Language of document : ECLI:EU:T:2013:38

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

29 ta’ Jannar 2013 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Servizz ta’ shuttle fl-Italja u fl-Ewropa — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Offerta tal-offerent magħżul — Ċaħda ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz”

Fil-Kawżi magħquda T‑339/10 u T‑532/10,

Cosepuri Soc. Coop. pA, stabbilita f’Bologna (l-Italja), irrappreżentata minn F. Fiorenza, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken u S. Gabbi, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck u A.-M. Vandromme, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament marbuta mal-proċedura ta’ sejħa għal offerti CFT/EFSA/FIN/2010/01, dwar servizz ta’ shuttle fl-Italja u fl-Ewropa (ĠU 2010/S 51-074689), u talba għad-danni (Kawża T‑339/10) kif ukoll talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tal-15 ta’ Settembru 2010 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni (Kawża T‑532/10),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’avviż ta’ kuntratt pubbliku ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Marzu 2010 (ĠU S 51), l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) għamlet is-sejħa għal offerti CFT/EFSA/FIN/2010/01, dwar servizz ta’ shuttle fl-Italja u fl-Ewropa (iktar ’il quddiem, is-“sejħa għal offerti”).

2        Skont il-punt IV.2.1 tas-sejħa għal offerti, il-kuntratt kellu jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata skont kriterji msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fl-istedina għal offerti jew għal negozjar jew inkella fid-dokument deskrittiv. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu l-kriterji li ġejjin għall-għoti tal-kuntratt: proposta finanzjarja (50 punt) u kwalità teknika (50 punt). Il-kuntratt kellu jingħata lill-offerta bl-ogħla marka miksuba billi jingħaddu l-marki rigward il-proposta finanzjarja u rigward il-kwalità teknika tal-offerta.

3        Id-data ta’ skadenza għar-riċezzjoni tal-offerti jew tat-talbiet għal parteċipazzjoni ġiet stabbilita għad-19 ta’ April 2010. Ġew ippreżentati erba’ offerti fit-terminu stabbilit, fosthom dik tar-rikorrenti, Cosepuri Soc. Coop. pA.

4        Fil-31 ta’ Mejju 2010, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti (iktar ’il quddiem, il-“kumitat ta’ evalwazzjoni”) ippropona l-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor minflok ir-rikorrenti, li kien kiseb 88.62 punt b’kollox, imqassma kif ġej: 48.62 punt għall-proposta finanzjarja u 40 punt għall-kwalità teknika tal-offerta. Ir-rikorrenti ġiet klassifikata fit-tieni pożizzjoni b’total ta’ 87 punt, imqassma kif ġej: 50 punt għall-proposta finanzjarja u 37 punt għall-kwalità teknika tal-offerta.

5        Fl-istess data tal-31 ta’ Mejju 2010, l-EFSA ddeċidiet li tagħti l-kuntratt lill-offerent li kien ġie propost mill-kumitat ta’ evalwazzjoni (iktar ’il quddiem, l-“offerent magħżul”) u indirizzat ittra lir-rikorrenti, fejn informatha bid-deċiżjoni li ma tagħżilx l-offerta tagħha fil-kuntest tas-sejħa għal offerti. Fl-ittra indirizzata lir-rikorrenti, l-EFSA ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom l-offerta tar-rikorrenti ma ntgħażlitx, u pprovdiet paragun bejn l-offerta tar-rikorrenti u dik tal-offerent magħżul u indikat l-isem ta’ dan tal-aħħar.

6        Fil-11 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti talbet lill-EFSA tagħtiha aċċess għall-fajl marbut mal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

7        L-EFSA rrispondiet għal din it-talba b’ittra mingħajr data, li waslet, skont ir-rikorrenti, fit-termini previsti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Filwaqt li rreferiet għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), l-EFSA qabel kollox ippreċiżat li hija kienet tat lir-rikorrenti, b’ittra tal-31 ta’ Mejju 2010 (ara l-punt 5 hawn fuq), ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent magħżul kif ukoll l-isem ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, b’riferiment għar-Regolament Nru 1049/2001, l-EFSA bagħtet lir-rikorrenti kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul. Min-naħa l-oħra, l-EFSA rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul u tal-offerenti l-oħra sa fejn dan l-aċċess kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, l-EFSA rreferiet għall-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minbarra dan, l-EFSA speċifikat lir-rikorrenti li hija setgħet tindirizzalha talba konfermattiva fi ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jgħoddu mir-riċezzjoni ta’ din l-ittra.

8        Fit-3 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti indikat lill-EFSA l-intenzjoni tagħha li tkun tista’ jkollha aċċess għall-fajl marbut mal-għoti tal-kuntratt, u stabbiliet data u ħin ta’ konsulta għal dan il-għan.

9        Fid-9 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talba tagħha tat-3 ta’ Awwissu 2010 kienet intiża sabiex l-EFSA tirrevedi d-deċiżjoni tagħha li ma tagħtihiex aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti kkontestat ir-rifjut ta’ aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul.

10      Fit-13 ta’ Awwissu 2010, l-EFSA, minn naħa, ikkunsidrat li l-ittra tar-rikorrenti tad-9 ta’ Awwissu 2010 kienet tippreċiża n-natura konfermattiva tat-talba tagħha tat-3 ta’ Awwissu 2010 u, min-naħa l-oħra, indikat lir-rikorrenti li hija qed ittawwal it-terminu għal risposta għat-talba tagħha bi ħmistax-il jum ta’ xogħol, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

11      Fil-15 ta’ Settembru 2010, l-EFSA kkonfermat lir-rikorrenti li hija tirrifjuta li tagħtiha aċċess għall-offerti magħmula mill-offerenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-EFSA invokat l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu (Kawża T‑339/10) u fit-13 ta’ Novembru 2010 (Kawża T‑532/10), ir-rikorrenti għamlet dawn ir-rikorsi.

13      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kawżi T‑339/10 u T‑532/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

15      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2012.

16      Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali adottat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 65 u tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, miżura istruttorja intiża sabiex tiġi prodotta l-offerta ekonomika tal-offerent magħżul. L-EFSA kkonformat immedjatament ma’ din il-miżura istruttorja u indikat, waqt is-seduta, li hija taċċetta li din l-offerta ekonomika tiġi kkomunikata lir-rikorrenti.

17      Ir-rikorrenti, fil-Kawża T‑339/10, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti li tipprevedi l-evalwazzjoni tal-offerti ekonomiċi f’laqgħa ristretta;

–        tannulla d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor kif ukoll kwalunkwe att ulterjuri;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-ħlas tad-danni favur ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

18      L-EFSA, fil-Kawża T‑339/10, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors għad-danni bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Ir-rikorrenti, fil-Kawża T‑532/10, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-EFSA tal-15 ta’ Settembru 2010;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-preżentazzjoni tad-dokumenti kunfidenzjali;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

20      L-EFSA, fil-Kawża T‑532/10, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad it-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq ir-rikors fil-Kawża T‑339/10

 Fuq it-talbiet għal annullament

21      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ pubbliċità u ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ drittijiet ta’ aċċess għad-dokumenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, essenzjalment, nuqqas ta’ motivazzjoni.

22      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar, f’dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi mibdija mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, li dawn il-proċeduri huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti inkwistjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

23      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-atti kkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huma li ġejjin: l-ittra tal-EFSA tal-31 ta’ Mejju 2010 (ara l-punt 5 hawn fuq), is-sejħa għal offerti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u l-kuntratt konkluż bejn l-EFSA u l-offerent magħżul.

24      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija tirrinunzja għat-talba tagħha għall-annullament tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, u ttieħdet nota ta’ dan.

25      Barra minn hekk, waqt is-seduta, l-EFSA ppreċiżat li hija tirrinunzja għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kontra r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti, peress li dan jirreferi, fit-tieni kap tat-talbiet tiegħu, għad-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor.

26      Barra minn hekk, u sa fejn, fost l-atti kkontestati, ir-rikorrenti tirreferi għall-kuntratt konkluż bejn l-EFSA u l-offerent magħżul, biżżejjed jiġi osservat li l-att ikkonċernat jipproduċi u jeżawrixxi l-effetti kollha tiegħu fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kuntratt, fir-rigward ta’ liema r-rikorrenti hija terz. Ma tressaq l-ebda element li jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-att ikkonċernat jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Għaldaqstant ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti, sa fejn jirreferi għall-kuntratt konkluż bejn l-EFSA u l-offerent magħżul, huwa inammissibbli. Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tagħhom ġie ddikjarat null għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor, l-EFSA għandu mnejn ikollha ittemm il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2005, Capgemini Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑447/04 R, Ġabra p. II‑257, punti 95 sa 97).

27      Barra minn hekk, sa fejn, fost l-atti kkontestati, ir-rikorrenti tirreferi għas-“sejħa għal offerti”, għandu jiġi kkunsidrat li tin it-talba tikkoinċidi mat-tieni kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor.

28      Fl-aħħar nett, sa fejn, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor “kif ukoll kull att ulterjuri”, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punti 106 u 107, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ħlief għall-kuntratt iffirmat bejn l-EFSA u l-offerent magħżul, li fir-rigward tiegħu r-rikors għal annullament għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli (ara l-punt 26 hawn fuq), ir-rikorrenti ma tispeċifikax liema “att[i]” huma intiżi bit-tieni kap tat-talbiet tagħha u ma tiżviluppa l-ebda argument insostenn tat-talba tagħha. Għaldaqstant, it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn jirreferi għal “kull att ulterjuri” għad-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor.

29      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-eżami tar-rikors fil-Kawża T‑339/10 għandu jiġi limitat għat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor, li l-offerta tiegħu ġiet meqjusa bħala aħjar.

 Fuq il-mertu

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ pubbliċità u ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

30      Ir-rikorrenti tikkritika l-punt II.8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jipprovdi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti ekonomiċi hija kunfidenzjali. Hija ssostni li l-offerta ekonomika ma tistax titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali. Għaldaqstant, l-EFSA wettqet żball meta ma awtorizzatx lill-offerenti jipparteċipaw fil-ftuħ u fl-evalwazzjoni ekonomika tal-offerti. Minbarra dan, l-EFSA rtirat kull possibbiltà ta’ verifika ulterjuri billi neħħiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni l-offerta ta’ prezz ippreżentata mill-offerent magħżul. Ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma kellhiex interess taġixxi kontra l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt qabel ma dawn ikkawżawlha preġudizzju.

31      L-EFSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

32      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-punt II.8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprovdi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti kienet kunfidenzjali. Għandu jiġi indikat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti tista’ validament tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, b’mod inċidentali, il-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 44). Ir-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li hija kienet qed tikkontesta biss il-fatt li hija ma setgħetx tipparteċipa fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti ekonomiċi. Hija ma ssostnix li hija ġiet prekluża milli tipparteċipa fil-ftuħ tal-offerti.

33      Skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trasparenza. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-punt II.8.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jipprovdi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti hija sigrieta, jissodisfa r-rekwiżiti, minn naħa, li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-offerti u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati, bħala regola ġenerali, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti (ara, fuq dan il-punt, l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 148 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni). Il-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonċiljat ma’ dawn ir-rekwiżiti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-punt II.8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huwa vvizzjat b’illegalità.

34      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li hija ma setgħetx tkun taf il-prezz propost mill-offerent magħżul. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tindika li l-EFSA rtirat kull possibbiltà ta’ verifika ulterjuri billi neħħiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni l-offerta ta’ prezz ippreżentata mill-offerent magħżul. F’dan ir-rigward, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni f’dan il-każ dwar il-kwistjoni jekk il-prezz propost mill-offerent magħżul kienx parti mill-elementi li l-awtorità kontraenti kellha tikkomunika lill-offerenti li ma ġewx magħżula, mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tkun taf il-prezz inkwistjoni. Fil-fatt, mill-punt 2.4 tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jirriżulta li r-rikorrenti kif ukoll l-offerent magħżul offrew prezz identiku għall-punti 2 sa 7 tal-offerta finanzjarja, u b’hekk kisbu l-marka massima ta’ 15-il punt. B’dan il-mod, il-prezz offrut mill-offerent magħżul għall-punti 2 sa 7 tal-offerta finanzjarja jirriżulta b’mod ċar mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. Minbarra dan, fir-rigward tal-punt 1 tal-offerta finanzjarja, ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jindika l-prezz offrut mir-rikorrenti kif ukoll il-marka miksuba. Minkejja li l-prezz offrut mill-offerent magħżul ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu, ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jippreċiża l-marka miksuba minn dan tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawnhekk, jista’ jiġi kkalkolat, mingħajr diffikultà, il-prezz propost mill-offerent magħżul għall-punt 1 tal-offerta finanzjarja, kif tosserva l-EFSA fil-kuntest tat-tieni motiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali setgħet tivverifika, fil-kuntest tal-miżura istruttorja adottata waqt is-seduta (ara l-punt 16 hawn fuq), li l-prezz imsemmi mill-EFSA fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kien fil-fatt jikkorrispondi mal-prezz propost mill-offerent magħżul. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawnhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li, anki jekk jingħad li l-EFSA wettqet żball meta ma indikatx b’mod espliċitu l-prezz propost mill-offerent magħżul lir-rikorrenti, dan l-iżball ma influwenzax il-legalità tad-deċiżjoni tal-EFSA li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor, li l-offerta tiegħu tqieset bħala aħjar, sa fejn ir-rikorrenti setgħet tkun taf l-imsemmi prezz. Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

35      It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba invokat mir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il-Kummissjoni, T‑407/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 182, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fl-ewwel motiv tagħha, li essenzjalment jikkonsistu fil-kritika tal-fatt li hija ma kellhiex aċċess għall-offerta ekonomika tal-offerent magħżul, ma humiex tali li juri li l-EFSA ma eżaminatx bir-reqqa u b’imparzjalità l-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ punti iktar dettaljati, l-argumenti tar-rikrorenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

36      Fl-aħħar nett, minkejja li, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi osservat li, fid-data tal-preżentata tar-rikors għal annullament fil-Kawża T‑339/10, it-talba għal aċċess għad-dokumenti magħmula mir-rikorrenti skont l-imsemmi regolament ma ngħatatx risposta definittiva min-naħa tal-EFSA, kif tosserva r-rikorrenti nfisha fil-punt 10 tar-rikors. Ir-risposta għat-talba inizjali ta’ aċċess tikkostitwixxi biss teħid ta’ pożizzjoni, li tagħti lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jistiednu lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, hija biss il‑miżura adottata minn din tal-aħħar, li jkollha n‑natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti, li tista’ toħloq effetti legali tali li jaffettwaw l‑interessi tar-rikorrenti u, għalhekk, li tkun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 48, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punt 71). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax teċċepixxi ksur tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-kuntest tar-rikors għal annullament fil-Kawża T‑339/10.

37      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ trasparenza u tad-drittijiet ta’ aċċess għad-dokumenti

38      Ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni tal-EFSA li tiċħad it-talba tagħha ta’ aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul u tal-offerenti l-oħra (ara l-punt 7 hawn fuq). Skont ir-rikorrenti, l-aċċess għall-offerti tekniċi tal-offerenti ma jaffettwa l-ebda interess kummerċjali. In-nuqqas ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti jipprekludi l-possibbiltà li jinftiehem ir-rapport ta’ evalwazzjoni. Minbarra dan, il-fatt li l-EFSA ma ppreċiżatx il-prezz offrut mill-offerent magħżul jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali diġà rrikonoxxiet li l-prezz offrut mill-offerent magħżul kien jikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi u wieħed mill-vantaġġi tal-offerta magħżula.

39      L-EFSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

40      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti ssemmi l-prinċipju ta’ trasparenza u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fit-titolu tat-tieni motiv tagħha, l-argumenti żviluppati fir-rikors huma intiżi sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li ma ġewx ikkomunikati l-offerti tal-offerenti l-oħra u, b’mod partikolari, tal-offerent magħżul.

41      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tindika fil-punt 26 tar-rikors, li “[i]r-rifjut ta’ aċċess u l-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni [ma] bagħtil[hiex] l-offerta magħmula mill-impriża li ġiet magħżula jirrendi l-proċedura illegali għaliex il-motivi limitati indikati fir-rapport ta’ evalwazzjoni ma jippermettux li jinftiehmu d-differenzi sinjifikattivi bejn iż-żewġ offerti u li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet evalwati b’mod pożittiv mill-[kumitat] ta’ evalwazzjoni ġew fil-fatt sodisfatti”. Barra minn hekk, fil-punt 27 tar-rikors, ir-rikorrenti tispeċifika li “il-fatt li ma ġiex indikat il-prezz propost mill-[offerent magħżul] jivvizzja l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt b’nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex l-indikazzjoni tan-numru ta’ punti mogħtija lill-impriża li ntgħażlet għal din il-parti ma ġietx ipprovduta.”

42      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u mill-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jirriżulta li l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk hija sempliċement, qabel kollox, tikkomunika immedjatament lil kull offerent li ma ntgħażilx il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u jekk hija tipprovdi, imbagħad, lill-offerenti li ppreżentaw offerta ammissibbli u li jagħmlu talba espliċita għal dan il-għan il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ dak li ngħata l-kuntratt fi żmien ħmistax‑il jum kalendarju li jibdew jgħoddu mir-riċezzjoni tat-talba bil-miktub (is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 160).

43      Dan il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu joħroġ b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 48).

44      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-EFSA kkomunikat lir-rikorrenti r-raġunijiet għalfejn ċaħdet l-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent magħżul, l-isem tiegħu, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u kopja tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul (ara l-punti 5 u 7 hawn fuq).

46      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat fatt li, mingħajr aċċess għall-offerta teknika tal-offerent, ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma jinftehiemx, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jirriżulta li dan identifika, għal kull wieħed mis-subkriterji ta’ evalwazzjoni teknika tal-offerti, ir-raġunijiet għall-għoti tal-marki lill-offerenti kkonċernati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel subkriterju ta’ evalwazzjoni teknika, li huwa s-suġġett tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors, ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jagħti indikazzjonijiet li huma preċiżi biżżejjed rigward il-kwalitajiet tal-offerti ppreżentati u, b’mod partikolari, tal-offerta tal-offerent magħżul. Ir-rikorrenti setgħet, barra minn hekk, tiżviluppa, quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, argumenti rigward, minn naħa, il-vantaġġi komparattivi tal-offerti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-offerta ppreżentata mill-offerent magħżul.

47      It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li l-EFSA ma kkomunikatx il-prezz offrut mill-offerent magħżul, u jekk jingħad li dan il-prezz huwa parti mill-karatteristiċi u mill-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula li l-awtorità kontraenti kellha, f’dan il-każ, tikkomunika skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, jirriżulta, f’kull każ, mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti li r-rikorrenti setgħet tkun taf l-imsemmi prezz (ara l-punt 34 hawn fuq).

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li l-EFSA ma naqsitx, f’dan il-każ, mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

49      F’kull każ, u sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jikkontestaw, minnhom infushom, ir-rifjut ta’ aċċess għall-offerti tekniċi u ekonomiċi tal-offerenti, b’mod partikolari dik tal-offerent magħżul, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi kkonċiljat mal-protezzjoni tal-interess pubbliku, tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privat u tal-kompetizzjoni leali, li tiġġustifika l-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju li tiġi eskluża l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lil kanditat li ma ntgħażilx, meta tali omissjoni tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 84). Huwa f’dan il-kuntest li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi biss, fejn xieraq, għall-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ dak li ntgħażel. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju ma jipprovdix għall-komunikazzjoni tal-offerta kollha tal-offerent magħżul (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2012, Evropaïki Dynamiki vs AEE, C‑462/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, l-EFSA kkomunikat lir-rikorrenti r-raġunijiet għar-rifjut tal-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent magħżul, l-isem tiegħu, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u kopja tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li l-EFSA ma naqsitx mill-obbligu tagħha ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tal-offerta ekonomika tal-offerent magħżul, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti setgħet tkun taf din l-offerta mid-dokumenti kkomunikati mill-EFSA (ara l-punt 34 hawn fuq).

50      Fl-aħħar nett, u sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jinvokaw ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punt 36 hawn fuq.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u nuqqas ta’ motivazzjoni

52      Ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni komparattiva magħmula bejn l-offerta tagħha u dik tal-offerent magħżul f’dak li jirrigwarda l-ewwel subkriterju ta’ evalwazzjoni teknika. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha numru kbir ta’ vetturi meta mqabbla mal-offerent magħżul, filwaqt li l-evalwazzjoni teknika f’dan ir-rigward hija identika. Barra minn hekk, il-kumitat ta’ evalwazzjoni żbalja meta qies li ntbagħtet ftit informazzjoni mir-rikorrenti rigward, minn naħa, is-sorveljanza effettiva tat-titjiriet u, min-naħa l-oħra, il-flessibbiltà tas-servizz u l-valur miżjud għall-passiġġieri. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll l-offerta tal-offerent magħżul fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għas-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li l-impenn tal-offerent magħżul li jipparkja vettura b’mod permanenti qrib il-parking tal-EFSA huwa illegali sa fejn, minn naħa, l-ipparkjar tal-vetturi tal-kiri jista’ jsir biss f’post ta’ kunsinna awtorizzat u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-garanzija ta’ disponibbiltà permanenti tmur kontra l-obbligu ta’ risposta għat-talbiet ta’ klijenti privati. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-kundizzjonijiet previsti f’sejħa għal offerti ma kellhomx iħajru lill-offerenti sabiex jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-kumitat ta’ evalwazzjoni injora l-fatt li r-rikorrenti kellha ftehim ta’ sħubija sabiex tiżgura servizzi f’kull belt li tinsab fit-territorju Taljan. Il-punti msemmija fir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni huma għaldaqstant ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

53      L-EFSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-preċiżjoni materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 33; tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 47, u tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra p. II‑1403, punt 56).

55      F’dan il-każ, l-ewwel subkriterju ta’ evalwazzjoni teknika kien jirrigwarda r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tas-servizz minn flotta ta’ vetturi adattata, id-disponibbiltà u l-flessibbiltà tas-servizz kif ukoll is-sorveljanza tat-titjiriet. L-offerent magħżul kiseb marka ogħla minn dik tar-rikorrenti b’seba’ punti (minn 25).

56      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni qies li l-flotta ta’ vetturi proposti kienet żviluppata ħafna, b’numru ta’ vetturi ogħla minn dak meħtieġ u disponibbiltà permanenti. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni osserva wkoll il-ftit informazzjoni mibgħuta dwar is-sorveljanza effettiva tat-titjiriet, il-flessibbiltà tas-servizz u l-valur miżjud għall-passiġġieri (assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien, fil-każ ta’ telf ta’ bagalji u fil-każ ta’ titjira mibdula).

57      Fir-rigward tal-offerent magħżul, il-kumitat ta’ evalwazzjoni qies ukoll li l-flotta ta’ vetturi proposti kienet żviluppata ħafna, b’numru ta’ vetturi ogħla minn dak meħtieġ u disponibbiltà permanenti. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni enfasizza wkoll il-livell għoli ta’ flessibbiltà u ta’ disponibbiltà tas-servizz propost. B’mod partikolari, il-kumitat osserva l-eżistenza ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni sabiex ikun hemm xufiera qed jistennew f’postijiet oħra bħal-Lombardija (l-Italja) u Parma (l-Italja), il-preżenza permanenti ta’ vettura qrib il-parking tal-EFSA, l-għajnuna fil-każ ta’ telf ta’ bagalji, l-eżistenza ta’ kuntratt tekniku għall-manutenzjoni kontinwa tas-softwer u l-impenn ta’ sorveljanza kontinwa u sistematika tat-titjiriet.

58      L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-flotta ta’ vetturi, huwa stabbilit li r-rikorrenti u l-offerent magħżul kellhom, kull wieħed minnhom, numru ta’ vetturi ogħla minn dak meħtieġ mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti kellha, eventwalment, flotta ta’ vetturi ikbar minn dik tal-offerent magħżul ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti f’dan ir-rigward.

59      It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni żbalja meta qies li ntbagħtet ftit informazzjoni mir-rikorrenti dwar is-sorveljanza effettiva tat-titjiriet, għandu jiġi osservat li l-offerta tar-rikorrenti, li din tal-aħħar ippreżentat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha insostenn tal-argumenti tagħha, kienet redatta b’dan il-mod:

“Cosepuri għandha softwer ġdid li jista’ jiġi mgħaqqad mal-websajts tal-ajruporti Taljani prinċipali sabiex titniżżel f’ħin reali l-informazzjoni kollha rigward it-tluq u l-wasla tat-titjiriet nazzjonali u internazzjonali. Permezz ta’ dan, l-operaturi taċ-ċentru operazzjonali tagħna EFSA involuti fid-distribuzzjoni tas-servizzi jistgħu jissorveljaw u jivverifikaw il-ħinijiet tat-titjiriet li jaslu u li jitilqu lejn l-ajruporti li huma s-suġġett tal-kuntratt. B’dan il-mod, Cosepuri tista’ tipprevjeni eventwali dewmien jew tibdil fit-titjiriet fil-każ ta’ maltemp mhux previst, strajkijiet mhux mistennija jew problemi mekkaniċi.”

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta tar-rikorrenti, effettivament, ma tantx kienet żviluppata kif qies essenzjalment il-kumitat ta’ evalwazzjoni. L-offerta tar-rikorrenti kienet sempliċement tgħid li hija ser ikollha sistema ta’ sorveljanza tat-titjiriet mingħajr ma kienet tippreċiża l-karatteristiċi tekniċi ta’ din is-sistema. Barra minn hekk, l-offerta tar-rikorrenti kienet tindika li s-softwer il-ġdid li hija tuża (li ismu ma huwiex imsemmi fis-silta ċċitata minnha) “jista’” jiġi mgħaqqad mal-websajts tal-ajruporti Taljani prinċipali, mingħajr ma tat iktar dettall f’dan ir-rigward. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, xejn ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti bagħtet ftit informazzjoni rigward is-sorveljanza effettiva tat-titjiriet.

61      It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni żbalja meta qies li ntbagħtet ftit informazzjoni mir-rikorrenti dwar il-flessibbiltà tas-servizz u l-valur miżjud għall-passiġġieri, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement ippreċiżat, fl-offerta tagħha, kif hija tindika fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li ċentru operazzjonali ser ikun iddedikat għall-EFSA u li persuna ser tiġi assenjata għal dan il-għan kif ukoll sostitut fil-każ ta’ assenza. Madankollu, kif osserva l-kumitat ta’ evalwazzjoni fir-rapport tiegħu, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li tiġi evalwata iktar il-flessibbiltà tas-servizz propost. B’mod partikolari, ma tressaq l-ebda elementi rigward l-assistenza tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien, fil-każ ta’ telf ta’ bagalji u fil-każ ta’ titjira mibdula, kif ġie osservat mill-kumitat ta’ evalwazzjoni fir-rapport tiegħu, osservazzjoni li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ntbagħtet ftit informazzjoni dwar il-flessibbiltà tas-servizz u l-valur miżjud għall-passiġġieri.

62      Ir-raba’ nett, rigward il-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni injora l-fatt li r-rikorrenti kellha ftehim ta’ sħubija sabiex tiżgura servizzi f’kull belt li tinsab fit-territorju Taljan, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma hijiex ibbażata fuq il-fatti. Fil-fatt, kif tosserva ġustament l-EFSA fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-offerta tar-rikorrenti kienet sempliċement tindika, bħala introduzzjoni, li hija kienet ħolqot impriżi ġodda attivi biss fir-reġjuni tal-Emiglia-Romania (l-Italja) u tat-Toscana (l-Italja), mingħajr iktar dettall rigward is-servizzi effettivament offruti minn dawn l-impriżi jew rigward it-territorji kkonċernati. Barra minn hekk, l-offerta tar-rikorrenti kienet issemmi fil-qosor, dejjem fl-introduzzjoni, il-possibbiltà għall-klijenti, permezz ta’ servizz ta’ kiri msejjaħ “Busclick”, li jsiru riżervazzjonijiet fil-“bliet kollha”. Madankollu, minbarra n-nuqqas ta’ preċiżjoni rigward is-servizz propost, ma jirriżultax biċ-ċar minn din il-preżentazzjoni li l-kliem “bliet kollha” jirreferi għal-lokalizzazzjoni ġeografika tas-servizzi proposti jew għal dik tal-klijenti li jużaw is-servizzi inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-EFSA ma setgħetx tistrieħ b’mod effettiv fuq din l-informazzjoni parzjali offruta sabiex tiddeduċi li r-rikorrenti setgħet effettivament tipprovdi s-servizzi tagħha “f’kull belt fit-territorju Taljan”, kif issostni, minkejja dan, ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

63      Il-ħames nett, fir-rigward tal-fatt li l-offerta tal-offerent magħżul hija inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni Taljana, u jekk jingħad li l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tal-imsemmija leġiżlazzjoni hija korretta, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jipprovdu, bħala kundizzjoni teknika, l-ipparkjar ta’ vettura jew ta’ diversi vetturi qrib l-EFSA. Għaldaqstant, ma jistax jitqies, f’dan il-każ, li l-kundizzjonijiet previsti fis-sejħa għal offerti kienu jħajru lill-offerenti jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha mnejn tapplika għall-kuntratt inkwistjoni. Imbagħad, kif tosserva ġustament l-EFSA fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-offerta tal-offerent magħżul setgħet tiġi interpretata fis-sens li l-offerent kellu jew kien ser ikollu post ta’ kunsinna qrib l-EFSA. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat fatt li l-impenn li tiġi pparkjata vettura qrib l-EFSA ma jippermettix li tingħata risposta għat-talbiet tal-klijenti privati, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni osserva biss l-impenn tal-offerent magħżul li tiġi pparkjata vettura qrib l-EFSA. Dan l-impenn jista’ jiġi interpretat fis-sens li, jekk klijent privat jirriżerva l-vettura inkwistjoni, l-offerent jintrabat li jissostitwiha. F’kull każ, ma jistax jiġi dedott minn dan l-impenn li l-vettura inkwistjoni ma tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ kuntratturi oħra minbarra l-EFSA. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux il-kunsiderazzjoni li r-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minbarra dan, jekk jingħad li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, xejn ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-marka tal-offerent magħżul kienet neċessarjament inqas b’iktar minn 1.62 punt (minn 25) fir-rigward tal-ewwel subkriterju ta’ evalwazzjoni teknika, li ppermetta lir-rikorrenti tikseb l-aħjar marka globali. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jipprovdu, bħala kundizzjoni teknika, l-ipparkjar ta’ vettura jew ta’ diversi vetturi qrib l-EFSA.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

65      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq it-talbiet għad-dannir

66      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-illegalità li tikkaratterizza l-azzjoni tal-EFSA, din tal-aħħar kellha tiġi kkundannata għall-ħlas tad-danni minħabba l-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerta u minħabba t-telf ta’ qligħ, mingħajr ma din is-somma tkun inqas minn 10 % tal-korrispettiv għas-servizz li għalih saret is-sejħa għal offerti bl-interessi legali inkorsi mid-data li fih ingħata s-servizz sal-kalkolu tas-somom dovuti.

67      L-EFSA ssostni, b’mod preliminari, li r-rikors ma huwiex konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u tikkontesta, f’kull każ, l-argumenti tar-rikorrenti.

68      Għandu jiġi mfakkar li l-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu sostnut, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeżistu meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li l-istituzzjonijiet huma akkużati bih, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat ikunu sodisfatti. Sa fejn it-tliet kundizzjonijiet tar-responsabbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandhom ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed biex jiġi miċħud ir-rikors għad-danni. Barra minn hekk, ma jeżisti l-ebda obbligu li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni f’ordni determinat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punti 40 sa 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet rigward it-talbiet għal annullament, l-eżami tal-motivi u tal-argumenti tar-rikorrenti ma wera l-eżistenza tal-ebda illegalità. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-EFSA ma teżistix.

70      Għaldaqstant, ladarba waħda mit-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex sodisfatta, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit jekk it-talba għad-danni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

71      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors fil-Kawża T‑339/10 għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti intiża sabiex tinkiseb kopja tal-offerta teknika tal-offerent magħżul, peress li l-Qorti Ġenerali tqis li hija biżżejjed informata permezz tal-atti tal-proċess.

2.     Fuq ir-rikors fil-Kawża T‑532/10

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

72      L-EFSA ssostni li r-rikors fil-Kawża T‑532/10 għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli sa fejn huwa għandu l-istess suġġett bħal dak ippreżentat fil-Kawża T‑339/10.

73      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-EFSA.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors fil-Kawża T‑339/10 huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor, li l-offerta tiegħu tqieset bħala aħjar (ara l-punt 29 hawn fuq). Ir-rikors fil-Kawża T‑532/10 huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tal-15 ta’ Settembru 2010 li tiċħad l-aċċess għal ċerti dokumenti (ara l-punt 19 hawn fuq). Minn dan jirriżulta li r-rikorsi fil-Kawżi T‑339/10 u T‑532/10 ma għandhomx l-istess suġġett.

75      L-argumenti tal-EFSA għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda u r-rikors fil-Kawża T‑532/10 għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet

76      Bit-tieni kap tat-talbiet tagħha fil-Kawża T‑532/10, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-EFSA “tippreżenta d-dokumenti kunfidenzjali”. Għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-EFSA tagħti l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

77      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-kompetenza sabiex tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 1996, SDDDA vs Il-Kummissjoni, T‑47/96, Ġabra p. II‑1559, punt 45, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 1999, UPS Europe vs Il-Kummissjoni, T‑127/98, Ġabra p. II‑2633, punt 50). Fil-fatt, skont l-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tannulla l-att ikkontestat. Hija mbagħad l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑74/92, Ġabra p. II‑115, punt 75).

78      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet fil-Kawża T‑532/10 għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

79      Ir-rikorrenti tqajjem motiv waħdieni insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ drittijiet ta’ aċċess għad-dokumenti, kif ukoll użu ħażin ta’ poter.

80      B’mod preliminari, ir-rikorrenti tfakkar il-punti ta’ fatt u ta’ dritt żviluppati fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑339/10. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-EFSA u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-dokumenti li ntbagħtulha ma jippermettulhiex tivverifika jekk il-proċedura ġietx osservata u jekk l-offerta magħżula hijiex l-aħjar waħda. Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li r-risposta mibgħuta mill-EFSA fil-15 ta’ Settembru 2010 waslet wara t-terminu ta’ ħmistax-il jum previst mill-Artikolu 149(2) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Fir-rigward, b’mod speċifiku, tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-dokumenti ppreżentati minn offerent fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti jaqgħu taħt l-evalwazzjoni komparattiva ta’ din l-offerta ma’ dawk ta’ offerenti oħra. Id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-offerent magħżul huwa sekondarju meta mqabbel mad-drittijiet tad-difiża tal-offerenti l-oħra. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li hija ma kellhiex aċċess għall-offerta ekonomika ppreżentata mill-offerent magħżul. Dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Id-deċiżjoni tal-EFSA tal-15 ta’ Settembru 2010 ma tippermettix li jiġi stabbilit konkretament liema dannu jista’ jiġi kkawżat lill-għarfien u s-sengħa tal-offerent magħżul jekk jiġi awtorizzat l-aċċess għall-offerta tiegħu. Iċ-ċaħda tikkostitwixxi wkoll użu ħażin ta’ poter. L-attitudni tal-EFSA, li tipproteġi biss l-interessi tal-offerent magħżul, ma hijiex konformi mal-kriterji ta’ newtralità u ta’ imparzjalità li kellhom jipprevalu. Barra minn hekk, l-approċċ adottat f’dan il-każ mill-EFSA jagħti vantaġġ fiż-żmien lill-offerent magħżul u jmur kontra l-moviment liberu tas-servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment u r-regoli ta’ trasparenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Ir-rikorrenti żżid, fir-rigward tal-fatt invokat mill-EFSA li r-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli, li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti għandhom jiggarantixxu li l-kandidat jintagħżel abbażi ta’ kriterji oġġettivi u li l-proċedura sseħħ filwaqt li jiġu rrispettati r-regoli ddefiniti fil-bidu. F’dan il-każ, l-EFSA dejjem irreferiet għar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li jikkostitwixxi l-kuntest normattiv ta’ referenza.

81      L-EFSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, fir-rigward b’mod speċifiku tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, l-EFSA ssostni li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa inapplikabbli u li għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

82      B’mod preliminari għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 11 hawn fuq), l-EFSA invokat l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

83      L-ewwel nett, sa fejn, permezz ta’ uħud mill-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tar-Regolament Finanzjarju, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet imsemmija fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑339/10 (ara l-punti 32 sa 35 u 40 sa 49 hawn fuq).

84      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti fejn hija ssostni li r-risposta indirizzata mill-EFSA fil-15 ta’ Settembru 2010 waslet wara t-terminu ta’ ħmistax-il jum previst mill-Artikolu 149(2) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tardività ta’ dawn l-argumenti ppreżentati fl-istadju tar-replika, dawn huma manifestament infondati. Fil-fatt, l-Artikolu 149(2) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni huwa maħsub, bl-estensjoni tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, sabiex jippermetti lill-offerenti li ma ntgħażlux li jiksbu, fi żmien massimu ta’ ħmistax-il jum kalendarju li jibdew jgħoddu mir-riċezzjoni ta’ talba bil-miktub, informazzjoni komplementari fuq ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ dak li ngħata l-kuntratt. F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-EFSA kkomunikat lir-rikorrenti, fil-31 ta’ Mejju 2010 (ara l-punt 5 hawn fuq), jiġifieri saħansitra qabel ma r-rikorrenti indirizzat ruħha lill-EFSA, ir-raġunijiet għalfejn ma ntgħażlitx l-offerta tagħha, paragun bejn l-offerta tagħha u dik tal-offerent magħżul u l-isem ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rċeviet ukoll, wara li hija għamlet talba, u fit-termini previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 skont ir-rikorrenti, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul (ara l-punt 7 hawn fuq), dokumenti li ma humiex imsemmija mill-Artikolu 149(2) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li l-EFSA ma naqsitx mill-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 149(2) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-elementi mibgħuta mill-EFSA ma kinux jippermettu li tinftiehem il-motivazzjoni tal-EFSA li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, dan jingħaqad ma’ dak diġà żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑339/10 u għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet (ara l-punti 40 sa 49 hawn fuq).

85      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-EFSA intiż sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għal dan il-każ, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jekk jingħad li, kif issostni l-EFSA, l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju jinkludi regola speċifika fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, huwa stabbilit li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Finanzjaru għandhom għanijiet differenti u ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprovdu b’mod espliċitu għall-prevalenza ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, għandha ssir applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u tippermetti b’dan il-mod applikazzjoni koerenti. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-EFSA bbażat ruħha b’mod espliċitu, fost l-oħrajn, fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

86      It-tielet nett, fir-rigward b’mod speċifiku tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għal dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel premessa tiegħu, l-imsemmi regolament jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 UE, inkluż bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id‑deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-iktar qrib possibbli lejn iċ‑ċittadin. Kif tfakkar it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, id‑dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru r‑raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Huwa minnu li dan id-dritt huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa ħdax, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi numru ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fejn l-iżvelar tal-imsemmi dokument ikun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-aċċess tal-pubbliku għad‑dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu, fil-prinċipju hija għandha tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 invokata minn din l-istituzzjoni (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din l-istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punti 53 u 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Minbarra dan, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni għandha teżamina jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 123; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49).

92      F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-EFSA, wara li eżaminat id-dokumenti inkwistjoni, laqgħet parzjalment it-talba għal aċċess magħmula mir-rikorrenti billi bagħtitilha kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul (ara l-punt 7 hawn fuq). Il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti żdiedet mat-trażmissjoni preċedenti, magħmula skont ir-Regolament Finanzjarju, tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, tal-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent magħżul kif ukoll l-isem ta’ dan tal-aħħar (ara l-punt 5 hawn fuq).

93      F’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-EFSA li tikkomunika ċerti dokumenti, dan jirrigwarda speċifikament l-offerti ppreżentati mill-offerenti l-oħra fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni. L-EFSA invokat, f’dan ir-rigward, l-eċċezzjoni msemmija bl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika.

94      Mis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikorrenti tikkontesta speċifikament id-deċiżjoni tal-EFSA li ma tagħtihiex aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tindika, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li t-talba tagħha għal aċċess kienet tirreferi għall-“elementi tal-offerta ppreżentata mill-[offerent magħżul] rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni”. Minbarra dan, ir-rikorrenti ppreċiżat li r-rifjut ta’ aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul kien is-“suġġett ta’ din il-proċedura”. Għaldaqstant it-talbiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑532/10 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tal-15 ta’ Settembru 2010, sa fejn hija tirrifjuta li tagħtiha aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul.

95      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li għalihom ġiet invokata l-eċċezzjoni jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-elementi ekonomiċi u tekniċi inklużi fl-offerti tal-offerenti.

96      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-EFSA eżaminatx jekk l-iżvelar tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kinitx tippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett.

97      L-EFSA invokat, fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Settembru 2010, il-fatt li r-regoli ddettaljati skont liema huma redatti l-offerti, il-lingwaġġ użat, il-preżentazzjoni karatteristika u l-għarfien u s-sengħa tal-impriżi rigward it-thejjija tal-offerti huma speċifiċi u jimplikaw investimenti fuq il-livell finanzjarju u fuq dak tar-riżorsi umani. L-EFSA ppreċiżat li din il-konklużjoni għandha tiġi applikata għal dan il-każ, sa fejn l-adegwatezza tas-servizzi proposti mal-bżonnijiet tal-EFSA kienet ta’ importanza fundamentali. Għaldaqstant l-offerenti għandhom interess leġittimu li d-dokumenti inkwistjoni ma jiġux żvelati lill-pubbliku u, iktar u iktar, lill-kompetituri reali jew potenzjali. Dwar dan l-aħħar punt, l-EFSA żżid li s-servizzi kkonċernati fis-sejħa għal offerti inkwistjoni jistgħu jiġu proposti lil organi jew impriżi oħra, u saħansitra lill-EFSA nfisha fil-ġejjieni.

98      Mill-kliem użat fid-deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 jirriżulta li l-EFSA qieset li kienet teżisti preżunzjoni ġenerali li l-aċċess għall-offerti tal-offerenti mill-offerenti l-oħra kien, fil-prinċipju, jippreġudika l-interess protett.

99      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jinkludu domandi speċifiċi tal-EFSA li kienu jimplikaw risposta adattata mill-offerenti dwar il-bżonnijiet inkwistjoni, u dan ġie osservat ġustament mill-EFSA, essenzjalment, fid-deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2010. Dan jirriżulta wkoll mill-offerta ppreżentata mir-rikorrenti u annessa mal-att tar-rikors fil-kuntest ta’ din il-kawża. Din hija strutturata b’mod li tissodisfa preċiżament is-sejħa għal offerti tal-EFSA, hija bbażata fuq preżentazzjoni speċifika u tinkludi informazzjoni tal-impriża li tippermetti li jintwera l-għarfien espert tagħha. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-klawżoli partikolari tagħhom, il-preżentazzjoni adottata u l-għarfien espert muri, l-offerti inkwistjoni jirrigwardaw l-għarfien u s-sengħa speċifiċi tal-offerenti u jikkontribwixxi għan-natura singolari u attraenti tal-offerti ta’ dawn fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti bħal dik inkwistjoni, li kellha l-għan li tagħżel offerta wara, b’mod partikolari, eżami komparattiv tal-offerti ppreżentati (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tas-sejħa għal proposti, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 127). Minbarra dan, kif osservat mill-EFSA wkoll fid-deċiżjoni tagħha, is-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża jistgħu jiġu offruti lil organi oħra, u saħansitra lill-EFSA nfisha, sa fejn il-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul huwa għal perijodu determinat. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti terġa’ tkun f’kompetizzjoni mal-offerenti l-oħra, u b’mod partikolari mal-offerent magħżul, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti ġdida magħmula mill-EFSA u li tirrigwarda servizzi simili. L-offerta tal-offerenti, u b’mod partikolari dik tal-offerent magħżul, ma tistax għaldaqstant tiġi kkomunikata lill-kompetituri reali jew potenzjali, kif osservat ġustament l-EFSA fid-deċiżjoni tagħha.

100    Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li l-protezzjoni tal-offerti tal-offerenti fil-konfront tal-offerenti l-oħra hija koerenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 100(2) tiegħu, imsemmi wkoll mill-EFSA fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Settembru 2010, li ma jipprovdix għall-iżvelar tal-offerti ppreżentati, inkluż wara talba bil-miktub tal-offerenti esklużi (ara, fir-rigward tal-iżvelar tal-offerta magħżula, id-digriet Evropaïki Dynamiki vs AEE, punt 49 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din ir-restrizzjoni hija inerenti fl-għan tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni li jistrieħ fuq kompetizzjoni mhux distorta. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jiġi użat għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti ulterjuri. Barra minn hekk, kemm min-natura tagħhom stess kif ukoll skont is-sistema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fihom. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jipprovdu lil dawn l-awtoritajiet kontraenti l-informazzjoni meħtieġa kollha fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, mingħajr biża’ li dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw lil terzi persuni xi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-imsemmija operaturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punti 34 sa 36). Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-offerenti esklużi jistgħu jiksbu l-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ dak li ngħata l-kuntratt.

101    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-EFSA ma wettqitx żball meta kkunsidrat, essenzjalment, li kienet teżisti preżunzjoni ġenerali li l-aċċess għall-offerti tal-offerenti mill-offerenti l-oħra fil-prinċipju kien jippreġudika l-interess protett. L-ebda element ippreżentat mir-rikorrenti ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li, f’dan il-każ, din il-preżunzjoni ma kinitx tapplika għad-dokumenti li għalihom intalab l-iżvelar.

102    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna b’mod speċifiku tal-offerta ekonomika ppreżentata mill-offerent magħżul, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti tikkritika l-fatt li hija ma kellhiex għarfien tagħha, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie osservat fil-kuntest tal-Kawża T‑339/10, ir-rikorrenti setgħet tkun taf din l-offerta mid-dokumenti li ntbagħtulha mill-EFSA (ara l-punt 34 hawn fuq). Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, f’dan ir-rigward, li jsostni li d-deċiżjoni tal-EFSA hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew li l-EFSA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

103    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda argument dettaljat quddiem il-Qorti Ġenerali li juri li l-EFSA wettqet żball meta qieset li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’kull każ, l-EFSA osservat ġustament, fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Settembru 2010, li l-interess tar-rikorrenti għall-pubbliċità u għat-trasparenza ġie, f’dan il-każ, sodisfatt kompletament meta ntbagħtu d-dokumenti msemmija fil-punti 5 u 7 hawn fuq. Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokat mir-rikorrenti quddiem l-EFSA, biżżejjed jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni ma tistax tintlaqa’, għaliex l-offerta tal-offerent magħżul ma ġietx ikkomunikata lill-offerenti esklużi l-oħra.

104    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba li l-protezzjoni tal-offerti tal-offerenti tipproteġi il-“pożizzjoni dominanti” tagħhom fuq is-suq, minbarra li din l-allegazzjoni ma hija bbażata fuq l-ebda element dettaljat, hija tmur kontra l-fatt li l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni konnessa ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tissodisfa l-għan li jiġi żgurat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni mhux distorta (ara l-punt 100 hawn fuq). Għaldaqstant l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

105    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-EFSA li ma tikkomunikax lir-rikorrenti l-offerta tal-offerent magħżul ma hija vvizzjata bl-ebda illegalità.

106    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv waħdieni mqajjem mir-rikorrenti u, għalhekk, ir-rikors fil-Kawża T‑532/10 fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EFSA f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Cosepuri Soc. Coop. pA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Jannar 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq ir-rikors fil-Kawża T‑339/10

Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

Fuq il-mertu

–  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ pubbliċitŕ u ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

–  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ trasparenza u tad-drittijiet ta’ aċċess għad-dokumenti

–  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju, ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq it-talbiet għad-dannir

2.  Fuq ir-rikors fil-Kawża T‑532/10

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet

Fuq il-mertu

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.