Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2024 minn OA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fit-8 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-39/22, OA vs Il-Parlament

(Kawża C-32/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: OA (rappreżentanti: G. Rossi, F. Regaldo, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell;

tannulla s-sentenza appellata; u konsegwentement

tannulla d-Deċiżjonijiet Kontenzjużi (ħlief il-parti tat-Tieni Deċiżjoni Kontenzjuża li fiha l-Ilment dwar l-età tal-irtirar ntlaqa’ mill-appellat);

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tannullax id-Deċiżjonijiet Kontenzjużi, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-appellat sabiex jikkumpensa d-danni kkawżati lill-appellant, fl-ammont li għandu jiġi ddeterminat skont formola li hemm riferiment għaliha fil-punt 74 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, u fi kwalunkwe ammont ieħor li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li huwa ġust u ekwu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet qari serjament żbaljat tas-sitt motiv tal-appellant, peress li l-appellant ma sostniex li l-pensjoni tiegħu għandha tiġi “kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju medju li persuna tkun daħħlet matul il-karriera tagħha”. Fil-fatt, l-appellant ikkonstata li l-kalkolu tal-pro rata 1” li hemm riferiment għalih fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi applikat.

Billi kkonstatat li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra u mhux għall-assistenti parlamentari akkreditati, il-Qorti Ġenerali ddiskriminat illegalment kontra dawn tal-aħħar.

Il-Qorti Ġenerali tinjora li l-Artikolu 77(3) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli fil-każ ta’ fluttwazzjonijiet fis-salarji.

Il-Qorti Ġenerali, billi ttrattat bl-istess mod is-sitwazzjonijiet tal-uffiċjali, li jgawdu minn progressjoni lineari fis-salarji tagħhom, u l-assistenti parlamentari akkreditati, li ma jgawdux minn dan, tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali, billi ammettiet li istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tiddikjara li l-pensjoni ta’ membru tal-persunal għandha tiġi kkalkolata skont il-kriterju tal-pro rata, kif irregolat mid-dritt tal-Unjoni, u mbagħad tinjora dan il-metodu kompletament, timmina serjament l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi fid-dritt tal-Unjoni.

____________