Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2021 – Ekobulkos vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-702/21)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrent: “Ekobulkos” EOOD (Todorichene, il-Bulgarija) (rappreżentant: M. Dimitrov, avukat)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tikkonstata li l-Kummissjoni astjeniet, b’mod illegali, milli tieħu azzjoni fir-rigward tal-ilment SA.56620 (2020/FC) imressaq minn “Ekobulkos” EOOD;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ “Ekobulkos” EOOD; u
sussidjarjament, fil-każ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-ilment wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
L-ewwel motiv: il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li teżamina l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.
It-tieni motiv: il-Kummissjoni ma eżaminatx mingħajr dewmien mhux iġġustifikat l-ilment SA.56620 (2020/FC) tal-21 ta’ Frar 2020 mressaq mill-kumpannija rikorrenti dwar eventwali għajnuna illegali, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 1 .
It-tielet motiv: il-Kummissjoni naqset milli tadotta d-deċiżjoni meħtieġa skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, b’mod partikolari:
tiddikjara li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxi għajnuna; jew
tiddikjara li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern; jew
tiftaħ proċedura taħt l-Artikolu 108(2) TFUE (“deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).
Ir-raba’ motiv: il-Kummissjoni ma bagħtitx kopja tad-deċiżjoni tagħha lil min ressaq l-ilment, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu [24](2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.
Il-ħames motiv: il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri meħtieġa lanqas wara li ġiet mistiedna tagħmel dan fit-22 ta’ Ġunju 2021 konformement mal-Artikolu 265 TFUE.
____________
1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).