Language of document : ECLI:EU:T:2013:38

Kawżi magħquda T‑339/10 u T‑532/10

Cosepuri Soc. Coop. pA

vs

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Servizz ta’ shuttle fl-Italja u fl-Ewropa — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Offerta tal-offerent magħżul — Ċaħda ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Jannar 2013

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Kuntratt konkluż bejn l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel u l-offerent magħżul wara proċedura ta’ sejħa għal offerti — Assenza ta’ effetti legali vinkolanti fuq ir-rikorrent — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni

(Artikolu 266 TFUE)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Assenza ta’ preċiżjoni rigward l-atti kkontestati — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Kontestazzjoni tal-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet u tar-rifjut ta’ aċċess għall-offerti tal-offerenti — Osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza — Kompatibbiltà mal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-offerti

(Artikolu 277 TFUE; Regolament tal‑Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89(1) u 99; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 148)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Elementi li għandhom jiġu kkomunikati — Nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-prezz offrut mill-offerent magħżul — Ammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149)

6.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors kollu kemm hu

(Artikolu 340, subparagrafu 2, TFUE)

8.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 264 TFUE)

9.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Deċiżjoni li ma tintgħażilx offerta — Talba li tiġi kkomunikata kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-kuntratt iffirmat mal-offerent — Applikabbiltà tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))

10.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

11.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Deċiżjoni li ma tintgħażilx offerta — Talba ta’ aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul — Applikabbiltà tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni li taqa’ taħt il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-offerent magħżul — Ammissibbiltà — Kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1605/2002

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 77)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

4.      Ir-rikorrenti tista’ validament tikkontesta, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, il-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Punt tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jipprovdi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti hija sigrieta, jissodisfa r-rekwiżiti, minn naħa, li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-offerti u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati, bħala regola ġenerali, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti. Il-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi kkonċiljat ma’ dawn ir-rekwiżiti.

F’kull każ, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-protezzjoni tal-interess pubbliku, tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privat u tal-kompetizzjoni leali, li tiġġustifika l-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju li tiġi eskluża l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lil kandidat li ma ntgħażilx, meta tali ommissjoni tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Fil-każijiet kollha, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix għall-komunikazzjoni tal-offerta kollha tal-offerent magħżul.

(ara l-punti 32, 33, 49)

5.      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u mill-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ta’ dan, jirriżulta li l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk hija sempliċement, qabel kollox, tikkomunika immedjatament lil kull offerent li ma ntgħażilx il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u jekk hija tipprovdi, imbagħad, lill-offerenti li ppreżentaw offerta ammissibbli u li jagħmlu talba espliċita għal dan il-għan il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ dak li ngħata l-kuntratt fi żmien ħmistax‑il jum kalendarju li jibdew jgħoddu mir-riċezzjoni tat-talba bil-miktub.

Dan il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu joħroġ b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minbarra dan, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet.

L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li huwa sodisfatt ladarba l-istituzzjoni tkun ikkomunikat, bħala motivazzjoni tad-deċiżjoni li tagħżilx offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ir-raġunijiet għalfejn ċaħdet l-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent magħżul, l-isem tiegħu, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni u kopja tal-kuntratt iffirmat mal-offerent magħżul. L-assenza ta’ komunikazzjoni tal-prezz offrut mill-offerent magħżul ma tistax, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi ksur tal-imsemmi obbligu, għaliex ir-rikorrent kien fil-pożizzjoni li jsir jafu.

(ara l-punti 42-45, 47, 48)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 54)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68-70)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 77)

9.      Anki jekk jingħad li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jinkludi regola speċifika fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, dan ir-regolament u r-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandhom għanijiet differenti u ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprovdu b’mod espliċitu għall-prevalenza ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, għandha ssir applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u tippermetti, b’dan il-mod, applikazzjoni koerenti.

(ara l-punt 85)

10.    Meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu, fil-prinċipju hija għandha tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Minbarra dan, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Madankollu, din l-istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Minbarra dan, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, l-istituzzjoni għandha teżamina jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

(ara l-punti 90, 91)

11.    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, elementi ekonomiċi u tekniċi inklużi fl-offerti tal-offerenti huma tali li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-istituzzjoni kkonċernata li tagħti aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta tali offerti jirrigwardaw l-għarfien u s-sengħa speċifiċi tal-offerenti u jikkontribwixxu għan-natura singolari u attraenti tal-offerti tagħhom. Minbarra dan, meta s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu offruti lil organi oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-offerent eskluż jerġa’ jkun f’kompetizzjoni mal-offerenti l-oħra, u b’mod partikolari mal-offerent magħżul, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti ġdida li tirrigwarda servizzi simili.

Imbagħad, il-protezzjoni tal-offerti tal-offerenti hija f’koerenza mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 100(2) tiegħu, li ma jipprovdix għall-iżvelar tal-offerti ppreżentati, inkluż wara talba bil-miktub tal-offerenti esklużi. Din ir-restrizzjoni hija inerenti fl-għan tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni li jistrieħ fuq kompetizzjoni mhux distorta. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jiġi użat għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti ulterjuri.

Barra minn hekk, kemm min-natura tagħhom stess kif ukoll skont is-sistema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fihom. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jipprovdu lil dawn l-awtoritajiet kontraenti l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, mingħajr biża’ li dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw lil terzi persuni xi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-imsemmija operaturi.

(ara l-punti 95, 99, 100)