal-ewwel pretensjoni, hija ssostni li dan il-fatt ma ċċaħħadx lill-Kummissjoni mill-oneru tal-prova konkreta tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Gosselin. Fir-rigward tat-tieni pretensjoni, Gosselin targumenta li l-ġurisprudenza invokata fid-Deċiżjoni, li tgħid li l-impriża kkonċernata għandha turi b’mod miftuħ u inekwivoku nuqqas ta’ qbil mal-ftehim, kien dejjem marbut ma’ ftehim “klassiċi”, li fihom jinżammu laqgħat multilaterali u li matulhom jiġu speċifikati b’mod espliċitu għanijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għalhekk, din il-ġurisprudenza mhux applikabbli għal Gosselin, li ma ħadet sehem fl-ebda laqgħa tal-akkordju. Fl-aħħar nett, Gosselin tinnota li perijodu ta’ tliet snin huwa partikolarment twil u li għalhekk ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ kontinwità murija fir-rigward tagħha.

151    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fir-rigward ta’ Gosselin, il-fajl ma fih l-ebda dokument dwar każijiet speċifiċi ta’ kummissjonijiet u KTK matul il-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996, iżda hija temmen li tista’ tiġi dedotta l-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fl-akkordju matul dan il-perijodu, permezz ta’ indizji oġġettivi u konsistenti. Hija tosserva li dan huwa perijodu intermedju u li Gosselin ma kinitx definittivament għalqet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Ottubru 1993. Jirriżulta wkoll mill-provi disponibbli li l-attività tal-akkordju, bħala tali, baqa’ ma nbidilx matul il-perijodu inkwistjoni u ma ġiex sospiż. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssib li Gosselin ma tiddistakkax ruħha pubblikament u b’mod inekwivoku mill-akkordju fil-bidu tal-perijodu kkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

152    Essenzjalment, Gosselin ssostni li matul il-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkontestat”), hija ma pparteċipatx fl-akkordju u li, għalhekk, il-multiplikatur li jinkludi n-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għandu jiġi mnaqqas.

153    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li l-oneru tal-prova dwar il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE huwa għall-Kummissjoni u li din għandha tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 62).

154    B’mod partikolari, dan huwa l-każ fir-rigward tal-provi li jirrigwardaw it-tul tal-ksur, kriterju li l-piż tiegħu ġie msaħħaħ b’mod kunsiderevoli fil-linji gwida tal-2006. Fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata tipproduċi provi relatati ma’ fatti li huma qrib biżżejjed fiż-żmien sabiex jista’ jkun raġonevolment ammess li dan il-ksur kompla b’mod kontinwu bejn dawn iż-żewġ dati speċifiċi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    F’dan il-każ, huwa stabbilit li ma hemm ebda prova dokumentata għall-perijodu kkontestat.

156    Madankollu, il-Kummissjoni invokat, fid-Deċiżjoni u fin-noti tagħha, ġurisprudenza li, sabiex ittemm ir-responsabbiltà tagħha, l-impriża għandha turi b’mod miftuħ u inekwivoku nuqqas ta’ qbil mal-ftehim, b’mod li l-parteċipanti l-oħra jkunu konxji tal-fatt li hija ma għadhiex tappoġġja l-għanijiet ġenerali tal-akkordju.

157    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’laqgħat multilaterali, hija din l-impriża li trid tressaq indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bi ħsieb differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 81, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 155).

158    Madankollu, din il-ġurisprudenza tirrigwarda akkordji li fil-kuntest tagħhom isiru laqgħat multilaterali, u waqt liema l-għanijiet antikompetittivi ġew diskussi. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-punt 82 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt huwa li, wara li pparteċipat f’laqgħat bħal dawn mingħajr ma weriet pubblikament nuqqas ta’ qbil mal-kontenut tagħhom, l-impriża tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija taqbel ma’ dan u li hija kienet ser tikkonforma. Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Gosselin ma pparteċipatx f’laqgħat bħal dawn.

159    Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproduċi l-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Gosselin, mingħajr ma tkun tista’ tibbenefika mit-tħaffif tal-oneru tal-prova li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

160    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-perijodu kkontestat, l-indizji invokati mill-Kummissjoni ma jipprovawx biżżejjed il-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fl-akkordju.

161    L-ewwel nett, sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-perijodu kkontestat huwa perijodu intermedjarju u li Gosselin ma temmietx definittivament il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Ottubru 1993, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa inerenti għall-fatt li huwa interruzzjoni. Is-sempliċi fatt li Gosselin pparteċipat fl-akkordju kemm qabel kif ukoll wara l-perijodu kkonċernat huwa irrilevanti. Barra minn hekk, il-fatt li Gosselin hija meqjusa responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ftehim biss sat-18 ta’ Settembru 2002, id-data tal-aħħar prova dokumentata, għalkemm l-akkordju kien eżista sa Settembru 2003, juri li huwa possibbli li ttemm il-parteċipazzjoni f’akkordju anki fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espliċita.

162    It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li Gosselin pparteċipat fl-istess prattiki antikompetittivi anki wara Novembru 1996 kif ukoll qabel Ottubru 1993 u li ebda bidla ma seħħet bejn dawn iż-żewġ dati, fl-aġir tagħha fi ħdan l-akkordju. Madankollu, peress li l-modus operandi tal-akkordju ma nbidilx matul il-perijodu kkontestat, il-parteċipazzjoni ta’ Gosselin tista’ biss tkun fl-istess forma bħal qabel.

163    It-tielet nett, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 274 tad-Deċiżjoni, li l-fatt biss li ma jidhirx KTK wieħed fil-fajl tagħha ma jfissirx li qatt ma ġiet stabbilita kwotazzjoni. Il-provi tal-fajl jindikaw li xi KTK kienu kultant mibgħuta direttament lill-persuna li kienet qed iġġorr. Skont din il-premessa, fajl intern ta’ Allied Arthur Pierre dwar ġarr minn Brussell (il-Belġju) għal Lisbona (il-Portugall) jindika li intalbu KTK lil Gosselin u lil Ziegler. Barra minn dan, huwa ppreċiżat li Gosselin “illum bagħat il-KTK bil-posta [u li] l-klijent ġie avżat”. Madankollu, dan il-ġarr seħħ fl-1998, u għalhekk seħħ wara l-perijodu kkontestat.

164    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li ma kienx hemm indizji oħra li juru l-involviment ta’ Gosselin matul il-perijodu kkontestat.

165    Il-ħames nett, fir-rigward tat-tul tal-perijodu kkontestat, għandu jingħad li l-kwistjoni dwar jekk dan il-perijodu huwa jew le twil biżżejjed sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata fl-astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 89 et seq).

166    F’dan il-każ, jirriżulta mit-tabella Nru 3 fil-premessa 280 tad-Deċiżjoni li l-impriżi kkonċernati kienu normalment f’kuntatt diversi drabi fis-sena sabiex jistabbilixxu KTK jew iħallsu kummissjonijiet. Fil-fatt, il-fatt li dawn il-prattiki kienu bbażati fuq il-prinċipju “do ut des” (ara l-punt 79 iktar ’il fuq) kien jeħtieġ ċerta kontinwità fil-kooperazzjoni fi ħdan il-kartell. It-tul tal-perijodu li matulu Gosselin ma kienx ipparteċipa f’dawn il-prattiki huwa iktar minn tliet snin. Peress li dak iż-żmien jaqbeż sewwa l-intervalli li fihom l-impriżi involuti normalment, billi jistabbilixxu KTK jew billi jħallsu kummissjonijiet, jimmanifestaw ir-rieda tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ressqitx provi dwar avvenimenti li kienu qrib biżżejjed sabiex tkun tista’ raġonevolment tassumi li l-ksur kontinwu seħħ mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996.

167    Is-sitt nett, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-karattru uniku u kontinwu tal-ksur. Madankollu, hekk kif tistqarr Gosselin, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ provi dokumentati għall-perijodu inkwistjoni ma jistax jitwarrab permezz tal-pretensjoni fil-premessa 380 tad-Deċiżjoni li tgħid li l-akkordju inkwistjoni huwa ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, tali konstatazzjoni ma tippermettix ir-responsabbiltà ta’ Gosselin għat-tul kollu tal-akkordju. Għalhekk, il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006 ma jirreferix għat-tul tal-ksur, iżda għat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur. Għalhekk, jibqa’ meħtieġ li jiġi ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni individwali fl-akkordju, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

168    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li t-tieni parti tal-motiv, li tirriżulta minn determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, għandha tiġi milqugħa u li, għalhekk, jeħtieġ li tiġi annullata d-Deċiżjoni sa fejn din tqis ir-responsabbiltà ta’ Gosselin għall-involviment tagħha fl-akkordju matul il-perijodu kkontestat. Għalhekk, it-tul tal-perijodu kkontestat għandu jitnaqqas mill-perijodu ta’ 10 snin u 7 xhur imsemmi fil-premessa 548 tad-Deċiżjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ Gosselin tkun damet 7 snin u 6 xhur.

169    Fid-dawl tal-fatt li Gosselin bdiet u rrepetiet, wara l-perijodu kkontestat, il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur li hija ma tikkontestax li tirrigwarda l-istess akkordju bħal dak li fih hija kienet ipparteċipat qabel l-interruzzjoni, il-preskrizzjoni skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma japplikax f’dan il-każ. Madankollu, id-Deċiżjoni imposta għandha tinbidel sabiex l-ammont tal-multa imposta lil Gosselin tieħu inkunsiderazzjoni t-tul effettiv tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din il-bidla se jiġu spjegati fil-punt 175 iktar ’il quddiem.

 Fuq il-valur tal-bejgħ li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

170    Ir-rikorrenti jsostnu li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni titlaq minn ammont żbaljat f’termini ta’ valur tal-bejgħ. Dan l-iżball huwa dovut għall-fatt li s-sena finanzjarja ta’ Gosselin ma taqbilx mas-sena kalendarja. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tieħu bħala “l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006) l-aħħar sena finanzjarja qabel it-tmiem tal-ksur. Hekk kif mid-deċiżjoni jirriżulta li t-18 ta’ Settembru 2002 hija d-data tat-tmiem tal-ksur, l-aħħar sena finanzjarja hija dik mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002 (li tikkorrispondi għal dħul mill-bejgħ ta’ EUR 1 607 946.90) u mhux is-sena finanzjarja mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2001, sena finanzjarja li ġiet ikkunsidrata fid-Deċiżjoni.

171    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-linji gwida tal-2006 ma jipprovdux risposta sħiħa għall-kwistjoni ta’ liema data għandha ġeneralment tieħu bħala punt tat-tluq. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002 ikun aħjar, bħala sena ta’ referenza, minn dik użata fid-Deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

172    Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5810 li temenda d-Deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ li għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Gosselin u Portielje (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala s-sena ta’ referenza l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002, u għalhekk dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ EUR 1 607 946. Għalhekk, il-multa imposta lil Gosselin ġiet imnaqqsa għal EUR 3.28 miljun li EUR 270 000 minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Portielje.

173    Sa fejn il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-merti tat-tielet parti ta’ dan il-motiv u konsegwentement hija bidlet id-Deċiżjoni, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-parti tal-motiv.

174    Billi t-tul tal-ksur diġà ġie mnaqqas għal 7 snin u 6 xhur (ara l-punt 169 iktar ’il fuq), l-ammont tal-multa imposta fuq Gosselin irid jiġi imnaqqas għal EUR 2.32 miljun (dħul mill-bejgħ korrett, immultiplikat b’0.17 u b’7.5, flimkien mal-ammont addizzjonali bħala dissważjoni).

 Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

175    Ir-rikorrenti jqisu li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tiċħad b’mod żbaljat l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-parteċipazzjoni mnaqqsa u mar-rwol minuri ta’ Gosselin. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma jsostnu li Gosselin ma kinitx involuta fil-ħolqien tal-akkordju u li hija ma ħaditx sehem fil-ftehim fuq il-prezzijiet. L-allegat involviment tagħha fil-ftehim fir-rigward tal-kummissjonijiet kien limitat ħafna u sporadiku.

176    It-tieni nett, huma jemmnu li d-Deċiżjoni bl-ebda mod ma turi li Gosselin kienet taf jew kellha tkun taf, li l-azzjonijiet tagħha kienu parti minn pjan globali u li dan il-pjan globali kien jinkludi l-elementi kollha li jiffurmaw l-akkordju. Barra minn hekk, huma jikkontestaw li r-responsabbiltà eventwali għal akkordju kollu huwa suffiċjenti biex tiġi miċħuda ċirkustanza attenwanti li titlaq mir-rwol ferm limitat ta’ impriża speċifika.

177    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi responsabbli għall-ġarr ta’ kumpanniji u ta’ istituzzjonijiet kienu jafu bil-KTK u ħejjew mod sabiex ilestu r-reġistri amministrattivi dwar il-ġarr faċilment. Billi din hija prattika li l-kumpanniji tal-ġarr involuti ma żammewx sigrieta, is-servizzi inkarigati mill-ġarr kienu jafu bl-eżistenza tal-KTK. F’dak li jirrigwarda Gosselin, il-fajl fih eżempju relatat ma’ uffiċjal Komunitarju li kellu s-setgħa li jiffirma għal ġarr internazzjonali u li kien talab KTK.

178    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

179    Jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni ma kkunsidrat l-ebda ċirkustanza attenwanti. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li Gosselin ma kinitx involuta fil-ħolqien tal-akkordju u li ma ħaditx sehem fil-ftehim fuq il-prezzijiet (l-ewwel ilment), li Gosselin ma kinitx taf li l-aġir tagħha kien parti minn pjan globali (it-tieni lment), u li xi uffiċjali tal-Kummissjoni kienu jafu bil-prattika tal-KTK (it-tielet ilment).

–       Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti

180    L-ewwel nett, fir-rigward tal-pretensjoni li tgħid li Gosselin ma kinitx involuta fil-ħolqien tal-akkordju u li hija ma pparteċipatx fil-ftehim bil-miktub, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parteċipazzjoni tagħha fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet li ġiet iddokumentata hija tal-1992, meta effettivament dawn il-prattiki ġew mibdija fis-snin 80. Madankollu, dan il-fattur huwa biss rilevanti fil-kuntest ta’ jekk impriża kellhiex rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur, rwol li seta’ jitqies bħala ċirkustanza aggravanti taħt il-paragrafu 28 tal-linji gwida tal-2006. Min-naħa l-oħra, il-fatt li hija ma pparteċipatx b’mod attiv fl-implementazzjoni tal-ftehim antikompetittivi inkwistjoni, fih innifsu, dan ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti

181    It-tieni nett, fir-rigward tan-natura allegatament limitata ħafna tal-parteċipazzjoni ta’ Gosselin għall-ksur, huwa stabbilit li din tal-aħħar qatt ma pparteċipat għall-ftehim bil-miktub dwar l-iffissar tal-prezzijiet jew fil-laqgħat b’għan antikompetittiv.

182    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-impriża kkonċernata għandha “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa” u “turi konsegwentement li, matul il-perijodu li matulu tkun aderiet għall-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija naqset milli effettivament tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

183    Madankollu, l-użu tal-espressjoni “bħal” tindika li l-lista ta’ ċirkustanzi elenkati fil-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tar-raba’ motiv ta’ Portielje u tat-tieni motiv ta’ Gosselin, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni jew le ta’ impriża għall-elementi kostituttivi kollha tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk mhux fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tal-inqas fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. Fil-fatt, dan l-obbligu kien wieħed mir-raġunijiet li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ma jikkontradixxix il-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 84). L-uniċi kriterji stabbiliti fit-tielet inċiż ta’ dan il-paragrafu 29 ma humiex suxxettibbli li jiggarantixxu din il-possibbiltà. Konsegwentement, jaqbel li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.

184    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-ksur inkwistjoni evolva matul iż-żmien. Il-ftehim bil-miktub ġew applikati matul l-ewwel fażi tal-ksur mill-1984 sal-bidu tas-snin 90 u sussegwentement ġew abbandunati. It-tieni fażi tal-ksur hija kkaratterizzata mir-rikors għal KTK u għall-kummissjonijiet. Konsegwentement, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006 jista’, bħala regola, jinbidel matul iż-żmien. Dan il-fatt jista’ wkoll jiġġustifika nuqqas fil-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

185    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġir li pparteċipat fih Gosselin ma jirrappreżentax ksur inqas gravi mill-ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet jew l-iffissar ad hoc ta’ prezzijiet għall-ġarr partikolari. Fil-fatt, kuntrarjament għall-pretensjonijiet ta’ Gosselin, il-KTK u l-kummissjonijiet ukoll kellhom effetti fuq il-prezzijiet (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-fatt li Gosselin ma pparteċipatx fil-laqgħat b’għan antikompetittiv, li ma kinux iktar organizzati fiż-żmien li fiha hija kienet tagħmel parti mill-akkordju, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, billi l-akkordju ħadem permezz ta’ mekkaniżmi li kienu jirrendu tali laqgħat inutli.

186    Minn dan isegwi li kellha raġun il-Kummissjoni tiffissa rata unika għat-tul kollu tal-ksur uniku u kontinwu u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni fiż-żmien ta’ dan il-ksur bħala ċirkustanza attenwanti.

187    It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li responsabbiltà eventwali għal ksur uniku u kontinwu ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi miċħuda ċirkustanza attenwanti rigward ir-rwol limitat ta’ impriża speċifika, għandu jiġi kkunsidrat li din il-pretensjoni hija eżatta. Madankollu, għal Gosselin, il-fatt li ma għandhiex għarfien bil-pjan ġenerali tal-akkordju ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti. Dan l-argument huwa rilevanti jekk ir-rikorrenti bi ħsiebhom jikkontestaw il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, ilment li madankollu huma ma qajmux.

188    Għalhekk huwa meħtieġ li dawn l-ilmenti ma jintlaqgħux.

–       Fuq it-tielet ilment

189    F’dak illi jirrigwarda l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni kienet taf bil-prattika tal-KTK, għandu jiġi kkonstatat li l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li “[l]-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas […] meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

190    Issa, il-fajl ma jinkludi l-ebda element li juri li l-Kummissjoni, bħala istituzzjoni, awtorizzat, inkoraġġiet jew talbet il-KTK. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda interess tinkoraġġixxi jew tittollera s-sistema tal-KTK, peress li kienet tippreġudika l-interessi tagħha. Il-fatt li ċerti impjegati talbu KTK għal ġarr finalment imħallas mill-Kummissjoni ma jfissirx li l-istituzzjoni kienet taf b’din il-prattika, u lanqas li kienet ħadet sehem fiha, peress li għandha ssir distinzjoni bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni bħala istituzzjoni. Il-persuna li hija f’kuntatt mal-impriża li twettaq il-ġarr ma hijiex il-vera klijent tal-kumpanniji tal-ġarr. Il-klijent hija l-istituzzjoni jew l-impriża li għaliha taħdem din il-persuna u li tħallas l-ispejjeż tal-ġarr.

191    Anki fl-ipoteżi li uffiċjal tal-istituzzjoni talab KTK, Gosselin kellha tkun taf li tali talbiet ma setgħux jiġi fformulati f’isem jew fuq it-talba tal-istituzzjonijiet, peress li kienu manifestament kuntrarji għall-interessi finanzjarji tagħhom. Fil-fatt, il-bżonn li jingħataw żewġ jew tliet kwotazzjonijiet huwa preċiżament intiż sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ minimu ta’ kompetizzjoni u jiġi evitat li impriża ta’ ġarr waħda tkun tista’ tiddetermina unilateralment il-prezz ta’ ġarr.

192    Barra minn hekk, is-sempliċi konoxxenza tal-aġir anitkompetittiv ma jimplikax li dan l-aġir impliċitament “ġie awtorizzat jew inkoraġġut” mill-Kummissjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006. Allegat nuqqas ta’ azzjoni, fil-fatt, ma jistax jiġi mqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament.

193    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Gosselin jikkonċernaw biss il-KTK. Issa, il-prattika tal-KTK hija biss waħda mill-komponenti ta’ ksur uniku u kontinwu. L-argumenti mqajma fl-ebda każ ma jistgħu jiġġustifikaw il-ħlas ta’ kummissjonijiet.

194    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-aħħar parti ta’ dan il-motiv.

4.     Fuq il-ħames motiv ta’ Portielje u t-tielet motiv ta’ Gosselin, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

195    Dan il-motiv huwa invokat sussidjarjament u jinqasam f’żewġ partijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

196    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jqisu li, jekk l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward fil‑kuntest tal-motivi preċedenti ma għandhomx jintlaqgħu, l-Artikolu 2(e) tad‑Deċiżjoni għandu jiġi annullat minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali billi l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tikkunsidra, fid-determinazzjoni tal‑multa, tad-distinzjoni oġġettiva u kwalitattiva bejn l-aġir tagħha u dik tal‑kumpanniji tal-ġarr li pparteċipaw fl-akkordju “klassiku” (Arthur Pierre, Interdean, Transworld u Ziegler).

197    It-tieni nett, jekk l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-motivi preċedenti ma għandhomx jintlaqgħu, dan jimplika, skont ir-rikorrenti, li meta tiddetermina l-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, ġie rriżervat lil Gosselin trattament mhux ugwali, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

198    Il-Kummissjoni tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-motivi preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

199    L-ewwel parti ta’ dan l-aħħar motiv huwa nieqes minn kull dimensjoni awtonoma meta mqabbel mat-tieni motiv ta’ Gosselin. Din diġà ġiet essenzjalment eżaminata (ara l-punti 134 et seq iktar ’il fuq).

200    Billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-merti tat-tielet parti tat-tieni motiv ta’ Gosselin, dwar il-valur tal-bejgħ, ma hemmx iktar il-bżonn li tiġi eżaminata t‑tieni parti ta’ dan il-motiv, li kien tqajjem biss sussidjarjament.

201    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li hemm lok li tannulla d-Deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna lil Portielje (punt 59 iktar ’il fuq) u sa fejn din tikkonstata li Gosselin ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE matul il-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996 (punt 169 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-parti tal-motiv li tirrigwarda l-valur tal‑bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal‑ammont bażiku tal-multa imposta lil Gosselin (punt 174 iktar ’il fuq). L‑ammont ta’ din il‑multa għandu għalhekk jiġi mnaqqas għal EUR 2.32 miljun (punt 175 iktar ’il fuq). Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża T‑208/08 huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

202    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-Kummissjoni tilfet fil-Kawża T‑209/08, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn Portielje. Fil-Kawża T‑208/08, kull parti hija parzjalment telliefa u ġie deċiż li parzjalment ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Għaldaqstant, hemm lok, skont l-Artikolu 87(3) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura, li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha f’din il-kawża.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-Kawża T‑208/08, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), hija annullata sa fejn din tikkonstata li Gosselin Group NV ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE matul il-perijodu mit‑30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996.

2)      L-ammont tal-multa imposta lil Gosselin Group fl-Artikolu 2 tad‑Deċiżjoni C (2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5810 finali, tal-24 ta’ Lulju 2009, hija ffissata għal EUR 2.32 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Fil-Kawża T‑209/08, id‑Deċiżjoni C (2008) 926, kif emendata bid‑Deċiżjoni C (2009) 5810, hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Stichting Administratiekantoor Portielje.

5)      Fil-Kawża T‑208/08, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

6)      Fil-Kawża T-209/08, il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Werrej


Il-fatti

1.  Is-suġġett

2.  Ir-rikorrenti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-deċiżjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi ta’ Portielje, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Portielje

L-argumenti tal-Kummissjoni

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv

2.  Fuq it-tielet motiv ta’ Portielje u l-ewwel motiv ta’ Gosselin, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

Fuq l-allegat nuqqas ta’ restrizzjoni sinjifikattiva ta’ kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-allegat nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni

–  Fuq il-prova ta’ effetti antikompetittivi

–  Fuq ir-responsabbiltà għall-ftehim bil-miktub

Fuq l-allegat nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq in-natura transkonfinali

–  Fuq il-limitu ta’ EUR 40 miljun

–  Fuq il-limitu ta’ 5 %

3.  Fuq ir-raba’ motiv ta’ Portielje u t-tieni motiv ta’ Gosselin, dwar tnaqqis tal-multa

Fuq il-gravità tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal‑kawża

–  Fuq l-allegata distinzjoni kwalitattiva importanti

Fuq it-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-valur tal-bejgħ li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti

–  Fuq it-tielet ilment

4.  Fuq il-ħames motiv ta’ Portielje u t-tielet motiv ta’ Gosselin, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.