Language of document : ECLI:EU:F:2009:114

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

16 ta’ Settembru 2009

Kawża F-130/07

Fiorella Vinci

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Ipproċessar allegatament illegali ta’ data medika – Viżta medika imposta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu F. Vinci titlob, fl-ewwel lok, li tiġi kkonstatata l-illegalità tal-inklużjoni, fil-fajl personali tagħha, l-ewwel nett tal-ittra tal-5 ta’ Marzu 2007 li kienet indirizzata lilha mid-Direttorat Ġenrali tar-Riżorsi Umani, tal-Budget u tal-Organizzazzjoni tal-BĊE u li tinformaha li l-uffiċjal mediku tal-BĊE kien iddeċieda li jissuġġetaha għal eżami mediku ma’ espert indipendenti, previst fit-8 ta’ Marzu 2007, sussegwentement tal-ittra, ukoll tal-5 ta’ Marzu 2007, indirizzata mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani lill-espert indipendenti, il-Pr. A, sabiex isir l-eżami mediku tar-rikorrenti u, fl-aħħar nett, taċ-ċertifikat tal-uffiċjal mediku tal-BĊE, tal-24 ta’ April 2007, li jikkonstata li ma kienx hemm tnaqqis fil-kapaċità tax-xogħol tar-rikorrenti; fit-tieni lok, li tiġi kkonstatata l-illegalità tal-inklużjoni, fil-fajl mediku tagħha, tar-rapport tal-eżami mediku mwettaq fit-8 ta’ Marzu 2007 mill-persunal mediku tal-Pr. A; fit-tielet lok, li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni tal-President tal-BĊE, tat-3 ta’ Settembru 2007, li tiċħad it-talba tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2007 u li b’hekk tirrifjuta li tirtira d-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq mill-fajls personali u mediku tagħha li fihom dawn kienu ġew inklużi; fir-raba’ lok, li tiġi kkonstatata l-illegalità tal-ittra tal-5 ta’ Marzu 2007, li titlobha tippreżenta ruħha fit-8 ta’ Marzu 2007 fil-klinika tal-Pr A sabiex isirilha eżami mediku; fil-ħames lok, li l-BĊE jiġi kkundannat iħallasha EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni li hija tqis li subiet; fl-aħħar nett, fis-sitt lok, il-kundanna tal-BĊE għall-ispejjeż.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rifjut ta’ tħassir ta’ data personali inkluża mill-amministrazzjoni f’fajl personali – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 16; Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 42)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rikors – Obbligu li titressaq talba minn qabel minkejja n-nuqqas ta’ deċiżjoni kontestabbli – Assenza

(Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 41 u 42; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.1.0)

3.      Approssimazzjoni tal-liġijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità – Regolament Nru 45/2001– Ġbir ta’ data medika intiża għall-verifika ta’ sitwazzjoni ta’ assenza kronika – Legalità

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 4(1)(ċ))

4.      Approssimazzjoni tal-liġijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità – Regolament Nru 45/2001 – Ġbir ta’ data medika intiża għall-verifika tan-natura ġustifikata tal-assenza għal leave tal-mard – Portata tal-verifika

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 10(2)(b); Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 31; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 5.13.4)

5.      Approssimazzjoni tal-liġijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità – Regolament Nru 45/2001 – Ipproċessar ta’ data medika – Bażi legali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 10(2)(b))

6.      Approssimazzjoni tal-liġijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità – Regolament Nru 45/2001 – Att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Komunità li jawtorizza l-ipproċessar ta’ data tal-membri tal-persunal – Rispett tal-ħajja privata tal-membri tal-persunal – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001)

1.      Deċiżjoni tal-Bank li tiċħad it-talba ta’ membru tal-persunal intiża għat-tħassir tad-data personali inkluża fil-fajl personali tiegħu mill-amministrazzjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 42 tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fil-fatt, mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jirriżulta li rifjut ta’ tħassir ikun illegali jekk id-data inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ pproċessar illegali u, b’mod partikolari, ta’ ġbir illegali. Għaldaqstant, fl-eżami tal-legalità ta’ rifjut ta’ tħassir, il-qorti tista’ tistħarreġ il-legalità tal-ipproċessar kollu li d-data inkwistjoni kienet suġġetta għalih, b’mod partikolari l-operazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ ħażna (jiġifieri ta’ inklużjoni) ta’ din id-data.

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001jirreferi biss għan-natura “illegali” ta’ dan l-ipproċessar billi jsemmi l-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1, 2 u 3 tal-Kapitolu II tiegħu, huwa ma jistax jiġi interpretat bħala li jillimita l-istħarriġ tal-legalità ta’ dan l-ipproċessar biss għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet li huwa jsemmi. Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha tevalwa jekk motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ pproċessar jistax jippreġudika r-rispett tal-ħajja privata li dan ir-regolament għandu l-għan li jiżgura fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

(ara l-punti 46 sa 48, 66 u 67)

2.      Peress li r-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jipprevedux proċedura speċifika ta’ talba minn qabel fil-każ fejn ebda deċiżjoni kontestabbli ma tkun ġiet meħuda minn qabel mill-Bank, ir-rikorrenti ma tistax tiġi akkużata li ressqet talba għal eżami prekontenzjuż mingħajr ma ttieħdet minn qabel mill-Bank deċiżjoni kontestabbli.

Barra minn hekk, peress li jippreżumi neċessarjament l-eżistenza ta’ deċiżjoni minn qabel, it-terminu ta’ xahrejn, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif previst fl-Artikolu 8.1.0 tar-Regoli applikabbli għall-persunal, ma jistax japplika fil-każ fejn huwa matul proċedura ta’ eżami prekontenzjuż li tkun inħolqot deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata sussegwentement fil-kuntest ta’ lment, u wara ta’ rikors kontenzjuż

(ara l-punti 51, 53 u 55)

3.      Fil-każ fejn istituzzjoni jew korp tal-Komunità ikun awtorizzat jipproċedi għal ġbir ta’ data medika tal-persunal tiegħu li hija ta’ natura potenzjalment invażiva u li tinkludi riskju li tippreġudika l-ħajja privata, l-użu ta’ tali ġbir ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt li fihom l-istituzzjoni jew il-korp jeżerċita din is-setgħa. Għaldaqstant huwa għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari kif stabbilit fil-qasam tal-protezzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fl-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data. Hija wkoll il-qorti Komunitarja li għandha tistħarreġ l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

Ma jistax jiġi meqjus li huwa ta’ natura eċċessiva l-ġbir ta’ data medika mill-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità, fil-forma ta’ eżami komplut tal-istat ta’ saħħa ġenerali ta’ membru tal-persunal, intiż, minn naħa, sabiex tiġi vverifikata n-natura ġustifikata tal-assenzi ripetuti ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi evalwata n-neċessità li jiġu modifikati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata minħabba diffikultajiet eventwali biex teżerċita l-funzjonijiet tagħha minħabba l-istat ta’ saħħa tagħha. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-amministrazzjoni tista’ validament tikkunsidra li eżami komplut tal-istat ta’ saħħa tal-membru tal-persunal huwa neċessarju sabiex tintemm sitwazzjoni ta’ assenza kronika li hija tqis insodisfaċenti kemm għaliha nfisha kif ukoll għall-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, istituzzjoni għandha d-dritt, jekk mhux obbligata minħabba d-dmirijiet tagħha lejn il-persunal tagħha, tevalwa n-neċessità li timmodifika l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ membru tal-persunal fid-dawl ta’ diffikultajiet eventwali ta’ dan il-membru biex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu.

(ara l-punti 87, 89, 90, 102 u 139)

4.      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jipprevedu li l-ipproċessar ta’ data li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandu jkun neċessarju sabiex jiġu osservati l-obbligi u d-drittijiet speċifiċi tal-kontrollur fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li kull test li jipprevedi l-eżistenza ta’ pproċessar relatat ma’ “kategoriji speċjali ta’ data”, skont it-Titolu tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandu huwa stess jistipola espliċitament l-għan eżatt ta’ dan l-ipproċessar u għalhekk jiġġustifika n-natura neċessarja tiegħu.

F’kull każ, għalkemm l-Artikolu 5.13.4 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jsemmix espressament l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu tal-ġbir ta’ data medika li huwa jipprevedi, dawn l-għanijiet huma dedotti b’mod ċar mill-kuntest li fih dan l-artikolu jidħol. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 5.13 huma intiżi sabiex jippreċiżaw il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jipprevedi li “membru tal-persunal li jiġġustifika li ma jistax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara marda jew inċident, jibbenefika minn leave tal-mard irremunerat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-miżuri previsti fl-Artikolu 5.13.4 huma għalhekk intiżi sabiex japplikaw fil-każ ta’ assenza minħabba leave tal-mard sabiex tiġi vverifikata n-natura ġustifikata tal-assenza, peress li n-natura ftit jew wisq wiesgħa ta’ din il-verifika tista’ leġittament tvarja skont, b’mod partikolari, il-frekwenza tal-assenzi.

(ara l-punti 100, 101 u 138)

5.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, ma jirriżultax li huwa jimponu li kull ipproċessar relatat ma’ kategoriji speċjali ta’ data skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jkun awtorizzat minn test li l-eżistenza tiegħu hija prevista direttament fit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej. Fil-fatt, tali interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-kliem tat-test u b’mod partikolari mal-użu tal-espressjoni “fuq il-bażi” li, jekk timplika rabta bejn it-test li jipprevedi pproċessar ta’ data u t-Trattati, ma timplikax madankollu li din ir-rabta hija diretta.

Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-verżjoni Franċiża tal-imsemmi Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001, tipprevedi li pproċessar ta’ data , b’mod partikolari, medika għandu jiġi awtorizzat mit-Trattati jew minn “strumenti legali” oħra adottati fuq il-bażi ta’ dawn it-trattati, l-espressjoni “strumenti legali” għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-kunċett ta’ “att ta’ portata regolamentari”, kif huwa l-każ fil-każ ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn li jużaw espressjoni iktar ġenerali li ma tirreferix għan-neċessità ta’ awtorizzazzjoni tal-ipproċessar minn att li jirriżulta minn korp partikolari.

(ara l-punti 115, 116, 118 u 119)

6.      Fir-rigward ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Komunità li jawtorizza l-ipproċessar ta’ data personali tal-membri tal-persunal tiegħu u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-membri tal-persunal hija suffiċjentement żgurata meta t-test li jawtorizza pproċessar ta’ data ikun att ta’ portata regolamentari li huwa s-suġġett ta’ pubbliċità suffiċjenti u meta l-ipproċessar inkwistjoni jkun ta’ natura prevedibbli.

(ara l-punt 122)