Language of document : ECLI:EU:T:2011:509

Kawża T-343/10

Etimine SA u AB Etiproducts Oy

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“Rikors għal annullament — REACH — Identifikazzjoni tal-aċidu boriku u tat-tetraborat tad-diossidju anidrat bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263, TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 7(2) u (3), 31(9)(a), 33, 34(a), 59, u Anness XIV)

L-interess dirett tar-rikorrent, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li ma hijiex indirizzata lilu, tirrikjedi li l-miżura kkontestata tkun tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna u, li hija ma tkun tħalli l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni f’idejn id-destinatarji ta’ din il-miżura li huma fdati bl-implementazzjoni tagħha, peress li hija tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, bil-ħsieb ta’ inklużjoni eventwali tagħhom fil-lista tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, kif emendat, ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ rikorrenti, importatriċi tal-borati, fid-dawl tal-obbligi previsti mill-imsemmi regolament, peress li huwa stabbilit, min-naħa, li l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, ma tikkostitwixxix informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji jew informazzjoni dwar perikli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) tal-imsemmi regolament, b’tali mod li r-rikorrenti ma hijiex obbligata li taġġorna l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata mill-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 u l-Artikolu 34(a) tal-istess regolament.

Barra minn hekk, il-fatt li att jista’ jinfluwenza s-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan jikkonċernah direttament. Sabiex persuna suġġetta għad-dritt Ewropew, li tippretendi li l-att jinfluwenza l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq, tkun tista’ tipprevalixxi ruħha mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hemm bżonn tassattiv tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi. Rikorrenti li ssostni biss li l-klijenti tagħha mhux ser jibqgħu inklinati li jixtru prodotti li jinsabu fil-lista ta’ sustanzi kandidati, ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi speċifiċi.

(ara l-punti 22, 24, 37, 39-41)